Dokument ta' sessjoni

 

B8-0673/2017

6.12.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya

( 2017/2973(RSP) )

Barbara Lochbihler, Jordi Solé, Igor Šoltes, Judith Sargentini

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya

( 2017/2973(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Settembru 2017[1], tas-7 ta' Lulju 2016[2] u tal-15 ta' Diċembru 2016[3],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Myanmar/Burma tas-16 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rimarki tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, fil-belt ta' Cox's Bazar, il-Bangladesh, tad-19 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa dwar it-tielet Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Myanmar tal-25 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-apolidija tal-4 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza fl-Istat ta' Rakhine tas-6 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem bit-titolu "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fil-Myanmar", tal-20 ta' Ġunju 2016 u r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar tat-18 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra s-27 sessjoni speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjoni minoritarja tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fl-Istat Rakhine tal-Myanmar u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Diċembru 2017 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fil-Myanmar, u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Diċembru 2017, li tikkundanna bil-qawwa lill-Myanmar għall-"probabilità kbira ħafna tat-twettiq ta' delitti kontra l-umanità" mill-forzi tas-sigurtà tal-istat assistiti minn atturi mhux statali fl-Istat ta' Rakhine,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 Rigward l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi tal-1954 u l-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija tal-1961,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali tal-UNHCR biex Tintemm l-Apolidija 2014-2024,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar jospita madwar miljun Rohingya, grupp ta' minoranza fil-biċċa l-kbira Musulman li ġew imċaħħda mid-drittijiet ta' ċittadinanza sħiħa skont il-liġi tal-Myanmar dwar iċ-ċittadinanza, li tagħmilhom apolidi;

B.  billi r-Rohingya huma waħda mill-minoranzi l-aktar persegwitati fid-dinja u llum-il ġurnata huma fil-parti l-kbira tagħhom miżmuma f'kampijiet u żoni segregati b'restrizzjonijiet ħorox fuq il-moviment ħieles fl-Istat ta' Rakhine u lil hinn minnu; billi din iċ-ċaħda tal-libertà wasslet għal theddid għall-ħajja u s-sigurtà, iċ-ċaħda tad-drittijiet għas-saħħa u l-edukazzjoni, ix-xogħol furzat, il-vjolenza sesswali u limitazzjonijiet fuq id-drittijiet politiċi tagħhom;

C.  billi l-aktar tkebbis riċenti tat-tensjonijiet f'Awwissu 2017 wassal għal rispons sproporzjonat ħafna min-naħa tal-awtoritajiet tal-Myanmar, u t-twettiq ta' ksur iddokumentat sistematiku u fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya, fosthom il-qerda ta' kwartieri sħaħ, qtil, stupri u tortura;

D.  billi, minn Awwissu 2017 'l hawn, aktar minn 625 000 Rohingya ħarbu għas-sikurezza lejn il-pajjiż ġar tal-Bangladesh; billi dawk li qed jaħarbu jgħaddu minn rotot perikolużi, u jħabbtu wiċċhom ma' sparar, il-possibilità li jmutu bil-ġuħ, mogħdijiet perikolużi u nuqqas ta' assistenza medika; billi għexieren ta' Rohingya, fosthom nisa u tfal, mietu waqt li kienu fi triqthom;

E.  billi l-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW) talab rapport eċċezzjonali mill-Gvern tal-Myanmar dwar is-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet Rohingya;

F.  billi l-Bangladesh ressaq ilment kontra l-awtoritajiet tal-Myanmar dwar it-tqegħid ta' mini tal-art f'parti miż-żona tal-fruntiera bejn il-Myanmar u l-Bangladesh;

G.  billi huwa rappurtat li l-aġenziji tan-NU qed ikomplu jiġu miżmuma milli jwasslu l-għajnuna umanitarja, inkluż l-ikel, l-ilma u l-mediċini lir-Rohingya;

H.  billi fl-10 ta' Settembru 2017, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, ħabbar li s-sitwazzjoni fil-Myanmar "donnha li hi eżempju klassiku ta' tindif etniku";

I.  billi fil-5 ta' Diċembru 2017, Zeid Ra' ad Al Hussein irrakkomanda li l-Assemblea Ġenerali tan-NU tistabbilixxi mekkaniżmu ġdid li jassisti l-investigazzjonijiet kriminali tal-awturi tal-vjolenza kontra l-Musulmani Rohingya;

1.  Itenni t-tħassib l-aktar serju tiegħu u jikkundanna l-vjolenza, l-abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem u t-telf tal-ħajjiet, tal-għajxien u tal-kenn fl-Istat ta' Rakhine, li jammontaw għal delitti kontra l-umanità, u bħala tali huma soġġetti għal ġurisdizzjoni universali; jesprimi s-simpatija u l-appoġġ tiegħu lejn il-poplu Rohingya; ifakkar li l-awtoritajiet tal-Myanmar għandhom id-dmir li jipproteġu lill-persuni ċivili kollha mill-abbuż, mingħajr diskriminazzjoni, li jinvestigaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja, skont l-istandards u l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jitlob li l-kap kmandant tal-armata tal-Myanmar, il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing, jordna lit-truppi kollha taħt il-kontroll tiegħu biex itemmu b'mod immedjat il-kampanja tagħhom ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u delitti kontra l-umanità fil-konfront tar-Rohingya;

3.  Itenni l-pożizzjoni tal-UE li l-awturi ta' delitti kontra l-umanità jeħtieġ li jinżammu responsabbli, u li l-vittmi għandhom dritt għall-ġustizzja u kumpens; iwiegħed l-impenn sod tiegħu li jagħmel kulma jista' biex itemm għexieren ta' snin ta' impunità u jiżgura l-ġustizzja għal delitti serji tad-drittijiet tal-bniedem minn kwalunkwe parti fil-Myanmar;

4.  Jilqa' l-impenn iddikjarat ta' Aung San Suu Kyi favur l-istat tad-dritt, u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jirreferi l-ġurisdizzjoni fuq id-delitti gravi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-25 ta' Awwissu 2017 'l hawn lill-Qorti Kriminali Internazzjonali bħala qorti tal-aħħar istanza (awtoriferiment skont l-Artikolu 12(3) tal-Istatut ta' Ruma);

5.  Jinsisti li ma jista' jkun hemm ebda impunità għall-atroċitajiet u li n-nuqqas issoktat min-naħa tal-armata u tal-awtoritajiet ċivili li jikkoperaw mal-investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali tan-NU u n-nuqqas ta' reġistrazzjoni ta' dikjarazzjoni tal-Artikolu 12(3) se jirriżultaw f'sanzjonijiet immirati kontra l-persuni responsabbli għad-delitti u għall-impunità għad-delitti;

6.  Jistieden lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jimponu, mingħajr aktar dewmien, sanzjonijiet punittivi mmirati kontra l-kmandanti militari u tal-pulizija li huma ssuspettati li wettqu delitti gravi tad-drittijiet tal-bniedem u l-kumpaniji militari u mingħandhom jirċievu dħul;

7.  Jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, li l-embargo eżistenti tal-UE fuq l-armi jiġi estiż biex jinkludi kwalunkwe manutenzjoni, assistenza, taħriġ u koperazzjoni mal-armata tal-Myanmar;

8.  Jirrikonoxxi li r-Rohingya spustati, li għadd kbir minnhom issa jinsabu fil-Bangladesh, huma rifuġjati, jafferma mill-ġdid il-prinċipju ta' non-refoulement u jappoġġa l-valutazzjoni tal-UNHCR tal-24 ta' Novembru li "fil-preżent, fl-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar ma jeżistux il-kundizzjonijiet li jippermettu ritorni sikuri u sostenibbli"; jenfasizza li kwalunkwe ritorn irid ikun volontarju u jrid isir f'kundizzjonijiet sikuri u dinjitużi li jwittu t-triq għal soluzzjonijiet dejjiema;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Myanmar jippermettu aċċess umanitarju internazzjonali immedjat u mingħajr xkiel għall-Istat ta' Rakhine, inkluż appoġġ speċifiku għall-gruppi vulnerabbli bħat-tfal, l-anzjani u l-vittmi ta' vjolenza sesswali; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jimplimenta miżuri konformi mar-Riżoluzzjoni 2106 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għall-prevenzjoni ta' inċidenti ta' vjolenza sesswali u b'rispons għalihom; iħeġġeġ lill-gvern biex jikkopera wkoll mal-proċess ta' rappurtar tas-CEDAW;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar jagħtu aċċess lill-osservaturi indipendenti, b'mod partikolari lill-Missjoni tan-NU għat-Tiftix tal-Fatti stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Marzu 2017, biex ikunu żgurati investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha; jilqa' t-talba li saret mit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li jinħatar mibgħut speċjali għall-Myanmar;

11.  Itenni t-talba tiegħu lill-Gvern tal-Myanmar biex ineħħi b'mod immedjat il-mini tal-art kollha li tpoġġew fiż-żona tal-fruntiera mal-Bangladesh u biex jikkoopera għalkollox man-NU u mal-osservaturi internazzjonali matul dan il-proċess;

12.  Jagħraf l-isforzi kbar li qed jagħmlu l-Gvern u l-poplu tal-Bangladesh fir-rigward tal-kriżi umanitarja enormi, li b'mod ġeneruż fetħu l-fruntieri tagħhom u qlubhom għar-rifuġjati Rohingya li qed jaħarbu mill-Myanmar f'qagħda ta' bżonn iddisprat; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex iżidu saħansitra aktar l-appoġġ finanzjarju u materjali tagħhom għall-akkomodazzjoni tar-rifuġjati sabiex il-Gvern tal-Bangladesh ikun jista' jkompli jappoġġa r-Rohingya sakemm dawn ikunu jistgħu jirritornaw b'mod sikur u minn jeddhom lejn post li jqisuh bħala darhom; jistieden lill-Bangladesh ikompli jiffaċilita l-operazzjonijiet umanitarji tal-NGOs internazzjonali billi jissimplifika l-piż burokratiku u r-restrizzjonijiet fuq il-moviment;

13.  Jilqa' l-ospitar konġunt mill-UE ta' konferenza tad-donaturi, u l-35 wegħda sussegwenti li jammontaw għal USD 344 miljun: jiddispjaċih li dan l-ammont ma jilħaqx il-mira globali u jinnota li s'issa terz biss tal-flus huma disponibbli: iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tiżgura l-finanzjament meħtieġ kemm għall-persuni Rohingya li qed iħabbtu wiċċhom ma' spostament kif ukoll għall-popolazzjoni lokali milquta fil-Bangladesh;

14.  Jesprimi tħassib kbir dwar ir-rapporti ta' traffikar ta' nisa u bniet Rohingya fil-Myanmar u fil-Bangladesh, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi biex jaħdmu mal-UNHCR u mal-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem biex jintemm it-traffikar u jipprovdu lin-nisa u l-bniet milquta bi protezzjoni u appoġġ;

15.  Jinnota l-ftehim ta' ripatrijazzjoni bilaterali konkluż bejn il-Bangladesh u l-Myanmar fit-23 ta' Novembru 2017 b'rikonoxximent tad-dritt tal-poplu Rohingya li jirritornaw u jibqgħu jgħixu fil-Myanmar; madankollu jinsisti li ma għandhomx jitwettqu ritorni furzati, partikolarment waqt li jkunu għadhom għaddejjin il-vjolenza u r-ripressjoni, li ġew deskritti bħala ekwivalenti għal "tindif etniku"; jenfasizza li l-proprjetà sakkeġġata u misruqa għandha tintradd lura lis-sidien Rohingya u li l-persuni rimpatrijati għandhom jiġu kkumpensati għat-telf tal-ħajjiet, tal-proprjetà u tal-għelejjel; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jiżguraw li l-Myanmar ikollu strateġija komprensiva għar-ritorn u l-integrazzjoni tal-poplu Rohingya qabel ma jsir ir-ritorn; jinsisti wkoll li l-awtoritajiet tal-Myanmar joffru assigurazzjonijiet kredibbli li l-persuni rimpatrijati mhumiex se jiġu mġiegħla joqogħdu f'kampijiet segregati bbażati fuq linji etniċi jew reliġjużi;

16.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar jipposponi l-proġetti ekonomiċi u tal-infrastruttura tiegħu, fosthom l-istabbiliment ta' żoni speċjali ekonomiċi, industrijali jew ta' kummerċ ġodda, sakemm jiġu implimentati s-salvagwardji meħtieġa biex ikunu żgurat li dawn ikunu għall-benefiċċju tal-komunitajiet kollha, mingħajr diskriminazzjoni, u ma jippreġudikawx id-drittijiet għall-art u għall-proprjetà tar-Rohingya u ta' komunitajiet oħra li ġew spustati minn djarhom bħala rifuġjati jew persuni spustati internament;

17.  Jinnota li sabiex jiġi ffaċilitat ir-ritorn u sabiex jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem universali tar-Rohingya huwa meħtieġ sforz komprensiv biex jiġu trattati d-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni istituzzjonalizzati fil-Myanmar; jinnota f'dan ir-rigward li ċ-ċaħda tad-drittijiet tal-minoranzi fil-Myanmar testendi lil hinn mir-Rohingya u tolqot ukoll lil gruppi etniċi fl-Istati ta' Kachin u Shan;

18.  Jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu dwar l-implimentazzjoni kontinwa tal-liġi taċ-ċittadinanza tal-Myanmar, li ċaħdet id-drittijiet tal-bniedem bażiċi tar-Rohingya billi għamlithom apolidi; jistieden lill-Gvern tal-Myanmar biex jemenda l-Liġi taċ-Ċittadinanza u jipprovdi dokumentazzjoni taċ-ċittadinanza rikonoxxuta legalment lir-residenti Rohingya; iħeġġeġ lill-gvern joħroġ karti tal-identità li ma jiddikjarawx l-affiljazzjoni reliġjuża;

19.  Jinsisti li s-segregazzjoni tal-popolazzjoni Rohingya fil-Myanmar jeħtieġ li tintemm; jitlob li jitneħħa l-curfew impost fuq ir-Rohingya u jiżżarmaw il-punti kollha ta' kontroll, ħlief dawk li huma meħtieġa; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jiżgura li r-residenti Rohingya jkunu jistgħu jivvjaġġaw liberament fl-Istat ta' Rakhine u fil-bqija tal-pajjiż u li jiġu rispettati d-drittijiet tagħhom ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjiegi;

20.  Ifakkar li l-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine ġiet stabbilita fuq it-talba tal-Kunsillier tal-Istat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Myanmar jaħtru korp ta' implimentazzjoni malajr kemm jista' jkun, biex jidħlu għalkollox fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet ta' Annan; jinkoraġġixxi lill-UE u lin-NU jappoġġaw il-proċess;

21.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-investimenti tal-UE, inkluża l-assistenza għall-iżvilupp, jikkontribwixxu lejn servizzi universali disponibbli għall-popolazzjoni kollha, u jenfasizza li l-investimenti tali ma jridux iżidu s-segregazzjoni fil-Myanmar, li diġà wasslet għal diskriminazzjoni istituzzjonalizzata u delitti kontra l-umanità;

22.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar, inkluż lill-Kunsillier tal-Istat, jikkundanna d-diskors ta' mibegħda u fastidju, irawwem id-djalogu interkulturali u interreliġjuż, u jirrispetta d-dritt universali għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin;

23.  Barra minn hekk, jistieden lill-gvernijiet reġjonali u tal-pajjiżi tal-ASEAN, b'mod partikolari ċ-Ċina, biex jieħdu azzjoni immedjata sabiex tiżdied il-pressjoni fuq il-Gvern tal-Myanmar bil-għan li jitwaqqfu l-atroċitajiet u jkunu protetti l-persuni ċivili kollha fl-Istat ta' Rakhine; iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri tal-UE jinvolvu ruħhom b'mod attiv fl-isforzi biex jorganizzaw konferenza internazzjonali dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya;

24.  Jistieden lir-rebbieħa tal-Premju Sakharov Aung San Suu Kyi biex tikkundanna l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-minoranza Rohingya; ifakkar fid-dikjarazzjoni tat-18 ta' Mejju 2015 mill-kelliem tal-partit ta' Aung San Suu Kyi li l-Gvern tal-Myanmar għandu jerġa' jagħti ċ-ċittadinanza lill-minoranza Rohingya; ifakkar li l-Premju Sakharov jingħata lil dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, iħarsu d-drittijiet tal-minoranzi u jirrispettaw id-dritt internazzjonali, fost kriterji oħra;

25.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw il-Pjan ta' Azzjoni Globali biex Tintemm l-Apolidija 2014-2024, tal-UNHRC;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

[1] Testi adottati, P8_TA(2017)0351
[2] Testi adottati, P8_TA(2016)0316
[3] Testi adottati, P8_TA(2016)0506