Dokument ta' sessjoni

 

B8-0339/2017

15.5.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab

( 2017/2687(RSP) )

Louis Michel, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström, Valentinas Mazuronis

f'isem il-Grupp ALDE

<<<

B8-0339/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab

( 2017/2687(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Nairobi u l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) fl-Afrika tal-Lvant tal-25 ta' Marzu 2017 dwar soluzzjonijiet dewwiema għal rifuġjati Somali u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni rimpatrijati lejn is-Somalja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York tan-NU għar-Rifuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Tripartitika Ministerjali dwar ir-Rimpatriju Volontarju ta' Rifuġjati Somali li jgħixu fil-Kenja, maħruġa fil-25 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-summit tal-UE tal-11-12 ta' Novembru 2015 fil-Belt Valletta dwar il-migrazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-Proċess ta' Khartoum (Inizjattiva dwar ir-Rotta tal-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Qarn tal-Afrika), li saret f'Ruma fit-28 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku dwar Rimpatriji Volontarji ffirmat fl-10 ta' Novembru 2013 mill-Gvernijiet tas-Somalja u tal-Kenja u l-UNHCR,

–  wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Patt Dinji tan-NU dwar il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għar-rifuġjati,

–  wara li kkunsidra l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), Programm Indikattiv Nazzjonali tas-Somalja u l-Afrika tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra l-iffinanzjar umanitarju tal-UE għal rispons tar-rifuġjati fil-Kenja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-reġjun tal-Qarn tal-Afrika, li għandu popolazzjoni ta' kważi 250 miljun abitant u li qed tikber b'rata mgħaġġla, jospita l-ikbar numru fl-Afrika u fid-dinja ta' rifuġjati u persuni spostati internament ;

B.  billi r-reġjun qed iħabbat wiċċu mal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, spostament furzat, traffikar tal-bnedmin, kuntrabandu tal-persuni, terroriżmu u kunflitti vjolenti; billi l-isfidi għandhom ħafna kawżi li jvarjaw skont il-kuntesti lokali, iżda li ta' spiss għandhom l-għeruq tagħhom fin-nuqqas ta' opportunitajiet soċjoekonomiċi, il-faqar, l-instabbiltà u t-tibdil fil-klima;

C.  billi l-kumpless tar-rifuġjati ta' Dadaab ġie stabbilit fl-1991 bħala soluzzjoni temporanja għal dawk li qed ifittxu kenn u li jkunu qed jaħarbu minn persekuzzjoni, vjolenza u instabbiltà fir-reġjun tal-Afrika tal-Lvant, u b'mod partikolari mill-gwerra ċivili fis-Somalja; billi l-kumpless attwalment fih ħames kampijiet differenti ta' popli differenti, u jkopri medda art ta' 50 kilometru kwadru, il-kampijiet ta' Hagadera, Dagahaley u Ifo huma l-eqdem u l-aktar popolati; billi kampijiet progressivament tilfu l-karattru umanitarju tagħhom u saru postijiet ta' żamma/ħabi, reklutaġġ, taħriġ u t-tnedija għat-terroristi u l-aġenti tagħhom; billi diversi attakki fil-Kenja, inkluż dak ta' Garuda, kienu ppjanati u mwettqa minn Dadaab;

D.  billi minkejja l-fatt li Dadaab kienet maħsub biex jospita madwar 90 000 ruħ, skont l-istimi tan-NU attwalment il-kamp għandu popolazzjoni ta' madwar 260 000, li 95 % minnhom joriġinaw mis-Somalja u 60 % għandhom inqas minn 18-il sena; billi f'Mejju 2016 il-Kenja xoljiet id-dipartiment tagħha għall-affarijiet tar-rifuġjati, li kien responsabbli għar-reġistrazzjoni, li jfisser li għexieren ta' eluf ta' persuni ma ġewx irreġistrati, li jista' fil-fatt iżid dawn in-numri ulterjorment;

E.  billi r-rifuġjati fil-kamp huma fir-riskju tal-vjolenza, filwaqt li n-nisa u t-tfal huma partikolarment vulnerabbli; billi l-karattru umanitarja fil-kampijiet jrid jinġieb lura;

F.  billi għal aktar minn żewġ deċennji s-Somalja ġiet affettwata instabbiltà severa u n-nuqqas ta' strutturi statali, li l-impatt tagħhom ġie moltiplikat permezz ta' danni naturali rikorrenti marbuta mat-tibdil fil-klima; billi dawn il-kwistjonijiet sfidaw tar-reżiljenza u l-kapaċità tal-komunitajiet l-aktar vulnerabbli tas-Somalja biex jissopravvivu, u saru l-kawżi ewlenin tal-ispostament ġewwa s-Somalja u lejn pajjiżi ġirien;

G.  billi wara tliet deċennji s-sitwazzjoni tar-rifuġjati Somali hija fost l-aktar imtawla fid-dinja, bit-tielet ġenerazzjoni ta' rifuġjati mwielda fl-eżilju; billi kważi miljun Somalu huma spostjati fir-reġjun, u aktar minn 1.1 miljun ruħ oħra ġew spustati ġewwa s-Somalja nnifisha;

H.  billi s-Somalja kienet waħda mill-ħames pajjiżi li pproduċew l-akbar għadd ta' rifuġjati fid-dinja matul dawn l-aħħar 15-il sena, bi 1.1 miljun rifuġjat irreġistrati attwalment, li minnhom aktar minn 80 % huma ospitati fir-reġjun tal-Qarn tal-Afrika u l-Jemen; billi l-amministrazzjoni tas-Somalja ripetutament esprimiet ir-rieda li tirċievi ċ-ċittadini tagħha; billi meded kbar ta' territorju ġew liberati fis-Somalja; billi l-Kenja bħalissa qed tospita madwar 500 000 rifuġjat, u l-għadd qed ikompli jiżdied minħabba nuqqas ta' sigurtà dejjem tikber fir-reġjun, b'mod partikolari fis-Sudan t'Isfel;

I.  billi r-reġjun kollu tal-Afrika tal-Lvant qed jesperjenza nixfa qawwija, u ġiet iddikjara karestija f'partijiet tas-Sudan t'Isfel, u miljun persuna jinsabu mhedda; billi nħarġet twissija ta' qabel il-karestija għas-Somalja, li qed tħabbat wiċċha mat-tielet karestija f'25 sena, waqt li l-gvern irrapporta li 6.2 miljun persuna jeħtieġu assistenza tal-ikel ta' emerġenza; billi l-President tal-Kenja, Uhuru Kenyatta, iddikjara li n-nixfa fil-pajjiż hi diżastru nazzjonali, u li 2.7 miljun persuna qed iħabbtu wiċċhom ma' nuqqas kbir ta' ikel; billi huwa antiċipat li s-sitwazzjoni aktarx se tiħżien fit-tliet pajjiżi;

J.  billi l-pajjiżi ta' dan ir-reġjun attwalment qed jgħixu l-agħar nixfa ta' dawn l-aħħar 60 sena, li kkawżat kriżi alimentari fl-Etjopja, il-Kenja, is-Somalja u l-Jemen, li li tista' twassal għal karestija mifruxa;

K.  billi skont in-NU, in-nixfa fis-Somalja ħolqot spustamenti interni addizzjonali, u minn Novembru 2016 'l hawn, aktar minn 683 000 ruħ kienu mġiegħla jħallu djarhom; billi madwar 250 000 ruħ mietu matul l-aħħar karestija fl-2011;

L.  billi wara l-missjoni ta' valutazzjoni elettorali tal-UE lill-Kenja, ġie rrakkomandat li missjoni tal-UE ta' osservazzjoni elettorali għall-elezzjonijiet ġenerali f'Awwissu 2017 tkun siewja u effettiva;

M.  billi fis-6 ta' Mejju 2016, il-Gvern Kenjan ħabbar id-deċiżjoni tiegħu dwar Dadaab "bl-inqas dewmien possibbli", għal raġunijiet ta' tħassib dwar is-sigurtà u l-bżonn li tintemm is-sitwazzjoni mtawla tar-rifuġjati fir-reġjun; billi, madankollu, fit-30 ta' Novembru 2016 il-Gvern Kenjan ħabbar li l-għeluq tal-kamp kienu se jiġi pospost b'sitt xhur sa Mejju 2017, għal "raġunijiet umanitarji", fuq talba mill-komunità internazzjonali;

N.  billi l-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, esprimiet li tifhem it-tħassib tal-Gvern tal-Kenja u r-raġunijiet għall-għeluq tal-kamp, iżda enfasizzat wkoll li kwalunkwe rimpatriju lejn is-Somalja jrid isir f'konformità ma' standards internazzjonali, li jrid ikun volontarju u infurmat, u li l-persuni rimpatrijati jrid ikollhom aċċess għal informazzjoni oġġettiva, newtrali u pertinenti, li r-rimpatriji jridu jsiru b'sikurezza, b'dinjità u b'mod sostenibbli, u li l-persuni rimpatrijati potenzjali jridu jkunu konxji ta' x'jiġri jekk jiddeċiedu li ma jivvolontarjawx;

O.  billi, fid-9 ta' Frar 2017, il-Qorti Superjuri Kenjana ddeċidiet, b'rispons għal petizzjoni minn żewġ organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kenja – il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Kenja għad-Drittijiet tal-Bniedem u Kituo Cha Sheria — li l-ordnijiet tal-Gvern tal-Kenja li jagħlaq il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab kienu diskriminatorji u jammontaw għal kastig kollettiv, filwaqt li huma wkoll eċċessivi, arbitrarji u sproporzjonati; billi l-atturi umanitarji u tal-iżvilupp jeħtieġ li jirreaġixxu u jassistu lil dawn ir-rifuġjati Somali billi joperaw fis-Somalja biex jinħoloq ambjent li jwassal għall-akkoljenza u r-risistemazzjoni;

P.  billi d-diskussjoni dwar l-għeluq ta' Dadaab dawritilna ħarsitna fuq il-pass kajman tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Tripartitiku ffirmat mill-UNHCR u l-Gvernijiet tal-Kenja u s-Somalja fl-2013 bl-għan li jagħti lok ta' rimpatriji volontarji ta' persuni Somali lejn żoni stabbli tas-Somalja, kwistjoni li ġiet ikkritikata apertament mill-Gvern Kenjan u partijiet interessati oħra;

Q.  billi minn meta l-UNHCR bdiet tappoġġja r-rimpatriju volontarju tar-rifuġjati Somali fl-2014, madwar 65 000 persuna ġew rimpatrijati, iżda bl-għan li tiżdied ir-rata ta' rimpatriji sostenibbli se jiddependi fuq is-sitwazzjoni fis-Somalja;

R.  billi lejn l-aħħar ta' Awwissu 2016, l-awtoritajiet Somali f'Jubaland issospendew ir-rimpatrijazzjonijiet lejn il-kapitali reġjonali, Kismaayo, wara li ħabbtu wiċċhom ma' influss ta' rifuġjati; billi, skont l-UNHCR, madwar 70 % tal-persuni rimpatrijati huma tfal;

S.  billi l-għeluq ta' Dadaab se jkollu riperkussjonijiet f'pajjiżi ġirien oħra, bħal pereżempju l-Etjopja, li bħalissa qed jospita madwar 245 000 rifuġjat mis-Somalja, u jista' jagħti lok għal influss ġdid; billi din is-sitwazzjoni turi n-natura interkonnessa tal-kwistjonijiet relatati mar-rifuġjati, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-istabilità, u tenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni reġjonali msaħħa sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, aħseb u ara fid-dawl tad-deċiżjoni biex jingħalaq il-kamp ta' Dadaab;

T.  billi għal ħafna rifuġjati, speċjalment dawk minn żoni rurali, il-prospett ta' rimpatriju jiddependi fuq il-ħila tagħhom li jitolbu lura l-art tagħhom f'pajjiż fejn is-sistema tal-pussess tal-art hija dgħajfa u l-iżgumbramenti furzati huma komuni;

U.  billi l-komunità ospitanti usa' ta' Dadaab urew umanità, ġenerożità u tolleranza kbar fil-konfront tal-preżenza tal-kamp, iżda qed jiffaċċjaw sfidi kbar ekonomiċi, ambjentali u tal-iżvilupp;

V.  billi n-natura mtawla tas-sitwazzjoni f'Dadaab u tal-programm ta' għeluq wasslet biex id-donaturi spostaw l-attenzjoni tagħhom fuq kunflitti oħrajn u naqqsu l-infiq tagħhom, li jfisser li r-rifuġjati fil-kamp qed iħabbtu wiċċhom ma' għadd ta' sfidi, inklużi razzjonijiet tal-ikel li qed jonqsu u aċċess limitat għal provvisti mediċi, kif ukoll sfidi fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħiliet, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ;

W.  billi t-tibdil fil-klima b'mod partikolari qed ikollu effett ħażin ħafna fuq l-istil ta' ħajja pastorali nomadiku, li huwa l-mezz tal-għajxien ta' għadd kbir ta' nies fir-reġjun, li qegħdin ukoll iħabbtu wiċċhom ma' theddidiet dejjem jikbru li jġibu magħhom in-nixfa, il-mard, il-gwerer u t-tnaqqis fl-għadd ta' bhejjem, fost problemi oħra; billi din is-sitwazzjoni toħloq il-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali lill-komunità pastorali fi kwalunkwe soluzzjoni reġjonali tal-asil;

X.  billi l-UE allokat EUR 286 miljun permezz tal-Fond Ewropew ta' Żvilupp (FEŻ) għall-perjodu 2014-2020, b'enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-"Patt" u fuq il-bini tal-istat u tal-paċi, is-sigurtà tal-ikel, ir-reżiljenza u l-edukazzjoni b'mod partikolari; billi l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika (EUTF) ġie ffirmat waqt is-Summit ta' Valletta fit-12 ta' Novembru 2015, u kien imfassal biex jindirizza l-kawżi bażiċi tad-destabilizzazzjoni, iċ-ċaqliq furzat tal-popolazzjonijiet u l-migrazzjoni irregolari billi jiġu promossi r-reżiljenza, l-opportunitajiet ekonomiċi, l-opportunitajiet indaqs, is-sigurtà u l-iżvilupp; billi l-UE qed tirreaġixxi għall-bżonnijiet bażiċi li jsalvaw il-ħajja tar-rifuġjati ospitati f'kampijiet tar-rifuġjati fil-Kenja; billi l-UE hija impenjata wkoll li tappoġġa l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) permezz tal-Fond għall-Paċi fl-Afrika, permezz tal-għoti ta' finanzjament sinifikanti biex tkun ipprovduta sigurtà u biex jitnaqqas it-theddid maħluq minn Al Shabaab u gruppi oħra tal-oppożizzjoni armata;

Y.  billi wara l-Ordni Eżekuttiva tal-President Trump tal-Istati Uniti tas-27 ta' Jannar 2017, madwar 3 000 rifuġjat, li kellhom jiġu risistemati fl-Istati Uniti mill-Kenja fl-2017, il-parti l-kbira minnhom mingħand Dadaab, u wara li l-biċċa l-kbira minnjom kienu diġà ġew skrinjati b'mod rigoruż minn uffiċjali tal-Istati Uniti u tan-NU u wara li stennew sa 10 sena għall-approvazzjoni tar-risistemazzjoni tagħhom, qed jiffaċċaw inċerti futuri;

Z.  billi l-sforzi tal-UE għar-risistemazzjoni huma limitati, speċjalment meta mqabbla ma' pajjiżi bħall-Awstralja u l-Kanada, u huma 'l bogħod minn dak li l-UNHCR iqis li huma meħtieġ sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta ta' rifuġjati madwar id-dinja;

AA.  billi l-pjan ta' azzjoni globali ta' Nairobi adottat waqt is-summit tal-IGAD tal-25 ta' Marzu 2017 enfasizza n-nixfa u l-konflitt armat b'mod partikolari bħala raġunijiet għall-ispustament tan-nies fir-reġjun;

1.  Ifaħħar lill-Kenja u r-reġjun lokali ta' Dadaab għar-rwol li żvolġew fl-ilqugħ ta' għadd mingħajr preċedent ta' rifuġjati tul perijodu daqstant twil; jenfasizza l-fatt, madankollu, li s-sitwazzjoni attwali fir-reġjun mhijiex sostenibbli u teħtieġ rispons effiċjenti u kkoordinat min-naħa tal-gvernijiet tar-reġjun u l-komunità internazzjonali b'mod inġenerali, inkluża l-UE, sabiex tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kwistjoni tar-rifuġjati Somali, flimkien ma' sforzi biex tiżdied is-sigurtà u jkun stabbilit żvilupp soċjoekonomiku fit-tul fir-reġjun;

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni ta' Nairobi tal-IGAD dwar soluzzjonijiet dejjiema għal rifuġjati Somali u l-integrazzjoni mill-ġdid ta' persuni rimpatrijati fis-Somalja; jilqa' l-impenn biex jintlaħaq approċċ reġjonali komprensiv, filwaqt li fl-istess ħin tinżamm il-protezzjoni u tkun promossa l-awtosuffiċjenza fil-pajjiżi tal-asil, li għandu jitwettaq bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali u b'konsistenza mal-kondiviżjoni internazzjonali tar-responsabbiltà kif deskritt fil-Qafas ta' Rispons Komprensiv għar-Rifuġjati (CRRF) tad-Dikjarazzjoni ta' New York;

3.  Jiddispjaċih dwar iċ-ċokon tar-rwol li żvolġew l-Istati Membri tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-isforzi għar-risistemazzjoni ta' rifuġjati minn Dadaab, u jistieden lill-UE biex twettaq ir-responsabbiltà tagħha li tiżgura kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet;

4.  Jirrimarka li sakemm għad hemm l-instabbiltà fir-reġjun usa' u minħabba riskju mġedded ta' karestija, ir-rifuġjati mhux se jibqgħu jkunu jistgħu jiġu rimpatrijati, li jfisser li sfortunatament, l-UE ser ikollha tkompli tiffoka r-riżorsi fuq l-isforzi umanitarji immedjati fir-reġjun, aktar milli tindirizza l-iżvilupp fit-tul; jitlob, għalhekk, lill-UE biex terġa' tirdoppja l-isforzi tagħha biex tieħu sehem u taqdi rwol ta' medjatur fir-reġjun sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi sottostanti ekonomiċi, politiċi, ambjentali u tas-sigurtà, li huma l-kawżi prinċipali tal-faqar estrem, l-attività kriminali, ir-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu u li fl-aħħar mill-aħħar qed jikkawżaw is-sitwazzjoni tar-rifuġjati;

5.  Jenfasizza l-fatt li fl-aħħar mill-aħħar se jkun meħtieġ rispons reġjonali biex tingħata protezzjoni kontinwa lil 260 000 rifuġjat Somalu; ifakkar li l-integrazzjoni mill-ġdid sostenibbli tal-persuni rimpatrijati tirrikjedi approċċ olistiku u msejjes fuq il-komunità sabiex tittejjeb il-kapaċità ta' assorbiment u jkun hemm aċċess aħjar għas-servizzi għal persuni rimpatrijati, persuni spostati internament u komunitajiet lokali fis-Somalja;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni globali u reġjonali ta' Nairobi, li jipprevedi l-għeluq progressiv tal-kampijiet biex ir-rifuġjati jingħataw lok jaċċessaw l-impjieg u s-servizzi fil-pajjiż ospitanti tagħhom u biex ikunu jistgħu jiċċaqilqu liberament; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' azzjoni konkreta dwar Dadaab; jappoġġja l-ħolqien ta' fond reġjonali għad-donaturi;

7.  Iqis li minħabba ċ-ċirkostanzi attwali ta' problemi tas-sigurtà kontinwi fis-Somalja u riskju kbir ta' karestija, ir-rimpatriji volontarji għandhom ikunu l-unika għażla; jitlob li jkun hemm aktar kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet fir-rigward tal-ospitar tar-rifuġjati u l-ħolqien ta' metodi addizzjonali biex ir-rifuġjati jiġu megħjuna jkollhom aċċess għal pajjiżi terzi, inkluża l-UE;

8.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-għanijiet tal-EUTF għall-Afrika, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati tal-Afrika tal-Lvant; jitlob li l-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom lejn il-Fond; jitlob lill-Kummissjoni, madankollu, biex iżżid l-isforzi ta' konsultazzjoni mal-atturi fir-reġjun, inklużi l-popolazzjonijiet lokali, il-gvernijiet reġjonali u l-NGOs, bl-għan li ssir enfasi fuq il-problemi u l-ħtiġijiet identifikati lokalment u titrawwem klima favorevoli u tiżdied il-kapaċità għar-rimpatriju ta' rifuġjati lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom; jenfasizza l-fatt li Dadaab ħoloq madwar 10 000 impjieg, li ħafna minnhom huma marbuta ma' attivitajiet umanitarji;

9.  Jenfasizza l-importanza ta' approċċ iċċentrat fuq il-persuni u l-komunità għall-użu tar-riżorsi tal-EUTF għall-finijiet ta' assistenza għar-rimpatriji minn Dadaab u għat-tfassil ta' miżuri għall-iżvilupp u r-reżiljenza fir-reġjun; jemmen bis-sħiħ li l-EUTF għandu jiffoka mhux biss fuq l-iżvilupp ekonomiku iżda wkoll fuq proġetti tal-poplu fir-reġjun, immirati speċifikament biex jittejbu l-kwalità, l-ekwità u l-aċċessibbiltà universali għas-servizzi bażiċi u t-taħriġ għall-iżvilupp ta' kompetenzi lokali, kif ukoll biex iwieġbu għall-ħtiġijiet ta' komunitajiet vulnerabbli, inklużi l-minoranzi;

10.  Jemmen li l-EUTF għandu jiffoka aktar fuq it-tisħiħ tal-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun, billi jsaħħaħ ir-reżiljenza u l-opportunitajiet ekonomiċi u tal-impjieg; jitlob li dawn il-fondi jintużaw biex jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli u għal iżjed espansjoni tal-użu tal-enerġija solari bħala sors ta' enerġija, pereżempju għall-ippumpjar tal-ilma ħelu, li kien proġett li rnexxa f'xi partijiet tal-kamp ta' Dadaab;

11.  Ifaħħar lill-awtoritajiet Somali għall-progress li sar f'dawn l-aħħar xhur, fosthom fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet; jenfasizza l-fatt, madankollu, li l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u tas-sigurtà f'ħafna partijiet mis-Somalja għadhom estremament diffiċli għal rimpatriju fuq skala kbira; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha, għaldaqstant, biex jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet Somali biex jiżdiedu l-isforzi għall-istabbiltà fil-pajjiż qabel ma jsir rimpatriju fuq skala kbira;

12.  Jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali biex iwettqu l-impenji lejn is-Somalja, b'mod partikolari billi jagħmlu sforzi biex jistabbilixxu s-sigurtà tal-ikel sabiex tiġi evitata l-karestija imminenti, biex titrawwem is-sigurtà u r-rikonċiljazzjoni tad-differenzi fil-komunitajiet, biex tittejjeb il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u biex tkun megħjuna t-tlestija tar-reviżjoni kostituzzjonali, sabiex tinkiseb stabbiltà fit-tul;

13.  Jappella lill-UE biex tiżgura li l-programmi ta' rilokazzjoni fir-reġjun jieħdu ħsieb b'mod partikolari li gruppi ta' nies vulnerabbli jiġu rilokati lejn reġjuni sikuri b'mod responsabbli, u li d-drittijiet tar-rifuġjati jiġu rispettati; jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali biex jgħinu biex jinbnew infrastrutturi fil-pajjiż kollu biex ir-rifuġjati rimpatrijati jkunu jistgħu jiġu integrati b'mod sikur u permanenti fis-soċjetà Somala, ħielsa mit-theddid minn elementi terroristiċi bħal Al Shabaab;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa għal ġestjoni aħjar tal-fruntieri bejn is-Somalja u l-pajjiżi ġirien tagħha, li huma meqjusa ambjent ideali għan-netwerks involuti fit-traffikar u l-kuntrabandu tal-persuni, armi, drogi u merkanzija illeċita oħra, u b'hekk jipprovdu finanzjament għal attivitajiet kriminali u terroristiċi; jistenna li l-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE għas-Somalja taħdem mill-qrib mal-AMISOM u l-awtoritajiet Somali biex jikkondividu l-aħjar prattika dwar ġestjoni tal-fruntieri mtejba biex jinqabdu t-traffikanti u l-kuntrabandisti;

15.  Jirrikonoxxi li ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp mingħajr sigurtà mtejba fir-reġjun; jenfasizza bil-qawwa, madankollu, li l-fondi mis-sorsi tal-FEŻ u tal-ODA jeħtieġ ikunu ddedikati għall-iżvilupp ekonomiku, uman u soċjali fir-reġjun, b'enfasi partikolari fuq l-isfidi tal-iżvilupp identifikati fid-deċiżjoni dwar il-Fond Fiduċjarju; jikkundanna kwalunkwe użu ta' fondi tal-FEŻ u tal-ODA għall-ġestjoni u l-kontroll tal-migrazzjoni jew kwalunkwe azzjoni oħra mingħajr objettivi ta' żvilupp;

16.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza u li tingħata spinta lill-iżvilupp tal-komunitajiet ospitanti milquta fir-reġjun ta' Dadaab fil-Kenja, b'attenzjoni li l-ħajjiet tan-nies ma jiġux milquta negattivament bit-tnaqqis gradwali ta' Dadaab u s-servizzi pubbliċi pprovduti fil-belt, u x-xokk ekonomiku li dan jaf jikkawża għall-popolazzjoni; jenfasizza l-fatt li l-popolazzjoni ospitata f'Dadaab poġġiet pressjoni ambjentali kbira fuq ir-reġjun, li laqtet l-aċċess tal-popolazzjoni lokali għar-riżorsi naturali; jenfasizza l-fatt li din il-kwistjoni għandha tkun indirizzata konġuntament mill-Gvern Kenjan u permezz tal-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-UE għall-Kenja; jistenna li l-Gvern Kenjan u l-UE jirrikonoxxu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' dan ir-reġjun fraġli;

17.  Jinnota bi tħassib kbir l-effetti serji tat-tibdil fil-klima fuq ir-reġjun, li jservu ta' tfakkira qawwija lill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali b'mod ġenerali dwar il-ħtieġa li jiġu implimentati t-termini tal-Ftehim ta' Pariġi, filwaqt li jiġi nnotat l-effett dirett li għandhom dawn l-azzjonijiet fuq il-gwerra u l-karestija fir-reġjun;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Kenja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) , lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Presidenti Konġunti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.