Dokument ta' sessjoni

 

B8-0345/2017

15.5.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani

( 2016/2998(RSP) )

Tamás Meszerics, Margrete Auken, Ernest Urtasun, Klaus Buchner, Florent Marcellesi, Bart Staes, Jordi Solé, Pascal Durand

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B8-0345/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani

( 2016/2998(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, fosthom dawk tat-18 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar is-sitwazzjoni f'Iżrael u fil-Palestina,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni meħuda mill-Gvern Żvediż fit-30 ta' Ottubru 2014 li biha jirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina, b'hekk ingħaqad mal-136 pajjiż ieħor, fosthom tmien Stati Membri tal-UE, l-Iżlanda u l-Vatikan li rrikonoxxew lill-Palestina,

–  wara li kkunsidra l-avviż tal-UE dwar it-tikkettar tal-prodotti li ġejjin mit-territorji Palestinjani okkupati, ippubblikat f'Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-UE bl-isem "Six-Month Report on Demolitions and Confiscations of EU funded structures in Area C September 2016-February 2017" (Rapport Semestrali dwar it-Twaqqigħ u l-Konfiski tal-istrutturi ffinanzjati mill-UE fiż-Żona C Settembru 2016 - Frar 2017),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2334 adottata fis-26 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u t-trattati tad-dritt umanitarju internazzjonali li tagħhom Iżrael, il-Palestina u l-Istati Membri tal-UE huma Partijiet,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi adottata f'Marzu 2002 mill-Kunsill tal-Lega tal-Istati Għarab,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-25 ta' Ġunju 2015 tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Occupation/Annexation of a Territory: Respect for International Humanitarian Law and Human Rights and Consistent EU Policy" (Okkupazzjoni/Annessjoni ta' Territorju: Rispett tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali u tad-Drittijiet tal-Bniedem Konsistenti mal-Politika tal-UE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-prospettivi tal-issuktar sinifikanti tan-negozjati għal riżoluzzjoni komprensiva tal-kunflitt Iżraelo-Palestinjan fi ħdan il-qasam tal-hekk imsejjaħ Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani jibqgħu skoraġġanti, minkejja l-azzjonijiet diplomatiċi preliminari li ħadet l-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti;

B.  billi s-soluzzjoni taż-żewġ stati għadha l-għażla ppreferuta kemm mill-Palestinjani kif ukoll mill-Iżraeljani u hija biss minoranza fuq iż-żewġ naħat li tappoġġa l-idea ta' soluzzjoni binazzjonali fi stat uniku, skont sondaġġ li sar fi Frar 2017 mill-Palestinian Centre for Policy and Survey Research u mit-Tami Steinmetz Centre for Peace Research;

C.  billi, ir-Rapport Anwali 2016/2017 ta' Amnesty International jafferma li f'dik is-sena seħħew attakki b'armi bil-ponta, b'vetturi, b'armi tan-nar u ta' tip ieħor kontra Iżraeljani minn Palestinjani fix-Xatt tal-Punent u f'Iżrael. L-attakki, fil-maġġor parti tagħhom kommessi minn Palestinjani mhux affiljati ma' gruppi armati, qatlu 16-il Iżraeljan u ċittadin barrani wieħed, fil-biċċa l-kbira tagħhom ċivili. Fl-istess sena l-forzi Iżraeljani qatlu 110 Palestinjani u żewġ ċittadini barranin. Uħud minnhom inqatlu illeġittimament billi l-vittmi ma kienu jikkostitwixxu ebda theddida għall-ħajja. F'Gaża, il-gruppi armati Palestinjani sparaw perjodikament rokits u bombi bil-murtali indiskriminatament kontra Iżrael, mingħajr ma kkawżaw imwiet jew ferimenti gravi. Il-forzi Iżraeljani rrispondew b'attakki mill-ajru u tal-artillerija, b'hekk qatlu tliet ċivili Palestinjani, fosthom żewġt itfal, f'Gaża;

D.  billi skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) tan-NU, fl-2017 sal-lum, kien hemm 16-il vittma Palestinjana u 525 Palestinjan ferut mill-forzi Iżraeljani fit-territorji Palestinjani okkupati, ħames vittmi Iżraeljani minn idejn Palestinjani fit-territorji Palestinjani okkupati u f'Iżrael u medja ta' seba' Iżraeljani feruti minn Palestinjani kull ġimagħtejn;

E.  billi, mill-bidu tas-sena, il-Gvern Iżraeljan ħabbar il-ħolqien ta' insedjament illegali ġdid u awtorizza madwar 6 000 unitajiet ta' abitazzjoni oħrajn ma' dawk diġà eżistenti, inkluż f'lokalitajiet ta' Ġerusalemm tal-Lvant, li l-UE enfasizzat għal diversi drabi li ma taċċettax kompromessi fir-rigward tagħhom; billi l-Knesset adotta fis-6 ta' Frar 2017 il-Liġi dwar ir-Regolarizzazzjoni li tawtorizza effettivament il-konfiska ta' art fi proprjetà privata Palestinjana għall-ħolqien u għall-espansjoni ta' insedjamenti uffiċjali u mhux; billi l-gruppi tas-soċjetà ċivili jwissu dwar il-pjanijiet pendenti għal 15 000 unità ta' abitazzjoni oħrajn f'Ġerusalemm tal-Lvant, inklużi f'Givat Hamatos;

F.  billi l-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent tiffaċċja ksur sfaċċat ta' drittijietha, inklużi vjolenza mill-abitanti tal-insedjamenti u restrizzjonijiet ħarxa fuq il-moviment liberu u l-aċċess għas-servizzi essenzjali (fosthom l-ilma); billi 6 300 ruħ Palestinjana – inklużi 300 tifel u tifla, 61 mara u 536 detenut amministrattiv – qed jinżammu f'ħabsijiet f'Iżrael; billi l-ħabsin Palestinjani ilhom mis-17 ta' April 2017 fuq strajk tal-ġuħ tal-massa b'risq id-drittijiet bażiċi tagħhom;

G.  billi skont l-uffiċċju tar-Rappreżentant tal-UE fil-Palestinja, f'dawn l-aħħar xhur kien hemm rata għolja bla preċedent ta' strutturi Palestinjani li twaqqgħu mill-awtoritajiet Iżraeljani fiż-Żona C ta' Ġerusalemm tal-Lvant, fosthom 440 struttura ta' proprjetà Palestinjana, fatt li wassal għall-ispostament ta' 1 628 ruħ, inklużi 772 tifel u tifla, b'riperkussjonijiet avversi fuq 7 216-il Palestinjan ieħor; billi l-uffiċċju tal-UE rrapporta żieda f'daqqa eċċezzjonali fl-istrutturi mwaqqgħa li huma ffinanzjati mill-UE jew mill-Istati Membri tal-UE, b'total ta' 182 struttura b'valur ta' EUR 557 378 fl-2016; billi l-ebda kumpens ma ntalab għal din il-ħerba;

H.  billi l-imblokk kontinwat ta' Gaża qiegħed iħalli impatt devastanti fuq 1,8 miljun ruħ li jgħixu hemmhekk, li skont il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA) jikkostitwixxi kastig kollettiv impost bi ksur ċar tal-obbligi ta' Iżrael fl-ambitu tad-dritt umanitarju internazzjonali;

I.  billi l-isforzi favur ir-rikonċiljazzjoni Palestinjana ma rnexxilhomx jagħmlu progress konkret; billi l-Awtorità Palestinjana ma rnexxilhiex teżerċita l-awtorità tagħha fuq l-Istrixxa ta' Gaża; billi t-tmexxija Palestinjana kompliet tegħreq fit-tajn tal-ġlieda interna għall-poter; billi l-Awtorità Palestinjana qiegħda tħabbat wiċċha ma' akkużi relatati ma' klijenteliżmu, awtoritariżmu, arrest ta' kritiċi u korruzzjoni;

J.  billi mill-Ftehimiet ta' Oslo tal-1993, il-komunità tad-donaturi investiet fil-Palestina aktar minn EUR 23 biljun fil-paċi u fl-għajnuna għall-iżvilupp; billi l-inugwaljanza, il-qgħad u r-rati tal-faqar fost il-Palestinjani żdiedu b'mod kostanti matul l-istess perjodu;

K.  billi evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tal-UE fit-territorji Palestinjani okkupati, li saret f'isem il-Kummissjoni f'Mejju 2014, ikkonkludiet li l-paradigma tal-kooperazzjoni attwali laħaq il-limiti tiegħu fl-assenza ta' perkors politiku parallel min-naħa tal-UE intiż li jittratta l-ostakli maħluqa mill-okkupazzjoni u mill-politiki tal-insedjamenti ta' Iżrael u mill-firda politika tax-Xatt tal-Punent u Gaża;

L.  billi skont id-dritt internazzjonali, il-partijiet terzi, fosthom l-Istati Membri tal-UE, għandhom id-dmir li la jħeġġu, la jgħinu u la jassistu l-ħolqien ta' insedjamenti u jagħmlu dak kollu li hu raġonevolment fis-setgħa tagħhom biex jipprevjenu l-ħolqien ta' kull insedjament ieħor kif ukoll iġibu fi tmiemhom tali prattiki illeġittimi;

1.  Huwa konvint b'mod sod li l-unika soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani tibqa' dik ta' żewġ stati demokratiċi, Iżrael u l-Palestina, f'koeżistenza paċifika fi ħdan konfini sikuri u rikonoxxuti, abbażi tal-"linja l-ħadra" tal-1967 u b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati;

2.  Jikkunsidra li l-fatt li r-realtà ta' stat uniku bi drittijiet mhux indaqs, okkupazzjoni infinita u annessjoni nkiss inkiss tax-Xatt tal-Punent kif ukoll l-għajbien tal-prospettiva ta' sovranità statali Palestinjana jirrikjedu riflessjoni ġdida tal-politika tal-UE dwar il-kunflitt;

3.  Jisħaq għal darb'oħra li l-mezzi mhux vjolenti huma l-uniku mod biex tinkiseb il-paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jikkundanna kull att ta' vjolenza fil-konfront ta' ċivili, inklużi l-atti ta' terrur, kif ukoll kull att ta' provokazzjoni, inċitament u qerda miż-żewġ naħat;

4.  Jikkundanna l-espansjoni kontinwa tal-insedjamenti Iżraeljani, li tikkostitwixxi ksur sfaċċat tad-dritt umanitarju internazzjonali, tkebbes ir-riżentiment u d-disperazzjoni tal-Palestinjani, u tirrappreżenta l-uniku ostaklu l-aktar importanti għall-fattibilità u l-prospettivi tas-soluzzjoni ta' żewġ stati;

5.  Jissottolinja r-rieda tal-komunità internazzjonali, kif esprima għal darb'oħra l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU f'Diċembru 2016, li ma tirrikonoxxi l-ebda tibdil fil-konfini tal-1967, anki għal dak li għandu x'jaqsam ma' Ġerusalemm, jekk mhux dawk li l-partijiet qablu dwarhom permezz tan-negozjat; jappella lill-awtoritajiet Iżraeljani biex minnufih itemmu u jreġġgħu lura l-politika tagħhom dwar l-insedjamenti; jirrespinġi l-politika tal-Gvern Iżraeljan tal-hekk imsejjaħ rażan fir-rigward tal-bini tal-insedjamenti, u jistieden lill-UE tibqa' soda f'din il-kwistjoni;

6.  Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu dwar l-isfruttament tar-riżorsi naturali Palestinjani min-naħa ta' Iżrael u l-prevalenza tat-trasferiment furzat, partikolarment fiż-Żona C, li jikkostitwixxi ksur gravi tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra; jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-popolazzjoni Palestinjana fiż-Żona C, fostha l-bedwini, u tħassar minnufih kull pjan għat-trasferiment furzat tagħhom u kull ordni ta' twaqqigħ u żgumbrament fil-konfront tagħhom, inklużi l-komunitajiet ta' Khan-Al-Ahmar u ta' Susya;

7.  Iħeġġeġ lill-UE taqdi r-responsabilitajiet globali tagħha billi tieħu inizjattiva ta' paċi kuraġġuża u komprensiva b'risq ir-reġjun; jisħaq fuq il-fatt li din il-politika l-ġdida tal-UE jmissha tikkonċentra fuq il-preservazzjoni tal-fattibilità dejjiema tas-soluzzjoni ta' żewġ stati;

8.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jsaħħu r-rekwiżiti ġuridiċi tagħhom tan-nonrikonoxximent u, konformement mar-riżoluzzjoni 2334 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, japplikaw politika ta' differenzjazzjoni effikaċi u komprensiva min-naħa tal-UE bejn Iżrael u l-insedjamenti tiegħu, fondata fuq ir-rispett rigoruż tad-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Unjoni;

9.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ, bħala parti minn politika tal-UE aktar b'saħħitha fil-konfront tal-insedjamenti, jieħdu l-miżuri li ġejjin:

a.  jintensifikaw id-diplomazija pubblika bħala tweġiba għall-attività tal-insedjamenti u jgħarrfu mingħajr tlaqliq il-fatt li tali politika tinbet mill-fond tar-rabtiet UE-Iżraeljani u tissejjes fuq imperattiv ġuridiku;

b.  iwettqu rieżami tal-ambitu sħiħ tar-relazzjonijiet UE-Iżrael bil-għan li jkun garantit li l-politika tal-UE ta' differenzjazzjoni tkun applikata b'mod effikaċi fir-relazzjonijiet bilaterali kollha kemm huma;

c.  jistabbilixxu mekkaniżmu ta' monitoraġġ u konformità robust fir-rigward tal-kummerċ li jkun ġej mill-insedjamenti, u jirrapportaw, fuq bażi annwali, dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-UE dwar it-tikkettar tal-prodotti mill-insedjamenti; jistiednu lill-Kummissjoni tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur f'każ ta' nuqqas ta' konformità;

d.  jirreplikaw fil-livell tal-UE t-twissija lill-impriżi indirizzata mill-Istati Membri lis-settur privat dwar ir-riskji ġuridiċi u ekonomiċi tal-attivitajiet li jiffavorixxu l-insedjamenti;

e.  jiżviluppaw linji gwida għall-kooperazzjoni finanzjarja bejn entitajiet Ewropej u Iżraeljani, li jiżguraw li l-fondi ta' investiment jew il-banek tal-UE ma jappoġġawx kumpaniji jew fondi li joperaw fl-insedjamenti;

f.  jiċħdu l-ammissibilità ta' dokumenti ġuridiċi maħruġa mill-insedjamenti Iżraeljani, bħal titoli tal-proprjetà jew diplomi ta' studju;

g.  jagħmlu rieżami tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżrael fid-dawl tal-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

h.  jiżguraw li l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u Iżrael ikompli jkun suġġett għall-impenn favur soluzzjoni ta' żewġ stati u li l-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Iżrael tal-futur jinkludu klawsola territorjali;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jirrikonoxxu inkundizzjonatament l-Istat tal-Palestina; jemmen b'konvinzjoni li r-rikonoxximent fuq skala Ewropa se jġib 'il quddiem il-prospettivi ta' paċi u jinkoraġġixxi l-isforzi, anki mis-soċjetà ċivili Iżraeljana, favur soluzzjoni ta' żewġ stati;

11.  Jiddispjaċih li l-ħatra mingħand il-VP/RGħ tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani s'issa ma rnexxilhiex iġġib titjib konkret lill-isforzi diplomatiċi tal-UE u viżibilità, u għaldaqstant jidhirlu li huwa neċessarju rieżami ta' dan il-mandat;

12.  Jesprimi allarm għaż-żieda tal-qerda u tal-konfiska tal-assistenza umanitarja fiż-Żona C; jiddeplora n-nuqqas ta' determinazzjoni tas-SEAE tal-Kummissjoni biex jiksbu kumpens min-naħa tal-awtoritajiet Iżraeljani u garanziji li dawn l-atti ma jerġgħux isiru aktar, kif enfasizzat il-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jistenna li l-Kummissjoni tnaqqas l-ekwivalenti ta' dan it-telf mill-assistenza bilaterali tal-UE lil Iżrael; jinsisti li huwa essenzjali li l-Kummissjoni għandha tapplika l-aktar standards stretti ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-assistenza bilaterali tagħha lill-Palestina u twettaq investigazzjoni kif suppost dwar kull allegazzjoni ta' finanzjament illeċitu;

13.  Jilqa' pożittivament is-sostenn tal-UE lill-komunitajiet f'riskju ta' trasferiment furzat, u jappella għal aktar investiment fiż-Żona C; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tali għajnuna tingħata b'mod li jreġġa' lura l-frammentazzjoni, jintegra bis-sħiħ id-dimensjoni politika tal-okkupazzjoni u jsostni b'effikaċja lill-awtodeterminazzjoni Palestinjana; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza fundamentali li jkun garantit aċċess Palestinjan fiż-Żona C għall-irkupru ekonomiku u t-tkabbir sostenibbli;

14.  Iħeġġeġ lill-Gvern Iżraeljan ineħħi minnufih, inkundizzjonatament u kompletament l-imblokk illegali tal-Istrixxa ta' Gaża; jiddeplora r-restrizzjonijiet li għadhom għaddejjin imposti minn Iżrael fuq id-dħul ta' materjali tal-bini f'Gaża;

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rapporti ta' klima ta' deterjorament għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi u għall-forzi progressivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem kemm f'Iżrael kif ukoll fil-Palestina u t-tentattivi dejjem aktar numerużi min-naħa tal-awtoritajiet biex joħonqu d-dissens u l-vuċijiet indipendenti; jistieden lid-Delegazzjonijiet tal-UE u lill-missjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri jkomplu jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet u jiltaqgħu sistematikament mal-atturi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-paċi u jsostnuhom, billi mingħajrhom se jkun diffiċli li s-soluzzjoni ta' żewġ stati ssir realtà;

16.  Jenfasizza l-potenzjal uniku tal-komunità Għarbija Palestinjana f'Iżrael li tiżvolġi rwol kruċjali fil-ksub tal-paċi dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jitlob it-tmiem tad-diskriminazzjoni fil-konfront taċ-ċittadini Għarab Palestinjani ta' Iżrael; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-abbozz dwar l-Istat-nazzjon, li jingħadd mal-miżuri leġiżlattivi diskriminatorji l-oħra adottati dan l-aħħar, u jħeġġeġ lill-membri tal-Knesset jopponu dan l-abbozz; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jintensifikaw b'mod sinifikanti s-sostenn tagħhom favur il-minoranzi f'Iżrael u l-impenn fil-konfront tagħhom, u jsostnu l-isforzi tagħhom biex ikunu żgurati drittijiet indaqs u tinkiseb parteċipazzjoni politika, ekononika u soċjali aħjar;

17.  Jiddeplora d-diżunjoni kontinwa Palestinjana, u jistieden lill-forzi Palestinjani jissuktaw l-isforzi favur ir-rikonċiljazzjoni, primarjament permezz ta' elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi fil-Palestina kollha li ilhom mistennija ħafna żmien; jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani jilliberaw lill-membri kollha tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan attwalment f'detenzjoni amministrattiva, kif ukoll kull Palestinjan ieħor f'detenzjoni amministrattiva mingħajr kapijiet ta' akkuża; jesprimi t-tħassib gravi tiegħu dwar l-istrajk tal-ġuħ tal-ħabsin Palestinjani, u jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tagħhom bħala ħabsin; jistieden lill-UE tieħu azzjoni innovattiva għall-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni;

18.  Jiddeċiedi li jikkonvoka, bħala sinjal tal-impenn qawwi tiegħu favur is-soluzzjoni ta' żewġ stati, laqgħa straordinarja tal-Konferenza tal-Presidenti tiegħu f'Ġerusalemm f'Ġunju 2017, u joħloq grupp ta' monitoraġġ għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika ta' differenzjazzjoni tal-UE;

19.  Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu li jniedi inizjattiva "Membri Parlamentari għall-Paċi" bil-għan li tiġbor flimkien Membri Parlamentari Ewropej, Iżraeljani u Palestinjani biex tgħin ħalli titmexxa 'l quddiem aġenda għall-paċi u tikkomplementa l-isforzi diplomatiċi tal-UE;

20.  Jesprimi għadab għax-xkiel kontinwu mhux ġustifikat mill-awtoritajiet Iżraeljani għal kwalunkwe żjara minn korpi uffiċjali tal-Parlament Ewropew lejn Gaża;

21.  Jiddeċiedi li jibgħat delegazzjoni ad hoc lejn Gaża/Palestina u Iżrael biex tivvaluta s-sitwazzjoni fil-post fir-rigward tal-ħsara lil proġetti ffinanzjati mill-UE fiż-Żona C u f'Gaża, u l-prospettivi għal reviżjoni tal-politika tal-UE fir-rigward tal-kunflitt;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kwartett, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Knesset, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-korpi tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja.