Dokument ta' sessjoni
28.6.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-Mistoqsija għal Tweġiba Orali B8-0319/2017
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa
( 2017/2732(RSP) )
Reinhard Bütikofer
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bini ta' strateġija industrijali ambizzjuża tal-UE bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa
( 2017/2732(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 152, 153(1), 2, 191, 192, 193 u 173 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 14, 27 u 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2010 bit-titolu "Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi' ( COM(2010)0682 ),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar politika industrijali għall-era globalizzata[1],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku" ( COM(2012)0582 ),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 intitolata "Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew" ( COM(2014)0014 ),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà[2],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' ( COM(2015)0497 ),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-bżonn ta' politika ta' reindustrijalizzazzjoni Ewropea fid-dawl tal-każijiet reċenti Caterpillar u Alstom[3],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea[4],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2017 dwar strateġija ta' politika industrijali futura tal-UE,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar "il-bini ta' strateġija industrijali tal-UE ambizzjuża bħala prijorità strateġika għat-tkabbir, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa" ( O-000047/2017 — B8–0319/2017 ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-industrija Ewropea qiegħda fuq quddiem nett globalment f'bosta setturi industrijali, tammonta għal aktar minn nofs l-esportazzjonijiet tal-UE u għal madwar 65 % tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp (R&D), u tipprovdi aktar minn 50 miljun impjieg permezz ta' impjieg dirett u indirett, jiġifieri 20 % tal-impjiegi kollha fl-Unjoni;
B. billi l-industrija Ewropea teħtieġ li tiġi ppreservata l-kapaċità tagħha li tinvesti fl-Ewropa u li jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u ambjentali u li tibqa' minn ta' quddiem nett f'termini ta' responsabilità soċjali u ambjentali;
C. billi 65 % tal-infiq tan-negozju fuq ir-R&Ż isir mill-industrija tal-manifattura u billi, għaldaqstant, it-tisħiħ tal-bażi industrijali tal-UE huwa essenzjali biex l-għarfien espert u n-know-how jinżammu fl-UE;
D. billi quddiem sfidi globali bħat-tibdil fil-klima, huwa essenzjali li l-effiċjenza fl-enerġija u r-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari jkunu fil-qalba tat-tiġdid tal-industrija Ewropea jekk din biħsiebha żżomm il-kompetittività tagħha fil-ġejjieni;
E. billi politika ta' innovazzjoni ambizzjuża li tiffavorixxi l-produzzjoni ta' prodotti ta' kwalità għolja, innovattivi u effiċjenti fl-enerġija u tippromwovi proċessi sostenibbli se tippermetti li l-UE jkollha suċċess f'kuntest dinji kompetittiv;
F. billi l-kummerċ ġust fil-prodotti industrijali jrid jirrispetta l-istandards għoljin tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-leġiżlazzjoni ambjentali, kemm fl-UE kif ukoll f'pajjiżi terzi;
G. billi l-investiment fl-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari huwa mutur ewlieni għal investiment fi prodotti industrijali li kapaċi joħolqu ċrieki pożittivi;
H. billi fl-aħħar għexieren ta' snin il-produttività tax-xogħol kibret b'mod ħafna aktar mgħaġġel mill-produttività tar-riżorsi, filwaqt li l-istimi juru li x-xogħol jirrappreżenta inqas minn 20 % tal-ispejjeż ta' produzzjoni, waqt li r-riżorsi jirrappreżentaw 40 %;
I. billi s-setturi tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli waħedhom jistgħu joħolqu 5 miljun impjieg dirett u ħafna aktar indiretti sal-2020;
J. billi l-innovazzjoni u l-investiment fir-R&D, l-impjiegi u t-tiġdid tal-ħiliet huma essenzjali għall-kompetittività u s-sostenibbiltà;
K. billi l-pajjiżi bl-ogħla rati ta' innovazzjoni huma dawk bi strateġija industrijali ċara; billi l-pajjiżi u s-setturi li huma l-aktar effiċjenti fir-riżorsi huma dawk l-aktar kompetittivi;
L. billi fil-manifattura industrijali, kif ukoll minn perspettiva ta' ġid pubbliku, fokus esklussiv fuq ir-redditu finanzjarju fuq żmien qasir u qligħ kapitali fuq perjodu qasir kien għad-detriment tal-innovazzjoni, l-investiment fir-R&D, l-impjiegi, il-pagi u t-tiġdid tal-ħiliet;
M. billi s-settur ekoloġiku kien wieħed mill-ħallieqa netti ewlenin fl-Ewropa matul ir-riċessjoni u billi kumpaniji bi pjan għal żmien twil biex joperaw fl-ekonomija ekoloġika joħolqu impjiegi li huma aktar reżiljenti għall-esternalitajiet attwali tal-ekonomija globalizzata;
N. billi l-potenzjal għal espansjoni fl-impjiegi ekoloġiċi huwa mxekkel minn defiċenza fil-ħiliet u diskrepanza kkawżati inter alia mill-varjabbiltà tal-kurrikuli fir-rigward tas-sostenibbiltà, in-nuqqasijiet identifikati f'setturi partikolari u nuqqas ta' studenti bil-ħiliet STEM (ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika) u dawk fl-IT meħtieġa;
O. billi hemm il-ħtieġa li l-ħaddiema jkunu ppreparati fil-mument opportun għall-bidla lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekonomija favur il-klima b'potenzjal enormi ta' impjieg;
P. billi l-intraprendituri nisa jirrappreżentaw 31 % tal-popolazzjoni tal-UE li jaħdmu għal rashom u 30 % tal-intraprendituri ta' 'start-ups'; billi n-nisa huma sottorappreżentati fil-parti l-kbira tal-impjiegi xjentifiċi, tal-inġinerija u f'karigi maniġerjali u fil-livelli ġerarkiċi ogħla;
Insaħħu l-ekonomija reali permezz ta' politika sostenibbli ta' reindustrijalizzazzjoni
1. Jenfasizza r-rwol essenzjali li taqdi l-industrija bħala mutur għall-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità fl-Ewropa; jenfasizza l-importanza tal-immodernizzar tal-bażi industrijali tal-UE u jfakkar fl-aspirazzjoni tal-UE li 20 % tal-PDG tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq l-industrija sal-2020;
2. Jinsab konvint li l-industrija Ewropea għandha titqies bħala valur strateġiku għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-UE; jenfasizza li hija biss industrija reżiljenti u politika industrijali orjentata lejn il-futur li ser jippermettu lill-UE tiffaċċja l-isfidi li ġejjin, inkluża ż-żieda fil-pressjoni tal-globalizzazzjoni fuq diversi setturi tal-industrija Ewropea, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tar-riżorsi u l-ħtieġa ta' tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà;
3. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għal approċċ komuni u komprensiv tal-politika industrijali tal-UE, li għandu jiġi ppreżentat sa nofs l-2018, ibbażat inter alia fuq id-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà u fuq ekonomija li tkun ibbażata fuq sorsi rinnovabbli tal-enerġija u użu effiċjenti tal-enerġija u r-riżorsi;
4. Jappella li din il-politika tkun ibbażata fuq miri u indikaturi ċari - b'mod partikolari objettivi ambizzjużi dwar l-enerġija, l-effiċjenza tal-enerġija, ir-riżorsi u l-klima - u approċċ ta' ċiklu tal-ħajja u ta' ekonomija ċirkolari; jisħaq fuq il-fatt li għandha tinkludi taħlita intelliġenti ta' miżuri min-naħa tad-domanda u min dik tal-provvista bl-għan tar-rilokalizzazzjoni tal-ekonomija fl-UE u li l-industrija ssir aktar reżiljenti u inqas dipendenti fuq ir-riżorsi;
5. Jenfasizza r-rwol tal-SMEs bħala s-sinsla tal-industrija tal-UE, u jfakkar dwar il-ħtieġa li tiġi segwita politika industrijali tal-UE b'mod kompatibbli mal-SMEs; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jitnaqqas il-piż amministrattiv, speċjalment għall-SMEs, mingħajr ma ssir ħsara għat-tfassil u l-infurzar tal-ogħla standards għall-konsumaturi u l-ħaddiema u għas-saħħa u l-ħarsien tal-ambjent;
6. Jappoġġa approċċ ta' politika industrijali komprensiva tal-UE li tagħti prijorità għolja lit-tisħiħ tal-katini ta' valur tal-UE u li tintegra lir-reġjuni kollha tal-UE fin-netwerk ta' industrija rivitalizzata tal-UE;
7. Jitlob li l-politika industrijali tal-UE torjenta l-investimenti lejn il-kreattività, il-ħiliet, l-innovazzjoni u teknoloġiji u soluzzjonijiet sostenibbli, u jemmen li dan għandu jkun appoġġat permezz ta' investiment f'soluzzjonijiet tal-enerġija sostenibbli, l-infrastruttura tat-trasport pubbliku u l-użu tal-ICT intelliġenti;
8. Jitlob il-promozzjoni ta' alleanzi fl-innovazzjoni trażversali sabiex jingħelbu approċċi ta' politika industrijali silodominati li jistgħu joħonqu l-potenzjal innovattiv;
L-istabbiliment ta' standards għoljin bħala l-muturi għall-innovazzjoni u l-kompetittività
9. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-industrija f'termini ta' teknoloġiji ambjentali u li jiġi żgurat li l-industriji jiżviluppaw kontinwament u jxerrdu l-aqwa tekniki disponibbli u innovazzjonijiet emerġenti;
10. Jenfasizza l-bżonn li jiġu integrati aspetti ambjentali f'politiki oħra bħal dawk relatati mal-ekonomija, l-investiment, standards industrijali u tar-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex jagħtu lok għal approċċ koerenti u komuni; iqis li l-azzjonijiet imwettqa fi ħdan l-Unjoni għandhom jiġu kkomplementati wkoll b'azzjoni msaħħa internazzjonalment u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi sabiex jiġu indirizzati sfidi komuni;
11. Jemmen li l-leġiżlazzjoni tista' tkun xprun għall-innovazzjoni u li l-istabbiliment ta' standards għoljin fl-UE jistimola l-investimenti privati meħtieġa fir-riċerka u l-iżvilupp li jippermettu lill-kumpaniji Ewropej jipproduċu prodotti/servizzi ta' kwalità fis-suq tal-UE u jikkompetu fis-swieq internazzjonali;
12. Ifakkar fir-rwol importanti ta' standardizzazzjoni tal-UE u jipproponi li ssir enfasi qawwija fuq rwol ewlieni f'organizzazzjonijiet ta' standards internazzjonali; jistieden lill-UE terġa' tieħu rwol ta' tmexxija fl-istabbiliment, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' standards ambjentali għoljin, u jwissi li jekk taqa' lura meta mqabbel ma' pajjiżi terzi (pereżempju fl-iffissar ta' standards ta' emissjonijiet ta' vetturi) dan se jkollu impatt mhux biss fuq is-sostenibbilità iżda wkoll il-kompetittività tal-industrija tal-UE;
13. Jemmen li l-akkwist pubbliku u l-ekotikkettar għandhom rwol essenzjali x'jiżvolġu fl-adozzjoni ta' prodotti, servizzi u innovazzjonijiet sostenibbli u fir-rilokalizzazzjoni tal-ekonomija; jitlob l-implimentazzjoni rapida tad-direttivi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u sforz konġunt mill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jibbażaw id-deċiżjonijiet ta' akkwist tagħhom fuq l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża, li tiffoka fuq l-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja u l-prodotti sostenibbli mil-lat ambjentali u soċjali, għall-prevenzjoni tad-dumping tal-pagi u l-kompetizzjoni inġusta u tgħin sabiex jissaħħu l-istrutturi ekonomiċi reġjonali;
Politika tal-kompetizzjoni riveduta li tippermetti lill-industrija tal-UE tikkompeti fuq livell globali
14. Jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE sabiex jitqies b'mod aktar adegwat ir-rwol emerġenti tal-atturi nazzjonali ewlenin f'pajjiżi terzi;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-investiment dirett barrani ta' pajjiżi terzi fl-UE skont l-aspetti tas-sigurtà u l-protezzjoni tal-aċċess għal teknoloġiji ewlenin tal-ġejjieni;
16. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja aħjar l-investiment mhux Ewropej fl-Istati Membri tal-UE u jiggarantixxu l-osservanza tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-akkwist pubbliku, pereżempju l-leġiżlazzjoni dwar l-offerti rħas b'mod mhux normali u l-kompetizzjoni inġusta;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti iktar attenzjoni lir-rwol intrapriżi tal-istat ibbażati barra l-Unjoni li huma appoġġjat u ssussidjat mill-gvernijiet tagħhom b'modi li r-regoli tas-suq uniku tal-UE jipprojbixxu għal entitajiet tal-UE;
L-allinjament tal-politika kummerċjali mal-objettivi ta' reindustrijalizzazzjoni u ta' tranżizzjoni
18. Jitlob li jkun hemm politika kummerċjali li tkun aktar konsistenti mal-politika industrijali, sabiex il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' ftehimiet kummerċjali ma twassalx għal rilokazzjonijiet ġodda u għal aktar deindustrijalizzazzjoni tal-UE;
19. Jenfasizza li l-politiki ta' kummerċ u ta' investiment għandu jkollhom l-għan li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-promozzjoni ta' standards soċjali u ambjentali għoljin fl-industrija u l-manifattura; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali jikkonsolidaw dawk l-istandards;
20. Jenfasizza l-bżonn li jiġi evitat li l-politika kummerċjali tal-UE ma trawwimx prattiki mhux kompetittivi, inklużi dumping soċjali u ambjentali, b'mod partikolari, ir-rimi ta' prodotti rħas li jpoġġu l-istandards Ewropej f'riskju u jaffettwaw l-industriji bbażati fl-UE; jitlob li l-UE biex b'mod urġenti tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tiddefendi ruħha minn prattiki kummerċjali inġusti u li ssaħħaħ l-istrumenti ta' difiża kummerċjali tagħha b'mod sinifikanti billi ttejjeb ir-reattività u l-effikaċja tagħhom;
21. Jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġija tal-UE li tkun kompatibbli mad-WTO, b'antidumping effettiv u kontra s-sussidji;
22. Jinnota l-ħtieġa li jiġu kkoordinati l-isforzi tal-UE biex titnaqqas id-dipendenza fuq pajjiżi terzi permezz tal-kombinazzjoni ta' sforz triplu ta' aċċess ġust għas-suq internazzjonali għar-riżorsi, estrazzjoni tal-mini domestiċi sostenibbli inklużi minjieri urbani u innovazzjonijiet fit-teknoloġija tal-effiċjenza bil-kontributi tal-UE għal governanza globali multilaterali tal-politika tar-riżorsi;
23. Jenfasizza li filwaqt li f'diversi setturi tal-ekonomija l-UE hija fil-parti l-kbira miftuħa għal kompetituri minn pajjiżi terzi, il-pajjiżi terzi għandhom bosta ostakli fis-seħħ li jiddiskriminaw kontra kumpaniji Ewropej; jissottolinja l-ħtieġa li jkun hemm kundizzjonijiet ġusti u ekwi fir-rigward tal-kompetizzjoni globali u aċċess reċiproku għas-swieq sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' telf ta' impjiegi u jiġi salvagwardjat l-għarfien industrijali fl-Ewropa;
Il-finanzjament tat-tranżizzjoni tal-enerġija u s-sostenibbiltà bħala mutur ta' politika industrijali
24. Jitlob li jkun hemm strateġija industrijali tal-UE b'integrazzjoni ta' strumenti ta' finanzjament ekoloġiku effettivi u miżuri li jgħinu biex tinħoloq aktar trasparenza fis-suq rigward ir-riskju tal-karbonju; jenfasizza l-bżonn li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp sostenibbli tal-industrija fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti skont il-Ftehim ta' Pariġi;
25. Jappella l-allokazzjoni ta' riżorsi pubbliċi u privati tal-UE u tal-Istati Membri fil-kuntest ta' pjan ta' investiment ekoloġiku wiesa' iffokat fuq it-tranżizzjoni tal-enerġija, il-mobbiltà sostenibbli u l-ekonomija ċirkolari; jemmen li l-fondi tal-UE, inklużi l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (ESIFs), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), joffru opportunità b'saħħitha biex jiġu ffinanzjati dawk l-investimenti; jemmen li l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jitfasslu aħjar u jintużaw biex jinħolqu miżuri ta' politika li jsaħħu l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà;
26. Jemmen li bidliet strutturali għal sistemi finanzjarji u fiskali nazzjonali u internazzjonali, inklużi politiki tat-tassazzjoni li jinbidlu minn xogħol għal riżorsi, l-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni, iċ-ċessjoni tal-karburanti fossili u li tibda tiffunzjona s-skema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, huma essenzjali għall-ħolqien ta' qafas ekonomiku li jrawwem investiment privat u pubbliku fil-kuntest ta' politika industrijali sostenibbli;
27. Jistenna li l-Kummissjoni biex fl-2018 tressaq baġit tal-karbonju għall-Unjoni li jkun konsistenti mal-impenji li saru skont il-Ftehim ta' Pariġi, inkluż, bħala parti mill-Unjoni tal-Enerġija, miżuri ta' identifikazzjoni u ta' appoġġ għall-iżvilupp ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli għall-Unjoni tal-Enerġija;
28. Jirrikonoxxi l-importanza u n-natura speċifika tal-industrija tal-provvista ferrovjarja, li hi kkaratterizzata minn intensità ta' kapital għoli, dipendenza sinifikanti fuq l-akkwist pubbliku u l-obbligu tal-konformità ma' standards għolja ta' sikurezza; ifakkar il-kontribut essenzjali tat-trasport ferrovjarju biex jinkisbu l-objettivi tat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Ewropa żżomm vantaġġ teknoloġiku u innovattiv f'dan is-settur; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura użu akbar tal-FSIE — u b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), għall-appoġġ ta' proġetti ta' investiment ferrovjarju fil-livell reġjonali u lokali;
29. Ifakkar il-potenzjal kbir tal-ħolqien ta' impjiegi u l-benefiċċji tar-roħs fil-prezzijiet li t-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija mistenni jġib; jenfasizza li miżuri, inklużi miri, standards u mekkaniżmi tal-livelli ta' referenza li jtejbu l-effiċjenza tal-enerġija jridu għalhekk jikkonsolidaw l-inizjattivi fis-setturi industrijali kollha; jirrimarka li t-trasport u l-industriji tal-kostruzzjoni, b'mod partikolari, iridu jsegwu politika attiva dwar l-iffrankar tal-enerġija u jiddiversifikaw għal sorsi sostenibbli, li ma jniġġsux u ta' enerġija sikura;
30. Jitlob li jkun hemm titjib drastiku fl-implimentazzjoni ta' sostenibbiltà kif ukoll ta' kriterji soċjali u ta' impjieg fl-użu tal-fondi tal-UE, b'mod partikolari l-FEIS, u tal-istrumenti finanzjarji kollha ġestiti permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI);
31. Jitlob li l-investimenti fir-R&D orjentati lejn l-industrija jiġu akkoppjati mal-għan li jiġu żgurati l-effiċjenza tar-riżorsi u tal-enerġija, l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-appoġġ għal ekonomija ċirkolari u għas-sostenibbiltà; jitlob li strumenti konkreti jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri jaqsmu fosthom l-isforzi fir-R&D f'dawn l-oqsma prijoritarji u li jippermettu l-użu tar-riżultati fl-ekonomija lokali u bejn netwerks ta' valur;
L-aġġornament ta' ħiliet għal impjieg orjentat lejn il-futur fis-settur tal-industrija
32. Jenfasizza l-bżonn għal sforzi koordinati tal-UE biex jippromwovu ħiliet ġodda kif ukoll għal titjib tal-ħiliet, taħriġ mill-ġdid u tagħlim tul il-ħajja, kif imħeġġeġ mill-Kummissjoni fl-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda;
33. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat aktar u aħjar l-aċċess għat-taħriġ, għat-tagħlim tul il-ħajja u għat-taħriġ vokazzjonali li jgħodd għall-futur u għall-edukazzjoni universitarja, b'enfasi qawwija fuq l-oqsma STEM, appoġġ għall-intraprenditorija u sistema ta' protezzjoni soċjali adegwata flimkien ma' politika li tagħti ċans ieħor; jenfasizza li d-demokratizzazzjoni fil-post tax-xogħol jeħtieġ titwessa' u l-ħaddiema għandu jkollhom dritt individwali għat-taħriġ;
34. Jemmen li, sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal nett tal-impjiegi tal-ekonomija ekoloġika, huwa kruċjali li l-forza tax-xogħol eżistenti tal-UE tingħata opportunitajiet xierqa biex tikseb il-ħiliet ġodda meħtieġa għall-ekonomija ċirkolari u biex ilaħħqu mat-tranżizzjoni lejn proċessi ta' produzzjoni u prodotti iktar sostenibbli; jappella għal strateġija Ewropea ta' taħriġ u ta' edukazzjoni li tappoġġja l-kumpaniji, l-istituti ta' riċerka u s-sħab soċjali biex jinvestigaw b'mod konġunt il-ħtiġijiet b'rabta mal-ħiliet meħtieġa għas-sostenibbiltà ambjentali;
35. Jenfasizza li, skont l-istatistiċi u l-istħarriġ disponibbli, in-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-karigi xjentifiċi, tal-inġinerija u maniġerjali u fil-livelli ġerarkiċi ogħla; jenfasizza l-fatt li l-professjonisti nisa fl-industriji tal-manifattura huma ta' siwi għall-UE; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-isfidi u l-ostakoli li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa biex isiru intraprendriċi, u biex tippromwovi u tappoġġa t-tmexxija femminili;
Tassazzjoni aktar ġusta u investiment fl-ekonomija reali
36. Jiddispjaċih dwar il-finanzjalizzazzjoni tal-ekonomija reali mmexxija minn kultura korporattiva ffukata fuq perspettiva finanzjarja fuq perjodu qasir – jiġifieri, il-ħolqien tal-valur għall-partijiet interessati – aktar milli ż-żamma ta' għodda industrijali innovattiva li tista' tipprovdi impjiegi ta' kwalità u benefiċċji fit-tul għas-soċjetà; jiddispjaċih li dan l-approċċ wassal għal għadd kbir ta' telf ta' impjiegi fis-settur tal-manifattura;
37. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' tassazzjoni ġusta fil-livell tal-UE ta' korporazzjonijiet kbar li joperaw madwar l-Ewropa u globalment; jemmen li l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa tippermetti li t-taxxi fuq l-SMEs jitnaqqsu u li l-baġits pubbliċi lokali jerġgħu jimtlew għal investiment fil-ġejjieni; jappella għall-istabbiliment ta' bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK) bħala riżorsa proprja fil-baġit tal-UE;
38. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.