Dokument ta' sessjoni
22.11.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen
( 2017/2849(RSP) )
Barbara Lochbihler, Ernest Urtasun, Igor Šoltes, Bodil Valero, Michel Reimon, Yannick Jadot, Molly Scott Cato, Alyn Smith
f'isem il-Grupp Verts/ALE
<<<
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen
( 2017/2849(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen li saret f'Ġinevra fil-25 ta' April 2017, u l-impenn addizzjonali tal-UE ta' EUR 116-il miljun,
– wara li kkunsidra l-appell tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sanzjonijiet internazzjonali, Idriss Jazairy, tat-12 ta' April 2017 sabiex jitneħħa l-imblokk navali minn fuq il-Jemen,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen[1] u tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali[3] tat-28 ta' April 2016 u r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-użu ta' drones armati[4] tas-27 ta' Frar 2014,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar il-Jemen, id-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Jannar 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Styliandes, dwar l-attack fuq ċentru tas-saħħa tal-Médecins Sans Frontières (Tobba Mingħajr Fruntieri - MSF) fil-Jemen, u d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Stylianides tal-11 ta' Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2015 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar it-tkomplija tat-taħditiet iffaċilitati min-NU dwar il-Jemen, u d-dikjarazzjoni konġunta tat-2 ta' Ottubru 2015 mill-VP/RGħ, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar il-Jemen,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni tal-Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2216 (2015), 2201 (2015) u 2140 (2014),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-8 u l-10 ta' Jannar 2016 dwar il-Jemen, mill-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet dwar "Ir-Rikonsiderazzjoni tal-Ekonomija tal-Jemen" tal-ewwel Forum tal-Kampjuni tal-Iżvilupp, li nżamm mid-29 ta' April sal-1 ta' Mejju 2017,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi sa minn meta l-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, li tinkludi l-Emirati Għarab Magħquda, il-Marokk, il-Ġordan u oħrajn, u li għandha l-appoġġ tal-Istati Uniti u tar-Renju Unit, bdiet il-bumbardamenti fuq il-Jemen f'Marzu 2015, il-pajjiż ippreċipita aktar lejn il-kunflitt armat, b'konsegwenzi drammatiċi għall-popolazzjoni ċivili, li diġà ilha għal bosta snin issofri minn nuqqas ta' sigurtà u minn tensjonijiet politiċi, livelli ta' faqar għoljin, qerda ambjentali drammatika u paraliżi ekonomika;
B. billi l-kunflitt qiegħed jiħrax dejjem aktar bejn ir-ribelli Houthi alleati mal-ex President Ali Abdullah Saleh (li jikkontrollaw dik il-parti tal-pajjiż fejn hu stmat li tgħix 70 % tal-popolazzjoni, u fejn hemm il-kapitali, Sana'a) u li huwa allegat li qegħdin jirċievu appoġġ mill-Iran, u min-naħa l-oħra l-forzi leali għall-president mkeċċi, Abdrabbuh Mansour Hadi, li għadu rikonoxxut internazzjonalment u li għandu l-appoġġ tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija;
C. billi t-tensjoni kompliet teskala sa minn meta l-Houthis, fl-4 ta' Novembru 2017, irnexxielhom għall-ewwel darba jiddirieġu missila fuq distanza twila lejn l-ajruport ta' Riyad'h, liema missila ġiet interċettata mid-difiża tal-ajru Sawdija qabel ma setgħet tagħmel ħsara, iżda li għamlet mill-kapitali Sawdija objettiv ta' attakki possibbli; billi l-Arabja Sawdija akkużat lill-Iran talli forma lill-awtoritajiet Houthi b'kapaċitajiet missilistiċi, u b'ritaljazzjoni għalqet ir-rotot kollha ta' aċċess lejn il-Jemen, bl-art, bil-baħar u bl-ajru;
D. billi kważi 90 % tal-ikel bażiku fil-pajjiż jiġi importat; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u s-sanzjonijiet internazzjonali enfasizza fil-passat li l-imblokk mill-ajru u navali impost fuq il-Jemen mill-forzi tal-koalizzjoni sa minn Marzu 2015 huwa fost il-kawżi ewlenin ta' din il-katastrofi umanitarja li għadha għaddejja; billi dan l-imblokk irrestrinġa u ħarbat l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' ikel, fjuwil u provvisti mediċi, kif ukoll ta' għajnuna umanitarja; billi d-dewmien mhux aċċettabbli u/jew iċ-ċaħda ta' dħul ta' bastimenti lejn il-portijiet Jemeniti tirrappreżenta miżura unilaterali koerċittiva (UCM), skont id-dritt internazzjonali;
E. billi, fi Frar 2017, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-NU ddikjarat li l-Jemen kien sar "l-akbar emerġenza tas-sigurtà tal-ikel fid-dinja"; billi l-organizzazzjonijiet umanitarji jikkalkolaw li kważi 70 % mis-27 miljun persuna li jgħixu fil-Jemen jinsabu fi bżonn ta' assistenza umanitarja (80 % tat-tfal kollha), filwaqt li aktar minn 17-il miljun persuna jinsabu f'sitwazzjoni ta' nuqqas ta' sikurezza tal-ikel u 7 miljun minnhom jinsabu f'riskju serju ta' karestija; billi skont dikjarazzjoni tal-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) tat-2 ta' Novembru 2017 dwar il-Jemen, "l-aktar epidemija tal-kolera vjolenta qatt reġistrata wasslet biex in-numru tal-każijiet telgħu għal 895 000";
F. billi l-organizzazzjonijiet umanitarji enfasizzaw li r-rapporti dwar il-ftuħ mill-ġdid ta' ċerti portijiet u ta' punti ta' dħul, mill-Arabja Sawdija, f'żoni li jinsabu taħt il-kontroll tal-gvern rikonoxxut fil-livell internazzjonali mhijiex se ssolvi n-nuqqasijiet gravi ta' fjuwil u ikel li qed tiffaċċja l-parti l-kbira tal-popolazzjoni li tgħix fit-territorju taħt il-kontroll tar-ribelli; billi n-nuqqas ta' fjuwil qed jipprevjeni lill-isptarijiet milli jiffunzjonaw;
G. billi minkejja l-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen f'Ġinevra, ta' April 2017 – li matulha bosta pajjiżi u organizzazzjonijiet wiegħdu donazzjonijiet għall-valur ta' USD 1,1 biljun – sal-21 ta' Novembru 2017, id-donaturi kienu wasslu fondi li jammontaw biss għal 56.9 % mill-USD 2,3 biljun f'għajnuna umanitarja mitluba min-NU għall-Jemen għall-2017;
H. billi skont in-NU, aktar minn 90 % tal-vittmi tal-kriżi kienu vittmi ċivili, li jlaħħqu l-għexieren ta' eluf sa mill-2015; billi l-alleanza mmexxija mill-Arabja Sawdija tinsab akkużata li wettqet delitti ta' gwerra wara attakki illeġittimi kontra skejjel, swieq, sptarijiet, waqt żwiġijiet, funeral u fuq djar, b'attakki indiskriminati u b'attakki fuq oġġetti ċivili tul l-aħħar snin; billi l-alleanza Houthi-Saleh ibbumbardjat b'mod indiskriminat żoni ċivili fil-belt ta' Ta'iz u bl-istess mod sparat artillerija lil hinn mill-fruntiera fid-direzzjoni tal-Arabja Sawdija, u kkawżat il-qtil u l-feriment ta' ċivili, u rreklutat subien mill-età żgħira ta' 15-il sena biex jiġġieldu bħala suldati tfal fuq il-front tal-kunflitt;
I. billi, minkejja l-pressjoni internazzjonali biex tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi, il-partijiet fil-kunflitt ma rnexxilhomx jilħqu qbil;
J. billi skont it-18-il Rapport Annwali tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi, 16-il Stat Membru tal-UE, fosthom Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u Spanja, permezz ta' esportazzjonijiet multibiljunarji, ipprovdew armi u appoġġ militari lill-membri tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, inkluża l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda; billi l-President Trump matul iż-żjara reċenti tiegħu kompla jħarrex is-sitwazzjoni billi esprima appoġġ bla riżervi għall-politika tal-Arabja Sawdija fir-reġjun, u wiegħed esportazzjonijiet ta' armi għall-valur ta' USD 110 biljun lejn il-pajjiż; billi sa mill-bidu tal-mandat tiegħu kien hemm żieda qawwija f'operazzjonijiet extraterritorjali u extraġudizzjarji mill-Istati Uniti fil-Jemen, partikolarment permezzz ta' droni, li hu rraportat li kkaġunaw bosta mwiet fost iċ-ċivili; billi teżisti evidenza li l-Istati Membri tal-UE pprovdew appoġġ dirett jew indirett għal tali operazzjonijiet letali permezz ta' intelligence u mezzi oħra; billi l-esportazzjonijiet tal-armi u l-appoġġ militari qed jippermettu l-imblokk flimkien mal-kampanja mill-ajru li għadha għaddejja, u qed jikkontribwixxu għall-kriżi umanitarja u għall-falliment kontinwu biex tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt;
K. billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen talbet lill-VP/RGħ tniedi inizjattiva li timponi embargo fuq l-esportazzjonjiet tal-armi lejn l-Arabja Sawdija, bi qbil mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/CFSP tat-8 ta' Diċembru 2008; billi f'Ottubru 2017, erba' mexxejja ta' gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew kitbu lill-VP/RGħ biex iħeġġuha taġixxi fuq it-talba ripetuta tal-Parlament għal embargo fuq l-armi tal-UE fuq il-Jemen;
1. Jesprimi tħassib qawwi għad-deterjorament allarmanti tas-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà fil-Jemen; jiddispjaċih bil-qawwa għat-telf ta' ħajja kkawżat mill-kunflitt u għat-tbatija estrema ta' dawk li huma mċaħħda minn għajnuna umanitarja u minn kumditajiet essenzjali, u li nqabdu fil-ġlied, li ġew spustati jew li tilfu l-mezzi ta' għajxien tagħhom, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; itenni l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġa lill-Jemen u lill-poplu Jemenit;
2. Jappella lill-alleanza mmexxija mill-Arabja Sawdija biex twaqqaf immedjatament u bis-sħiħ l-imblokk navali u bl-ajru kontra l-Jemen u partikolarment biex jerġgħu jiftħu l-portijiet ta' Hodeida u Saleef u l-ajruport internazzjonali ta' Sana'a sabiex l-għajnuna umanitarja, il-kunsinni tal-ilma u l-fjuwil ikunu jistgħu jilħqu l-popolazzjoni li qed tbati l-ġuħ; bl-istess mod jappella lill-alleanza tal-Houthi-Saleh biex tagħti aċċess mingħajr xkiel għall-għajnuna u għall-ħaddiema umanitarji;
3. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki indiskriminati kontra l-popolazzjoni ċ-ċivili, inkluż il-bumbardamenti, l-attakki missilistiċi, l-użu ta' munizzjonijiet dispersivi u l-użu rrappurtat ta' mini antipersuna u l-attakki li jikkawżaw il-qerda ta' infrastruttura ċivili inkluż ta' skejjel, faċilitajiet mediċi, żoni residenzjali, swieq, sistemi tal-ilma, portijiet u ajruporti; iġedded l-appell urġenti tiegħu lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u biex jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
4. Jappella b'urġenza lill-partijiet kollha biex taħt is-sorveljanza tan-NU, jilħqu ftehim għall-waqfien tal-ostilitajiet, bħala l-ewwel pass lejn it-tkomplija tat-taħdidiet ta' paċi taħt l-awspiċi tan-NU, u b'kunsiderazzjoni tal-fatt li hu biss permezz ta' waqfien mill-ġlied urġenti li t-tbatija drammatika tal-popolazzjoni ċivili tista' tinbidel;
5. Ifakkar lill-partijiet kollha involuti li l-kaos u l-instabbiltà kontinwa maħluqa mill-kunflitt issaħħu lill-gruppi estremisti bħall AQAP u l-ISIS/Daesh; itenni l-impenn tal-UE li topponi l-gruppi estremisti u l-ideoloġiji tagħhom u jisħaq fuq il-bżonn li l-partijiet fir-reġjun jagħmlu l-istess;
6. Itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex tniedi inizjattiva għal embargo fuq l-armi kontra l-membri tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, b'kunsiderazzjoni tal-ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem li wettqu fil-Jemen, u l-fatt li l-liċenzjar kontinwu ta' trasferimenti tal-armi lejn dawn il-pajjiżi għalhekk jirrappreżentaw ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/CFSP tat-8 ta' Diċembru 2008 tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE u t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi; jitlob lill-VP/RGħ tirraporta dwar liema miżuri ttieħdu biex tiġi implimentata t-talba preċedenti, kif espress fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Frar 2016;
7. Jiddispjaċih bil-qawwa għall-aħbar dwar żieda qawwija ħafna ta' esportazzjonijiet ta' armi lejn l-Arabja Sawdija mill-President Trump, u jissottolinja li l-esportaturi tal-armi li jinstigaw il-kunflitt fil-Jemen qed jirriskjaw li jiġu implikati fid-delitti tal-gwerra; jiddeplora ż-żieda drammatika fl-operazzjonijiet letali ta' kontra t-terroriżmu mill-Istati Uniti fil-Jemen; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Istati membri biex jopponu l-qtil extraġudizzjarju, u jtenni l-pożizzjoni tal-UE skont id-dritt internazzjonali, u biex jiżguraw li l-Istati Membri ma jkomplux, ma jiffaċilitawx jew li b'xi mezz ieħor jipparteċipaw f'operazzjonijiet letali illegali; iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lil pajjiżi terzi biex jimpenjaw ruħhom favur it-twettieq ta' investigazzjonijiet, bi qbil mal-obbligi legali internazzjonali tagħhom, f'allegazzjonijiet kredibbli dwar imwiet potenzjalment mhux legali u biex jadottaw il-Pożizzjoni Komuni dwar l-użu ta' Droni Armati lil hinn mill-Kunflitt Armat;
8. Jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi internazzjonali biex tinġabar evidenza u biex jinżammu dawk responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u għall-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali; jisħaq li l-iżgurar tar-responsabbiltà għall-vjolazzjonijiet hija indispensabbli biex il-kunflitt jiġi solvut darba għal dejjem; jilqa' f'dan ir-rigward, l-istabbiliment ta' Grupp ta' Esperti Internazzjonali u Reġjonali Eminenti tan-NU li jkollu l-mandat li jimmonitorja u jirrapporta dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jwettqu eżami komprensiv tal-allegati ksur u abbużi kollha tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u ta' oqsma rilevanti u applikabbli oħra tad-dritt internazzjonali mwettqa mill-partijiet kollha fil-kunflitt sa minn Marzu 2015;
9. Jitlob lill-partijiet kollha fil-kunflitt jaħdmu biex iwarrbu l-ostakoli loġistiċi u finanzjarji kollha li jaffettwaw l-importazzjoni u t-tqassim ta' provvisti ta' ikel u mediċini lill-persuni ċivili fil-bżonn;
10. Jappella lill-partijiet kollha, partikolarment lill-awtoritajiet Houthi, biex jippermettu l-aċċess mingħajr xkiel għall-ġurnalisti fil-partijiet kollha tal-Jemen, jilqa' l-ħelsien reċenti ta' Yahya Abdulraqeeb al-Jubeihi, Abed al-Mahziri u Kamel al-Khozani u jħeġġeġ il-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tal-ġurnalisti kollha li għad baqa' fil-ħabs;
11. Ifakkar li ma ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt fil-Jemen u li l-kriżi tista' tissolva biss permezz ta' proċess ta' negozjati, li jkun jinvolvi lill-partijiet kollha kkonċernati u bil-parteċipazzjoni sħiħa u sinifikattiva tan-nisa, iż-żgħażagħ u gruppi marġinalizzati oħrajn u li jwassal għal soluzzjoni politika inklussiva; itenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tas-SEAE biex tiffaċilita t-tkomplija tan-negozjati u jħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt jipparteċipaw f'dawn l-isforzi b'mod kostruttiv u mingħajr prekundizzjonijiet; jappella lill-UE u lill-Istati Memrbi biex pubblikament u bil-qawwa jikkundannaw l-imblokk u l-impatt tiegħu u jżommu lill-partijiet l-oħra tal-kunflitt responsabbli għall-imġiba tagħhom;
12. Jappella lill-pajjiżi u lill-organizzazzjonijiet li wiegħdu għajnuna fl-Avveniment ta' Livell Għoli għal-Impenji ta' Donazzjonijiet għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen f'Ġinevra, f'April 2017, sabiex jonoraw dawn il-wegħdiet mingħajr dewmien, u biex iżidu l-impenn tagħhom biex ikopru l-bżonnijiet kollha ppreżentati min-NU;
13. Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha, flimkien mal-isforzi umanitarji u politiċi tagħhom, biex jappoġġaw il-bini tal-paċi u l-azzjonijiet ta' reżiljenza, inkluż bl-appoġġ tal-atturi tas-soċjetà ċivili u tal-istrutturi lokali ekonomiċi u ta' governanza, sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment mill-ġdid ta' servizzi bażiċi u infrastrutturali, tiġi stimulata l-ekonomija lokali u jiġu promossi l-paċi u l-koeżjoni soċjali;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Gvern tal-Jemen.