Dokument ta' sessjoni

 

B8‑0577/2017

24.10.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE

( 2017/2897(RSP) )

Ska Keller, Ulrike Lunacek, Florent Marcellesi, Terry Reintke, Judith Sargentini, Ernest Urtasun, Monika Vana, Molly Scott Cato

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B8‑0577/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE

( 2017/2897(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 8, 19, 157, 216 u 218 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21, 23, 24, 25, 26 u 31(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005), Beijing +15 (2010) u Beijing +20 (2015),

–  wara li kkunsidra l-istrumenti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-drittijiet tan-nisa, bħalma huma l-Karta tan-NU, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (minn issa 'l quddiem "il-Konvenzjoni ta' Istanbul"),

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fis-7 ta' Marzu 2011[1],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol[2],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi[3], li tiddefinixxi u tikkundanna l-fastidju u l-fastidju sesswali,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI[4],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015[5],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta1-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2014‑2015[6],

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni kontrihom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika[7],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-abbuż sesswali, il-fastidju u l-intimidazzjoni sesswali f'kuntesti differenti, fosthom fuq il-post tax-xogħol, huma atti ta' vjolenza fuq in-nisa; billi l-vjolenza fuq in-nisa hija forma brutali ta' diskriminazzjoni u tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali;

B.  billi waħda minn kull tliet nisa esperjenzaw vjolenza fiżika jew sesswali matul il-ħajja adulta tagħhom; billi sa 55 % tan-nisa sofrew fastidju sesswali fl-UE; billi 32 % tal-vittmi kollha fl-UE qal li t-trasgressur kien superjur, kollega jew klijent; billi 75 % tan-nisa fi professjonijiet li jirrikedu kwalifiki jew f'karigi fil-livelli għolja tal-ġestjoni esperjenzaw fastidju sesswali; billi 61 % tan-nisa impjegati fis-settur tas-servizzi ġew soġġetti għall-fastidju sesswali; billi 20 % tan-nisa żgħażagħ (ta' bejn it-18 u d-29 sena) fl-UE 28 esperjenzaw fastidju ċibernetiku; billi mara waħda minn kull għaxra kienet soġġetta għal fastidju sesswali jew stalking bl-użu ta' teknoloġija ġdida;

C.  billi l-każijiet ta' fastidju sesswali u bullying huma sottorappurtati b'mod sinifikanti; billi f'ħafna każijiet in-nisa jonqsu milli jressqu lmenti kontra atti ta' vjolenza abbażi tas-sess u ta' fastidju sesswali; billi 25 % tan-nisa li ma jirrappurtawx il-vjolenza sesswali lill-pulizija jagħżlu li ma jagħmlux dan minħabba sens ta' għajb; billi 20 % ma jridux li xi ħadd isir jaf u 10 % jemmnu li l-pulizija ma setgħu jagħmlu xejn jew li ma kienu se jagħmlu xejn;

D.  billi t-tolleranza u l-aċċettazzjoni tal-fastidju u l-abbuż sesswali jippersistu fil-livelli kollha; billi tipprevali t-tendenza li l-ħtija tingħata lill-vittma, u dan huwa ta' tħassib;

E.  billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul tiddefinixxi l-vjolenza abbażi tas-sess bħala vjolenza li hija diretta kontra mara għax hija mara jew li tolqot lin-nisa b'mod sproporzjonat;

F.  billi l-fastidju sesswali ġie definit fid-Direttiva 2004/113/KE bħala "kondotta fiżika, verbali jew mhux verbali mhux mixtieqa ta' natura sesswali bil-għan jew bl-effett tal-vjolazzjoni tad-dinjità ta' persuna, b'mod partikolari, meta jinħoloq ambjent intimidatorju, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv";

G.  billi l-fastidju u l-fastidju sesswali imorru kontra l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa u jikkostitwixxi diskriminazzjoni abbażi tas-sess;

H.  billi l-isterjotipi tas-sessi, is-sessiżmu, il-fastidju sesswali u l-abbuż għandhom konsegwenzi fiżiċi, sesswali, emozzjonali u psikoloġiċi għall-vittma;

I.  billi d-distribuzzjoni inugwali tas-setgħa bejn l-irġiel u n-nisa, l-isterjotipi tas-sessi u s-sessiżmu, inkluż id-diskors ta' mibegħda sessist, offline u online, huma l-kawżi prinċipali ta' kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa;

J.  billi l-bullying u l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol, fl-ispazji privati u pubbliċi u fil-ħajja politika huma kemm il-kawża kif ukoll il-konsegwenza tal-vjolenza abbażi tas-sess, l-inugwaljanzi u l-isterjotipi tas-sessi;

K.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija r-responsabilità tal-individwi kollha fis-soċjetà u teħtieġ il-kontribut attiv kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel; billi jenħtieġ li l-awtoritajiet jimpenjaw ruħhom għall-iżvilupp ta' kampanji edukattivi immirati lejn l-irġiel u l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, bl-għan li l-irġiel u s-subien jiġu involuti bħala sħab, biex b'hekk gradwalment jipprevjenu u jeliminaw kull xorta ta' vjolenza sessista u jippromwovu t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa;

L.  billi n-nisa huma l-mira b'mod sproporzjonat tal-vjolenza u l-fastidju fil-ħajja politika; billi dan it-tip ta' vjolenza jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż l-obbligu li jiġi żgurat li n-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw liberament fir-rappreżentanza politika;

M.  billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul titlob il-kriminalizzazzjoni u l-eliminazzjoni tal-fastidju sesswali kontra n-nisa u tirrikjedi lill-Partijiet jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħra meħtieġa biex ikun żgurat li kull forma ta' mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta' natura sesswali, bl-għan jew bl-effett li tmur kontra d-dinjità ta' persuna, b'mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv, tkun suġġetta għal sanzjonijiet kriminali jew sanzjonijiet legali oħra;

N.  billi l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul iżda sa issa 15 biss minnhom irratifikawha;

O.  billi l-ġbir ta' data diżaggregata huwa essenzjali biex jitfasslu politiki xierqa biex jiġi miġġieled il-fastidju sesswali u tiġi mmonitorjata l-effikaċja ta' dawn il-politiki;

Tolleranza żero u l-ġlieda kontra l-fastidju sesswali u l-abbuż sesswali fl-UE

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' vjolenza sesswali u ta' fastidju fiżiku jew psikoloġiku u jiddeplora l-fatt li dawn l-atti jiġu ttollerati wisq faċilment, mentri fil-fatt jikkostitwixxu ksur sistemiku tad-drittijiet fundamentali u delitt serju li jrid jiġi kkastigat bħala tali; jisħaq li l-impunità jeħtieġ li tintemm billi jiġi żgurat li t-trasgressuri jitressqu quddiem il-qrati;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw għalkollox il-Konvenzjoni ta' Istanbul, fosthom billi joħolqu sistema ta' ġbir ta' data diżaggregata, li tinkludi data mqassma skont l-età u s-sess tat-trasgressuri u r-relazzjoni bejn it-trasgressur u l-vittma, u li tinkludi l-fastidju sesswali;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jikkriminalizzaw il-fastidju sesswali fil-forom kollha tiegħu u jinvolvu ruħhom f'politiki ta' prevenzjoni, edukazzjoni u qawmien ta' kuxjenza biex jiżguraw li l-approċċ ta' żero tolleranza isir in-norma;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jiżblokkaw id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet; jenfasizza r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tagħmel dak kollu li tista' biex jinkiseb progress f'dan il-qasam; jindika li nuqqas ta' diversità u kultura tax-xogħol diskriminatorja jżidu l-probabilità ta' każijiet ta' fastidju sesswali; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li jiżdied il-proporzjon ta' nisa fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq, bħala kwistjoni ta' urġenza kbira, proposta għal direttiva dwar il-vjolenza fuq in-nisa, li tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-vittmi kollha fil-qalba tagħha;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu taħriġ u bini tal-kapaċitajiet ta' appoġġ għall-vittmi fil-kwistjonijiet kollha relatati mal-fastidju, kemm online kif ukoll offline, għall-pulizija u l-awtoritajiet ġuridiċi, kif ukoll għall-għoti ta' appoġġ psikoloġiku waqt il-każijiet fil-qrati relatati ma' din il-kwistjoni;

7.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-irġiel kollha fl-impenn lejn il-bidla u t-tmiem tal-forom kollha ta' fastidju u vjolenza sesswali, billi jiġġieldu kontra ċ-ċirkustanzi u l-istrutturi li jippermettu, anke b'mod passiv, l-imġiba li twassal għal atti bħal dawn u billi jirrappurtaw kwalunkwe kondotta ħażin jew imġiba mhux xierqa;

8.  Jenfasizza li s-sistemi edukattivi u l-midja għandhom influwenza kbira f'dak li għandu x'jaqsam mad-differenzi bejn is-sessi u, b'mod korrispondenti, f'dak li jirrigwarda l-għażliet u l-aċċess għad-drittijiet; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għaldaqstant, iżidu b'mod konsiderevoli l-isforzi tagħhom biex jeliminaw l-isterjotipi u jippromwovu aċċess mingħajr sterjotipi għal kulħadd għall-edukazzjoni u l-impjieg; jindika li r-reklamar jista' jkun għodda effettiva ta' sfida u konfront fir-rigward tal-istereotipi u lieva kontra r-razziżmu, is-sessiżmu u d-diskriminazzjoni, u dan hu essenzjali fis-soċjetajiet multikulturali tal-lum il-ġurnata;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jinkludu l-qawmien ta' kuxjenza dwar il-kunsens sesswali u l-fastidju sesswali bħala komponenti obbligatorji tas-sistemi edukattivi tagħhom;

Il-fastidju sesswali fil-Parlament Ewropew

10.  Jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' vjolenza sesswali u fastidju fiżiku jew psikoloġiku: jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE juru sens ta' tmexxija billi jippreżentaw pjan ta' azzjoni tolleranza u jimplimentaw politika ta' tolleranza żero lejn kwalunkwe forma ta' fastidju, inklużi stutturi ta' appoġġ robusti u sostenibbli għal dawk kollha li kellhom jesperjenza xi forma ta' fastidju;

11.  Jikkundanna l-każijiet ta' fastidju sesswali li ġew żvelati fil-midja u jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu lill-vittmi ta' fastidju u abbuż sesswali; jenfasizza li, sabiex jittieħdu bis-serjetà, huwa kruċjali li l-istituzzjonijiet tal-UE jiġġieldu b'sodezza kontra kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni sesswali jew kwalunkwe azzjoni li xxekkel l-ugwaljanza bejn is-sessi;

12.  Jappella li jitlaqqa' kumitat ta' esperti indipendenti b'mandat li jeżamina s-sitwazzjoni tal-fastidju u tal-abbuż sesswali fil-Parlament Ewropew, u jimpenja ruħu li jniedi investigazzjoni imparzjali tal-każijiet rappurtati u li jiġu implimentati l-aktar sanzjonijiet severi fejn ikun meħtieġ, filwaqt li jingħata appoġġ u konsulenza legali lill-vittmi, jekk il-każijiet potenzjalment jinvolvu mġiba punibbli;

13.  Jitlob lill-entitajiet rilevanti tal-Parlament Ewropew biex jevalwaw, u jekk ikun meħtieġ, jirrevedu l-funzjonament tal-Kumitat Konsultattiv li jittratta l-ilmenti ta' fastidju bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri; jitlob għat-tisħiħ tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol u għat-twaqqif ta' task force speċjali dwar il-fastidju sesswali, inkluż konsulent legali u rappreżentanti tal-persunal mediku, biex tinvestiga każijiet imressqa formalment, biex iżżomm reġistru kunfidenzjali tal-każijiet matul iż-żmien, u biex tadotta l-aħjar miżuri biex jiġi żgurat approċċ ta' tolleranza fil-livelli kollha fl-istituzzjoni;

14.  Jimpenja ruħu li jappoġġa għalkollox lil vittmi fi proċeduri fi ħdan l-istituzzjoni u/jew mal-pulizija lokali, li jibda miżuri ta' protezzjoni ta' emerġenza jew miżuri ta' salvagwardja fejn meħtieġ u li jimplimenta għalkollox l-Artikolu 12(a) tar-Regoli tal-Persunal, u b'hekk jiżgura li l-każijiet ikunu investigati għalkollox u li jiġu applikati miżuri dixxiplinarji;

15.  Jirriżolvi li jiżgura taħriġ obbligatorju għall-persunal kollu u l-Membri kollha dwar ir-rispett u d-dinjità fil-post tax-xogħol sabiex jiġi żgurat li l-approċċ ta' tolleranza żero isir in-norma; jitlob l-involviment sħiħ tal-istituzzjoni f'kampanji ta' qawmien ta' kuxjenza li jinvolvu l-Membri Parlamentari kollha u s-servizzi kollha tal-amministrazzjoni, b'enfasi speċjali fuq il-gruppi fil-pożizzjonijiet l-aktar dgħajfa, bħat-trainees, l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-aġenti kuntrattwali; jitlob li jitwaqqaf netwerk istituzzjonali ta' counsellors kunfidenzjali biex jappoġġjaw u jagħtu pariri lill-vittmi, kif hija l-prattika fil-Kummissjoni;

°

°  °

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-parlamenti nazzjonali, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

[1] ĠU C 155, 25.5.2011, p. 10.
[2] ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
[3] ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
[4] ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
[5] ĠU C 407, 4.11.2016, p. 2.
[6] Testi adottati, P8_TA(2017)0073
[7] Testi adottati, P8_TA(2017)0329