Dokument ta' sessjoni

 

B8-0356/2017

15.5.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0219/2017

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja

( 2017/2688(RSP) )

Sandra Kalniete, Michael Gahler, Anna Maria Corazza Bildt

f'isem il-Grupp PPE

 

B8-0356/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja

( 2017/2688(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), tal-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 20152019,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mill-Kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-irġiel gay fiċ-Ċeċenja, tas-6 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ta' irġiel gay fiċ-Ċeċenja tad-19 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE dwar rapporti kontinwi ta' arresti u qtil ta' irġiel gay mill-Gvern taċ-Ċeċenja fil-Kunsill Permanenti tal-OSKE tas-27 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti fis-7 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mill-Espert Indipendenti tan-NU dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, ir-Rapporteur President tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani u degradanti oħra u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni tat-13 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mid-Direttur tal-ODIHR fit-13 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f'April 2017 il-gazzetta Russa Novaya Gazeta rrappurtat li 'l fuq minn mitt raġel meqjusa bħala omosesswali ġew maħtufa u miżmuma, allegatament mis-servizzi tas-sigurtà fir-Repubblika taċ-Ċeċenja fil-Federazzjoni Russa, bħala parti minn kampanja koordinata;

B.  billi Novaya Gazeta rrappurtat li l-irġiel li nħatfu ġew maltrattati, ittorturati u mġiegħla jiżvelaw l-identità ta' individwi LGBTI oħrajn; billi ġie rappurtat ukoll li mill-inqas tlitt irġiel inqatlu; billi l-parti l-kbira tal-abbuż huwa rrappurtat li sar f'ċentru ta' detenzjoni mhux uffiċjali qrib il-belt ta' Argun;

C.  billi hu rrapurtat li l-awtoritajiet fiċ-Ċeċenja ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet u ma wrewx rieda li jinvestigaw u jtellgħu l-qorti lil dawk responsabbli;

D.  billi l-vittmi ta' dawn it-tipi ta' atti jibqgħu lura milli jitolbu li ssir ġustizzja, minħabba li jibżgħu li jkun hemm ritaljazzjoni mill-awtoritajiet lokali;

E.  billi ġie rappurtat li l-ġurnalisti tan-Novaya Gazeta rċevew theddid ta' mewt minħabba x-xogħol tagħhom;

F.  billi l-Federazzjoni Russa hija firmatarja ta' bosta trattati internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u għandha l-obbligu li tiżgura s-sikurezza tal-persuni kollha li jistgħu jkunu f'riskju;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti ta' detenzjoni arbitrarja u tortura ta' rġiel meqjusa bħala omosesswali fir-Repubblika taċ-Ċeċenja fil-Federazzjoni Russa; jistieden lill-awtoritajiet itemmu din il-kampanja ta' persekuzzjoni; jitlob il-ħelsien immedjat ta' dawk li għadhom detenuti illegalment;

2.  Jikkundanna d-dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet Ċeċeni li jittolleraw u jinċitaw il-vjolenza kontra persuni LGBTI; jikkundanna n-nuqqas ta' rieda tal-awtoritajiet lokali li jinvestigaw u jressqu l-qorti lil dawk responsabbli minn ksur serju dirett speċifikament lejn individwi abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom;

3.  Jinnota li l-President Putin ta struzzjonijiet lill-Ministeru tal-Intern Russu u lill-Prosekutur Federali biex jinvestigaw l-avveniniment fiċ-Ċeċenja; jitlob li titwettaq investigazzjoni bir-reqqa u kredibbli mingħajr dewmien; jitlob lill-UE u lill-Kunsill tal-Ewropa biex joffru l-appoġġ sħiħ tagħhom lill-awtoritajiet Russi għal din l-investigazzjoni;

4.  Ifakkar lill-Federazzjoni Russa fl-impjenji internazzjonali tagħha dwar ir-rispett għal-libertajiet fundamentali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, kif previst fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; jitlob li jittieħdu miżuri ta' protezzjoni immedjati favur individwi vulnerabbli li jistgħu jisfaw vittmi, u għar-riabilitazzjoni kompluta tal-vittmi kollha ta' tortura;

5.  Jissottolinja li l-UE affermat mill-ġdid l-impenn sod tagħha għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni fid-dinja kollha, inkluż diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' orjentazzjoni sesswali;

6.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-klima ta' impunità, li qed tippermetti li jseħħu dawn l-atti mingħajr konsegwenzi; jitlob li jiġu identifikati, imressqa l-qorti u kkastigati dawk li jwettqu r-reati;

7.  Jikkundanna t-theddid li sar kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ta' ġurnalisti u persuni oħra li qed jikxfu każijiet ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra persuni LGBTI;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika taċ-Ċeċenja.