Dokument ta' sessjoni

 

B8-0581/2017

24.10.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE

( 2017/2897(RSP) )

Mylène Troszczynski

f'isem il-Grupp ENF

 

B8-0581/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE

( 2017/2897(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1924,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1351/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni[1],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI[2],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbużi sesswali fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-fastidju sesswali jikkonsisti fl-impożizzjoni fuq persuna, b'mod repetut, ta' kliem jew imġiba b'konnotazzjonijiet sesswali li jiksru d-dritt għad-dinjità tiegħu jew tagħha minħabba n-natura degradanti jew umiljanti tagħhom jew li joħolqu ambjent intimidanti, ostili, jew offensiv fil-konfront tiegħu jew tagħha;

B.  billi l-fastidju sesswali jista', pereżempju, jieħu l-forma ta' riferenzi sesswali jew messaġġi suġġestivi;

C.  billi l-fastidju sesswali m'għandux jiġi konfuż mal-attakk sesswali, li jinvolvi il-kuntatt fiżiku mingħajr kunsens (eż. fondling), kif ukoll il-vjolenza, l-sfurzar jew it-theddid;

D.  billi l-fastidju sesswali m'għandux jiġi konfuż mal-fastidju morali (reat) jew stupru (delitt);

E.  billi f'diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali, l-awtur ta' fastidju sesswali jew stupru jikkommetti reat u jeħel piena ta' ħabs u multa; billi dawn il-pieni jiżdiedu f'ċerti każijiet, b'mod partikolari meta l-awturi jkunu abbużaw mill-awtorità mogħtija lilhom minħabba l-funzjoni tagħhom jew meta l-vittmi jkunu kkunsidrati partikolarment vulnerabbli;

F.  billi l-użu purament kummerċjali tal-ġisem femminili għarwien jew kważi għarwien jista' jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' rispett tal-irġiel fil-konfront tan-nisa;

G.  billi fl-31 ta' Diċembru 2015 f'Cologne, ġew irreġistrati 470 rapport ta' vjolenza sesswali; billi l-awturi tal-attakki kienu deskritti mill-pulizija u l-prosekuturi bħala "li jappartjenu għall-kategorija ġenerali ta' rifuġjati" u "immigranti illegali";

1.  Jikkundanna l-każijiet allegati ta' fastidju sesswali rrappurtati fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE;

2.  Iqis li l-pieni applikabbli għal fastidju sesswali għandhom jiżdiedu u li l-pieni applikabbli għal stupru għandhom jiżdiedu sal-livell massimu tal-iskala tal-pieni;

3.  Jistieden lill-Istati Membri, li huma sovrani f'tali kwistjonijiet legali, biex iżidu il-pieni applikabbli għal fastidju sesswali, fastidju morali, attakki sesswali u stupri, u jipproponi li l-kundanni għal stupru jwasslu għal sentenzi b'piena massima ta' ħabs;

4.  Jitlob li kull immigrant jew rifuġjat li nstab ħati ta' abbuż sesswali, attakk sesswali jew stupru jitkeċċa immedjatament mit-territorju tal-UE u jiġi kkundannat fil-pajjiż ta' oriġini tiegħu jew tagħha;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

[1] ĠU L 348 tal-24.12.2008, p. 118.
[2] ĠU L 315 tal-14.11.2012, p. 57.