Dokument ta' sessjoni

 

B8-0399/2017

7.6.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

( 2017/2703(RSP) )

Marie-Christine Vergiat, Merja Kyllönen, Javier Couso Permuy, Kateřina Konečná, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Kostas Chrysogonos, Sabine Lösing, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Tania González Peñas, Miguel Urbán Crespo, Xabier Benito Ziluaga, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou

f'isem il-Grupp GUE/NGL

<<<

B8-0399/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo:

( 2017/2703(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar in-nuqqasijiet fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo[1] u r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Konġunta bejn il-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Unjoni Ewropea (AKP-UE),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) li ġiet adottata fit-18 ta' Frar 2006, u b'mod partikolari l-Artikolu 56 tagħha, li jistipula li: "kull ftehim, kull konvenzjoni, kull arranġament jew kull azzjoni oħra li jkollhom il-konsegwenza li jċaħħdu lin-nazzjon, lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, parzjalment jew totalment, mill-mezzi ta' sussistenza tagħhom li jirriżultaw mir-riżorsi jew ir-rikkezzi naturali tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet internazzjonali dwar ir-reati ekonomiċi, għandhom jiġu kkunsidrati sakkeġġ u jsiru punibbli bil-liġi",

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-RDK, u dawk tat-2 ta' Awwissu 2016 u tal-24 ta' Awwissu 2016 dwar il-proċess elettorali fir-RDK b'segwitu għat-tnedija tad-djalogu nazzjonali fir-RDK,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE għar-RDK dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari dawk tat-23 ta' Novembru 2016 u tal-24 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, li ġie ppubblikat fis-27 ta' Lulju 2015, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivitajiet tal-Uffiċċju Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokoll II tagħha, li jipprojbixxu b'mod partikolari l-eżekuzzjonijiet sommarji, l-istupri, ir-reklutaġġ furzat u atroċitajiet oħra;

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-qbil rigward ir-regolament tal-UE dwar il-minerali ta' kunflitt li ġie approvat mill-Istati Membri fil-15 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) tal-15 ta' April 2015 dwar l-isfruttament u l-kummerċ illegali tar-riżorsi naturali minn gruppi kriminali organizzati,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-inkapaċità tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) li toffri rispons konsistenti għall-ġenoċidju u l-konsegwenzi tiegħu, kif ukoll il-kompliċità tal-pajjiżi b'interessi fir-reġjun, bħall-Istati Uniti, il-Belġju u Franza wasslu għal sitwazzjoni traġika fejn mijiet ta' eluf, jew saħansitra miljuni, ta' nies - skont xi Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi, kważi sitt miljun persuna - mietu mill-1996 'l hawn; billi l-Gvern Belġjan kien qed jagħti appoġġ lil Clément Kanku, l-ex Ministru għall-Iżvilupp li tkeċċa dax-xahar, u li għandu rabtiet mill-qrib mal-ġellieda fil-milizzji fiż-żona ta' Kasai;

B.  billi l-President Kongoliż Joseph Kabila, li ilu fil-poter mill-2001, ippospona l-elezzjonijiet u baqa' fil-poter oltre tmiem il-mandat kostituzzjonali tiegħu; billi dan il-fatt ikkawża tensjoni politika, taqlib u vjolenza bħal qatt qabel madwar il-pajjiż;

C.  billi l-Kostituzzjoni tar-RDK tistipula li President ma jistax iservi għal aktar minn żewġ leġiżlaturi fil-kariga u skont dak il-ftehim Joseph Kabila se jibqa' fil-poter sakemm isiru l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali sa mhux aktar tard minn Diċembru 2017;

D.  billi, mill-2012 'l hawn, l-instabbiltà reġgħet saret karatteristika tar-RDK u billi l-konsegwenzi ta' dik l-instabbiltà, bħall-ġlied u l-atroċitajiet, li kienu l-aktar prevalenti fil-provinċji tal-Kivu tat-Tramuntana u ta' Nofsinhar, fil-Lvant tal-pajjiż, swew il-ħajja ta' diversi eluf ta' persuni;

E.  billi s-sitwazzjoni fir-reġjun ta' Kasai hija estremament ikkumplikata, bit-taqlib li żviluppa bejn il-forzi tal-milizji u dawk tal-gvern, minn mindu nqatel il-mexxej tradizzjonali Kamwina Nsapu waqt operazzjoni militari b'segwitu għal rewwixta kontra l-awtoritajiet ta' Kinshasa f'Awwissu 2016;

F.  billi f'Kasai diġà saret xi medjazzjoni, immexxija minn Shadari Ramazani, Ministru għall-Intern mill-20 ta' Diċembru 2016, li qiegħed jinnegozja mal-familja tal-kap tradizzjonali mejjet;

G.  billi l-ftehim tal-31 ta' Diċembru 2016 kien pass 'il quddiem peress li jiggarantixxi li l-President Kabila mhuwiex se jipprova jikseb it-tielet mandat u jistabbilixxi l-bażijiet għall-"kunsill ta' tranżizzjoni nazzjonali" billi jista' jkun li se jkun hemm l-ewwel trasferiment paċifiku tal-poter fir-RDK minn mindu saret indipendenti fl-1960, billi diġà għaddejjin il-preparamenti għall-elezzjonijiet il-ġodda bir-reġistrazzjoni ta' aktar minn 24 miljun persuna s'issa;

H.  billi f'dawn l-aħħar ġimgħat ir-ribelli intensifikaw sedizzjoni antigovernattiva li ħalliet għexieren ta' mejta fuq iż-żewġ naħat; billi nhar id-29 ta' Marzu 2017, il-kadavri taċ-ċittadin tal-Istati Uniti, Michael Sharp, u taċ-ċittadina Żvediża, Zaida Catalan, żewġ esperti tan-NU li kienu ilhom ġimagħtejn li għebu, instabu fir-reġjun ċentrali ta' Kasai; billi fit-13 ta' Marzu, il-Gvern tar-RDK ħabbar li kienu "spiċċaw f'idejn forzi negattivi mhux identifikati"; billi nhar it-23 ta' April, il-Gvern tar-RDK wera filmat lill-ġurnalisti f'Kinshasa, u qal li fih kienu jidhru membri ta' milizja antigovernattiva jwettqu l-qtil taż-żewġ esperti, iżda mingħajr ma spjega kif il-filmat spiċċa fil-pussess tiegħu; billi n-NU qed twettaq l-investigazzjoni tagħha stess rigward il-qtil;

I.  billi, minkejja r-rifjut min-naħa ta' ċerti partijiet li jimplimentaw kompletament il-ftehim ta' Diċembru, għad fadal xi lok li jiġi ffaċilitat id-djalogu, iżda huwa inċert kif is-sanzjonijiet meħuda mill-Kunsill Ewropew fid-29 ta' Mejju 2017 se jgħinu sakemm titqiegħed pressjoni fuq kull naħa u jkun hemm evidenza ta' pjanijiet kredibbli favur id-djalogu; billi huwa probabbli li l-Unjoni Afrikana se topponi s-sanzjonijiet ġodda;

J.  billi l-President Kabila wasal f'Kasai ċentrali nhar it-30 ta' Mejju 2017; billi kien preżenti s-suċċessur tal-kap tradizzjonali kbir, Kamuina Nsapu, u dan seta' jitqies bħala sinjal ta' rikonċiljazzjoni u prova tar-rieda reali taż-żewġ partijiet li jikkonsolidaw il-paċi fir-reġjun ta' Kasai;

K.  billi, minn Awwissu 2016 'l hawn, kien hemm madwar 4 000 vittma, 30 000 rifuġjat li ħarbu lejn l-Angola u aktar minn 1,5 miljun persuna li ġew spostati internament, ċifri li jirrappreżentaw is-7 % tal-popolazzjoni totali tal-pajjiż; billi għad fadal aktar minn 400 000 rifuġjat Kongoliż li qed jgħixu fl-eżilju; billi r-rifuġjati li qed jaħarbu mill-kriżi umanitarja gravi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, pajjiż ġar, qed jaslu fir-RDK;

L.   billi l-ħafna delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, il-ksur fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem, ir-repressjoni tal-avversarji, l-istupri fuq skala massiċċa ta' nisa u bniet, kif ukoll ir-reklutaġġ furzat, speċjalment tat-tfal biex isiru ġellieda, jiġru ta' spiss fir-RDK;

M.  billi l-kumpaniji transnazzjonali jiffinanzjaw il-gruppi armati biex ikunu jistgħu jkomplu jisfruttaw ir-riżervi minerali tar-RDK; billi r-RDK għandha t-80 % tar-riżervi magħrufa tal-koltan, mineral li jintuża partikolarment fil-capacitors għal kompjuters u telefoni ċellulari, iżda billi l-benefiċċji tal-ġid li qed jinħoloq hekk jiggwadanjawhom il-kumpaniji multinazzjonali u mhux il-poplu Kongoliż; billi din is-sitwazzjoni ġiet ikkundannata ripetutament fir-rapporti li ppubblikat in-Nazzjonijiet Uniti; billi f'April 2015, Ibrahim Thiaw, il-Viċi Direttur Eżekuttiv tal-UNEP, iddikjara li l-qligħ annwali minn dan l-isfruttament tar-riżorsi naturali qabeż USD 1 biljun u li l-biċċa l-kbira tal-profitti - sa 98 % minnhom - tispiċċa għand impriżi internazzjonali, filwaqt li t-2 % li jifdal jintużaw għall-finanzjament tal-gruppi armati fir-RDK; billi l-qbil li l-Istati Membri laħqu fil-15 ta' Ġunju 2016 rigward ir-regolament tal-UE dwar il-minerali ta' kunflitt għadu 'l bogħod ferm minn dak li huwa rikjest peress li jkopri biss lill-"prodotti mhux ipproċessati", li jirrappreżentaw bejn l-10 % u l-15 % tal-importazzjonijiet tal-UE;

N.   billi l-pjanijiet ta' aġġustament strutturali li imponew l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bil-Bank Dinji fuq quddiem tagħhom, dgħajfu saħansitra aktar lill-pajjiż peress li ttrasformawh f'rifuġju ġuridiku u fiskali għall-kumpaniji multinazzjonali, b'mod partikolari fis-settur tal-minjieri; billi, b'riżultat ta' dawn il-pjanijiet ta' aġġustament strutturali, tħattew il-pilastri li jirfdu l-ekonomija Kongoliża u eluf ta' ħaddiema tilfu xogħolhom, biex b'hekk ċaħħdu lin-nies mill-għajxien tagħhom, aggravaw il-kundizzjonijiet ta' ħajjiethom u ffaċilitaw lill-gruppi industrijali kbar;

1.  Jikkundanna r-repressjoni li ġiet orkestrata mill-forzi tad-difiża u s-sigurtà; jappella favur il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni kollha detenuti arbitrarjament;

2.  Jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu rigward il-qawmien mill-ġdid tal-vjolenza hekk kif qed joqorbu l-elezzjonijiet; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu rispettati u protetti d-drittijiet għal-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, u jikkundanna kull forma ta' intimidazzjoni u fastidju, inkluż il-fastidju ġudizzjarju, fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-avversarji politiċi, kif ukoll ilħna indipendenti jew kritiċi oħra;

3.  Jikkunsidra li l-ġlieda kontra l-impunità għal ksur tal-liġi fil-qasam umanitarju u għal reati ekonomiċi u finanzjarji hija waħda mill-kundizzjonijiet indispensabbli biex titreġġa' lura l-paċi fir-RDK;

4.  Jikkondividi l-fehma tal-Unjoni Afrikana u tan-NU li t-tensjonijiet politiċi fil-pajjiż jistgħu jiġu ffaċilitati biss permezz ta' djalogu li jħaddan lill-partijiet u r-rappreżentanti kollha tas-soċjetà Kongoliża, bir-rispett strett tal-kostituzzjoni u l-interessi tal-popolazzjoni, u permezz ta' proċess ta' elezzjonijiet ħielsa, ġusti, trasparenti u kredibbli;

5.  Jinsab partikolarment imħasseb rigward is-sitwazzjoni tan-nisa fil-pajjiż, u d-delitti u d-diskriminazzjonijiet kontrihom; jikkunsidra li huwa essenzjali li l-awtoritajiet u tal-komunità internazzjonali jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex iġibu fi tmiemu l-istrupru fuq skala massiċċa bħala teknika bellika, jiggarantixxu l-aċċess għall-kura tas-saħħa pubblika u bla ħlas, b'mod partikolari għall-kura riproduttiva, kontraċettiva u abortiva, u jippromwovu ugwaljanza ġenwina bejn il-ġeneri;

6.  Jikkunsidra li t-tmiem tal-fenomenu tas-suldati tfal irid ikun prijorità għall-awtoritajiet u l-komunità internazzjonali;

7.  Jiddenunzja l-fatt li l-bżonnijiet bażiċi tal-popolazzjoni Kongoliża jiġu sistematikament issagrifikati għall-benefiċċju tal-interessi ekonomiċi u ġeopolitiċi tal-kumpaniji multinazzjonali u tal-potenzi barranin;

8.  Jikkunsidra, għalhekk, li s-sitwazzjoni drammatika fil-Lvant tar-RDK tista' tiġi solvuta għal żmien twil jekk tittieħed azzjoni biex jiġi żgurat li finalment il-popolazzjoni tibbenefika mir-riżorsi naturali; jisħaq li, sabiex jagħmel dan, jeħtieġ li l-pajjiż jirkupra s-sovranità tiegħu fuq ir-rikkezza naturali tiegħu billi jistabbilixxi kontroll fuq l-attività tal-kumpanijie transnazzjonali barranin u billi jiżviluppa l-infrastrutturi nazzjonali biex jisfrutta, jittrasforma u jikkummerċjalizza l-materja prima tiegħu, proċess li jinvolvi r-reviżjoni u r-revoka tal-kuntratti kollha fl-oqsma tal-minjieri u tal-forestrija bi qbil mal-Artikolu 56 tal-Kostituzzjoni Kongoliża b'mod li jiġi żgurat li dawn il-benefiċċji jiggwadanjawhom l-akbar ammont ta' nies u mhux minoranza;

9.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiġi garantit id-dritt tar-RDK għas-sovranità tal-ikel, li jinkludi d-dritt tar-raħħala li jipproduċu l-ikel għal nieshom, li jintemm il-ħtif tal-art u li jiġi żgurat l-aċċess tal-bdiewa għall-art, għaż-żerriegħa u għall-ilma;

10.  Jappella lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lill-Belġju, biex telimina l-ostakli għall-iżvilupp tar-RDK u għaldaqstant għall-paċi, billi jabolixxu l-pagamenti ta' dejn u ta' mgħax li l-pajjiż għadu jħallas u billi jimplimentaw kooperazzjoni internazzjonali ġenwina li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u s-sovranità tal-istat Kongoliż, minflok ftehimiet ta' kummerċ ħieles u pjanijiet ta' aġġustament strutturali; jappella lill-awtoritajiet tar-RDK biex jeżiġu l-awditjar tad-djun kollha tagħhom u l-kanċellament tad-djun illeġittimi kollha mal-kredituri barranin bil-ħsieb li d-dejn jiġi totalment eliminat u l-ħtiġijiet umani bażiċi tal-popolazzjoni tagħhom jiġu sodisfatti;

11.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex iżidu l-għajnuna finanzjarja u umanitarja biex jissodisfaw il-ħtiġijiet urġenti ta' dawn il-popolazzjonijiet; jappella biex l-għajnuna min-naħa tal-UE u l-Istati Membri tiġi pprovduta fil-forma ta' għotjiet u mhux self b'mod li l-piż tad-dejn ma jiżdiedx; jiddeplora l-fatt li ħafna Stati Membri tal-UE ma kisbux l-objettiv ta' 0,7 % f'għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp mill-introjtu nazzjonali gross, u li wħud naqqsu l-perċentwal tagħhom ta' għajnuna għall-iżvilupp; jiddeplora n-nuqqas ta' parteċipazzjoni min-naħa ta' xi Stati Membri fil-programmi ta' għajnuna alimentari;

12.  Iħeġġeġ biex l-għajnuna għall-iżvilupp ma tintużax biex tillimita jew tikkontrolla l-fruntieri, jew biex tiżgura r-riammissjoni tal-migranti; jappella biex l-assistenza min-naħa tal-UE u l-Istati Membri fir-RDK tkun prijorità sabiex jiġu solvuti l-problemi ta' inugwaljanzi profondi, faqar, malnutrizzjoni kronika, u aċċess għas-servizzi tas-saħħa u dawk pubbliċi, inkluża l-kura tas-saħħa riproduttiva, kif ukoll sabiex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jitlob, barra minn hekk, biex l-għajnuna alimentari tiżdied u tiġi primarjament intenzjonata għax-xiri ta' ikel mill-bdiewa lokali;

13.  Jafferma mill-ġdid li l-attivitajiet tal-impriżi Ewropej li joperaw f'pajjiżi terzi jridu jkunu kompletament konformi mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jappella biex l-Istati Membri jiżguraw li l-impriżi li jaqgħu fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ikunu għadhom obbligati jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jikkonformaw mal-istandards fl-oqsma soċjali, tas-saħħa u ambjentali imposti fuqhom jekk jistabbilixxu rwieħhom jew iwettqu l-attivitajiet tagħhom fi stat terz; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri neċessarji kontra l-kumpaniji Ewropej li ma jikkonformawx ma' dawn l-istandards jew li ma jagħtux kumpens xieraq lill-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jkun direttament jew indirettament relatat mar-responsabbiltà tagħhom; jitlob l-implimentazzjoni rapida tal-ftehim li laħqu l-Istati Membri fil-15 ta' Ġunju 2016 rigward ir-regolament tal-UE dwar il-minerali ta' kunflitt u t-tkomplija tal-ħidma fil-livell tal-UE u tan-NU favur l-estensjoni tal-leġiżlazzjoni internazzjonali dwar din il-kwistjoni;

14.  Jappella b'mod partikolari biex ir-RDK twaqqaf inkjesta indipendenti rigward l-istandards soċjali u ambjentali tal-kumpaniji Ewropej, b'mod partikolari dawk fis-settur tar-riżorsi naturali, u r-rabtiet li dawn il-kumpaniji jista' jkollhom mal-finanzjament ta' gruppi armati; jappella wkoll biex tinfetaħ investigazzjoni internazzjonali biex tixħet dawl fuq l-allegazzjonijiet ta' kompliċità bejn il-pjanijiet ta' aġġustament strutturali, l-appoġġ finanzjarju mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u r-reati li jitwettqu fil-pajjiż;

15.  Jopponi kull tentattiv biex il-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni jiġu esternalizzati lejn pajjiżi terzi; jiddenunzja l-fatt li l-proċess ta' Rabat, li r-RDK hija parti kkonċernata fih, ma jippermettix li jiġu indirizzati l-kawżi li huma l-għeruq tal-migrazzjoni iżda sempliċement jippromwovi l-politiki ta' ripatrijazzjoni u riammissjoni; jikkunsidra li dawn il-politiki jmorru kontra d-dritt għal-libertà ta' moviment u d-dritt għall-ażil, u jappella f'dan ir-rigward għal tmiem minnufih tan-negozjati mar-RDK fi ħdan il-qafas tal-proċess ta' Rabat;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani, lill-President, il-Prim Ministru u l-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, kif ukoll lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

 

[1] ĠU C 371E, 20.12.2011, p. 1.