Seduta plenarja
20.10.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa skont l-Artikolu 106(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 (DP-3Ø5423-1 × MON-Ø4Ø32-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament
(D052752 – 2017/0000(RPS) )
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Membru responsabbli: Bart Staes
Guillaume Balas, Lynn Boylan, Eleonora Evi, Sirpa Pietikäinen, Valentinas Mazuronis
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 (DP-3Ø5423-1 × MON-Ø4Ø32-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament
(D052752 – 2017/0000(RPS) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 (DP-3Ø5423-1 × MON-Ø4Ø32-6), skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D052752),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament[1], u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-14 ta' Settembru 2017, fejn ma ngħatat l-ebda opinjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[2],
– wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fl-14 ta' Lulju 2016, u ppubblikata fit-18 ta' Awwissu 2016[3],
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni ( COM(2017)0085 , COD(2017)0035),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati[4],
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fl-20 ta' Settembru 2007, Pioneer Overseas Corporation ressqet applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 lill-awtorità nazzjonali kompetenti tan-Netherlands bi qbil mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi dik l-applikazzjoni kopriet ukoll it-tqegħid fis-suq tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 fi prodotti li jkunu jikkonsistu jew li jkun fihom minn din il-fażola tas-sojja għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kull tip ta' fażola tas-sojja oħra, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;
B. billi fl-14 ta' Lulju 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fit-18 ta' Awwissu 2016;
C. billi r-Regolament (UE) Nru 1829/2003 jgħid li ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma għandux ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jeħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħrajn li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fit-tfassil tad-deċiżjoni tagħha;
D. billi waħda mill-pjanti ġenituri, il-fażola tas-sojja 305423, ġiet ġenetikament modifikata bl-intenzjoni li tinbidel il-kompożizzjoni taż-żejt fil-pjanti u biex tkun reżistenti għall-erbiċidi li jinibixxu s-sintażi aċetolattat (ALS), li jinkludu l-erbiċidi tal-familji kimiċi tal-imidażolinon, tas-sulfonilurea, tat-triazolopirimidina, tat-(tio)benżoat tal-primidinil u tas-sulfonilaminokarboniltrijażolinonu; filwaqt li l-pjanta ġenitur l-oħra, il-fażola tas-sojja 40-3-2, tinkorpora l-ġene ESPS li jagħmilha reżistenti għall-erbiċidi bbażati fuq il-glifosat; billi dawn il-varjetajiet ta' fażola tas-sojja ġenetikament modifikati ġew ikkombinati biex jinħoloq l-hekk imsejjaħ event multiplu li huwa reżistenti għal żewġ erbiċidi u li jinbidel f'kompożizzjoni taż-żejt;
E. billi, matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur, l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi[5]; billi l-aktar kummenti kritiċi huma marbuta mal-osservazzjonijiet li mhuwiex possibbli li tingħata sentenza favorevoli, mill-perspettiva tan-nutrizzjoni tal-bniedem jew tal-annimal, dwar is-sikurezza tal-profil tal-prodotti li joħorġu mill-varjetajiet tas-sojja li għandhom eventi ta' trasformazzjoni 305423 u 40-3-2, li mhuwiex possibbli li jsiru konklużjonijiet dwar l-allerġeniċità ta' din il-fażola tas-sojja multipla, li ""m'hemmx biżżejjed data u komparaturi xierqa għall-valutazzjoni tal-interazzjonijiet potenzjali bejn linji parentali u għall-identifikazzjoni ta' effetti mhux intenzjonati f'eventi multipli meta mqabbla mal-linja parentali" u li "l-valutazzjoni tar-riskju tal-fażola tas-sojja 305423 x 40-3-2 ma tistax tiġi ffinalizzata abbażi tad-data pprovduta";
F. billi l-applikant ipprovda studju tossikoloġiku dwar l-għalf ta' 90 ġurnata li ġie miċħud mill-EFSA minħabba l-kwalità insuffiċjenti tiegħu; billi, b'riżultat ta' dan, il-valutazzjoni tar-riskju ma fihiex tali studju, fatt li ġie kkritikat minn għadd ta' awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri; billi din il-lakuna fid-data mhix aċċettabbli, speċjalment meta wieħed iqis li l-linji gwida tal-EFSA tal-2006 jeħtieġu tali studju[6];
G. billi, abbażi ta' għadd ta' lakuni fid-data (inkluż in-nuqqas ta' valutazzjoni ta' effetti mhux intenzjonati li jirriżultaw mill-modifika ġenetika inkwistjoni, in-nuqqas ta' valutazzjoni tal-effetti tossiċi u n-nuqqas ta' valutazzjoni ta' residwi minn bexx b'erbiċidi komplementari), studju indipendenti jikkonkludi li l-valutazzjoni tar-riskju ma tistax tiġi konkluża u li l-applikazzjoni għandha, għalhekk, tiġi miċħuda[7];
H. billi l-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari hija parti minn prattika agrikola regolari fil-kultivazzjoni ta' pjanti reżistenti għall-erbiċidi u għalhekk jista' jkun mistenni li r-residwi mill-bexx dejjem se jkunu preżenti fil-ħsad u huma kostitwenti inevitabbli; billi ntwera li għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi jwasslu għal użu akbar ta' erbiċidi komplementari meta mqabbel mal-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom[8];
I. billi l-awtorizzazzjoni attwali tal-glifosat tiskadi mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017; billi għad hemm dubji dwar il-karċinoġenità tal-glifosat; billi f'Novembru 2015 l-EFSA kkonkludiet li l-glifosat x'aktarx mhuwiex karċinoġeniku filwaqt li f'Marzu 2017 l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) kkonkludiet li l-ebda klassifikazzjoni ma kienet ġustifikata; billi, għall-kuntrarju, fl-2015 l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) tad-WHO kklassifikat il-glifosat bħala aktarx karċinoġeniku għall-bnedmin;
J. billi, skont il-panel tal-EFSA dwar il-pestiċidi, abbażi tad-data pprovduta sa issa, ma jistgħux isiru konklużjonijiet dwar is-sikurezza tal-pestiċidi tar-residwi mill-bexx ta' għelejjel ġenetikament modifikati b'formulazzjonijiet tal-glifosat[9]; billi l-addittivi u t-taħlit tagħhom użat f'formulazzjonijiet kummerċjali għall-bexx tal-glisofat jistgħu juru tossiċità ogħla mill-ingredjent attiv waħdu[10]; billi għadd ta' studji juru li l-formulazzjonijiet tal-glifosat jistgħu jaġixxu bħala sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali[11];
K. billi l-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata importata tintuża ħafna għall-għalf tal-annimali fl-Unjoni; billi studju xjentifiku evalwat bejn il-pari sab possibbiltà ta' korrelazzjoni bejn il-glifosat fl-għalf mogħti lill-majjali waqt it-tqala u żieda fl-inċidenza ta' anomaliji konġenitali serji fil-frieħ tagħhom[12];
L. billi m'hemm l-ebda valutazzjoni tar-riskji komprensiva dwar ir-residwi mill-bexx ta' inibituri tal-ALS bħala erbiċidi komplementari fuq il-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata; billi, għall-kuntrarju, il-panel tal-EFSA dwar il-pestiċidji identifika lakuni kbar fid-data fil-każ tat-thifensulfuron, li huwa wieħed mill-ingredjenti attivi li jaġixxi bħala inibitur tal-ALS[13];
M. billi r-residwi mill-bexx tal-erbiċidi komplementari ma ġewx ivvalutati; billi, għalhekk, ma jistax jiġi konkluż li l-fażola tas-sojja 305423 x 40-3-2 ġenetikament modifikata u mbexxa bil-glifosat u b'erbiċidi inibituri tal-ALS hija sikura għall-użu fl-ikel u fl-għalf;
N. billi m'hemmx dubju li l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni tal-fażola tas-sojja 305423 x 40-3-2 fl-Unjoni ser twassal għal żieda fil-kultivazzjoni tagħha f'pajjiżi terzi u għal żieda korrispondenti fl-użu tal-erbiċidi komplementari;
O. billi fażola tas-sojja 305423 x 40-3-2 hija kkultivata fl-Arġentina, fil-Kanada u fil-Ġappun; billi l-impatt devastanti tal-użu tal-glifosat fuq is-saħħa fl-Arġentina ġie ddokumentat b'mod wiesa';
P. billi l-Unjoni ntrabtet li tilħaq l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, li jinkludu impenn biex sal-2030 jitnaqqas sostanzjalment l-għadd ta' mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u mit-tniġġis u l-kontaminazzjoni fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija (SDG 3, il-mira 3.9)[14]; billi l-Unjoni hija impenjata favur il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD), li għandha l-għan li timinimizza l-kontradizzjonijiet u tibni sinerġiji bejn il-politiki differenti tal-Unjoni, inkluż fl-oqsma tal-kummerċ, l-ambjent u l-agrikoltura, għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u żżid l-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;
Q. billi l-iżvilupp ta' għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għal diversi erbiċidi selettivi huwa prinċipalment dovut għall-evoluzzjoni mgħaġġla tar-reżistenza tal-ħaxix ħażin għall-glifosat f'pajjiżi li kienu jiddependu ħafna fuq għelejjel ġenetikament modifikati; billi f'pubblikazzjonijiet xjentifiċi ġew dokumentati aktar minn 20 varjetà differenti ta' ħaxix ħażin reżistenti għall-glifosat[15];
R. billi l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, imsemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, fl-14 ta' Settembru 2017 ma rriżultat fl-ebda opinjoni; billi 14-il Stat Membru vvutaw kontra, 10 Stati Membri biss – li jirrappreżentaw 38.43 % biss tal-popolazzjoni tal-Unjoni – ivvutaw favur, u erba' Stati Membri astjenew;
S. billi f'diversi okkażjonijiet il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kellhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li huwa verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hi, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati; billi anke l-President tal-Kummissjoni Juncker iddeplora din il-prattika bħala waħda li mhijiex demokratika[16];
T. billi, fit-28 ta' Ottubru 2015, il-Parlament ċaħad fl-ewwel qari l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tressaq proposta ġdida;
U. billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tgħid li l-Kummissjoni għandha, kemm jista' jkun, timxi b'mod li tevita l-kunflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tqum fil-kumitat ta' appell kontra l-idoneità ta' att ta' implimentazzjoni, speċjalment dwar kwistjonijiet sensittivi bħalma huma s-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent;
V. billi l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament 182/2011 mhix biżżejjed biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' demokrazija fil-proċess ta' awtorizzazzjoni tal-OĠM;
W. billi l-leġittimità demokratika tista' tiġi żgurata biss billi jiġi previst, tal-inqas, li meta l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma jagħti l-ebda opinjoni, il-proposta tal-Kummissjoni tiġi rtirata; billi din il-proċedura diġà teżisti għal xi kumitati permanenti oħrajn;
1. Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 1829/2003;
2. Iqis li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002[17], huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati sa ma l-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li wriet li mhix adegwata;
5. Jistieden lil-leġiżlaturi responsabbli jkomplu b'urġenza l-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 u jiżguraw li, fost l-oħrajn, jekk il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma jagħti l-ebda opinjoni fir-rigward ta' approvazzjonijiet ta' OĠM, sew għall-kultivazzjoni u sew għall-ikel u l-għalf, il-Kummissjoni tirtira l-proposta;
6. Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizza ebda pjanti ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċida ("HT GMP") mingħajr valutazzjoni sħiħa tal-effetti kumulattivi speċifiċi tar-residwi mill-bexx b'taħlita tal-erbiċidi komplementari u l-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif applikati fil-pajjiżi tal-kultivazzjoni;
7. Jistieden lill-Kummissjoni titlob testijiet ħafna aktar dettaljati dwar ir-riskji għas-saħħa b'rabta ma' eventi ta' trasformazzjoni multipli bħall-fażola tas-sojja 305423 x 40-3-2;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji għall-valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa u t-tossikoloġija, kif ukoll għal sorveljanza ta' wara t-tqegħid fis-suq, li jkollhom fil-mira l-katina tal-ikel u tal-għalf kollha kemm hi;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ il-valutazzjoni tar-riskji tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskji tal-HT GMP, irrispettivament minn jekk il-pjanta ġenetikament modifikata tkunx maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni għall-ikel u l-għalf;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.