Dokument ta' sessjoni

 

B8-0672/2017

6.12.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya

( 2017/2973(RSP) )

Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post

f'isem il-Grupp S&D

 

B8-0672/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya

( 2017/2973(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Settembru 2017[1], tas-7 ta' Lulju 2016[2] u tal-15 ta' Diċembru 2016[3],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Myanmar/Burma tas-16 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rimarki tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, fil-belt ta' Cox's Bazar, il-Bangladesh, tad-19 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa dwar it-tielet Djalogu bejn l-UE u l-Myanmar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-apolidija tal-4 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza fl-Istat ta' Rakhine tas-6 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar adottata mit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-16 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem bit-titolu "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fil-Myanmar", tal-20 ta' Ġunju 2016 u r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar tat-18 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra s-27 sessjoni speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjoni minoritarja tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fl-Istat ta' Rakhine tal-Myanmar u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Diċembru 2017 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u ta' minoranzi oħrajn fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi tal-1954 u l-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija tal-1961,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali tal-UNHCR biex Tintemm l-Apolidija 2014-2024,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine (il-Kummissjoni Annan),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-ASEAN,  

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar jospita madwar miljun Rohingya, grupp ta' minoranza fil-biċċa l-kbira Musulman li ġie mċaħħad mid-drittijiet ta' ċittadinanza sħiħa skont il-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza tal-Myanmar li tagħmlu apolidu;

B.  billi r-Rohingya huma waħda mill-minoranzi l-aktar persegwitati fid-dinja u huma fil-biċċa l-kbira tagħhom miżmuma f'kampijiet b'restrizzjonijiet ħorox fuq il-moviment ħieles fl-Istat ta' Rakhine u barra minnu; billi din iċ-ċaħda tal-libertà wasslet għal theddid għall-ħajja u s-sigurtà, għaċ-ċaħda tad-drittijiet għas-saħħa u l-edukazzjoni, għan-nutrizzjoni ħażina u għan-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, għax-xogħol furzat, għall-vjolenza sesswali u għal limitazzjonijiet fuq id-drittijiet politiċi tagħhom;

C.  billi l-aktar eskalazzjoni riċenti ta' tensjonijiet f'Awwissu 2017 pprovokat rispons sproporzjonat ħafna mill-awtoritajiet tal-Myanmar, li wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya, fosthom qerda fuq skala kbira ta' djar, qtil, stupru u tortura;

D.  billi minn Awwissu 2017 'l hawn, aktar minn 626 000 Rohingya ħarbu għas-sigurtà fil-pajjiż ġar tal-Bangladesh, u b'hekk l-għadd totali ta' rifuġjati Rohingya fil-Bangladesh tela' għal 838 109, ċifra li hija mistennija li taqbeż miljun sa tmiem l-2017; billi dawk li qed jaħarbu jkollhom isegwu rotot perikolużi, jiffaċċjaw sparar minn armi tan-nar, art perikoluża, vjolenza sessista, ġuħ u nuqqas ta' assistenza medika; billi għexieren ta' Rohingya, fosthom nisa u tfal, mietu waqt li kienu fi triqthom;

E.  billi aktar minn 400 000 ruħ huma fil-bżonn ta' kura tas-saħħa u għajnuna alimentari u huwa stmat li 300 000 jeħtieġu għajnuna alimentari, fosthom 150 000 tifel u tifla taħt il-5 snin;

F.  billi l-Bangladesh ressaq ilment kontra l-awtoritajiet tal-Myanmar dwar it-tqegħid ta' mini tal-art f'firxa ta' art fuq il-fruntieri tiegħu mal-Bangladesh;

G.  billi huwa rappurtat li l-aġenziji tan-NU qed ikomplu jiġu blukkati milli jagħtu l-għajnuna umanitarja, inkluż l-ikel, l-ilma u l-mediċini lir-Rohingya;

H.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, fl-10 ta' Settembru 2017 ħabbar li s-sitwazzjoni fil-Myanmar "tidher eżempju klassiku ta' tindif etniku" u fil-5 ta' Diċembru 2017 li ma jistax jiġi eskluż att ta' ġenoċidju kontra l-Musulmani Rohingya mill-forzi statali fil-Myanmar; billi l-Amnesty International iddeskriviet is-sitwazzjoni tal-minoranzi fl-Istat ta' Rakhine bħala "apartheid" u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU kkundanna "t-twettiq probabbli ħafna ta' delitti kontra l-umanità" fil-Myanmar; billi rapport maħdum mill-US Holocaust Memorial Museum u mill-organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ibbażata fix-Xlokk tal-Asja Fortify Rights jikkwota evidenza dejjem tiżdied ta' ġenoċidju kontra r-Rohingya;

1.  Jiddeplora l-vjolenza, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u t-telf ta' ħajjiet, għajxien u kenn fl-Istat ta' Rakhine; jesprimi s-simpatija profonda u l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-Rohingya; ifakkar li l-awtoritajiet tal-Myanmar għandhom id-dmir li jipproteġu, mingħajr diskriminazzjoni, lill-persuni ċivili kollha mill-abbuż, li jinvestigaw kull ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u li jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja, skont l-istandards u l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-forzi militari u tas-sigurtà tal-Myanmar biex iwaqqfu immedjatament il-qtil, l-intimidazzjoni u l-istupru tar-Rohingya u l-qerda ta' djarhom;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Myanmar jippermettu aċċess umanitarju internazzjonali immedjat u mingħajr xkiel għall-Istat ta' Rakhine, inkluż appoġġ iddedikat għall-gruppi vulnerabbli bħat-tfal, l-anzjani u l-vittmi ta' vjolenza sesswali; iħeġġeġ lill-gvern jimplimenta miżuri f'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2106 (2013) biex jipprevjeni inċidenti ta' vjolenza sesswali u jirreaġixxi għalihom;

4.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Myanmar jagħtu aċċess lill-osservaturi indipendenti, b'mod partikolari lill-Missjoni ta' Ġbir ta' Informazzjoni tan-NU stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Marzu 2017, biex jiżguraw investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali tal-allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha;

5.  Itenni t-talba tiegħu li l-Gvern tal-Myanmar ineħħi minnufih il-mini kollha tal-art fil-fruntiera mal-Bangladesh;

6.  Jirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-Bangladesh affaċjat minn kriżi umanitarja f'wieħed mill-pajjiż ġirien tiegħu; jilqa' l-protezzjoni li pprovda lir-Rohingya li qed jaħarbu mill-Myanmar u jħeġġu jkompli joffri appoġġ f'kooperazzjoni mal-UNHCR, li għandu l-għarfien espert tekniku biex jiskrinja għall-istatus ta' rifuġjat u l-mandat li jipproteġi lir-rifuġjati u lill-persuni apolidi; jistieden lill-Bangladesh jiffaċilita aktar l-operazzjonijiet umanitarji mill-NGOs internazzjonali billi jissimplifika l-piż burokratiku, il-proċess ta' reġistrazzjoni u r-restrizzjonijiet fuq il-moviment;

7.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ finanzjarju u materjali għall-akkomodazzjoni tar-rifuġjati filwaqt li jiżguraw li l-assistenza ma tmurx għal soluzzjonijiet inaċċettabbli għar-rifuġjati u l-persuni rimpatrijati, bħall-istabbiliment ta' "żoni sikuri" fuq in-naħa Burmiża tal-fruntiera; huwa mħasseb, għaldaqstant, dwar id-deċiżjoni tal-Bangladesh li jiżviluppa gżira iżolata u suxxettibbli għall-għargħar fil-Bajja ta' Bengal biex tospita temporanjament 100 000 rifuġjat Rohingya peress li dan iċaħħad lir-rifuġjati minn drittijiethom;

8.  Barra minn hekk, jitlob lill-Gvern tal-Bangladesh, lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-istituzzjonijiet internazzjonali ta' finanzjament biex jistabbilixxu finanzjament fit-tul li jagħti rispons sostenibbli għall-ħtiġijiet tar-Rohingya spostati u biex jospitaw lill-komunitajiet permezz ta' aċċess għal servizzi xierqa u mtejba; jiġbed attenzjoni partikolari lejn il-ħtieġa urġenti għall-finanzjament, li huwa stmat li jammonta għal USD 10 miljun, biex jingħataw servizzi mediċi speċjalizzati u servizzi tas-saħħa mentali għas-superstiti tal-istupru u tal-vjolenza sessista; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja investigazzjoni sħiħa tal-firxa tal-vjolenza sesswali u delitti oħra kontra r-Rohingya;

9.  Jesprimi tħassib kbir dwar ir-rapporti ta' traffikar ta' nisa u bniet Rohingya fil-Myanmar u fil-Bangladesh u jħeġġeġ lill-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi biex jaħdmu mal-UNHCR u mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem biex jintemm it-traffikar u biex in-nisa u l-bniet affettwati jingħataw il-protezzjoni u l-appoġġ;

10.  Jinnota l-ftehim ta' ripatrijazzjoni bilaterali konkluż bejn il-Bangladesh u l-Myanmar fit-23 ta' Novembru 2017 b'rikonoxximent tad-dritt tar-Rohingya li jirritornaw u jkomplu jgħixu fil-Myanmar; madankollu jinsisti li ma għandhomx jitwettqu ritorni furzati, partikolarment waqt li jkunu għadhom għaddejjin il-vjolenza u r-ripressjoni, li ġew deskritti bħala ekwivalenti għal "tindif etniku"; Iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jiżguraw li tiġi stabbilita strateġija komprensiva għar-ritorn u l-integrazzjoni tar-Rohingya fil-Myanmar, abbażi tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ewlenin fir-rapport tal-Kummissjoni Annan, qabel jibdew ir-ritorni; jinsisti li l-awtoritajiet tal-Myanmar joffru assigurazzjonijiet kredibbli li l-persuni rimpatrijati ma jiġux persegwitati jew furzati f'kampijiet segregati abbażi ta' raġunijiet etniċi jew reliġjużi u jiggarantixxu monitoraġġ indipendenti u imparzjali mill-korpi tad-drittijiet tal-bniedem; jemmen li fiċ-ċirkostanzi attwali, il-kundizzjonijiet għal ritorni sikuri u volontarji mhumiex qed jiġu ssodisfati;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li jekk kwalunkwe ritorn ma jitwettaqx skont dan il-ftehim, sorveljanza sħiħa tal-proċess min-NU tiġi stabbilita biex tiggarantixxi n-natura volontarja, sikura u informata ta' ritorni ta' dan it-tip; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar iħejji strateġija komprensiva għall-għeluq tal-kampijiet kollha għall-persuni spostati f'pajjiżhom (IDPs) fiċ-ċentru tal-Istat ta' Rakine u għall-faċilitazzjoni tar-ritorn tal-IDPs fil-Myanmar abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni Annan, permezz ta' konsultazzjoni mal-komunitajiet affettwati u f'perjodu ċar u definit;

12.  Jinnota li sabiex jiġi ffaċilitat ir-ritorn u sabiex jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem universali tar-Rohingya huwa meħtieġ sforz komprensiv biex jiġu trattati d-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni istituzzjonalizzati fil-Myanmar; jenfasizza li mingħajr ma jiġu indirizzati l-kawżi huwa impossibbli li tintemm is-sitwazzjoni tagħhom; jinnota f'dan ir-rigward li ċ-ċaħda tad-drittijiet tal-minoranzi fil-Myanmar testendi lil hinn mir-Rohingya u tolqot ukoll lil gruppi etniċi fl-Istati ta' Kachin u Shan;

13.  Jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu dwar l-implimentazzjoni kontinwa tal-liġi taċ-ċittadinanza tal-Myanmar tal-1982, li ċaħdet id-drittijiet tal-bniedem bażiċi tar-Rohingya billi għamlithom apolidi; Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jemenda l-liġi taċ-ċittadinanza u jipprovdi dokumentazzjoni taċ-ċittadinanza legalment rikonoxxuta lir-residenti Rohingya ħalli huma jiġu aċċettati bħala komunità u biex id-dritt tagħhom għall-awtoidentifikazzjoni jiġi rispettat; iħeġġeġ lill-gvern joħroġ karti tal-identità li ma jiddikjarawx l-affiljazzjoni reliġjuża;

14.  Jinsisti li s-segregazzjoni tal-popolazzjoni Rohingya fil-Myanmar jeħtieġ li tintemm; jitlob li titneħħa l-kerfju imposta fuq ir-Rohingya u li jingħalqu l-punti ta' kontroll kollha minbarra dawk neċessarji; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jiżgura li r-residenti Rohingya jkunu jistgħu jivvjaġġaw liberament fl-Istat ta' Rakhine u fil-bqija tal-pajjiż u li, b'mod partikolari, ikunu rrispettati d-drittijiet tagħhom ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, l-ikel, l-edukazzjoni u l-impjiegi;

15.  Ifakkar li l-Kummissjoni Annan ġiet stabbilita fuq it-talba tal-Konsulent tal-Istat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Myanmar jaħtru korp ta' implimentazzjoni malajr kemm jista' jkun, biex jidħlu għalkollox fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet ta' Annan; jinkoraġġixxi lill-UE u lin-NU jappoġġjaw il-proċess;

16.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-investimenti tal-UE, inkluża l-assistenza għall-iżvilupp, jikkontribwixxu għal servizzi universali disponibbli għall-popolazzjoni kollha u jenfasizza li tali investimenti ma jistgħux jikkonsolidaw is-segregazzjoni fil-Myanmar li diġa wasslu għal diskriminazzjoni istituzzjonalizzata u għal delitti kontra l-umanità; jitlob, għaldaqstant, li l-UE twettaq valutazzjonijiet tal-proġetti u tal-operazzjonijiet ta' assistenza kollha biex tiżgura li jiġu implimentati kif suppost u jitlob lill-UE tappoġġja lill-atturi u lill-proġetti kontra s-segregazzjoni u d-diskriminazzjoni u taħdem biex toħloq soċjetà aktar inklużiva u ugwali;

17.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex b'urġenza jadottaw sanzjonijiet finanzjarji mmirati kontra individwi fis-servizzi militari u tas-sigurtà responsabbli għat-tkomplija tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mifruxa fil-Myanmar;

18.  Jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jimponi embargo fuq l-armi globali u komprensiv fuq il-Myanmar, jissospendi l-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment kollu, kemm jekk dirett kif ukoll jekk indirett, inkluż it-tranżitu u t-trasbord tal-armi, il-munizzjon u t-tagħmir militari u ta' sigurtà ieħor kollu, kif ukoll il-forniment ta' taħriġ jew assistenza militari jew ta' sigurtà oħra;

19.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jiżgura li tittieħed responsabilità għad-delitti kontra l-umanità u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jiggarantixxi l-ġustizzja għall-vittmi; jinkoraġġixxi lin-NU u lill-UE jissorveljaw u jappoġġjaw l-investigazzjonijiet mill-Myanmar u jesploraw il-possibilitajiet għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni minn tribunal internazzjonali u barranin jekk l-awtoritajiet tal-Myanmar jonqsu milli jiżguraw ir-responsabilità interna;

20.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar, inkluż lill-Konsulent tal-Istat, jikkundanna d-diskors ta' mibegħda u fastidju, irawwem id-djalogu interkulturali u interreliġjuż u jirrispetta d-dritt universali għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin;

21.  Jistieden, barra minn hekk, lill-ASEAN u lill-gvernijiet reġjonali jieħdu azzjoni immedjata biex iżidu l-pressjoni fuq il-Gvern tal-Myanmar u fuq il-militar tal-pajjiż sabiex iwaqqfu l-abbużi tad-drittijiet u jipproteġu liċ-ċivili kollha fl-Istat ta' Rakhine u fil-Myanmar;

22.  Jistieden lir-rebbieħa tal-Premju Sakharov Aung San Suu Kyi tikkundanna l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kollu kontra l-minoranza Rohingya; ifakkar fid-dikjarazzjoni tat-18 ta' Mejju 2015 mill-kelliem tal-partit tas-Sa Suu Kyi li l-Gvern tal-Myanmar għandu jagħti ċ-ċittadinanza lura lill-minoranza Rohingya; ifakkar li l-Premju Sakharov jingħata lil dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, iħarsu d-drittijiet tal-minoranzi u jirrispettaw id-dritt internazzjonali, fost kriterji oħra; jiġbed l-attenzjoni għall-kunsiderazzjoni ta' jekk il-Premju Sakharov jistax jiġi revokat f'każijiet fejn ir-rebbieħa jiksru dawn il-kriterji wara li l-premju jkun ingħata;

23.  Iħeġġeġ lis-sostenituri internazzjonali prinċipali tal-partijiet, b'mod partikolari ċ-Ċina u atturi reġjonali oħra, jużaw il-mezzi diplomatiċi kollha biex jeżiġu t-tmiem tal-vjolenza;

24.  Jiddeplora n-nuqqas tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jaqbel fuq miżuri deċiżivi u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-pressjoni fuq dawk li qed jostakolaw azzjoni sinifikanti, inklużi ċ-Ċina u r-Russja;

25.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jkomplu jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet tal-Myanmar u fuq is-servizzi tas-sigurtà biex itemmu l-vjolenza u d-diskriminazzjoni pperpetwati kontra r-Rohingya u jinvolvu ruħhom man-NU, l-ASEAN, il-gvernijiet reġjonali u ċ-Ċina biex iwaqqfu s-segregazzjoni ġol-Myanmar;

26.  Jitlob lill-VP/RGħ tinforma lill-Parlament dwar l-azzjoni meħuda mid-delegazzjoni tal-UE fil-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-ASEM f'Nay Pyi Taw fil-21 ta' Novembru 2017;

27.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-Pjan ta' Azzjoni Globali biex Tintemm l-Apolidija 2014-2024, tal-UNHRC;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2017)0351
[2] Testi adottati, P8_TA(2016)0316
[3] Testi adottati, P8_TA(2016)0506