Dokument ta' sessjoni

 

B8‑0439/2017

22.6.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0319/2017

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa

( 2017/2732(RSP) )

Angelo Ciocca, Nicolas Bay, Jean-Luc Schaffhauser, Lorenzo Fontana

f'isem il-Grupp ENF

 

B8‑0439/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa

( 2017/2732(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 145 sa 150 u l-Artikolu 173 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa ( O-000047/2017 – B8-0319/2017 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-ekonomiji avvanzati kollha l-impjiegi fis-settur tal-manifattura naqsu b'mod ftit jew wisq qawwi mill-bidu tas-snin sittin tas-seklu għoxrin; billi d-deindustrijalizzazzjoni hija fenomenu li jippreċedi l-mewġa ta' globalizzazzjoni ekonomika li bdiet fis-snin disgħin iżda li mxiet b'rata aktar mgħaġġla minħabba l-globalizzazzjoni;

B.  billi llum, f'diversi ekonomiji avvanzati, is-settur industrijali jimpjega saħansitra anqas minn 10 % tal-forza tax-xogħol, jiġifieri livelli kemxejn ogħla minn meta bdiet l-industrijalizzazzjoni madwar l-1900; billi dan ifisser li fil-fatt l-ekonomiji avvanzati huma ridotti għal sempliċi importaturi ta' oġġetti mmanifatturati bi prezz baxx li l-produzzjoni tagħhom ġiet rilokata f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

C.  billi, bid-diġitalizzazzjoni, l-inizjattivi ekonomiċi, inklużi dawk ta' suċċess, huma karatterizzati minn intensità baxxa ta' xogħol u speċjalizzazzjoni għolja; billi d-diġitalizzazzjoni tal-proċessi ta' produzzjoni se jkollha fi żmien qasir impatt kbir ħafna fuq in-natura tal-impjiegi eżistenti tas-settur industrijali u ta' setturi oħra; billi dan se jinvolvi bidla fl-istruttura tas-suq, li twassal fuq kollox għal aktar frammentazzjoni u inugwaljanza bejn tipi ta' xogħol, u għalhekk, fost oħrajn, f'termini ta' rimunerazzjoni, protezzjoni soċjali u prospetti tal-karriera;

D.  billi l-iżbilanċi makroekonomiċi interni fl-Unjoni, aggravati mill-effetti tal-appartenenza għaż-żona tal-euro u l-politiki ta' awsterità sussegwenti, wasslu għal fenomenu ta' eżodu ta' mħuħ ("human capital flight" jew "brain drain") għad-detriment tal-iktar pajjiżi dgħajfa, li qed irendi l-ekonomiji tagħhom strutturalment dipendenti fuq il-pajjiżi l-aktar b'saħħithom;

E.  billi, fil-qasam tal-industrija, l-UE għandha biss kompetenza ta' appoġġ; billi l-uniku skop tal-azzjoni tal-UE f'dan ir-rigward huwa l-kompetittività[1], sabiex tippromwovi merkantiliżmu bbażat fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni (salarji) u t-tnaqqis għal żero tad-domanda interna; billi huwa evidenti ferm li dan il-mudell merkantilista ma japplikax għall-ekonomiji tal-Istati Membri kollha eżattament bl-istess mod, u f'xi każijiet ma jirrispettax id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali;

F.  billi l-finanzjament tal-UE, peress li huwa marbut unikament ma' parametri dimensjonali u mhux mal-elementi fundamentali makroekonomiċi, u peress li l-finanzjament huwa maħsub għal skopijiet struttural u mhux għal dawk ċikliċi mhuwiex kapaċi joffri protezzjoni effikaċi kontra xokkijiet ekonomiċi;

G.  billi, fid-dawl tat-tendenzi ekonomiċi attwali fit-tul u tal-politiki proċikliċi adottati mill-UE, l-għan, li l-UE stess stabbiliet, li l-industrija tirrappreżenta mill-inqas 20 % tal-PDG tal-UE sal-2020 mhux se jkun jista' jintlaħaq b'mod ċar, kif mhux se jintlaħqu l-għanijiet ta' impjieg sħiħ u ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

H.  billi l-limitazzjonijiet baġitarji Ewropej wasslu għat-tfaqqir tal-infrastruttura ta' diversi Stati Membri, inklużi l-infrastrutturi pubbliċi bażiċi bħal skejjel, sptarijiet, għases tal-pulizija u netwerks tat-trasport;

I.  billi, mingħajr separazzjoni ċara bejn l-attivitajiet bankarji tradizzjonali u l-attivitajiet bankarji ta' investiment, il-banek gradwalment iffavorew l-attivitajiet finanzjarji u spekulattivi, u b'hekk naqqsu mill-ekonomija l-kreditu neċessarju għal mobilizzazzjoni adegwata ta' investimenti privati fis-settur tal-industrija; billi l-politiki dwar l-Unjoni Bankarja, flimkien mal-politika monetarja tal-BĊE, ikkontribwew saħansistra biex il-fenomenu jaggrava;

J.  billi strateġija industrijali, sabiex tkun effikaċi, trid tinkludi azzjoni politika kkordinata f'diversi oqsma: l-infrastruttura, il-kummerċ, l-enerġija, ix-xogħol, ir-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll il-finanzi pubbliċi u privati;

1.  Iqis li kwalunkwe prospettiva ta' tkabbir tal-ekonomija u tal-impjieg u ta' innovazzjoni tista' sseħħ biss permezz ta' reindustrijalizzazzjoni profonda, li jfisser li l-produzzjoni terġa' tinġieb lura;

2.  Jissottolinja l-fatt li l-produzzjoni in loco hija fattur essenzjali, anke biex ir-"rivoluzzjoni diġitali" fis-seħħ tkun sostenibbli u l-benefiċċji li joriġinaw minnha jistgħu jaslu għand kulħadd, peress li tagħmel mod li s-suq tax-xogħol joffri possibbiltà oħra lill-professjonijiet li ftit ftit qed isiru obsoleti; jissottolinja wkoll li, li min-naħa l-oħra, huwa indispensabbli li kull Stat Membru jerġa' jitqiegħed f'pożizzjoni li jipprovdi protezzjoni soċjali adegwata lil dawk li ma jirnexxilhomx jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta miżuri ta' politika kummerċjali bl-għan li jiddiżinċentivaw l-importazzjoni ta' oġġetti u servizzi delokalizzati; iqis li tali miżuri jistgħu jkunu aktar effikaċi jekk ikunu akkumpanjati minn inċentivi, min-naħa tal-Istati Membri, għar-rilokazzjoni tal-produzzjoni u għaż-żamma in loco tal-produzzjoni eżistenti;

4.  Iqis li l-ewwel passi li għandhom jittieħdu jinkludu l-adozzjoni ta' politiki nazzjonali ta' investiment pubbliku fl-infrastruttura, ir-ristrutturar tal-istokk eżistenti ta' bini pubbliku u privat (anke għall-fini tat-titjib tal-effiċjenza enerġetika), ir-restawr u l-konservazzjoni ta' beni kulturali u arkitettoniċi, l-infrastruttura biex titħares l-art (pereżempju kontra r-riskji ta' diżastri naturali jew instabbiltà idroġeoloġika), ir-restawr u l-modernizzazzjoni ta' infrastruttura bażika (skejjel, sptarijiet, għases tal-pulizija, netwerks ta' toroq u ferroviji, ajruporti, portijiet, eċċ.); iqis bl-istess mod li politiki analogi ta' investiment fl-industrija ta' livell għoli huma prijorità;

5.  Josserva li l-finanzjament tal-Unjoni, għalkemm imfassal bħala għodda ta' kumpens tal-iżbilanċi bejn l-Istati Membri, fil-prattika huwa mekkaniżmu ta' amplifikazzjoni ta' dawn l-iżbilanċi, li jintervjeni permezz tar-rikors għaż-żewġ prinċipji ta' konfinanzjament u kundizzjonalità; jinnota li dan ifisser li l-finanzjament tal-Unjoni jista' jkun mekkaniżmu partikolarment qarrieqi ta' kontroll min-naħa tal-UE tal-politiki ta' nfiq tal-Istati Membri; iqis għalhekk, għall-fini ta' strateġija ta' reindustrijalizzazzjoni effikaċi, li l-finanzjament tal-Unjoni mhuwiex l-aktar strument xieraq, kuntrarjament għall-investimenti pubbliċi u privati; jappella biex l-investimenti tal-Istati Membri jinħelsu mil-limitazzjonijiet baġitarji Ewropej;

6.  Iqis xieraq li jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet biex ikun żgurat li, flimkien mal-investimenti pubbliċi, jiġu mobilizzati l-investimenti privati b'mod adegwat; jissottolinja, għal dan l-għan, il-ħtieġa ta' separazzjoni ċara bejn l-attivitajiet bankarji tradizzjonali u l-attivitajiet bankarji ta' investiment;

7.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li l-Unjoni ma tistax tintroduċi "kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri"[2] fir-rigward tal-industrija;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

[1] Artikolu 173(1) TFUE.
[2] Artikolu 173(3) TFUE.