Dokument ta' sessjoni
15.5.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar kif niżguraw li r-rilokazzjoni taħdem
( 2017/2685(RSP) )
Auke Zijlstra, Lorenzo Fontana, Gilles Lebreton, Harald Vilimsky
f'isem il-Grupp ENF
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar kif niżguraw li r-rilokazzjoni taħdem
( 2017/2685(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-16 ta' Mejju 2017 dwar kif nagħmlu r-rilokazzjoni taħdem,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-politika tal-immigrazzjoni u l-asil hija kompetenza esklużiva tal-Istati Membri sovrani;
B. billi l-immigrazzjoni tal-massa mħeġġa mill-UE minn pajjiżi mhux Ewropej uriet li hija konsiderevolment problematika u ta' xkiel politikament, ekonomikament, soċjalment u kulturalment;
C. billi ċ-ċifri tal-UNHCR juru li 2.65 % biss tal-migranti li waslu fl-Italja fl-2016 ingħataw l-asil bħala refuġjati ġenwini u li 90 334 mill-181 436 migrant għebu fl-ekonomija s-sewda mingħajr ma talbu jew stennew l-asil[1];
D. billi ġie stabbilit b'mod empiriku mill-Eurofound li ż-żgħażagħ Ewropej għandhom anqas opportunitajiet ta' mobilità soċjali 'l fuq[2];
E. billi l-politika ta' migrazzjoni tal-massa infurzata mill-UE fl-ebda ċirkostanza ma tista' ssolvi l-isfidi demografiċi, kif ġie pprovat ukoll mill-Uffiċċju CPB tal-Pajjiiżi l-Baxxi għall-Analiżi tal-Politika Ekonomika[3], li ddikjara li l-influss ta' migranti mhux se jsolvi l-problemi finanzjarji li jirriżultaw minn kwistjonijiet demografiċi ta' popolazzjoni li qed tixjieħ;
F. billi l-Fond Monetarju Internazzjonali ta l-parir li l-UE tipprovdi salarji 'temporanjament' aktar baxxi lill-migranti[4]; billi d-dumping soċjali għandu effett ta' tfixkil fuq is-suq tax-xogħol, billi joħloq aktar kompetizzjoni bejn il-migranti u l-Ewropej u jwassal għal deterjorament fis-sigurtà soċjali u għal faqar mifrux, speċjalment fost il-ħaddiema b'inqas ħiliet;
G. billi l-Ungerija kienet effettiva ħafna fil-ġestjoni u t-tnaqqis tal-influss ta' migranti fit-territorju tagħha;
H. billi l-approċċ Awstraljan kellu dejjem aktar suċċess fit-tnaqqis tal-immigrazzjoni illegali lejn l-Awstralja u fl-istess ħin biex itemm l-imwiet ta' migranti fil-baħar;
I. billi l-programm ta' rilokazzjoni tal-UE huwa konsegwenza diretta tal-falliment ta' Schengen u tal-politika ta' fruntieri miftuħa;
J. billi, bħala riżultat tal-aggressjonijiet sesswali tal-massa mwettaq minn migranti fuq nisa Ewropej f'Kolonja u għexieren ta' bliet Ewropej oħra, is-sigurtà ta' ħafna nisa qed tiġi pperikolata;
K. billi l-programm ta' rilokazzjoni obbligatorja ma għandu l-ebda bażi ġuridika;
L. billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tagħmilha impossibbli li l-Istati Membri jiġġestixxu l-flussi ta' migrazzjoni u anki tagħti multi lil dawk l-Istati, kif intwera mill-multi lill-Italja fl-2009[5];
1.Jenfasizza l-prinċipju li huwa parti mis-sovranità tal-istati kollha li jiddeterminaw l-politika tal-asil u tal-immigrazzjoni tagħhom;
2.Huwa tal-fehma li l-politika ta' fruntieri miftuħa tal-UE hija inċentiv li tħeġġeġ aktar migranti jippruvaw jaqsmu l-baħar Mediterran;
3.Jirrifjuta l-prinċipju ta' rilokazzjoni furzata u jenfasizza li huwa aktar effettiv li r-rifuġjati u l-applikanti tal-protezzjoni internazzjonali jiġu ospitati f'partijiet sikuri fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom jew fir-reġjuni tagħhom stess;
4.Jinnota li kwalunkwe stat jista' leġittimament iqis dħul u residenza irregolari ġewwa l-fruntieri tiegħu bħala azzjoni illegali u li dan jista' jiġi kkastigat u ġġudikat bħala reat;
5.Jikkundanna r-rwol mhux ċar li għandhom xi NGOs fil-Baħar Mediterran;
6.Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw l-approċċ Awstraljan fil-qasam tal-immigrazzjoni;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.