Dokument ta' sessjoni

 

B8‑0338/2017

15.5.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-Istrateġija tal-UE rigward is-Sirja

( 2017/2654(RSP) )

Marietje Schaake, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Jozo Radoš, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström, Valentinas Mazuronis

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8‑0338/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija tal-UE rigward is-Sirja

( 2017/2654(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli addizzjonali tagħhom,

–  wara li kkunsidra trattati u konvenzjonijiet internazzjonali, inklużi l-konvenzjoni kontra t-tortura, il-konvenzjoni dwar il-ġenoċidju u t-trattat dwar l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW),

–  Wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma u d-dokumenti fundaturi tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QIĠ),

–  wara li kkunsidra tribunali ad hoc, inklużi t-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja, it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda u t-Tribunal Speċjali għal-Libanu,

–  wara li kkunsidra l-Communiqué ta' Ġinevra ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) dwar l-ISIL/Da'esh u l-Front Al-Nusra u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU dwar il-kunflitt fir-Repubblika Għarbija Sirjana, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2218 (2013), 2139 (2014), 2165 (2014), 2191 (2014), 2199 (2015), 2254 (2015), 2258 (2015), 2268 (2016), 2328 (2016), 2332 (2016), u 2336 (2016),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) A/71/L.48 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għall-Aktar Reati Gravi skont il-Liġi Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2016 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar ir-relazzjonijiet esterni tat-18 u d-19 ta' Frar 2016, tal-20 u l-21 u tas-27 ta' Ottubru 2016, tal-14 ta' Novembru 2016 u tal-15 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà at-30 ta' Diċembru 2016 dwar it-tħabbir ta' waqfien mill-ġlied fis-Sirja u tat-23 ta' Marzu 2017 dwar is-Sirja, u d-Dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ f'isem l-UE tad-9 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni f'Aleppo, tas-6 ta' April 2017 dwar l-allegat attakk kimiku f'Idlib, is-Sirja, u tas-7 ta' April 2017 dwar il-bumbardament mill-Istati Uniti fis-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kopresidenti tal-5 ta' April 2017 dwar il-Konferenza rigward "Appoġġ għall-ġejjieni tas-Sirja u tar-reġjun",

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar is-Sirja, stabbilita mill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem, tas-6 ta' Settembru, tas-16 ta' Ġunju u tat-22 ta' Frar 2016, kif ukoll id-dokument tas-sala tal-konferenza tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana dwar "Abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u vjolazzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali fir-Repubblika Għarbija Sirjana, mill-21 ta' Lulju 2016 sat-28 ta' Frar 2017" tat-13 ta' Marzu 2017, u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tas-27 ta' Settembru u tal-21 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-gwerra fis-Sirja saret waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji li d-dinja kellha tħabbat wiċċha magħha mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, u billi għadha tħalli effetti qerrieda u konsegwenzi traġiċi għall-poplu ta' dak il-pajjiż;

B.  billi l-kriżi fis-Sirja qed ikollha impatt dejjem aktar destabbilizzanti fuq ir-reġjun usa';

C.  billi l-kunflitt ilu għaddej għal seba' snin u billi, sa tmiem l-2016, kien diġà wassal għall-mewt bla bżonn ta' aktar minn 400 000 ruħ; billi 13,5 miljun ruħ, kważi tliet kwarti tal-popolazzjoni li baqgħet fil-pajjiż, huma fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja, u billi 6,6 miljun Sirjan huma spustati internament; billi l-kunflitt reġġa' lura b'40 sena l-iżvilupp ekonomiku u uman tas-Sirja, u ġiegħel lil 4,8 miljun ruħ ifittxu rifuġju barra minn pajjiżhom;

D.  billi l-liġi umanitarja internazzjonali tistabbilixxi obbligu li l-komunità internazzjonali tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura l-protezzjoni tal-persuni ċivili u tal-oġġetti ċivili sew minn atturi statali u sew minn dawk mhux statali;

E.  billi t-tfal qed iħallsu l-ogħla prezz fil-kunflitt; billi kważi 6 miljun tifel u tifla issa jiddependu fuq l-assistenza umanitarja; billi kważi nofshom sfaw imġiegħla jaħarbu minn darhom;

F.  billi vjolazzjonijiet tal-liġi umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u ġenoċidju, twettqu min-naħat kollha fil-kunflitt, u b'mod partikolari mir-reġim ta' Assad u mill-alleati tiegħu, ir-Russja u l-Iran;

G.  billi l-obbligu ta' rendikont, il-ġustizzja, l-istat ta' dritt u l-ġlieda kontra l-impunità jikkostitwixxu elementi essenzjali li jirfdu l-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, kif ukoll l-isforzi ta' rikonċiljazzjoni u ta' rikostruzzjoni;

H.  billi s-Sirja aderiet mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra fl-1955, u mal-Konvenzjoni kontra t-Tortura fl-2004;

I.  billi l-forzi tal-gvern u tal-alleati tiegħu kkawżaw mijiet ta' eluf ta' vittmi ċivili, speċjalment f'Aleppo u fil-madwar tagħha matul assedju li ma qata' xejn, u qerdu meded kbar tal-belt permezz ta' bumbardamenti mill-ajru u bl-artillerija diretti lejn persuni ċivili; billi,skont rapporti, l-awtoritajiet l-awtoritajiet governattivi u forzi alleati daħlu fid-djar ta' persuni ċivili u wettqu atti ta' qtil sommarju huma u javvanzaw fil-Lvant ta' Aleppo; billi l-infrastruttura ċivili tinġieb deliberatament fil-mira fl-attakki, bir-riżultat li jinqerdu sistemi tad-distribuzzjoni tal-ilma, faċilitajiet mediċi u skejjel; billi dawn l-attakki wasslu għal skarsezzi gravi ta' servizzi essenzjali, u jammontaw għal tattiċi ta' tiġwiħ;

J.  billi r-reġim ta' Assad jimblokka l-konsenji u l-amministrazzjoni ta' mediċini, ikel u provvisti umanitarji min-NU, mill-UE, minn NGOs u minn atturi lokali; billi konvojs umanitarji ta' dan it-tip sfaw il-mira ta' attakki u bumbardamenti deliberati; billi l-Gvern Sirjan deliberatament ċaħħad lil persuni ċivili minn prodotti u servizzi essenzjali, inkluż mill-provvista tal-ikel u tal-ilma kif ukoll mill-assistenza medika; billi l-attakki, u t-tiġwiħ ta' persuni ċivili bħala tattika tal-gwerra, permezz ta' assedji ta' żoni popolati, jikkostiwixxu ksur ċar tal-liġi umanitarja internazzjonali;

K.  billi diversi investigazzjonijiet ikkonkludew li l-forzi ta' Assad użaw aġenti kimiċi bl-intenzjoni li jagħmlu l-ħsara u joqtlu lil persuni ċivili; billi l-aħħar attakk kimiku kontra l-popolazzjoni ċivili sar fl-4 ta' April 2017 f'Khan Sheikhoun fil-provinċja ta' Idlib, fejn inqatlu tal-anqas 70 persuna ċivili, ħafna minnhom tfal, u mijiet oħra sfaw midruba; billi l-Istati Uniti informaw lill-UE li, abbażi tal-valutazzjoni tagħhom, ir-reġim Sirjan kien uża armi kimiċi, u billi rrispondew militarment fis-7 ta' April billi bbumbardjaw mill-ajru l-bażi ajrunawtika ta' Shayrat fis-Sirja;

L.  billi, f'Marzu 2017, l-UE żiedet fil-lista ta' sanzjonijiet l-ismijiet ta' erba' uffiċjali għolja militari Sirjani minħabba r-rwol tagħhom fl-użu ta' armi kimiċi kontra l-popolazzjoni ċivili, fi qbil mal-politika tal-UE li tiġġieled il-proliferazzjoni u l-użu tal-armi kimiċi;

M.  billi, fit-12 ta' April 2017, ir-Russja, flimkien mal-Bolivja, ivvotat kontra riżoluzzjoni tal-KSNU li kienet tikkundanna l-użu rrappuratat ta' armi kimiċi fis-Sirja, u appellat lir-reġim ta' Assad biex jikkoopera ma' investigazzjoni dwar l-inċident;

N.  billi, fil-15 ta' April 2017, madwar 5 000 ruħ li kienu ġew evakwati sfaw attakkati f'Rasheedin, fil-Punent ta' Aleppo, is-Sirja, huma u jivvjaġġaw mill-bliet assedjati ta' Foah u Kefraya lejn żoni kkontrollati mill-gvern; billi nqatlu għexieren ta' persuni, fosthom tfal, filwaqt li ħafna oħrajn sfaw feruti;

O.  billi hemm rapporti li r-reġim ta' Assad għadu qed jimmanifattura armi kimiċi taħt il-kappa taċ-Ċentru ta' Studju u Riċerka Xjentifika; billi, f'konformità mal-ftehim tal-2013 dwar it-tneħħija tal-armi kimiċi, Assad għandu l-obbligu li jtemm dawn il-prattiki minnufih u jgħaddi lill-OPCW l-aġenti kimiċi u l-armi kimiċi kollha li fadallu;

P.  billi eluf ta' persuni ċivili qed jiġu arrestati b'mod arbitrarju mill-awtoritajiet, jinżammu f'kundizzjonijiet ta' detenzjoni inumani fejn jiffaċċjaw forom estremi ta' maltrattament li ħafna drabi jkun intenzjonat biex jikkawża l-mewt fid-detenzjoni; billi tali forom ta' maltrattament jinkludu t-tortura, it-tiċħid sistematiku mill-ikel, mill-ilma, mill-mediċini u mill-kura medika, u prattiki sadistiċi u diżumanizzanti; billi rapporti jiddokumentaw tgħalliq tal-massa u każijiet ta' qtil extraġudizzjarju f'faċilitajiet ta' detenzjoni mmexxija mir-reġim ta' Assad; billi bosta nies huma soġġetti għal għajbien furzat, detenzjoni prolongata u proċessi inġusti; billi l-Gvern Sirjan għandu kampanja sistematika biex isikket kull forma ta' dissens billi jwettaq tgħalliq tal-massa; billi sorsi jirrapportaw li seħħew 13 000 każ ta' eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji ta' dan it-tip fil-ħabs ta' Saydnaya f'ħames snin;

Q.  billi r-reġim ta' Assad juża tattiċi ta' spostamenti furzat biex jibdel il-kompożizzjoni settarja ta' agglomerazzjonijiet, bliet u reġjuni u jwettaq bidla demografika; billi tali tattiċi ntużaw fi bliet inklużi Darayya, Muadamiyat al-Sham barra Damasku, u fil-kwartier ta' Al-Waer fil-belt ta' Homs;

R.  billi huwa l-obbligu tal-komunità internazzjonali u tal-istati individwali li jżommu responsabbli lil dawk li, tul il-kunflitt Sirjan, wettqu vjolazzjonijiet tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja; billi dan jista' jsir jew fil-kuntest ta' rimedji nazzjonali u internazzjonali eżistenti, inklużi l-qrati nazzjonali u internazzjonali, jew inkella permezz ta' tribunali kriminali internazzjonali ad hoc li għad iridu jiġu stabbiliti; billi, barra minn din ir-responsabbiltà kriminali personali, anki stati jistgħu jiġu prosegwiti, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-ksur ta' obbligi skont it-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom għandha ġurisdizzjoni l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, inkluża l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984 u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tal-1948;

S.  billi l-komunità internazzjonali kien messha tappoġġja b'mod aktar attiv l-oppożizzjoni demokratika u sekulari kontra r-reġim barbaru Sirjan; billi, fis-sitwazzjoni kurrenti, l-oppożizzjoni sekulari hija dgħajfa ħafna u l-popolazzjoni ċivili hija maqbuda bejn terroristi ġiħadisti, fundamentalisti Iżlamiċi, Kurdi separatisti jew partitarji tar-reġim ta' Assad, hekk li r-rikonċiljazzjoni nazzjonali u r-rikostruzzjoni ta' kunsens li jista' jġib il-paċi fis-Sirja huma estremament diffiċli;

T.  billi n-negozjati intra-Sirjani bdew f'Ġinevra fit-23 ta' Frar 2017, iggwidati mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 2254 (2015) li tiffoka fuq kwistjonijiet ta' governanza, fost l-oħrajn kostituzzjoni ġdida għas-Sirja, iż-żamma ta' elezzjonijiet u l-prinċipji mniżżla fil-Communiqué ta' Ġinevra tal-2012; billi n-negozjati bbażati f'Ġinevra s'issa ma wasslux għal progress konkret biex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kriżi fis-Sirja;

U.  billi, fil-5 ta' April 2017, l-UE kopresidiet konferenza dwar appoġġ għall-ġejjieni tas-Sirja u tar-reġjun, li laqqgħet flimkien rappreżentanti minn aktar minn 70 pajjiż, minn organizzazzjonijiet internazzjonali u mis-soċjetà ċivili internazzjonali u Sirjana; billi din il-konferenza kompliet tibni fuq il-konferenzi preċedenti li saru fil-Kuwajt u f'Londra u laħqet qbil dwar approċċ komprensiv għall-kriżi Sirjana, inklużi impenji finanzjarji; billi l-appoġġ u l-impenji tal-komunità internazzjonali għadhom essenzjali għall-ilħiq ta' futur ta' paċi fis-Sirja u fir-reġjun;

V.  billi, fl-4 ta' Mejju 2017, ir-Russja, l-Iran u t-Turkija laħqu ftehim fil-Każakistan dwar l-istabbiliment ta' erba' żoni ta' deeskalazzjoni; billi l-ftehim m'għandu l-ebda salvagwardja u l-ebda mekkaniżmu ta' infurzar u konformità, u billi r-reġim ta' Assad jirrifjuta s-sorveljanza min-NU; billi l-oppożizzjoni Sirjana ma tistax tappoġġja l-ftehim, sostnut mill-Iran, fil-forma kurrenti tiegħu; billi dan il-ftehim għadu ma ġiex approvat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

W.  billi l-Istrateġija tal-UE għas-Sirja hija reviżjoni tal-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tad-Da'esh, kif riveduta u aġġornata l-aħħar mill-Kunsill fit-23 ta' Mejju 2016;

X.  billi l-isforzi tal-UE fl-għoti ta' appoġġ umanitarju u fl-ippjanar għall-ġejjieni tas-Sirja huma ta' min ifaħħarhom; billi l-UE għandha toqgħod attenta li ma tipprovdix assistenza mingħajr kundizzjonijiet għar-rikostruzzjoni ta' Sirja mmexxija u kkontrollata minn Assad u mill-alleati tiegħu, ir-Russja u l-Iran; billi Assad, ir-Russja ta' Putin u l-Iran ma jistgħux jitħallew jaħslu jdejhom mill-konsegwenzi ekonomiċi tal-interventi militari tagħhom; billi soluzzjoni politika kredibbli u inklussiva tal-kunflitt armat, maqbula mill-partijiet kollha, bl-esklużjoni ta' gruppi terroristiċi, trid għaldaqstant tiġi implimentata;

Y.  billi r-rikostruzzjoni tas-Sirja għandha tkun ibbażata fuq approċċ minn isfel għal fuq, u fuq l-abilitazzjoni b'suċċess ta' atturi lokali, u b'hekk teskludi gruppi terroristi magħrufa;

1.  Jistieden lir-reġim Sirjan u lill-alleati tiegħu, ir-Russja u l-Iran, itemmu minnufih il-bumbardamenti, il-qtil u l-vjolenza indiskriminata kontra l-poplu Sirjan, u jippermettu aċċess immedjat u bla xkiel għall-konvojs umanitarji u għall-provvisti; ifakkar lil dawk fi ħdan is-sistemi tas-Sirja, tar-Russja u tal-Iran li huma responsabbli taħt il-liġi kriminali internazzjonali għar-reati faħxija li qed ikomplu jwettqu fis-Sirja;

2.  Jikkundanna bl-akbar qawwa l-issuktar tal-vjolazzjonijiet u tal-abbużi gravi, sistematiċi u mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem, u l-vjolazzjonijiet kollha tal-liġi umanitarja internazzjonali mill-forzi ta' Assad bl-appoġġ tar-Russja u tal-Iran, kif ukoll dawk imwettqa minn gruppi terroristiċi armati mhux statali, b'mod partikolari l-ISIL/Da'esh, Janhat Fateh el-Sham/il-Front Al-Nusra u gruppi ġiħadisti oħra;

3.  Jistieden lir-Russja, lill-Iran u lill-partijiet esterni l-oħra fil-kunflitt itemmu l-interventi devastanti tagħhom fil-kunflitt Sirjan, u jużaw l-influwenza tagħhom fuq Assad biex jiżguraw tmiem komplut tal-ġlied u t-tneħħija tal-assedji;

4.  Itenni lill-partijiet kollha li waqfien mill-ġlied madwar il-pajjiż kollu, kif ukoll soluzzjoni inklussiva u aċċettabbli għal kulħadd, jistgħu jintlaħqu taħt l-awspiċi tan-NU u, kif previst fil-Communiqué ta' Ġinevra tal-2012 u fir-riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-KSNU, bl-appoġġ tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għas-Sirja, Staffan de Mistura, u ta' atturi internazzjonali u reġjonali ewlenin; jieħu nota tat-taħditiet f'Astana bl-għan li jintlaħaq ftehim;

5.  Jieħu nota tal-Memorandum reċenti li joħloq żoni ta' tnaqqis tal-intensità tal-kunflitt fis-Sirja, iffirmat mir-Russja, l-Iran u t-Turkija bħala garanti ta' erba' żoni ta' divjet ta' titjiriet; jistieden lill-firmatarji tal-Memorandum u lir-reġim Sirjan jinfurzaw il-ftehim b'mod effikaċi u jtemmu kull ġlied li jkollu impatt dirett fuq il-poplu Sirjan; jiddispjaċih li r-reġim Sirjan irrifjuta l-monitoraġġ min-NU tal-implimentazzjoni tal-Memorandum;

6.  Jiddeplora l-fatt li l-laqgħa tal-G7 fl-Italja ma rnexxielhiex tilħaq qbil dwar l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet kontra r-reġim Russu minħabba l-bumbardamenti li wettaq fuq il-popolazzjoni Sirjana u l-appoġġ kontinwu tiegħu għar-reġim ta' Assad;

7.  Jilqa' l-isforzi li saru mir-rappreżentanti ta' aktar minn 70 pajjiż fil-konferenza dwar appoġġ għall-ġejjieni tas-Sirja u tar-reġjun fl-4 u l-5 ta' April 2017 fi Brussell u l-impenji finanzjarji li saru; jilqa' l-fatt li l-parteċipanti impenjaw EUR 5,6 biljun għall-2017, u għamlu impenji pluriennali ta' EUR 3,47 biljun għall-perjodu 2020-2018; ifakkar li l-ispiża tar-rikostruzzjoni fis-Sirja hija stmata għal madwar USD 200 biljun; jistieden lill-komunità internazzjonali twettaq l-impenji pendenti għall-appoġġ umanitarju fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien tagħha;

8.  Jinnota li l-parti l-kbira tar-refuġjati ħarbu mis-Sirja lejn pajjiżi ġirien, fosthom il-Libanu, il-Ġordan u t-Turkija; jilqa', f'dan ir-rigward, il-prijoritajiet il-ġodda ta' sħubija konklużi mill-UE mal-Ġordan u l-Libanu, kif ukoll l-illaxkar tar-regoli tal-oriġini tal-UE għall-esportazzjonijiet mill-Ġordan; jiddispjaċih li għadd kbir ta' rifuġjati fil-Ġurdan u l-Libanu għadhom jgħixu f'kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali prekarji u li spiss ma jkunux jistgħu jsibu impjieg (legali); jistieden lill-awtoritajiet fil-Ġordan u fil-Libanu jaħdmu favur it-tneħħija tal-barrieri (informali) li għad jifdal, jappoġġjaw opportunitajiet imwessgħa għal dawk li jaħdmu għal rashom, u jwettqu l-impenji tagħhom dwar il-ħolqien ta' impjiegi għan-nisa u ż-żgħażagħ;

9.  Jilqa' l-ospitalità tat-Turkija, li qed tospita kważi 3 miljun rifuġjat; iħeġġeġ lill-Gvern Tork joħroġ permessi tax-xogħol lir-rifuġjati Sirjani kollha; jieħu nota tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija; jiddeplora l-fatt li, fl-aħħar ta' Frar 2017, biss 3 565 rifuġjat Sirjan kinu ġew sistemati fl-Ewropa taħt l-arranġament 1:1 konkluż mat-Turkija; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu aktar sforzi biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom dwar ir-risistemazzjoni tar-refuġjati Sirjani mit-Turkija;

10.  Jitlob li l-VP/RGħ tagħmel kull sforz biex tagħti spinta lit-taħditiet ta' paċi bil-medjazzjoni tan-NU, u tesiġi rwol aktar attiv f'dawn in-negozjati, billi tuża l-kapaċità finanzjarja tal-UE u r-rieda tagħha li timpenja riżorsi sinifikanti għar-rikostruzzjoni tas-Sirja; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tappoġġja b'mod attiv lis-soċjetà ċivili Sirjana u lil dawk li jridu Sirja demokratika, pluralista u inklussiva, u tinvolvihom mill-qrib fl-isforzi tagħha favur il-ġejjieni tal-poplu Sirjan; iħeġġeġ lill-VP/RGħ taħdem mal-poplu Sirjan favur l-iżvilupp ta' strateġiji lokalizzati għar-rikostruzzjoni tad-diversi nħawi u reġjuni tas-Sirja;

11.  Jikkundanna bl-akbar qawwa l-attakk kimiku ta' tkexkix fuq il-belt ta' Khan Sheikhoun fil-provinċja ta' Idlib fl-4 ta' April 2017 li kkawża l-mewt ta' tal-anqas 70 persuna ċivili, fosthom tfal u ħaddiema umanitarji, u li ħalla ħafna vittmi juru sintomi ta' avvelenament bil-gass; jieħu nota li allegazzjoni tal-użu ta' armi kimiċi hija kredibbli skont il-valutazzjoni preliminari mwettqa mill-missjoni ta' verifika tal-fatti tal-OPCW; jenfasizza li dawk responsabbli għal attakki bħal dawn se jkollhom jagħtu kont ta' għemilhom quddiem qorti tal-ġustizzja; itenni li, bħala parti fil-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, ir-reġim Sirjan espliċitament obbliga ruħu li joqgħod lura milli juża l-armi kimiċi; jiddeplora l-veto tar-Russja għall-aħħar riżoluzzjoni tal-KSNU li kienet tikkundanna l-attakk u titlob investigazzjoni;

12.  Jiddeplora l-użu kontinwu ta' diżinformazzjoni u gideb ħerġin mir-reġim Russu u minn dak ta' Assad, inkluż it-tkasbir tal-Elmi Bojod u t-tixrid ta' informazzjoni falza dwar min wettaq l-aħħar attakk kimiku fl-4 ta' April 2017;

13.  Itenni l-appell tiegħu biex min kien ħati għat-twettiq ta' delitti tal-gwerra, ġenoċidju u delitti kontra l-umanità jinżamm responsabbli ta' għemilu u jiffaċċja konsegwenzi; jenfasizza li l-persuni responsabbli sejrin jitressqu quddiem il-ġustizzja; jibqa' konvint li la jista' jkun hemm riżoluzzjoni effikaċi tal-kunflitti u lanqas paċi sostenibbli fis-Sirja bla ma jingħata rendikont għad-delitti li twettqu; jenfasizza li d-delitti tal-gwerra mwettqa kemm mir-reġim kif ukoll minn forzi tal-oppożizzjoni, għalkemm fuq skala iżgħar fil-każ ta' dawn tal-aħħar, huma eliġibbli għal prosekuzzjoni;

14.  Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jiżguraw li delitti ta' ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra jitqiesu bħala reati kriminali taħt il-liġi nazzjonali, u jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jipprosegwixxu tali reati mwettqa fis-Sirja minn ċittadini tagħhom u minn ċittadini ta' pajjiżi terzi taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali tagħhom; jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni minn Spanja li tisma' kawża kriminali kontra disa' uffiċjali tal-intelligence Sirjani għal tortura u għal vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Ifakkar fil-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali; itenni l-appoġġ tiegħu għar-riferiment tal-każ tas-Sirja quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali; jiddeplora l-fatt li din l-għażla għadha mblukkata fil-Kunsill tas-Sigurtà;

16.  Iqis li l-istati, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jistgħu individwalment jressqu proċedimenti kontra stati oħra quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja għal ksur ta' obbligi statali li jirriżultaw minn trattati u konvenzjonijiet internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984 u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tal-1948; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE, f'dan ir-rigward, iressqu lill-istat Sirjan quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja sabiex jistabbilixxu r-responsabbiltà statali u jibagħtu sinjal ċar tar-rieda tagħhom li jiżguraw li jingħata rendikont għar-reati orribbli li twettqu fis-Sirja;

17.  Jistieden lill-komunità internazzjonali, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu man-NU għall-istabbiliment ta' tribunal kriminali internazzjonali sabiex jitressqu quddiem il-ġustizzja u jagħtu kont ta' għemilhom atturi mhux statali u individwi responsabbli għad-delitti tal-gwerra, id-delitti kontra l-umanità u l-ġenoċidju li twettqu fis-Sirja;

18.  Jilqa' l-ħolqien ta' Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għall-Aktar Reati Gravi skont il-Liġi Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011, jiddeplora l-fatt li dan il-mekkaniżmu għadu mhux iffinanzjat kompletament; jistieden lill-Istati Membri jwettqu l-impenji tagħhom f'dan ir-rigward;

19.  Jissottolinja l-importanza kritika tal-ħidma ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali biex jiddokumentaw l-evidenza ta' delitti tal-gwerra, ta' delitti kontra l-umanità u ta' vjolazzjonijiet oħra, inkluża l-qerda tal-wirt kulturali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu aktar għajnuna, u għajnuna kompluta, lil dawn l-atturi; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiffinanzjaw b'mod adegwat organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq l-investigazzjoni "open source" u l-ġbir diġitali tal-evidenza ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, biex jiżguraw l-obbligu ta' rendikont u jressqu lill-persuni responsabbli quddiem il-ġustizzja;

20.  Ifaħħar l-isforzi tal-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja li jagħmlu ħilithom biex iwasslu l-għajnuna, l-ikel, l-ilma u l-mediċini tant meħtieġa lin-nies maqbuda fil-kunflitt, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jiżguraw lill-aġenziji umanitarji aċċess bla xkiel għall-persuni ċivili affettwati mill-gwerra; jikkundanna bil-qawwa l-attakki deliberatament eċċessivi, sproporzjonati u indiskriminati kontra l-persuni ċivili, inklużi t-tfal, kontra konvojs b'nies evakwati u b'ħaddiema tal-għajnuna u tal-kura tas-saħħa, u kontra infrastruttura ċivili bħal skejjel u sptarijiet;

21.  Jilqa' l-aħħar reviżjoni tal-miżuri restrittivi tal-UE kontra s-Sirja biż-żieda ta' individwi li jikkondividu r-responsabbiltà għall-użu ta' armi kimiċi u għar-repressjoni tal-popolazzjoni ċivili fil-pajjiż; jissottolinja li l-UE għandha tikkunsidra kull opzjoni disponibbli biex taħdem mas-sħab internazzjonali tagħha, inklużi l-paraxutaġġ ta' konsenji tal-għajnuna u l-istabbiliment ta' żoni ta' divjet ta' titjiriet;

22.  Jitlob li din ir-riżoluzzjoni tinqaleb għall-Għarbi;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt.