Dokument ta' Sessjoni

 

B8-0445/2017

28.6.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0319/2017

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa

( 2017/2732(RSP) )

Patrizia Toia

f'isem il-Grupp S&D

 

B8‑0445/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa

( 2017/2732(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 152, 153(1) u (2), u 173 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 14, 27 u 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tat-TUE u l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2010 bit-titolu "Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi" ( COM(2010)0682 ),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà[1],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew" ( COM(2014)0014 ),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' ( COM(2015)0497 ),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea Aktar B'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" ( COM(2012)0582 ),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida Politiċi tal-President Juncker bit-titolu "Bidu ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda Tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-bżonn ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti Caterpillar u Alstom[2],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-15 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda tal-Kompetittività Industrijali, dwar it-trasformazzjoni diġitali tal-industrija Ewropea u dwar il-Pakkett "Teknoloġiji tas-Suq Uniku Diġitali u l-Modernizzazzjoni tas-Servizzi Pubbliċi",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar politika industrijali għall-era globalizzata[3],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 dwar "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea - Ingawdu l-benefiċċji kollha ta' Suq Uniku Diġitali" (COM/2016/0180),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea[4],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2017 dwar strateġija politika industrijali futura tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa ( O-000047/2017 – B8-0319/2017 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-industrija Ewropea hija mexxejja globali f'bosta setturi industrijali, hekk kif tirrappreżenta aktar min-nofs tal-esportazzjonijiet tal-Ewropa, u madwar 65 % tal-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp, u tipprovdi aktar minn 50 miljun impjieg (kemm diretti kif ukoll indiretti, jiġifieri 20 % tal-impjiegi fl-Ewropa);

B.  billi 65 % tal-infiq tan-negozju fuq ir-R&Ż isir mill-industrija tal-manifattura u billi t-tisħiħ tal-bażi industrijali tagħna huwa għalhekk essenzjali biex l-għarfien espert u n-know-how jinżammu fl-UE; billi l-iżvilupp diġitali, prijorità tal-Pjan Juncker, jeħtieġ bażi industrijali b'saħħitha jekk irid jitwettaq;

C.  billi l-imprendituri nisa jirrappreżentaw biss 31 % tal-popolazzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom tal-UE u 30 % tal-imprendituri ta' start-ups;

D.  billi l-industrija Ewropea jeħtieġ li tippreżerva l-kompetittività u l-kapaċità tagħha li tinvesti fl-Ewropa, u billi taffaċċja wkoll sfidi soċjali u ambjentali li jeħtiġilha tindirizza, b'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali, filwaqt li tibqa' mexxejja f'termini tar-responsabbiltà soċjali u ambjentali;

E.  billi politika ta' innovazzjoni ambizzjuża li tiffavorixxi l-produzzjoni ta' prodotti ta' kwalità għolja, innovattivi u effiċjenti fl-enerġija u tippromwovi proċessi sostenibbli se tippermetti li l-UE żżomm fuq saqajha f'kuntest fejn id-dinja qed issir dejjem aktar kompetittiva;

F.  billi l-kummerċ ġust tal-prodotti industrijali jrid jirrispetta d-drittijiet tal-ħaddiema u r-regoli ambjentali; billi l-investiment fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija huma xprunatur importanti għall-investiment fi prodotti industrijali li kapaċi joħolqu ċrieki virtużi; billi l-innovazzjoni u l-investiment fir-R&Ż, fl-impjiegi u fit-tiġdid tal-ħiliet huma essenzjali għat-tkabbir sostenibbli;

1.  Jissottolinja r-rwol essenzjali tal-industrija bħala xprunatur tat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa;

2.  Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ u l-immodernizzar tal-bażi industrijali fl-Ewropa, filwaqt li jfakkar il-mira tal-UE li sal-2020 20 % tal-PDG tal-Unjoni jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-industrija;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Istati Membri, tippreżenta sa kmieni fl-2018, proposta leġiżlattiva għal strateġija tal-Unjoni għal politika industrijali konsistenti u komprensiva mmirata lejn ir-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa, li tistabbilixxi pjan ta' azzjoni konkret li jipprovdi miri ambizzjużi u skedi għal miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi biex jintlaħqu dawn il-miri; jistieden lill-Kummissjoni biex tibbaża din l-istrateġija fuq valutazzjoni tal-impatt tal-integrazzjoni tal-politika industrijali fl-inizjattivi strateġiċi ta' politika tal-UE u djalogu estensiv mal-partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab soċjali u l-membri tal-isfera akkademika; jenfasizza l-fatt li strateġija tal-Unjoni bħal din trid tkun ibbażata fost l-oħrajn fuq id-diġitalizzazzjoni (b'mod partikolari l-integrazzjoni ta' teknoloġiji intelliġenti, l-analitika tal-big data u r-robotika fil-ktajjen tal-valur industrijali), is-sostenibbiltà, l-ekonomija ċirkolari, l-effiċjenza fl-enerġija u riżorsi adegwati; jemmen li l-qafas regolatorju Ewropew jenħtieġ li jippermetti lill-industriji jadattaw għall-bidliet ikkonċernati u jieħdu azzjoni antiċipatorja sabiex jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, it-tkabbir u l-konverġenza reġjonali;

4.  Jenfasizza r-rwol tal-SMEs bħala s-sinsla tal-industrija tal-UE u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi segwita l-politika industrijali tal-UE b'mod kompatibbli mal-SMEs; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' ambjent favorevoli għan-negozju billi jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi għall-SMEs u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali kollha tal-UE (bħall-kooperattivi) u billi jiġu appoġġjati r-raggruppamenti, in-netwerks tan-negozju u ċ-ċentri ta' innovazzjoni diġitali;

5.  Huwa konvint li l-industrija Ewropea jenħtieġ li titqies bħala vantaġġ strateġiku għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-UE; jissottolinja l-fatt li huma biss industrija b'saħħitha u reżiljenti u politika industrijali orjentata lejn il-futur li se jippermettu lill-UE taffaċċja l-isfidi differenti li qed jistennewha, inklużi r-reindustrijalizzazzjoni tagħha, it-tranżizzjoni tagħha lejn is-sostenibbiltà u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità; jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom bżonn jantiċipaw aħjar dawn is-sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi u jiżguraw il-kompetittività u s-sostenibbiltà tan-netwerk industrijali tagħna;

6.  Jissottolinja li sabiex l-industrija tal-Unjoni tiġi appoġġjata biex taffaċċja l-isfidi ta' bidliet ekonomiċi u regolatorji rapidi fid-dinja globalizzata tal-lum huwa essenzjali li tissaħħaħ l-attraenza industrijali tal-Ewropa għall-investiment dirett Ewropew u barrani (IDB);

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis il-kompetittività u s-sostenibbiltà industrijali fl-inizjattivi ewlenin tal-politika kollha tagħha;

8.  Jissottolinja li skont l-istatistiċi u l-istħarriġiet disponibbli, in-nisa huma sottorappreżentati f'ħafna mill-karigi xjentifiċi, fl-inġinerija u maniġerjali u f'livelli ta' ġerarkija ogħla; jinnota li n-nisa huma ferm sottorappreżentati f'oqsma edukattivi u karrieri relatati max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), li jammontaw għal 24 % biss tal-professjonisti fil-qasam tax-xjenza u tal-inġinerija; jenfasizza l-fatt li l-professjonisti nisa fl-industriji tal-manifattura huma assi għall-UE li jirrikjedi r-riżorsi disponibbli kollha sabiex l-UE tirkupra definittivament mill-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji u sabiex tkun tista' taffaċċja bidliet soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-isfidi u l-ostakli li n-nisa jaffaċċjaw meta jsiru imprendituri u biex tippromwovi u tappoġġja t-tmexxija femminili anke permezz ta' ugwaljanza fis-salarji u aċċess ġust għall-karigi kollha tal-impjieg;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jintuża kompletament il-potenzjal tal-industrija fir-rigward tat-teknoloġiji ambjentali u biex jiġi żgurat li l-industriji jiżviluppaw u jxerrdu b'mod kostanti l-aħjar tekniki disponibbli u l-innovazzjonijiet emerġenti, b'hekk jinħoloq vantaġġ kompetittiv għall-industrija Ewropea li jenħtieġ li tistinka biex toffri l-aktar prodotti sostenibbli bl-inqas spejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-aspetti ambjentali jiġu integrati f'politiki oħrajn, bħall-ekonomija u l-industrija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex jiġi stabbilit approċċ koerenti u komuni; iqis li l-azzjonijiet imwettqa fl-Unjoni jenħtieġ li jiġu kkomplementati wkoll b'azzjonijiet imsaħħa fuq livell internazzjonali u b'kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi sabiex jiġu indirizzati sfidi komuni;

11.  Jemmen li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u tal-ispejjeż ta' konformità għan-negozji, u l-ħtieġa li jiġu żgurati standards għoljin tal-protezzjoni tal-konsumatur, tal-impjegat, tas-saħħa u tal-ambjent, iridu jkunu l-komponenti ewlenin ta' kwalunkwe politika ta' reindustrijalizzazzjoni tal-UE;

12.  Jappella biex din il-politika industrijali tal-UE tkun ibbażata fuq miri u indikaturi ċari, inklużi objettivi ambizzjużi dwar l-effiċjenza fl-enerġija, ir-riżorsi u l-klima, u fuq approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja u l-ekonomija ċirkolari;

13.  Jitlob li fl-istrateġija industrijali tal-UE jiġu integrati strumenti finanzjarji u miżuri ekoloġiċi effettivi li jgħinu biex tiżdied it-trasparenza tas-suq fir-rigward tar-riskju tal-karbonju, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp sostenibbli tal-industrija fir-rigward tal-għanijiet stabbiliti fil-Ftehim ta' Pariġi;

14.  Jitlob li jkun hemm aktar konsistenza bejn il-politika kummerċjali u l-politika industrijali, sabiex il-politika kummerċjali tqis il-bżonnijiet tal-industrija Ewropea u sabiex il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' ftehimiet kummerċjali ma twassalx għal rilokazzjonijiet ġodda u għal aktar deindustrijalizzazzjoni fl-UE; jinnota f'dan il-kuntest l-importanza li d-dibattitu jinkludi kif għandha tissaħħaħ ir-reproċità fl-oqsma tal-akkwist pubbliku u l-investiment; jilqa' l-inizjattiva li jiġu analizzati l-investimenti minn pajjiżi terzi f'setturi strateġiċi;

15.  Jissottolinja r-rwol tas-sħab soċjali fl-iżvilupp ta' strateġija industrijali koerenti, li trid tinkorpora dimensjoni soċjali sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tax-xogħol ma jiġux imminati mit-tranżizzjoni industrijali attwali; jenfasizza li innovazzjoni fil-post tax-xogħol ta' suċċess tiddependi fuq il-parteċipazzjoni tal-ħaddiem u b'mod partikolari fuq relazzjonijiet industrijali tajbin bejn il-ħaddiema u l-maniġment, peress li l-innovazzjoni spiss hija r-riżultat tal-identifikazzjoni mill-ħaddiema ta' kif jistgħu jagħmlu titjib fl-ambjenti tax-xogħol, il-prodotti finali jew il-metodi ta' manifattura tagħhom;

16.  Jenfasizza li l-industrija Ewropea taffaċċja kompetizzjoni globali, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tevalwa mill-ġdid id-definizzjonijiet tas-suq u s-sett attwali ta' regoli ta' kompetizzjoni tal-UE sabiex iqisu l-evoluzzjoni ta' swieq globali rispettivi u għaldaqstant ikunu permessi sħubijiet u alleanzi strateġiċi u sabiex l-iżvilupp ta' atturi b'massa kritika suffiċjenti jlaħħqu mal-kompetizzjoni internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid wkoll id-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE sabiex tqis b'mod aktar adegwat il-ħolqien tar-rwol ta' atturi nazzjonali ewlenin f'pajjiżi terzi u tikkunsidra l-istandards soċjali, tat-tassazzjoni u ambjentali sabiex jiġu evitati forom ġodda ta' dumping;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġija tal-antidumping u tal-antisussidji kompatibbli mad-WTO konsistenti u effettiva għall-UE li tqis kwalunkwe tip ta' dumping, inkluż in-nuqqas ta' konformità mal-istandards internazzjonali soċjali, ambjentali u tat-tassazzjoni;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar attenzjoni lir-rwol ta' intrapriżi tal-Istat barranin li huma appoġġjati u ssussidjati mill-gvernijiet tagħhom b'modi li r-regoli tas-suq uniku tal-UE jipprojbixxu għall-entitajiet tal-UE;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-IDB ta' pajjiżi terzi fl-UE, fl-interess tas-sigurtà u l-protezzjoni tal-aċċess għal teknoloġiji futuri ewlenin filwaqt li tikkunsidra li l-Ewropa tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-IDB u jenħtieġ li tibqa' ġeneralment miftuħa sew għall-investiment barrani;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi ambjent regolatorju għal pjattaformi biex tiżgura l-konsistenza tar-regolamenti fi ħdan l-UE, inkluż b'fokus fuq il-ħtieġa ta' ċertezza regolatorja, regoli xierqa u ċari u l-istess kundizzjonijiet ekwi;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi dwar il-fluss liberu tad-data, iċ-ċibersigurtà u s-sjieda tad-data li kapaċi jappoġġjaw il-kompetittività tal-industrija Ewropea u t-trasformazzjoni diġitali tagħha, filwaqt li jiżguraw l-ogħla livelli tal-protezzjoni tad-data;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi kkoordinati tal-UE biex tiġi segwita l-promozzjoni ta' ħiliet ġodda kif ukoll taħriġ mill-ġdid, titjib tal-ħiliet u tagħlim tul il-ħajja kif irrakkomandat mill-Kummissjoni fl-Aġenda tagħha għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda; jitlob li ssir konsultazzjoni xierqa mas-sħab soċjali dwar l-iżvilupp tagħhom;

23.  Jitlob li jiġu promossi alleanzi tal-innovazzjoni trasversali sabiex tingħeleb is-sitwazzjoni tal-approċċi tal-politika industrijali ddominati mid-dipartimentaliżmu li toħnoq il-potenzjal innovattiv; iqis ir-rwol tal-investiment pubbliku bħala strateġiku fl-iżvilupp ta' dan l-objettiv u jitlob biex l-UE tappoġġja l-investiment pubbliku fl-innovazzjoni;

24.  Ifakkar fir-rwol importanti tal-istandardizzazzjoni tal-UE u jħeġġeġ fokus b'saħħtu fuq ir-rwol mexxej tal-UE fl-organizzazzjonijiet internazzjonali għall-istandardizzazzjoni;

25.  Jieħu nota tal-ħtieġa li jiġu kkoordinati l-isforzi tal-UE lejn it-tnaqqis tad-dipendenza tar-riżorsi fuq pajjiżi terzi permezz ta' fokus kwadruplu ta':

a.  aċċess ġust għas-suq internazzjonali għar-riżorsi

b.  estrazzjoni domestika sostenibbli

c.  innovazzjonijiet effiċjenti fit-teknoloġija

d.  l-ekonomija ċirkolari

b'kontribuzzjonijiet tal-UE għal governanza tal-politika tar-riżorsi globali multilaterali;

26.  Jemmen li x-xejriet il-kbar tal-globalizzazzjoni u tad-diġitalizzazzjoni jirrappreżentaw l-akbar sfidi għall-kumpaniji Ewropej u l-impjegati tagħhom u, fl-istess ħin, jisfidaw lil dawk li jfasslu l-politika minħabba d-dinamiżmu għoli fl-iżviluppi u n-natura trasversali tagħhom; għalhekk, huwa konvint li l-politika Ewropea trid tiġi adattata sabiex tkun tista' tappoġġja t-tkabbir industrijali Ewropew u tiżgura impjiegi siguri ta' kwalità fl-industrija tal-manifattura f'dan il-kuntest li qed jevolvi malajr; jissottolinja li strateġija ta' politika industrijali ġdida trid tallinja oqsma politiċi differenti mal-politika industrijali - l-aktar importanti l-kummerċ, l-ambjent, ir-riċerka, l-investiment, il-kompetizzjoni, l-enerġija u l-klima - sabiex tifforma approċċ koerenti wieħed; huwa konvint li strateġija ta' politika industrijali trid tgħaqqad elementi orizzontali ma' approċċi speċifiċi f'setturi strateġiċi importanti b'mod intelliġenti;

27.  Iħeġġeġ approċċ politiku industrijali tal-UE komprensiv li jagħti prijorità għolja lit-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur tal-UE u l-integrazzjoni tar-reġjuni kollha tal-UE f'netwerk ta' industrija tal-UE mġedda, filwaqt li tiġi żgurata koeżjoni territorjali ġenerali;

28.  Jitlob li titfassal strateġija industrijali reġjonali bilanċjata li kapaċi tnaqqas id-distakk bejn l-aktar u l-inqas reġjuni industrijalizzati tal-UE, u b'hekk tgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE dwar il-konverġenza reġjonali;

29.  Jenfasizza l-importanza ta' adozzjoni f'waqtha ta' strateġija tal-UE, peress li din tista' tinfluwenza wkoll id-diskussjonijiet dwar l-oqsma ta' attenzjoni fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) il-ġdid u b'mod partikolari l-istrumenti tas-CEF, tal-FP9 u tal-FSIE;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

[1]1 ĠU C 482, 23.12.2016, p. 89.
[2]2 Testi adottati, P8_TA(2016)0377
[3]1 ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 131.
[4]2 Testi adottati, P8_TA(2017)0240