Dokument ta' sessjoni

 

B8-0580/2017

24.10.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE

( 2017/2897(RSP) )

Beatriz Becerra Basterrechea, Catherine Bearder, Sophia in ‘t Veld, Angelika Mlinar, Izaskun Bilbao Barandica, Filiz Hyusmenova

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8-0580/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE

( 2017/2897(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10, 19 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009[1], u b'mod partikolari l-Artikoli 20, 21, 23 u 31 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) bit-titolu "Il-vjolenza fuq in-nisa"[2],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)[3],

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" ("Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019") ( SWD(2015)0278 ),

–-  Wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-Triju ta' Presidenzi tal-UE ta' Lulju 2017 mill-Estonja, il-Bulgarija u l-Awstrija dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1993 dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, li l-Artikolu 2 tagħha jgħid li l-vjolenza fuq in-nisa tinkludi: "vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika li ssir fi ħdan il-komunità ġenerali, inkluż stupru, abbuż sesswali, fastidju sesswali u intimidazzjoni fuq il-post tax-xogħol, fl-istituzzjonijiet edukattivi u postijiet oħra, traffikar tan-nisa u prostituzzjoni furzata",

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa f'Beijing u l-Pjattaforma ta' Beijing għall-Azzjoni għall-Ugwaljanza, l-Iżvilupp u l-Paċi (1995),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI[4] (id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Fastidju u l-Vjolenza fuq il-Post tax-Xogħol (2007) bejn il-KETU/CES, BUSINESSEUROPE, UEAPME u CEEP,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-netwerk Ewropew għall-Korpi tal-Ugwaljanza bit-titolu "The Persistence of Discrimination, Harassment and Inequality for Women. The work of equality bodies informing a new European Commission Strategy for Gender Equality" ("Il-Persistenza tad-Diskriminazzjoni, il-Fastidju u l-Inugwaljanza għan-Nisa. Il-Ħidma tal-Korpi tal-Ugwaljanza li tinforma Strateġija ġdida tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi"), ippubblikat fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 40 tagħha[5],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2014-2015[6], u tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013[7],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur ċentrali tal-UE, kif rikonoxxut fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-UE tat l-impenn tagħha li tintegra fl-attivitajiet kollha tagħha;

B.  billi l-UE hija komunità ta' valuri, ibbażata fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-prinċipji u l-objettivi fundamentali fl-ewwel artikoli tat-TUE, u fil-kriterji għall-adeżjoni mal-Unjoni;

C.  billi l-fastidju sesswali huwa definit fid-dritt tal-UE bħala "meta titwettaq kwalunkwe forma ta' mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta' natura sesswali, bl-iskop jew bl-effett li tmur kontra d-dinjità ta' persuna, b'mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv"[8];

D.  billi d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali hija pprojbita mid-dritt tal-UE;

E.  billi l-fastidju sesswali imur kontra l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jikkostitwixxi diskriminazzjoni abbażi tas-sess, u għalhekk hija projbita fl-impjieg, inkluż dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni;

F.  billi d-definizzjoni ta' vjolenza fuq in-nisa tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tinkludi, iżda mhijiex limitata għal, vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika li sseħħ fi ħdan il-komunità ġenerali, inkluż stupru, abbuż sesswali, fastidju sesswali u intimidazzjoni fuq il-post tax-xogħol, f'istituzzjonijiet edukattivi u fi bnadi oħra[9];

G.  billi d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tiddefinixxi l-vjolenza abbażi tas-sess bħala forma ta' diskriminazzjoni u ksur tal-libertajiet fundamentali tal-vittma u tinkludi vjolenza f'relazzjonijiet mill-qrib, vjolenza sesswali (inkluż stupru, attakk u fastidju sesswali), traffikar tal-bnedmin, skjavitù u forom differenti ta' prattiki li jagħmlu l-ħsara, bħal żwiġijiet furzati, mutilazzjoni ġenitali femminili u l-hekk imsejħa "reati tal-unur"; billi n-nisa vittmi ta' vjolenza abbażi tas-sess u t-tfal tagħhom ta' spiss ikunu jeħtieġu appoġġ u protezzjoni speċjali minħabba r-riskju għoli ta' vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni marbuta ma' tali vjolenza[10];

H.  billi d-dritt tal-UE jirrikjedi li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li jkun stabbilit korp tal-ugwaljanza biex jipprovdi assistenza indipendenti lill-vittmi ta' fastidju u ta' fastidju sesswali, iwettaq stħarriġiet indipendenti, jippubblika rapporti indipendenti u jagħmel rakkomandazzjonijiet fi kwistjonijiet ta' impjieg u taħriġ vokazzjonali, fl-aċċess għal u l-provvista ta' prodotti u servizzi, u għal dawk li jaħdmu għal rashom;

I.  billi s-sessiżmu, il-fastidju u vjolenza fuq in-nisa fl-istituzzjonijiet tal-UE kien irrappurtat bħala reali u mifrux ħafna[11]"[12];

J.  billi skont studju tal-FRA tal-2014 mifrux mal-UE bl-isem "Il-vjolenza fuq in-nisa", 55 % tan-nisa jġarrbu bullying u fastidju fi spazji pubbliċi u l-ħajja politika, u 32 % fuq il-post tax-xogħol;

K.  billi l-każijiet ta' fastidju sesswali u bullying huma sottorappurtati lill-awtoritajiet b'mod sinifikanti;

L.  billi f'organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali għad hemm tendenza li n-nisa jkunu sottorappreżentati fil-livell maniġerjali, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali;

M.  billi l-fastidju sesswali huwa definit fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE[13];

N.  billi mad-distribuzzjoni inugwali tas-setgħa bejn l-irġiel u n-nisa, l-isterjotipi tal-ġeneru u s-sessiżmu, inkluż diskors ta' mibegħda sessista kemm offline kif ukoll online, huma l-kawżi prinċipali tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa, li wasslu għal dominazzjoni fuq in-nisa mill-irġiel u diskriminazzjoni kontrihom mill-irġiel u għall-prevenzjoni tal-avvanz sħiħ tan-nisa;

O.  billi s-sessiżmu mhuwiex attitudni li ma tagħmilx ħsara iżda jista' jwassal għal fastidju sesswali;

P.  billi l-politiċi, bħala rappreżentanti eletti taċ-ċittadini, għandhom responsabilità kruċjali biex jaġixxu bħala eżempji pożittivi fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju sesswali fis-soċjetà;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissorveljaw b'mod xieraq l-implimentazzjoni korretta tad-direttivi tal-UE li jipprojbixxu l-fastidju abbażi tas-sess u l-fastidju sesswali, u sabiex jiżguraw li f'kull Stat Membru l-korpi tal-ugwaljanza jingħataw mandat ċar u r-riżorsi biex ikopru t-tliet oqsma tal-impjieg, l-impjieg indipendenti u l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, tiskambja u tqabbel l-aħjar prattiki eżistenti biex jiġi miġġieled il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol u biex ixxerred ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni fir-rigward tal-miżuri effettivi li l-Istati Membri jistgħu jieħdu sabiex iħeġġu kumpaniji, sħab soċjali u organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ vokazzjonali biex jipprevjenu l-forom kollha ta' diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru, b'mod partikolari fir-rigward tal-fastidju u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol;

3.  Itenni bil-qawwa li l-forom kollha ta' fastidju gravement jimminaw id-dinjità tal-bniedem, iżda li forom ta' vjolenza u diskriminazzjoni abbażi tas-sess, bħall-fastidju sesswali huma partikolarment degradanti;

4.  Jinsab allarmat li l-fastidju tan-nisa online u speċjalment fuq il-media soċjali, li jvarjaw minn kuntatt mhux mixtieq, trolling u bullying ċibernetiku għal fastidju sesswali u theddid ta' stupru u ta' mewt, qed isir mifrux fis-soċjetà diġitali tagħna, li jagħti lok ukoll għal forom ġodda ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, bħal bullying ċibernetiku, fastidju ċibernetiku, l-użu ta' xbihat degradanti online u d-distribuzzjoni fuq il-media soċjali ta' ritratti u filmati privati mingħajr il-kunsens tal-persuni involuti;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-mekkaniżmi ta' finanzjament għall-programmi biex jikkumbattu l-vjolenza kontra n-nisa jistgħu jintużaw għall-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u l-appoġġ għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa, inkluż il-fastidju sesswali;

6.  Jistieden lill-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux dan, biex jirratifikaw u jimplimentaw b'mod sħiħ il-Konvenzjoni ta' Istanbul mingħajr dewmien;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċeleraw in-negozjati dwar ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'kooperazzjoni mal-EIGI, biex itejbu u jippromwovu l-ġbir ta' dejta komparabbli u diżaggregata rilevanti dwar każijiet ta' vjolenza, inkluż fastidju sesswali, sabiex tkun tista' tiġi żviluppata metodoloġija komuni biex jitqabblu bażijiet ta' dejta u l-analiżi tad-dejta, biex b'hekk ikun żgurat fehim aħjar tal-problema, u biex titqajjem sensibilizzazzjoni;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti att legali li jappoġġa lill-Istati Membri fil-prevenzjoni u t-trażżin tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u tal-vjolenza abbażi tas-sess;

10.  Jistieden lill-Kunsill jattiva l-klawsola "passerelle" billi jadotta deċiżjoni unanima li tidentifika l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet (u forom oħrajn ta' vjolenza abbażi tas-sess) bħala qasam ta' kriminalità skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE;

11.  Jitlob li jkun hemm inklużjoni aħjar tan-nisa fi proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, fil-unions u f'pożizzjonijiet għolja ta' organizzazzjonijiet jew negozji;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, flimkien mal-NGOs, sħab soċjali u korpi tal-ugwaljanza, iżidu b'mod sinifikanti l-miżuri ta' sensibilizzazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-vittmi ta' fastidju sesswali u diskriminazzjoni abbażi tas-sess;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u t-trade unions jippromwovu s-sensibilizzazzjoni dwar il-fastidju sesswali u jappoġġaw u jinkoraġġixxu lin-nisa jirrapurtaw inċidenti immedjatament;

14.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-irġiel kollha biex jimpenjaw ruħhom għall-bidla u għat-tmiem ta' kull sura ta' fastidju u vjolenza sesswali, billi jikkumbattu ċ-ċirkustanzi u l-istrutturi li jabilitaw, anke b'mod passiv, l-imġiba li twassal għal dan u billi jikkontestaw kwalunkwe mġiba ħażina jew mhux xierqa; jistieden lill-Istati Membri jinvolvu lill-irġiel b'mod attiv f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni u prevenzjoni;

15.  Jistieden lill-President tal-Parlament u lill-amministrazzjoni tal-Parlament:

–  biex b'mod urġenti u bir-reqqa jeżaminaw rapporti riċenti fil-media dwar il-fastidju u l-abbuż sesswali fil-Parlament Ewropew, biex jikkondividu s-sejbiet mal-Membri tiegħu u biex jipproponu miżuri adegwati biex jiġu evitati każijiet ġodda;

–  biex jippromwovu l-eżistenza u x-xogħol tal-Kumitat Konsultattiv tal-Parlament li jittratta l-ilmenti ta' fastidju bejn l-assistenti parlamentari akkreditati u l-Membri tal-Parlament; biex isaħħu l-Kumitat Konsultattiv għall-persunal tal-Parlament dwar il-prevenzjoni tal-fastidju; biex jinvestigaw każijiet formali, iżommu reġistru kunfidenzjali tal-każijiet matul iż-żmien, u jadottaw l-aħjar mod biex jiggarantixxu tolleranza żero fil-livelli kollha tal-istituzzjoni;

–  biex jappoġġaw lill-vittmi fi proċeduri fi ħdan il-Parlament u/jew mal-pulizija lokali; biex jattivaw protezzjoni ta' emerġenza jew miżuri ta' salvagwardja meta dan ikun meħtieġ u biex jimplimentaw bis-sħiħ l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, li jiżgura li l-każijiet jiġu investigati b'mod sħiħ u jiġu applikati il-miżuri ta' dixxiplina;

–  biex jiżguraw taħriġ obbligatorju għall-persunal kollu u għall-Membri dwar ir-rispett u d-dinjità fuq il-post tax-xogħol biex jiżguraw li l-approċċ ta' żero-tolleranza isir in-norma; biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni mal-Membri kollha u s-servizzi tal-amministrazzjoni kollha, b'konċentrazzjoni speċjali fuq il-gruppi fl-aktar pożizzjonijiet dgħajfa, bħalma huma t-trainees, l-assistenti parlamentari akkreditati u l-aġenti kuntrattwali, u biex jistabbilixxu netwerk istituzzjonali ta' counsellors kunfidenzjali biex jappoġġaw u jagħtu pariri lill-vittmi, kif inhi l-prattika fil-Kummissjoni;

16.  Jistieden lill-kollegi kollha biex jappoġġaw u jinkoraġġixxu lill-vittmi biex jitkellmu u jirrappurtaw każijiet ta' fastidju sesswali permezz ta' proċeduri formali fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Parlament u/jew lill-pulizija;

17.  Jistieden lill-politiċi sabiex jaġixxu bħala eżempji responsabbli fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-fastidju sesswali fil-parlamenti u lil hinn;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

[1] http://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/HTML/?uri=CELEX:12012P/TXT&from=mt
[2] http://fra.europa.eu/en/publication/2014/violence-against-women-eu-wide-survey-main-results-report
[3] ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
[4] ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
[5] https://rm.coe.int/168008482e
[6] Testi adottati, P8_TA(2017)0073
[7] Testi adottati, P8_TA(2015)0050
[8] http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/your_rights/final_harassement_en.pdf
[9] http://www.un.org/womenwatch/daw/beijing/platform/violence.htm
[10] Ara l-paragrafu 17 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32012L0029&from=MT
[11] Id-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid); Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi; Id-Direttiva 2010/41/UE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom.
[12] http://archive.ipu.org/pdf/publications/issuesbrief-e.pdf
[13] http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:01962R0031-20140501&from=MT