Dokument ta' sessjoni

 

B8-0350/2017

15.5.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0219/2017

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja

( 2017/2688(RSP) )

Charles Tannock, Ian Duncan, Mark Demesmaeker, Anneleen Van Bossuyt, Ruža Tomašić, Jussi Halla-aho, Raffaele Fitto

f'isem il-Grupp ECR

 

B8-0350/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja

( 2017/2688(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċeċenja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti 32/2 tat-30 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha kontra l-Għejbien Furzat,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' April 2017 mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-irġiel gay fiċ-Ċeċenja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza tal-LGBTI tas-16 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru[1],

–  wara li kkunsidra l-konferenza stampa konġunta bejn il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu Sergey Lavrov f'Moska, fl-24 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni (VP/RGħ) dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja ( O-000039/2017 – B8-0219/2017 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi ċ-Ċeċenja hija repubblika semiawtonoma fi ħdan il-Federazzjoni Russa; billi l-omofobija hija mifruxa fir-reġjun prinċipalment Musulman;

B.  billi d-drittijiet tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali fir-Russja ilhom kawża ta' tħassib internazzjonali, bil-persuni LGBTI jħabbtu wiċċhom ma' ostilità, diskriminazzjoni, vjolenza, priġunerija u mewt;

C.  billi, minkejja li l-omosesswalità ġiet iddekriminalizzata fir-Russja 20 sena ilu, il-vjolenza, id-diskriminazzjoni u l-persekuzzjoni omofobiċi u transfobiċi żdiedu b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, inkluż permezz ta' leġiżlazzjoni u restrizzjonijiet oħra dwar id-drittijiet tal-persuni minħabba s-sesswalità jew l-identità tal-ġeneru tagħhom;

D.  billi l-kodiċi ġuridiku Ċeċen jimponi l-piena tal-mewt għal relazzjonijiet sesswali bejn l-irġiel, minkejja li uffiċjalment din il-piena ġiet sospiża;

E.  billi, minn Marzu 2017, repressjoni vjolenti mill-awtoritajiet Ċeċeni wasslet għall-ħtif u ż-żamma ta' mill-inqas 100 raġel gay u bisesswali, inklużi xi wħud li ġew meqjusa bħala gay;

F.  billi r-repressjoni bdiet meta grupp favur id-drittijiet tal-persuni gay ibbażat f'Moska beda jippreżenta talbiet għal dimostrazzjonijiet fil-bliet provinċjali tar-Russja; billi filwaqt li l-ebda waħda minn dawn id-dimostrazzjonijiet ma ġiet ippjanata għaċ-Ċeċenja, l-awtoritajiet użawha bħala pretest biex jarrestaw l-irġiel gay lokali u dawk meqjusa bħala gay;

G.  billi dawk miżmuma f'mhux aktar minn sitt kampijiet separati ġew imsawta u ttorturati, u mill-inqas tliet irġiel ġew maqtula; billi huwa diffiċli biex wieħed jikseb u jivverifika l-għadd preċiż tal-persuni miżmuma u/jew maqtula u l-għadd ta' dawk li ġew arrestati jew maqtula aktarx huwa ogħla;

H.  billi ħafna minn dawk li ġew miżmuma kienu jinsabu f'kampijiet sigrieti wara li esperjenzaw għajbien sfurzat; billi persuni oħra marru lura fil-familji tagħhom b'korrimenti gravi wara li ġarrbu tortura u umiljazzjoni;

I.  billi l-awtoritajiet sussegwentement "kifxu" lil xi wħud minn dawk li nħatfu lill-familjari tagħhom li mbagħad ġew imħeġġa jwettqu "qtil tal-unur"; billi xi wħud minnhom kienu ġew ittorturati wkoll biex jiżvelaw l-ismijiet ta' rġiel gay oħra li kienu jafu;

J.  billi ġie rrappurtat li l-ġurnalisti li jaħdmu għall-gazzetta Novaya Gazeta, li kixfet ir-repressjoni, irċevew theddid ta' mewt minħabba l-ħidma tagħhom;

K.  billi l-awtoritajiet Ċeċeni ċaħdu l-allegazzjonijiet kollha u talbu lill-ġurnalisti jsemmu lill-vittmi intervistati;

L.  billi kelliem għall-President Russu Vladimir Putin inizjalment appoġġa ċ-ċaħdiet tal-Gvern Ċeċen li rġiel suspettati li huma gay, qed jiġu miżmuma, ittorturati u maqtula;

M.  billi fil-5 ta' Mejju 2017, il-President Putin appoġġa inkjesta dwar l-allegazzjonijiet;

N.  billi għexieren ta' rġiel gay kienu rrappurtati li ħarbu miċ-Ċeċenja minħabba l-kampanja li għaddejja ta' persekuzzjoni min-naħa tal-forzi tas-sigurtà;

O.  billi l-pulizija f'St. Petersburg u f'Moska żammew maqbuda attivisti LGBTI li ppruvaw iqajmu sensibilizzazzjoni u jitolbu investigazzjoni dwar il-persekuzzjoni tal-irġiel gay fiċ-Ċeċenja;

P.  billi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tal-UE, il-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u oħrajn, ilkoll ikkundannaw il-persekuzzjoni u l-vjolenza kontra rġiel gay fiċ-Ċeċenja li jikkostitwixxu ksur serju tal-obbligi tar-Russja taħt il-liġi internazzjonali; billi l-kwistjoni wasslet għal bosta protesti barra l-ambaxxati Russi madwar id-dinja;

Q.  billi d-diskriminazzjoni, il-vjolenza, it-tortura u l-priġunerija ta' individwi abbażi tas-sesswalità jew tal-identità sesswali tagħhom huma ksur inaċċettabbli tad-dinjità umana u inkompatibbli mal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea;

R.  billi f'Ġunju 2013 il-President Russu Vladimir Putin iffirma liġi federali ġdida intitolata "Bil-Għan li Jiġu Protetti t-Tfal mill-Informazzjoni li Tappoġġa Ċaħda tal-Valuri tal-Familja Tradizzjonali", li ġiet ikkundannata b'mod wiesa' bħala l-"liġi kontra l-gays"; billi l-liġi ġiet ikkritikata għaliex twassal għal aktar vjolenza omofobika;

1.  Jikkundanna kull forma ta' diskriminazzjoni u vjolenza, inkluż kontra persuni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru tagħhom;

2.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-bnedmin kollha jitwieldu liberi u ugwali fir-rigward tad-dinjità u d-drittijiet, mingħajr distinzjoni ta' ebda tip;

3.  Jikkundanna d-detenzjoni, it-tortura u l-qtil reċenti ta' rġiel fiċ-Ċeċenja abbażi tas-sesswalità tagħhom, jew is-sesswalità meqjusa tagħhom, bħala reati ta' mibegħda, u jitlob li dawk kollha miżmuma jiġu rilaxxati immedjatament mingħajr akkużi;

4.  Jikkundanna t-theddida mill-President Ċeċen Ramzan Kadyrov li "jelimina" il-komunità LGBTI fir-reġjun "mill-bidu tar-Ramadan" u n-nuqqas tiegħu li jevita l-persekuzzjoni tal-irġiel gay mill-awtoritajiet taħt il-kontroll tiegħu;

5.  Ifakkar lill-Gvern Russu li, filwaqt li jirrispetta l-ġurisdizzjoni u d-drawwiet nazzjonali, hu għandu r-responsabbiltà li jissalvagwardja d-drittijiet taċ-ċittadini kollha tiegħu u jiżgura li l-poplu kollu jkun protett minn kull forma ta' diskriminazzjoni u vjolenza;

6.  Jinnota li l-President Putin wiegħed li jitlob lill-prosekutur ġenerali u lill-Ministru tal-Intern tar-Russja biex jinvestigaw l-allegazzjonijiet, u jinsisti li kwalunkwe investigazzjoni bħal din hija dettaljata, indipendenti, kredibbli, u mwettqa bħala kwistjoni ta' urġenza;

7.  Jinsisti li kull min hu involut fl-għajbien sfurzat, fid-detenzjoni mingħajr akkuża, it-tortura u l-qtil ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja, huwa responsabbli għad-delitti tagħhom u jirċievi l-kastig xieraq skont il-liġi;

8.  Ifakkar lill-awtoritajiet Russi u Ċeċeni dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom skont il-liġi reġjonali, nazzjonali u internazzjonali; ifakkar ukoll lill-Gvern Russu dwar il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-ugwaljanza u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni li hija parti minnhom;

9.  Jitlob il-ħelsien immedjat mingħajr akkużi ta' dawk l-attivisti arrestati f'St.Petersburg u f'Moska talli ppruvaw iqajmu sensibilizzazzjoni u talli talbu li ssir investigazzjoni dwar il-persekuzzjoni ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja;

10.  Jiddispjaċih ħafna li l-Federazzjoni Russa vvutat kontra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

11.  Jemmen li r-relazzjonijiet bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha, u l-Federazzjoni Russa jistgħu jitjiebu biss jekk din tal-aħħar treġġa' lura l-annessjoni illegali tagħha tal-Krimea, ittemm l-azzjonijiet aggressivi tagħha fil-Lvant tal-Ukrajna, il-Georgia, il-Moldova u fi bnadi oħra fir-reġjun, u tieħu azzjoni urġenti biex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha b'rispett sħiħ tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u l-konvenzjonijiet internazzjonali;

12.  Ifakkar lill-awtoritajiet Russi u Ċeċeni li s-sistemi tal-valuri reġjonali, kulturali u reliġjużi m'għandhomx jintużaw bħala skuża biex jiġu mħeġġa jew ikun hemm involviment fid-diskriminazzjoni, il-vjolenza, it-tortura, u/jew id-detenzjoni ta' individwi jew gruppi, inkluż abbażi tas-sesswalità jew l-identità tal-ġeneru;

13.  Jesprimi tħassib li l-impunità tibqa' fattur sinifikanti tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem inkluż fir-Russja, permezz tal-għajbien sfurzat, id-detenzjoni mingħajr akkuża, id-diskriminazzjoni, it-tortura u l-qtil;

14.  Jesprimi tħassib dwar iż-żieda fid-diskriminazzjoni u l-vjolenza omofobiċi u transfobiċi fir-Russja, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni riċenti;

15.  Iħeġġeġ il-kooperazzjoni internazzjonali biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra persuni abbażi tas-sesswalità jew l-identità tal-ġeneru tagħhom, u sabiex jiġu indirizzati l-kawżi ta' tali azzjonijiet, kif ukoll sabiex tiġi offruta protezzjoni lil dawk li qed isofru tali abbużi;

16.  Jikkundanna r-rapporti ta' intimidazzjoni u theddid ta' mewt kontra dawk id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, u oħrajn li qed ifittxu biex jikxfu każijiet ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra persuni LGBTI fil-Federazzjoni Russa, inkluż fiċ-Ċeċenja, u joffri l-appoġġ tiegħu biex titkompla din il-ħidma, kif ukoll fl-għoti ta' għajnuna lill-vittmi;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President tal-Federazzjoni Russa, lill-Membri tad-Duma Russa, u lill-President u lill-Gvern tar-Repubblika taċ-Ċeċenja.

 

[1] ĠU L 93, 24.3.2017, p. 21.