Dokument ta' sessjoni

 

B8-0347/2017

15.5.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani

( 2016/2998(RSP) )

Charles Tannock, Bas Belder, Anna Elżbieta Fotyga, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen, Arne Gericke, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Zdzisław Krasnodębski, Ruža Tomašić, Raffaele Fitto, Karol Karski, Angel Dzhambazki, Jana Žitňanská

f'isem il-Grupp ECR

<<<

B8-0347/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani

( 2016/2998(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-konklużjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-18 ta' Jannar u tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-1 ta’ Lulju 2016 tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Settembru 2016 tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Iżrael, l-UE u l-Kwartett jappoġġjaw eżitu ta' żewġ stati negozjat bħala mezz biex tinkiseb paċi dejjiema li tissodisfa l-ħtiġijiet ta' sigurtà Iżraeljani kif ukoll l-aspirazzjonijiet Palestinjani;

B.  billi 55 % tal-Iżraeljani u 44 % biss tal-Palestinjani jappoġġjaw soluzzjoni ta' żewġ stati, skont stħarriġ konġunt Iżraeljan u Palestinjan fi Frar 2017, li kien iffinanzjat mill-UE;

1.  Itenni l-appoġġ kontinwu tiegħu għal soluzzjoni nnegozjata "ta' żewġ stati għal żewġ popli", b'rikonoxximent reċiproku tal-Palestina u l-Iżrael bħala art twelid tal-popli rispettivi tagħhom; jilqa' l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi flimkien mat-tpartit ta' artijiet approvat sussegwentement bħala l-bażi għal soluzzjoni fit-tul tal-kunflitt Għarbi-Iżraeljan bil-għan li tiżgura l-paċi u s-sigurtà; jappoġġja r-ritorn mingħajr dewmien lejn negozjati ta’ paċi bilaterali diretti;

2.  Jappella liż-żewġ naħat biex jistinkaw ħalli jnaqqsu t-tensjonijiet billi jeżerċitaw trażżin u billi jżommu lura minn azzjonijiet u retorika provokattiva; jenfasizza li l-akkumulazzjoni illegali ta' armi u ta' attività militanti, in-nuqqas mtawwal ta' unità Palestinjana, in-nuqqas ta' rikonoxximent tad-dritt ta' eżistenza tal-Iżrael, azzjonijiet unilaterali u s-sitwazzjoni umanitarja prekarja f'Gaża, kollha saħħew l-instabbiltà u finalment ostakolaw l-isforzi biex tinkiseb soluzzjoni nnegozjata;

3.  Jappoġġja bil-qawwa l-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Iżrael u l-ġirien tagħha; itenni l-appoġġ tiegħu għar-rwol importanti tal-Kwartett u tal-imsieħba reġjonali bħall-Eġittu, il-Ġordan, l-Arabja Sawdija, fit-tfittxija ta' soluzzjoni għall-kunflitt bejn l-Għarab u l-Iżraeljani; jappella lill-partijiet kollha jappoġġjaw id-djaolgu u l-kollaborazzjoni prattika, partikolarment dwar is-sigurtà, l-aċċess għall-ilma, is-sanità u r-riżorsi tal-enerġija u t-tisħiħ tal-ekonomija Palestinjana; ifaħħar, f'dan il-kuntest, il-proġett tal-Baħar l-Aħmar - Il-Baħar il-Mejjet;

4.  Jikkundanna bil-qawwa lt-tkomplija tal-vjolenza Palestinjana, l-attakki terroristiċi u l-inċitament għall-vjolenza, u jenfasizza li dawn huma fondamentalment inkompatibbli mas-soluzzjoni paċifika għall-kunflitt; jenfasizza r-responsabbilta tal-awtoritajiet rilevanti tal-UE sabiex ikomplu jiżguraw li l-ebda finanzjament tal-UE ma jiġi ddevjat direttament jew indirettament lejn organizzazzjonijiet jew attivitajiet terroristiċi li jinċitaw il-vjolenza jew li jiġġustifikaw jew jigglorifikaw it-terroriżmu;

5.  Jikkundanna bil-qawwa l-isparar ta' missili minn gruppi terroristiċi lejn it-territorju Iżraeljan u jissottolinja l-periklu li s-sitwazzjoni teskala; jenfasizza l-ħtieġa fundamentali għall-UE li taħdem fi sħubija mal-Iżrael, l-Awtorità Palestinjana, l-Eġittu, il-Ġordan u l-Istati Uniti lejn il-prevenzjoni tar-riarmament ta’ gruppi terroristiċi fl-Istrixxa ta’ Gaża u x-Xatt tal-Punent kif ukolli l-kuntrabandu tal-armi tagħhom, il-manifattura ta’ missili u l-bini ta’ mini; jisħaq għall-darba oħra fuq il-ħtieġa kruċjali tad-diżarm tal-gruppi terroristiċi kollha f’Gaża, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin ta’ Lulju 2014;

6.  Jesprimi tħassib qawwi dwar is-sitwazzjoni f'Gaża, partikolarment fir-rigward tal-kriżi enerġetika attwali, li l-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u politiċi tagħha ma għandhomx jiġu sottovalutati; jikkundanna l-attivitajiet inaċċettabbli min-naħa tal-awtoritajiet de facto f'Gaża, u f'dan il-kuntest itenni l-bżonn li l-Awtorita Palestinjana tieħu kontroll tal-Istrixxa ta' Gaża;

7.  Jinnota bi tħassib is-sitwazzjoni prekarja tal-ilma f'Gaża u jħeġġeġ lill-partijiet rilevanti kollha biex jindirizzaw l-kwistjonijiet pendenti rigward il-provvisti tal-enerġija għad-desalinazzjoni u għat-trattament tal-ilma f'Gaża; jinnota l-appoġġ, f'dan il-kuntest, għal impjant ta' desalinazzjoni f'Gaża permezz ta' fondi internazzjonali; itenni l-ħtieġa qawwija li jkun allokat finanzjament tal-UE għal proġetti speċifiċi, iddefiniti tajjeb f'Gaża, f'konformità biss mal-mekkaniżmu trilaterali għall-appoġġ finanzjarju, u l-bżonn li jiġi żgurat li dan jilħaq liċ-ċittadini intiżi;

8.  Jilqa' u jappoġġja d-diskussjonijiet kostruttivi bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana dwar l-istabbiltà tas-settur finanzjarju, speċjalment fid-dawl tad-deċiżjoni reċenti mill-gvern Iżraeljan biex jgħin ħalli jinżammu r-relazzjonijiet bankarji, kif ukoll il-progress kontinwu biex ir-reġim Palestinjan Kontra l-Ħasil tal-Flus / il-Ġlieda tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (AML/CFT) jikkonformaw mal-istandards internazzjonali, b'appoġġ mill-imsieħba internazzjonali;

9.  jinnota li l-kunflitt fil-Lvant Nofsani jikkostitwixxi theddida serja għar-reġjun u għall-UE; jikkundanna t-theddid serju minn ġiħadisti u minn organizzazzjonijiet terroristiċi oħrajn għaċ-ċittadini tal-Lvant Nofsani u l-Ewropa; jemmen li l-kunflitt u l-instabbilta dwar il-fruntieri jaffettwaw b'mod negattiv il-prospetti ta' riżoluzzjoni tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Eġittu, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Ġordan, lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u lill-istati membri tal-Lega Għarbija.