Dokument ta' sessjoni

 

B8‑0348/2017

15.5.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani

( 2016/2998(RSP) )

Neoklis Sylikiotis, Patrick Le Hyaric, Martina Anderson, Younous Omarjee, Marie-Christine Vergiat, Josu Juaristi Abaunz, Paloma López Bermejo, Merja Kyllönen, Takis Hadjigeorgiou, Maria Lidia Senra Rodríguez, Ángela Vallina, Marina Albiol Guzmán, Eleonora Forenza, Barbara Spinelli, João Ferreira, João Pimenta Lopes, Miguel Viegas, Sofia Sakorafa, Miguel Urbán Crespo, Rina Ronja Kari, Javier Couso Permuy, Malin Björk, Xabier Benito Ziluaga, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Tania González Peñas, Lynn Boylan, Matt Carthy, Liadh Ní Riada, Kostadinka Kuneva, Martina Michels

f'isem il-Grupp GUE/NGL

 

B8‑0348/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani

( 2016/2998(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kunflitt bejn il-Palestina u Iżrael,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 194 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u r-riżoluzzjonijiet 242 (1967), 252 (1968), 338 (1972), 476 (1980), 478 (1980), 1860 (2009) u 2334 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 67/19 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, li Iżrael u l-Palestina huma Stati Partijiet għalihom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/HRC/29/L.35 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-iżgurar tar-responsabilità u l-ġustizzja għall-vjolazzjonijiet kollha tad-dritt internazzjonali fit-territorju Palestinjan okkupat, inkluża Ġerusalemm tal-Lvant, li ġiet adottata fit-3 ta' Lulju 2015 bl-appoġġ unanimu tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti li ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-10 ta' Diċembru 1984,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo ("Dikjarazzjoni ta' Prinċipji dwar Arranġamenti Interim ta' Governanza Awtonoma") tat-13 ta' Settembru 1993,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u Iżrael, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Jannar  2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-UNESCO ta' Mejju 2017 dwar "Il-Palestina Okkupata",

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-NU ta' Marzu 2016 dwar il-Prattiki Iżraeljani fir-rigward tal-Poplu Palestinjan u l-Kwistjoni tal-Apartheid,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar is-sitwazzjoni f'Iżrael u l-Palestina,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi 50 sena wara l-gwerra tal-1967, Iżrael jibqa' jokkupa l-Palestina, bi ksur tad-dritt internazzjonali u r-riżoluzzjonijiet rilevanti kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà u l-Assemblea Ġenerali tan-NU, u billi l-Istat tal-Palestina, delimitat mill-fruntieri stabbiliti fl-1967 u b'Ġerusalemm tal-Lvant bħala l-belt kapitali tiegħu, għad irid isir membru sħiħ tan-NU bi qbil mar-riżoluzzjoni tan-NU tal-1948;

B.  billi l-Parlament ripetutament esprima l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati, bl-Istat ta' Iżrael u Stat Palestinjan indipendenti, sovran, kontigwu u vijabbli b'Ġerusalemm tal-Lvant bħala l-belt kapitali tiegħu, delimitati mill-fruntieri stabbiliti fl-1967, li jgħixu f'koeżistenza paċifika;

C.  billi l-politiki tal-Gvern Iżraeljan qed iwasslu għal tagħwir ulterjuri u l-qerda sħiħa tal-possibilitajiet għal soluzzjoni ta' żewġ stati, kif stabbilit mir-riżoluzzjonijiet rilevanti kollha tan-NU, kif ukoll mill-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill tal-UE;

D.  billi l-istatus ta' Ġerusalemm jibqa' kwistjoni kruċjali fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani; billi l-UE u l-komunità internazzjonali qatt ma aċċettaw l-annessjoni unilaterali ta' Ġerusalemm tal-Lvant minn Iżrael; billi l-Palestinjani li jgħixu f'Ġerusalemm tal-Lvant għadhom ibatu minħabba n-nuqqas ta' status sikur ta' residenza legali, il-konfiska ta' arthom u d-diskriminazzjoni sistematika fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi, l-ippjanar u l-bini, u l-aċċess għall-postijiet u s-siti reliġjużi bħala riżultat tal-politiki tal-Gvern Iżraeljan li huma mmirati biex ibiddlu l-kompożizzjoni demografika taż-żona;

E.  billi l-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, partikolarment fiż-Żona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant, tiffaċċja ksur sfaċċat ta' drittijietha, inklużi vjolenza mill-abitanti tal-insedjamenti, devjazzjoni tal-ilma, restrizzjonijiet ħarxa fuq il-moviment liberu, tiġrif tad-djar u tkeċċijiet sfurzati; billi t-trasferiment sfurzat tar-residenti ta' territorju okkupat jikkostitwixxi ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-politika dwar l-ippjanar tintuża bħala mezz biex jitkeċċew il-Palestinjani u biex l-insedjamenti mhux uffiċjali jiġu estiżi;

F.  billi l-insedjamenti Iżraeljani huma illegali skont id-dritt internazzjonali u jikkostitwixxu ostaklu ewlieni għall-isforzi favur il-paċi, xi ħaġa li ilhom diversi snin jagħmlu; billi, skont id-dritt internazzjonali, kwalunkwe parti terza, inklużi l-Istati Membri tal-UE, għandha dmir li ma tirrikonoxxix, ma tgħinx u ma tassistix lill-insedjamenti, kif ukoll dmir li topponihom b'mod effikaċi; billi l-prodotti mill-insedjamenti Iżraeljani għadhom jiġu importati fl-Istati Membri tal-UE u għaldaqstant fis-suq Ewropew bi trattament preferenzjali, minkejja l-fatt li l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE ma tippermettix l-importazzjoni ta' tali prodotti skont it-termini preferenzjali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael;

G.  billi ċ-ċittadini Għarab ta' Iżrael jikkostitwixxu 20 % tal-popolazzjoni ta' Iżrael; billi jbatu minn diversi forom ta' diskriminazzjoni; billi s-sistema ta' segregazzjoni ta' Iżrael wasslet għal sitwazzjoni fejn, skont stħarriġ li sar dan l-aħħar, 42 % tal-Iżraeljani jistqarru li qatt ma ltaqgħu ma' persuna Palestinjana;

H.  billi 7 000 detenut Palestinjan, inklużi 60 mara, 300 tifel u tifla u 11-il membru tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjana, huma miżmuma fil-ħabsijiet Iżraeljani; billi, nhar is-17 ta' April, 1 500 detenut politiku Palestinjan bdew strajk tal-ġuħ mingħajr tmiem determinat; billi l-impożizzjoni tal-Liġi dwar it-Tmigħ Furzat, li ġiet adottat mill-Knesset fl-2015, fuq dawk li qegħdin fuq strajk tal-ġuħ tkun ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom; billi, mill-1967, kważi 800 000 Palestinjan kienu priġunieri politiċi f'Iżrael;

I.  billi l-għaqda Palestinjana tista' tiżvolġi rwol sinifikanti biex jinkiseb tmiem l-okkupazzjoni;

J.  billi l-għadd tar-refuġjati Palestinjani, kwistjoni kruċjali oħra fil-proċess ta' paċi, attwalment huwa ta' kważi 5 miljuni skont l-Aġenzija ta' Sokkors u Xogħlijiet tan-NU, li l-maġġoranza l-kbira tagħhom huma refuġjati tat-tieni jew it-tielet ġenerazzjoni fir-reġjun u madwar id-dinja;

K.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, jiddikjara b'mod ċar li "Ir-relazzjonijiet bejn il-Partijiet [...] għandhom ikunu bbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li jiggwida l-politika tagħhom interna u internazzjonali u jikkostitwixxi element essenzjali ta' dan il-Ftehim";

1.  Jisħaq li s-soluzzjoni ta' żewġ stati hija bbażata fuq ir-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1948 u fuq ir-rikonoxximent taż-żewġ stati min-naħa tal-komunità internazzjonali, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE, lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-organizzazzjonijiet tan-NU biex jirrikonoxxu, bi qbil mar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ta' Novembru 2012, l-Istat tal-Palestina delimitat mill-fruntieri stabbiliti fl-1967 u b'Ġerusalemm tal-Lvant bħala l-belt kapitali tiegħu, kif stabbilit fir-riżoluzzjonijiet tan-NU, li jgħix fil-paċi u s-sigurtà f'koeżistenza mal-Istat ta' Iżrael;

2.  Jikkunsidra li, minħabba s-sitwazzjoni kumplessiva fir-reġjun tal-Lvant Nofsani, il-qbil dwar soluzzjoni bejn Iżrael u l-Palestina kieku jikkontribwixxi biex titnaqqas l-intensità tal-kunflitt u biex joħorġu paċifikament minnu;

3.  Jappella favur it-tmiem tal-okkupazzjoni Iżraeljana tul 50 sena tax-Xatt tal-Punent, Gaża u Ġerusalemm tal-Lvant, b'mod li b'hekk titwitta t-triq għall-paċi;

4.  Jikkundanna b'qawwa t-tkomplija tal-espansjoni tal-insedjamenti Iżraeljani, li jiksru d-dritt internazzjonali, jagħtu n-nar lir-riżentiment Palestinjan u jdgħajfu l-vijabilità u l-prospettivi tas-soluzzjoni ta' żewġ stati; jiddeplora t-tħabbira l-aktar reċenti min-naħa tal-Gvern Iżraeljan nhar l-24 ta' Jannar 2017 li se biħsiebu jibni 2 500 unità f'insedjamenti madwar ix-Xatt tal-Punent, kif ukoll li ngħata l-approvazzjoni għall-permessi tal-bini għal 566 unità f'insedjamenti f'Ġerusalemm tal-Lvant, li ddgħajjef ulterjorment b'mod serju l-prospetti għal soluzzjoni ta' żewġ stati vijabbli; jappella lill-awtoritajiet Iżraeljani biex minnufih itemmu u jreġġgħu lura l-politika tagħhom dwar l-insedjamenti u l-konfiska tal-art;

5.  Jisħaq li l-frekwenza li biha qed jiġġarrfu strutturi, inklużi djar, skejjel u infrastruttura vitali oħra fit-territorji Palestinjani okkupati, inkluża Ġerusalemm tal-Lvant, żdiedet b'mod drammatiku f'dawn l-aħħar 12-il xahar; jindika li, skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-NU, l-għadd ta' strutturi li ġġarrfu matul l-ewwel xahar tal-2017 kien ta' aktar minn 50 % ogħla mill-medja ta' kull xahar tal-istrutturi li ġġarrfu fl-2016 (91); jirrileva li dawn l-istrutturi kollha li ġġarrfu kienu jinsabu fiż-Żona C u f'Ġerusalemm tal-Lvant bil-ġustifikazzjoni li ma kellhomx il-permessi tal-bini, għalkemm huwa kważi impossibbli għall-Palestinjani li dawn jakkwistahom;

6.  Jappella lill-Istat ta' Iżrael biex jirrispetta kompletament l-ugwaljanza u d-drittijiet taċ-ċittadini Għarab ta' Iżrael, u jissottolinja li jistgħu jiżvolġu rwol sinifikanti fil-bini tal-fehim u l-kooperazzjoni bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani u biex b'hekk jagħtu kontribut pożittiv għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani;

7.  Jappella biex l-imblokk illegali tal-Istrixxa ta' Gaża, li huwa kastig kollettiv kontra l-popolazzjoni lokali jintemm minnufih; jenfasizza li Iżrael, bħala s-setgħa okkupanti u skont ir-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra, huwa l-parti unika u prinċipali li hija responsabbli għaż-żamma tal-kundizzjonijiet minimi ta' għajxien għall-abitanti ta' Gaża;

8.  Jikkunsidra li, jekk jinħelsu d-detenuti politiċi Palestinjani kollha, dan jista' jibdni l-fiduċja u jassisti l-proċess ta' paċi; jappella għaldaqstant biex id-detenuti kollha, b'mod partikolari l-membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, jinħelsu; jappella biex id-drittijiet tad-detenuti u l-priġunieri politiċi Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani, inklużi dawk fuq strajk tal-ġuħ, jitħarsu kompletament;

9.  Jissottolinja d-deċiżjoni tiegħu li jibgħat missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni ad hoc sabiex tivvaluta fuq il-post il-kundizzjonijiet li qed jinżammu fihom il-priġunieri fuq strajk tal-ġuħ, u sabiex, flimkien magħhom direttament, tivvaluta l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li qegħdin jiddenunzjaw;

10.  Ifakkar li d-differenzjazzjoni tneħħi l-inċentivi għall-akkwiżizzjoni illegali ta' territorju min-naħa ta' Iżrael u tafferma mill-ġdid il-bażi territorjali ta' soluzzjoni ta' żewġ stati; jappella lill-UE biex tiżgura li l-ftehimiet kollha bejn l-UE u Iżrael jindikaw mingħajr ekwivoku u b'mod espliċitu l-fatt li mhumiex applikabbli għat-territorji okkupati minn Iżrael fl-1967, kif inhu mtenni fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin; jappella biex is-sistema ta' ttikkettar tal-prodotti fis-suq tal-UE li joriġinaw mill-insedjamenti Iżraeljani tiġi implimentata b'mod korrett, bi qbil mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u l-politika relatata tagħha li ilha żmien twil stabbilita;

11.  Jemmen li l-UE jmissha tassumi r-responsabilità tagħha li ssir tassew protagonist politiku u faċilitatur fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani u jappella lill-UE biex:

•  tinkoraġġixxi r-rikonoxximent tal-Palestina min-naħa tal-Istati Membri, li kieku jikkontribwixxi biex it-taħditiet diretti favur il-paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani jerġgħu jibdew minnufih;

•  timplimenta l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael billi tiffriża dan il-Ftehim sakemm Iżrael ikompli bil-ksur tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem;

•  ma tagħti l-ebda finanzjament lill-entitajiet Iżraeljani permezz ta' Orizzont 2020;

•  teżiġi riparazzjonijiet minn Iżrael għall-proġetti ffinanzjati mill-UE li nqerdu waqt l-attakki kemm f'Gaża, kif ukoll fix-Xatt tal-Punent;

•  tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jtemmu l-esportazzjoni ta' materjal belliku u teknoloġiji b'użu doppju lejn ir-reġjun;

12.  Jittama li l-forzi politiċi Palestinjani jkunu jistgħu jiksbu r-rikonċiljazzjoni u l-għaqda nazzjonali, li għandhom jgħinu biex iġibu l-okkupazzjoni fi tmiemha;

13.  Jesprimi l-għadab tiegħu għall-fatt li l-awtoritajiet Iżraeljani kontinwament u bla ġustifikazzjoni jostakolaw kwalunkwe żjara mill-korpi uffiċjali tal-Parlament Ewropew lejn Gaża;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Knesset, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-President u l-Gvern tal-Istat tal-Palestina, lill-President u l-Gvern ta' Iżrael, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, kif ukoll lill-Kummissarju Ġenerali tal-UNRWA.