Dokument ta' sessjoni
20.10.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa skont l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament
(D052754 – 2017/0000(RSP) )
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Membri responsabbli: Bart Staes
Guillaume Balas, Lynn Boylan, Eleonora Evi, Sirpa Pietikäinen, Valentinas Mazuronis
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D052754 – 2017/0000(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D052754),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament[1], u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-14 ta' Settembru 2017, fejn ma ngħatat l-ebda opinjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[2],
– wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fid-19 ta' Jannar 2005, u ppubblikata fit-3 ta' Marzu 2005[3],
– wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fit-30 ta' Novembru 2016, u ppubblikata fit-12 ta' Jannar 2017[4],
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni ( COM(2017)0085 , COD(2017)0035),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta'
organiżmi ġenetikament modifikati[5], b'kunsiderazzjoni partikolari tar-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar "L-introduzzjoni fis-suq ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507" tas-6 ta' Ottubru 2016;
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fis-27 ta' Frar 2015 Pioneer Overseas Corporation u Dow AgroSciences Ltd. flimkien ressqu applikazzjoni quddiem il-Kummissjoni, skont l-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507; billi l-kamp ta' applikazzjoni tat-tiġdid ikopri wkoll prodotti oħra għajr ikel u għalf li fihom jew jikkonsistu mill-qamħirrum 1507;
B. billi fit-30 ta' Novembru 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fit-12 ta' Jannar 2017;
C. billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jgħid li ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa umana, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent u jesiġi li l-Kummissjoni tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħrajn li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha;
D. billi l-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 jesprimi l-proteina Cry1F, li hija proteina Bt (derivata mill-Bacillus thuringiensis subsp. Kurstaki) li tagħti reżistenza għall-European corn borer (Ostrinia nubilalis) u għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani, bħall-pink borer (Sesamia spp.), l-armyworm tal-ħarifa (Spodoptera frugiperda), ix-xagħat iswed (Agrotis ipsilon) u s-south-western corn borer (Diatraea grandiosella), u l-proteina Pat, li tagħti tolleranza għall-erbiċida glufosinat tal-ammonju;
E. billi l-pjanti ġenetikament modifikati Bt jesprimu t-tossina insettiċida f'kull ċellola tul ħajjithom, anke fil-partijiet li jittieklu mill-bnedmin u mill-annimali; billi l-esperimenti fl-għalf tal-annimali juru li l-pjanti ġenetikament modifikati Bt jista' jkollhom effetti tossiċi[6]; billi ntwera li t-tossina Bt fi pjanti ġenetikament modifikati hija differenti ħafna mit-tossina Bt li teżisti b'mod naturali[7];
F. billi l-awtorizzazzjoni għall-kultivazzjoni tal-qamħirrum 1507 fl-Unjoni hija pendenti; billi l-Parlament oġġezzjona għal din l-awtorizzazzjoni minħabba tħassib dwar, fost oħrajn, possibbiltà ta' evoluzzjoni ta' reżistenza għall-proteina Cry1F fl-organiżmi ta' ħsara lepidopteri fil-mira li tista' twassal għal prattiki mibdula għall-kontroll tal-organiżmi ta' ħsara[8];
G. billi l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur għall-valutazzjoni tar-riskju tal-EFSA dwar l-awtorizzazzjoni inizjali; billi l-biċċa l-kbira tal-kummenti kritiċi jirrigwardaw l-osservazzjonijiet li d-dokumentazzjoni mhijiex biżżejjed biex titwettaq valutazzjoni tar-riskju, li l-pjan ta' monitoraġġ mhuwiex konformi mal-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE, u li d-data u l-valutazzjonijiet tar-riskju pprovduti mill-applikant mhumiex adegwati[9];
H. billi l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur għall-valutazzjoni tar-riskju tal-EFSA dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni[10]; billi l-biċċa l-kbira tal-kummenti kritiċi jirrigwardaw l-osservazzjonijiet li l-pjan ta' monitoraġġ mhuwiex meqjus xieraq biex jindirizza l-kwistjonijiet rilevanti tal-monitoraġġ ambjentali ta' wara l-introduzzjoni fis-suq tal-qamħirrum ĠM 1057 u ma jistax jitqies bħala elaborat biżżejjed għall-monitoraġġ ta' esponiment ambjentali mill-qamħirrum ĠM 1057, li l-monitoraġġ kif imwettaq min-notifikatur ma ġġenerax data affidabbli li tikkonferma l-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskju li l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jkunu negliġibbli, u li l-evidenza li turi storja ta' użu sikur tal-proteina Pat, kif mitlub mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Nru 503/2013, mhijiex dokumentata kif xieraq min-notifikatur;
I. billi l-persistenza tal-proteini Cry rilaxxati fl-ambjent minħabba l-użu tal-qamħirrum ĠM 1507 fl-għalf ma ġietx immonitorjata, minkejja li l-proteini Cry jistgħu jippersistu fil-ħamrija għal xhur sħaħ mingħajr ma jitilfu l-attività insettiċida tagħhom, kif muri fit-tossina Cry1Ab[11];
J. billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-"kriterji ta' tneħħija" stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018;
K. billi l-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari hija parti minn prattika agrikola regolari fil-kultivazzjoni ta' pjanti reżistenti għall-erbiċidi u għalhekk jista' jkun mistenni li r-residwi mit-tbexxix dejjem se jkun preżenti fil-ħsad u huma kostitwenti inevitabbli; billi ntwera li għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi jwasslu għal użu akbar ta' erbiċidi komplementari minn dawk tal-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom[12];
L. billi r-residwi mill-bexx bil-glufosinat ma ġewx ivvalutati; billi, għalhekk, ma jistax jiġi konkluż li l-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 huwa sikur għall-użu fl-ikel u fl-għalf;
M. billi l-qamħirrum 1507 huwa awtorizzat għall-kultivazzjoni fl-Arġentina, il-Brażil, il-Kanada, il-Kolombja, il-Honduras, il-Ġappun, il-Panama, il-Paragwaj, il-Filippini, l-Afrika t'Isfel, l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Urugwaj; billi studju rieżaminat bejn il-pari riċenti jsib li l-fatt li insetti fil-mira li jiżviluppaw reżistenza għall-proteini Cry huwa theddida maġġuri għas-sostenibbiltà tat-teknoloġija Bt[13]; billi tipi ta' ħaxix selvaġġ reżistenti għall-glufosinat ġew osservati mill-2009;
N. billi l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, fl-14 ta' Settembru 2017 ma rriżultat fl-ebda opinjoni; billi 12-il Stat Membru vvutaw kontra, 12-il Stat Membru, li jirrappreżentaw 38.75 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni, ivvutaw favur, u erba' Stati Membri astjenew;
O. billi f'diversi okkażjonijiet il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kellhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li hija verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hi, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati; billi anke l-President Juncker iddeplora din il-prattika bħala waħda li mhijiex demokratika[14];
P. billi l-Parlament ċaħad fl-ewwel qari l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tressaq proposta ġdida;
Q. billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tgħid li l-Kummissjoni għandha, kemm jista' jkun, timxi b'mod li tevita l-kunflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tqum fil-kumitat ta' appell kontra l-idoneità ta' att ta' implimentazzjoni, speċjalment dwar kwistjonijiet sensittivi bħalma huma s-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent;
R. billi l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament 182/2011 mhijiex biżżejjed biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' demokrazija fil-proċess ta' awtorizzazzjoni tal-OĠM;
S. billi l-leġittimità demokratika tista' tiġi żgurata biss billi jiġi previst, tal-inqas, li meta l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma jagħti l-ebda opinjoni, il-proposta tal-Kummissjoni tiġi rtirata; billi din il-proċedura diġà teżisti għal xi kumitati permanenti oħrajn;
1. Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 1829/2003;
2. Iqis li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002[15], huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati sa ma l-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li wriet li mhix adegwata;
5. Jistieden lil-leġiżlaturi responsabbli jkomplu b'urġenza l-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 u jiżguraw li, fost l-oħrajn, jekk il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma jagħti l-ebda opinjoni fir-rigward ta' approvazzjonijiet ta' OĠM, sew għall-kultivazzjoni u sew għall-ikel u l-għalf, il-Kummissjoni tirtira l-proposta;
6. Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizzax xi pjanti ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċida (HT GMP) mingħajr valutazzjoni sħiħa tar-residwi minn tbexxix b'erbiċidi komplementari u l-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif applikati fil-pajjiżi ta' kultivazzjoni;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji għall-valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa u t-tossikoloġija, kif ukoll għal sorveljanza ta' wara l-introduzzjoni fis-suq, li jkollhom fil-mira l-katina tal-ikel u tal-għalf kollha kemm hi;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ il-valutazzjoni tar-riskji tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskji tal-HT GMP, irrispettivament minn jekk il-pjanta ġenetikament modifikata tkunx maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni għall-ikel u l-għalf;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.