Seduta plenarja
6.9.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa skont l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament
(D051451- 2017/2780 (RSP) )
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Membru responsabbli: Bart Staes
Karin Kadenbach, Lynn Boylan, Eleonora Evi, Sirpa Pietikäinen, Valentinas Mazuronis
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament
(D051451-2017/2780 RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D051451),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3), 9(2), 19(3) u 21(2) tiegħu[1],
– wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tat-12 ta' Ġunju 2017, fejn ma ngħatat l-ebda opinjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[2],
– wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fis-26 ta' Jannar 2017, u ppubblikata fis-16 ta' Marzu 2017[3],
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Frar 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni ( COM(2017)0085 , COD(2017)0035),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati[4],
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fil-25 ta' Jannar 2011, Dow AgroSciences Europe ressqet applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4 lill-awtorità nazzjonali kompetenti tan-Netherlands bi qbil mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi dik l-applikazzjoni kopriet wkoll it-tqegħid fis-suq tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4 fi prodotti li jkunu jikkonsistu jew li jkun fihom minn din il-fażola tas-sojja għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kull tip ta' fażola tas-sojja oħra, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;
B. billi fis-26 ta' Jannar 2017, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet sussegwentement ippubblikata fis-16 ta' Marzu 2017[5];
C. billi r-Regolament (UE) Nru 1829/2003 jispeċifika li ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma għandux ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa umana, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent u li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħrajn li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha;
D. billi, matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur, l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti ta' kritika[6]; billi l-aktar valutazzjoni inkwetanti sabet li, pereżempju, "l-applikazzjoni attwali u d-data dwar il-valutazzjoni tar-riskju ppreżentata ma tipprovdix informazzjoni biżżejjed u mingħajr ambigwità biex jiġu esklużi effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-annimali u tal-bniedem [tas-saħħa]", li "d-data provduta s'issa mill-applikant mhijiex biżżejjed biex tikkompleta l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni" u "studji limitati jagħmluha diffiċli biex titwettaq valutazzjoni kompleta tar-riskju";
E. billi l-Istati Membri kkritikaw, fost l-oħrajn: in-nuqqas ta' studji dwar l-effett tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u dan qed jimpedixxi milli tkun iffinalizzata l-valutazzjoni tar-riskju ambjentali; l-għażla u l-lokalità tas-siti tal-għelieqi għall-valutazzjoni komparattiva; il-fatt li l-valutazzjoni tossikoloġika tar-riskju ma tistax titkompla minħabba li ma sar l-ebda test tat-tossiċità xieraq fuq il-materjal tal-pjanti mill-fażola tas-sojja DAS-68416-4; in-nuqqas ta' informazzjoni dwar erbiċidi komplementari li jistgħu jintużaw fuq l-għelejjel ġenetikament modifikati u l-metaboliti tagħhom; il-fatt li l-valutazzjoni nutrizjonali hija appoġġjata minn studju appoġġjat mill-industrija li minnu ma jistgħux jinsiltu konklużjonijiet xjentifiċi; u l-fatt li l-proposta tal-applikant għal pjan ta' monitoraġġ ambjentali ma tissodisfax l-objettivi definiti fl-Anness VII għad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament[7];
F. billi l-fażola tas-sojja DAS-68416-4 tesprimi l-proteina aryloxyalkanoate dioxygenase-12 (AAD-12), li tagħti tolleranza ta' 2,4-diklorofenossiaċetiku (2,4-D) u ta' erbiċidi tal-fenossi relatati oħrajn; billi din tesprimi wkoll il-proteina fosfinotriċina aċeltitransferasi (PAT), li tagħti tolleranza għall-erbiċi abbażi tal-glufosinat-ammonju;
G. billi r-riċerka indipendenti qajmet tħassib dwar ir-riskji tal-ingredjent attiv 2,4-D fir-rigward tal-iżvilupp tal-embrijuni, il-malformazzjonijiet konġenitali u l-interferenti endokrinali[8]; billi għalkemm l-approvazzjoni tas-sustanza attiva 2,4-D ġiet imġedda fl-2015, għadha pendenti informazzjoni mingħand l-applikant fir-rigward tal-proprjetajiet endokrinali potenzjali[9];
H. billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti[10]; billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018[11];
I. billi numru ta' esperti esprimew tħassib dwar il-prodott derivat ta' 2,4-D, 2,4-Diklorofenol, li jista' jkun preżenti fil-fażola tas-sojja DAS-68416-4 importata; billi 2,4-Diklorofenol huwa magħruf li jħarbat is-sistema endokrinali b'tossiċità għar-riproduzzjoni;
J. billi minħabba l-fatt li dan huwa ferm solubbli fix-xaħmijiet u ż-żjut, it-2,4-Diklorofenol huwa mistenni li jakkumula fiż-żejt tas-sojja matul l-ipproċessar tal-fażola tas-sojja; billi l-akbar prodott tal-fażola użat mill-bnedmin huwa żejt tas-sojja, li hu inkorporat, fost ħafna prodotti oħra, f'uħud mill-preparazzjonijiet tal-ikel għat-tfal żgħar[12];
K. billi l-ammont ta' 2,4-Diklorofenol fi prodott jista' jkun ogħla mill-ammont residwu ta' 2,4-D; billi fl-Unjoni ma hemm l-ebda livell massimu ta' residwu (MRL) għal 2,4-Diklorofenol;
L. billi rapport reċenti tan-NU juri li l-pestiċidi huma responsabbli għal madwar 200 000 mewta b'avvelenament akut fis-sena, li minnhom 99 % iseħħu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw[13]; billi l-Unjoni ntrabtet li tilħaq l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli (SDGs), li jinkludu impenn biex jitnaqqas sostanzjalment in-numru ta' mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u mit-tniġġis fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija u mill-kontaminazzjoni sal-2030 (SDG 3, il-mira 3.9), li minnhom wieħed mill-indikaturi hija r-rata ta' mwiet attribwita għal avvelenament mhux intenzjonat[14]; billi ntwera li għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi jwasslu għal użu akbar ta' dawn l-erbiċidi minn dawk tal-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom[15];
M. billi l-Unjoni hija impenjata lejn il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, bl-għan li timinimizza l-kontradizzjonijiet u li tibni sinerġiji bejn il-politiki differenti tal-Unjoni, inkluż fl-oqsma tal-kummerċ, l-ambjent u l-agrikoltura[16], sabiex jibbenefikaw minnha l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tiżdied l-effikaċja ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp[17];
N. billi m'hemmx dubju li l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni tal-fażola tas-sojja DAS-68416-4 fl-Unjoni mingħajr dubju se twassal għal żieda fil-kultivazzjoni tagħha f'pajjiżi terzi, inkluż f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll għal żieda ekwivalenti fl-użu tal-erbiċidi tal-glufosinat 2,4-D;
O. billi l-iżvilupp ta' għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għal diversi erbiċidi selettivi huwa prinċipalment dovut għall-evoluzzjoni mgħaġġla ta' ħaxix ħażin reżistenti għall-glifosat f'pajjiżi li kienu jiddependu ħafna fuq għelejjel ġenetikament modifikati;
P. billi l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tat-12 ta' Ġunju 2017 ma tat l-ebda opinjoni; billi 15-il Stat Membru vvutaw kontra, filwaqt li 11-il Stat Membru biss – li jirrappreżentaw 36,57 % biss tal-popolazzjoni tal-Unjoni – ivvutaw favur, filwaqt li 2 Stati Membri astjenew;
Q. billi f'bosta okkażjonijiet il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 hi kellha tadotta deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni mingħajr l-appoġġ tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li hija verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hi, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati; billi din il-prattika wkoll ġiet ikkundannata mill-President Juncker bħala mhix demokratika[18];
R. billi l-Parlament ċaħad il-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fit-28 ta' Ottubru 2015 fl-ewwel qari u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tippreżenta proposta ġdida;
S. billi, skont il-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni għandha, sa fejn possibbli, timxi b'mod li jevita konflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tirriżulta fil-kumitat ta' appell li tikkontesta l-adegwatezza ta' att ta' implimentazzjoni, speċjalment dwar kwistjonijiet sensittivi bħalma huma s-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent;
1. Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fid-Deċiżjoni (UE) Nru 1829/2003;
2. Iqis li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002[19], huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati sakemm il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li jirriżulta li mhijiex adegwata;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex ma tawtorizzax xi pjanti ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċida (HT GMP) mingħajr valutazzjoni sħiħa tar-residwi minn sprej b'erbiċidi komplementari u l-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif applikati fil-pajjiżi ta' kultivazzjoni;
6. Jistieden lill-Kummissjoni biex ma tawtorizza ebda HT GMP li tkun reżistenti għal taħlita ta' erbiċidi, kif inhu l-każ tal-fażola tas-sojja DAS-68416-4, mingħajr valutazzjoni sħiħa tal-effetti kumulattivi speċifiċi ta' residwi minn sprej b'taħlita ta' erbiċidi komplementari u l-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif applikati fil-pajjiżi ta' kultivazzjoni;
7. Jistieden lill-Kummissjoni titlob ħafna aktar testijiet dettaljati dwar ir-riskji għas-saħħa marbuta ma' events ta' trasformazzjoni multiplu bħad-DAS-68416-4;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji għall-valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa u t-tossikoloġija, kif ukoll għal sorveljanza ta' wara t-tqegħid fis-suq, li jkollhom fil-mira l-katina alimentari u tal-għalf kollha u t-taħlitiet tagħhom bħala preżenti fil-katina alimentari u tal-għalf taħt kundizzjonijiet prattiċi;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ il-valutazzjoni tar-riskju tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom f'valutazzjoni tar-riskju ta' HT GMP, irrispettivament minn jekk il-pjanta ġenetikament modifikata hix maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni għal ikel u għalf;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp li joħroġ mill-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.