Dokument ta' sessjoni

 

B8‑0655/2017

22.11.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

( 2017/2849(RSP) )

Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, David McAllister, Sandra Kalniete, Dubravka Šuica, Lorenzo Cesa, Manolis Kefalogiannis, Daniel Caspary

f'isem il-Grupp PPE

 

B8‑0655/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

( 2017/2849(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen[1],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tat-8 ta' Ottubru 2016 dwar l-attakk fil-Jemen, tad-19 ta' Ottubru 2016 dwar il-waqfien mill-ġlied fil-Jemen, u tal-21 ta' Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar il-Jemen, u tat-23 ta' Awwissu 2017 wara l-attakki fuq żoni ċivili fil-viċinat ta' Ahrab f'Sana'a,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta' Settembru 2017 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inklużi vjolazzjonijiet u abbużi minn Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Jemen tas-26 ta' Ottubru 2017, li tissuġġerixxi inizjattivi biex tintemm il-vjolenza fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi diversi ċikli ta' negozjati organizzati min-NU għadhom ma wasslux għal progress sinifikanti lejn soluzzjoni politika fil-Jemen; billi huwa fl-interess tal-partijiet kollha involuti fil-kunflitt li jiġu ffaċilitati t-taħdidiet ta' paċi u li jittieħdu passi sinifikanti biex terġa' titrawwem il-fiduċja u jsir progress lejn paċi dejjiema;

B.  billi s-sejbien ta' soluzzjoni politika għall-kunflitt fil-Jemen għandu jkun prijorità; billi l-appoġġ tal-komunità internazzjonali għandu jkun iffukat fuq l-iżgurar ta' għan komuni, b'appoġġ għall-inizjattivi ta' paċi tan-NU;

C.  billi s-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen hija katastrofika; billi fis-16 ta' Lulju 2017, l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (OCHA) ħabbar li 20.7 miljun persuna jeħtieġu assistenza;

 

D.  billi l-qerda tal-infrastruttura u l-kollass ta' servizzi pubbliċi saħħew it-tifqigħa tal-kolera; billi fit-2 ta' Novembru 2017, l-OCHA ħabbar li mis-27 ta' April 'l hawn ġew rappurtati kważi 895 000 każ suspettat ta' kolera, bi kważi 2200 mewt assoċjata; billi aktar min-nofs il-każijiet suspettati jinvolvu lit-tfal;

E.  billi gruppi vulnerabbli, nisa u tfal huma partikolarment affettwati mill-ostilitajiet li għaddejjin u mill-kriżi umanitarja; billi l-għadd ta' vittmi ċivili qed ikompli jiżdied;

F.  billi, sa mill-bidu tal-kunflitt, l-Unjoni Ewropea (UE) allokat EUR 171.7 miljun f'għajnuna umanitarja; billi l-għajnuna umanitarja tal-UE tagħti prijorità lis-saħħa, in-nutrizzjoni, is-sigurtà tal-ikel, il-protezzjoni, il-kenn u l-ilma u s-sanità;

G.  billi Jemen stabbli u sikur, bi gvern li jiffunzjona sew, hu kruċjali għall-isforzi internazzjonali biex jiġu miġġielda l-estremiżmu u l-vjolenza fir-reġjun u lil hinn minnu, kif ukoll għall-paċi u l-istabbiltà fil-Jemen stess;

H.  billi l-kunflitt attwali fil-Jemen iġġorr miegħu riskji serji għall-istabbiltà tar-reġjun, bħala riżultat tal-vojt ta' poter li ħoloq; billi organizzazzjonijiet kriminali u terroristiċi bħall-Al Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP), u l-hekk imsejħa ISIS/Daesh setgħu japprofittaw mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Jemen;

1.  Jenfasizza li hija biss soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt li tista' ġġib lura l-paċi u żżomm l-għaqda, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen; jistieden lill-atturi internazzjonali u reġjonali kollha biex jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv mal-partijiet Jemeniti sabiex tkun tista' titnaqqas l-intensità tal-kunflitt u tiġi permessa soluzzjoni nnegozjata;

2.  Jappoġġja l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Jemen biex in-negozjati jerġgħu jibdew mill-ġdid; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt jirreaġixxu b'mod flessibbli u kostruttiv u mingħajr prekundizzjonijiet għall-isforzi tagħhom, u biex b'mod sħiħ u immedjat jimplimentaw id-dispożizzjonijiet kollha tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà;

3.  Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jilħqu ftehim b'urġenza dwar waqfien tal-ostilitajiet fi ħdan proċess immonitorjat min-NU, bħala l-ewwel pass lejn l-issoktar ta' taħdidiet ta' paċi taħt it-tmexxija tan-NU; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex, b'rieda tajba u mingħajr prekundizzjonijiet, jimpenjaw ruħhom mill-aktar fis possibbli f'ċiklu ġdid ta' negozjati ta' paċi mmexxija min-NU;

4.  Jesprimi tħassib serju dwar id-deterjorament allarmanti tas-sitwazzjoni fil-Jemen u l-impatt umanitarju devastanti tal-kunflitt fuq iċ-ċivili; jenfasizza li s-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen se tkompli sejra lura fin-nuqqas ta' soluzzjoni politika;

5.  Jiddeplora l-għeluq min-naħa tal-Arabja Sawdija u s-sħab tal-koalizzjoni tagħha, tal-portijiet marittimi, l-ajruporti u l-punti tal-qsim tal-fruntiera fuq l-art tal-Jemen, li wassal għal deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni fil-pajjiż;

6.  Jikkundanna l-attakk bil-missili fl-4 ta' Novembru mill-Houthis u l-alleati tagħhom, li huma appoġġjati mill-Iran, immirat lejn l-Ajruport Internazzjonali King Khaled ta' Riyadh;

7.  Jiddispjaċih profondament għat-telf ta' ħajja kkawżat mill-kunflitt u għat-tbatija ta' dawk li sfaw maqbuda fil-ġlied, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; itenni l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lill-Jemen u lill-poplu Jemenit;

8.  Jikkundanna l-attakki terroristiċi kollha bl-aktar mod qawwi; jilqa' l-offensiva mill-forzi tal-Gvern tal-Jemen, allegatament ta' 2 000 truppa, bl-appoġġ tal-forzi ta' operazzjonijiet speċjali tal-Emirati Għarab Magħquda u tal-Istati Uniti, kontra l-AQAP fil-provinċja ta' Shabwa; jissottolinja l-ħtieġa li l-partijiet kollha fil-kunflitt jieħdu azzjoni deċiżiva kontra gruppi terroristiċi, li l-attivitajiet tagħhom jirrappreżentaw theddida addizzjonali għal soluzzjoni nnegozjata u joħolqu riskji sinifikanti għas-sigurtà fir-reġjun u lil hinn minnu;

9.  Jistieden lin-naħat kollha biex jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem sabiex jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċivili, u biex iżommu lura milli jimmiraw direttament lejn infrastruttura ċivili, b'mod partikolari faċilitajiet mediċi u sistemi tal-ilma;

10.  Jenfasizza li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, bil-ħsieb li tiġi indirizzata l-emerġenza umanitarja kif ukoll biex tinbena l-fiduċja bejn in-naħat b'tali mod li twassal għal negozjati politiċi, qed iħeġġeġ ftehim rapidu dwar l-użu ta' kontrolli addizzjonali fil-qafas tal-Mekkaniżmu ta' Verifika u Spezzjoni tan-NU, biex b'hekk tiżdied il-kapaċità tal-portijiet kollha tal-Jemen u jkun hemm aċċess akbar għall-Ajruport ta' Sana'a;

11.  Jilqa' l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma lesti jintensifikaw l-għajnuna umanitarja lill-popolazzjoni fil-pajjiż kollu biex jindirizzaw il-ħtiġijiet li qed jiżdiedu, u li jimmobilizzaw l-assistenza tagħhom għall-iżvilupp biex jiġu ffinanzjati proġetti f'setturi kruċjali;

12.  Jilqa' l-impenji li saru waqt il-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen, u jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja kkoordinata taħt it-tmexxija tan-NU biex tittaffa t-tbatija tal-poplu tal-Jemen; jitlob il-mobilizzazzjoni immedjata tal-fondi mwiegħda lill-Jemen u finanzjament sħiħ tal-Pjan ta' Rispons Umanitarju 2017 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jemen;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u lill-Gvern tal-Jemen.

[1] Testi adottati, P8_TA(2017)0273