Dokument ta' sessjoni

 

B8‑0674/2017

6.12.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-Myanmar/Burma: is-sitwazzjoni tar-Rohingya

( 2017/2973(RSP) )

Younous Omarjee, Marie-Christine Vergiat, Patrick le Hyaric, Sofia Sakorafa, Merja Kyllönen, Lola Sanchez Caldentey, Josu Juaristi Abaunz, Marisa Matias, Dimitris Papadimoulis, Kostadinka Kuneva, Stelios Kouloglou, Javier Couso Permuy, Marina Albiol, Tania Gonzalez Peñas, Estefania Torres Martinez, Xabier Benito Ziluaga, Miguel Urbán Crespo

f'isem il-Grupp GUE/NGL

 

B8-0674/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma: is-sitwazzjoni tar-Rohingya

( 2017/2973(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-bosta riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Myanmar/Burma u r-Rohingya, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Settembru 2017, tal-15 ta' Diċembru 2016, tas-7 ta' Lulju 2016 u tal-21 ta' Mejju 2015 dwar l-oqbra tal-massa fit-Tajlandja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tiegħu dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja tat-13 ta' Ġunju 2017, kif ukoll dak tas-27 ta' Ġunju 2016 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabilità korporattiva,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patti Internazzjonali tal-1966 dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' New York dwar l-Istatus tal-Persuni Apolidi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 1325 tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  Wara li kkunsidra l-ħidma tan-NU dwar is-suġġett, ir-rapport intitolat "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fil-Myanmar", adottat matul it-32 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali 2014-2024 tal-UNHCR biex Tintemm l-Apolidija,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) fil-Bangladexx tat-3 ta' Frar 2017 dwar l-intervisti ta' Rohingya maħruba mill-Myanmar/Burma fid-9 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-libertà ta' espressjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Federica Mogherini, Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni (RGħ/VP), waqt il-konferenza stampa tagħha tat-2 ta' Mejju 2017 ma' Aung San Suu Kyi, Kunsilliera tal-Istat u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Myanmar/Burma,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investimenti bejn l-UE u l-Myanmar/Burma li qed jiġi nnegozjat,

–  wara li kkunsidra r-rapporti rikorrenti tal-NGOs dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma, b'mod partikolari dwar ir-Rohingya,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar strateġija tal-UE fil-konfront tal-Myanmar/Burma,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra ż-żjara fil-Bangladexx u d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Novembru 2017 tal-VP/RGħ, Federica Mogherini,

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta' Diċembru 2017 fil-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.billi r-Rohingya tal-Myanmar/Burma huma l-akbar popolazzjoni ta' apolidi fid-dinja; billi l-persekuzzjoni, il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontrihom qed ikomplu jikbru; billi l-aċċess għall-Istat ta' Rakhine għadu ferm limitat għall-NGOs, l-osservaturi indipendenti u l-ġurnalisti;

B.billi aktar minn 600 000 Rohingya ħarbu fil-Bangladexx mill-25 ta' Awwissu 2017, minbarra bejn 200 000 u 300 000 Rohingya li waslu fil-pajjiż matul l-aħħar deċennji; billi l-Bangladexx huwa wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja; billi minbarra l-kriżi umanitarja qed jibda jkun hemm kriżi tas-saħħa u riskju ta' epidemiji; billi ġew innutati każijiet ta' malnutrizzjoni akuta u severa; billi l-UNICEF, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-awtoritajiet tal-Bangladexx ix-xahar li għadda nedew kampanja ta' tilqim, li għaliha ġew previsti 900 000 doża ta' tilqim;

C.wara li kkunsidra l-iffirmar, fit-23 ta' Novembru li għadda, ta' ftehim bejn il-Bangladexx u l-Myanmar/Burma; billi dan il-ftehim ikopri ir-ripatrijazzjoni volontarja ta' Rohingya spustati minn Ottubru 2016; billi l-apparat u l-grupp ta' ħidma konġunt se jitwaqqfu fi żmien xahrejn; billi għandhom jinfetħu kampijiet fil-Myanmar/Burma biex jakkomodawhom; billi l-forzi armati tal-Myanmar/Burma huma responsabbli għal atti ta' tortura, għajbien sfurzat, qtil extraġudizzjarju u bumbardamenti indiskriminati fuq tal-irħula Rohingya;

D.billi titqies it-tħabbira tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fejn talab investigazzjoni kriminali internazzjonali rigward l-awturi ta' vjolenza kontra r-Rohingya, awturi potenzjalment responsabbli għal ġenoċidju; billi l-analiżi tiegħu dwar l-attakki "mifruxa, sistematiċi u brutalità xokkanti" kontra r-Rohingya tikkorrobora l-elementi ġejjin minn bosta osservaturi internazzjonali;

E.billi r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali f'kunflitt, Pramila Patten, marret f'kampijiet tar-rifuġjati f' Cox' s Bazar, fil-Bangladexx, fit-12 ta' Novembru li għadda, u ħabbret l-intenzjoni tagħha li tirrakkomanda lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) biex takkuża lill-awtoritajiet tal-Myanmar/Burma ta' abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem, u dan huwa ekwivalenti għal "atti ta' ġenoċidju kontra l-popolazzjoni Rohingya"; billi l-kamp ta' Kutupalong, l-aktar importanti ta' Cox' s Bazar, waħdu jospita aktar minn 400 000 rifuġjat;

F.billi titqies il-konferenza ta' ġbir ta' fondi għall-persuni Rohingya, li saret fit-23 ta' Ottubru li għadda f'Ġinevra; billi l-Unjoni Ewropea pprovdiet EUR 30 miljun f'għajnuna biex tittaffa l-kriżi umanitarja; billi l-għajnuna umanitarja internazzjonali għandha tiġi mġedda sa minn Frar 2018;

G.billi r-rapport tal-24 ta' Awwissu li għadda tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Kofi Annan, rapport li ħadet ħsiebu Aung San Suu Kyi, jirrakkomanda li l-Myanmar/Burma ineħħi r-restrizzjonijiet fuq il-moviment u ċ-ċittadinanza tar-Rohingya biex tiġi evitata żieda fir-radikaliżmu u tiġi żgurata l-paċi u l-istabbiltà tan-nazzjon tal-Myanmar/Burma;

H.billi jitqies ir-rifjut imtenni ta' għoti taċ-ċittadinanza u tad-drittijiet relatati, bħad-dritt għall-vot, lill-miljun Rohingya; billi għadd ta' tfal Rohingya ma rċevewx ċertifikat tat-twelid sa mis-snin 1990, u dan idgħajjef l-inklużjoni tagħhom fl-iskejjel pubbliċi u l-kisba ta' dokumenti ta' identità;

I.billi l-Artikoli 7 u 8 tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, li l-Myanmar/Burma huwa parti kontraenti għaliha, jistabbilixxu d-dritt tal-wild li jiġi rreġistrat mit-twelid, u obbligi oħra li jimponu l-istrumenti internazzjonali applikabbli f'dan il-qasam, b'mod partikolari f'każijiet fejn, fin-nuqqas ta' dan, il-minuri jsib ruħu apolidu;

J.billi l-armata għad għandha setgħa sproporzjonata fl-affarijiet tal-pajjiż; billi xi artikoli tal-Kostituzzjoni jiddikjaraw l-impunità tal-mexxejja militari u ċivili;

K.billi r-reliġjon hija strumentalizzata għal skopijiet vjolenti; billi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon mhumiex garantiti; billi l-inċitament għall-mibegħda kontra l-minoranzi reliġjużi jibqa' sistematikament mhux sanzjonat; billi il-ksenofobija u l-islamofobija fis-soċjetà tal-Myanmar/Burma kienu partikolarment msaħħa biż-żieda fl-importanza ta' estremiżmu Buddista li jħaddan politika nazzjonalista u li jqis il-Buddiżmu bħala element kostituttiv tan-nazzjon tal-Myanmar/Burma, saħansitra bħala kundizzjoni esklużiva ta' din nazzjon;

L.billi t-tensjonijiet u l-mibegħda komunitarji ma jistgħux madankollu jiġu eliminati permezz ta' dispożizzjonijiet ġuridiċi biss; billi huwa wkoll meħtieġ li jiġu indirizzati l-kawżi tagħhom, anke billi jinqerdu l-isterjotipi diskriminatorji, billi tiġi inkoraġġuta tolleranza akbar u miżuri ta' aċċess għas-servizzi soċjali għal kulħadd, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni;

 

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Myanmar/Burma u fil-Bangladexx, u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar/Burma iwaqqaf l-użu eċċessiv tal-forza, u tal-vjolenza u d-diskriminazzjoni li qerdu lir-Rohingya fl-istat ta' Rakhine; itenni t-talba tiegħu għal aċċess umanitarju sħiħ u inkundizzjonat mingħajr dewmien;

2.  Ifakkar li r-Rohingya huma parti integrali mill-popolazzjoni tal-Myanmar/Burma u li f'dan ir-rigward, huma għandhom jiġu rikonoxxuti bħala tali mil-liġi;

3.  Jinnota l-ftehim reċenti bejn il-Bangladexx u l-Myanmar/Burma; jinsisti li l-UNHCR għandu jiġi involut sistematikament fil-ħidma tal-grupp ta' ħidma konġunt; jenfasizza li l-ispostament tar-Rohingya minn kamp għall-ieħor, fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera, ma jistax jikkostitwixxi soluzzjoni dinjituża jew sostenibbli; jappoġġa l-pożizzjoni tal-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati, li tqis li bħalissa ma jeżistux il-kundizzjonijiet biex "jippermettu ritorn sikur u sostenibbli"; jenfasizza, barra minn hekk, li dawn ir-ritorni għandhom jitwettqu fuq bażi volontarja; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rrispettat il-prinċipju ta' non-refoulement f'kull ċirkostanza;

4.  Jilqa' r-rwol kostruttiv tal-Bangladexx f'ċirkostanzi diffiċli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jipprovdu aktar art biex jitnaqqsu l-iffullar u l-privazzjoni tal-kampijiet; jistedinhom itaffu r-restrizzjonijiet burokratiċi li huma jimponu fuq organizzazzjonijiet umanitarji, inkluż dwar permessi tax-xogħol, viżi u approvazzjonijiet ta' proġetti; jinkoraġġixxi lill-Bangladexx biex jirrikonoxxi uffiċjalment bħala rifuġjati lir-Rohingya kollha, sabiex kollha jkunu jistgħu jaċċedu għall-protezzjonijiet bażiċi u jirċievu l-appoġġ li jeħtieġu; ifakkar li l-libertà tal-moviment hija kruċjali biex jinħoloq aċċess għas-servizzi bażiċi u opportunitajiet ta' edukazzjoni;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet għal ritorn dinjituż bil-ħsieb li jiġu implimentati soluzzjonijiet sostenibbli, f'konformità mal-prinċipji internazzjonali, u li dan għandu jibda bir-rikostruzzjoni tal-irħula meqruda mill-forzi armati Burmiżi; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Myanmar/Burma li joħloq "Union Enterprise Mechanism" għall-għajnuna umanitarja, ir-risistemazzjoni u l-iżvilupp fl-Istat ta' Rakhine; jenfasizza li dan il-mekkaniżmu għandu jkun akkumpanjat mir-radd sħiħ tad-drittijet tar-Rohingya u t-twaqqif u l-kundanna pubblika tal-użu eċċessiv tal-forza mill-awtoritajiet Burmiżi;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li reċentement il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti estenda l-mandat tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni; jissottolinja d-diskriminazzjoni, it-tkeċċija, l-abbużi, il-qtil tal-massa u l-inċitament għall-mibegħda kontra r-Rohingya mwettqa mill-Istat Burmiż, li f'termini ġuridiċi jammontaw għal "delitti kontra l-umanità"; jappoġġa t-talba tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem li jirrakkomanda lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti biex tistabbilixxi mekkaniżmu ġdid li jkun imparzjali, indipendenti u li jkompli mal-ħidma tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni dwar l-aħħar mewġa ta' vjolenza u abbuż, biex jiġu ffaċilitati l-investigazzjonijiet kriminali individwali fuq dawk responsabbli; jappoġġa wkoll il-ħolqien ta' uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Myanmar/Burma b'mandat sħiħ;

7.  Jiġbed l-attenzjoni għad-diskriminazzjonijiet kontra minoranzi oħra fil-Myanmar/Burma (Tamil Hindu, Kaman, il-minoranza Ċiniża...); iqis li l-Liġi tal-1982 dwar iċ-Ċittadinanza tirrapreżenta art fertili għad-diviżjoni, li effettivament tintroduċi kunċett inġust ta' "status" ta' ċittadinanza, flimkien ma' applikazzjoni selettiva, b'diversi livelli ta' burokrazija u korruzzjoni endemika;

8.  Jissottolinja għal darb' oħra l-urġenza, għall-Gvern Burmiż, li jirrevedi b'mod radikali l-qafas ġuridiku diskriminatorju tal-pajjiż; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-Gvern tal-Myanmar/Burma biex jagħti ċ-ċittadinanza sħiħa lill-minoranzi Burmiżi kollha, u b'mod partikolari lir-Rohingya, billi jirrevedi l-Liġi tal-1982 dwar in-nazzjonalità, f'konformità mal-istandards internazzjonali; jirrakkomanda lill-Gvern jiżgura li l-abitanti kollha tal-Myanmar/Burma jkunu jistgħu jiksbu dokumenti ta' identità, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, u jiżgura li t-tfal kollha jiġu rreġistrati mat-twelid, u dan mingħajr diskriminazzjoni u mingħajr ħlas, u jistabbilixxi malajr sistema li tippermetti r-reġistrazzjoni tat-tfal mhux reġistrati, inklużi t-tfal Rohingya, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tan-NU;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burmiżi jimplimentaw malajr kemm jista' jkun ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-kumitat ta' inkjesta mmexxija minn Kofi Annan, b'mod partikolari dwar iċ-ċittadinanza u l-ugwaljanza fil-liġi u fil-prattika bejn il-poplu Burmiż;

10.  Iħeġġeġ lil Aung San Suu Kyi biex tipproteġi lill-poplu tagħha, fosthom ir-Rohingya li huma parti integrali mill-poplu, u tikkundanna l-abbużi tal-militar; josserva li, bħala l-Kunsulent tal-Istat, Aung San Suu Kyi impenjat ruħha li tressaq quddiem il-ġustizzja dawk kollha li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u li wettqu atti kriminali oħra, skont l-istat tad-dritt biex tiġi evitata kull impunità, u ddikjarat fid-19 ta' Settembru 2017 li l-Myanmar/Burma ma jibżax minn skrutinju fil-fond tal-komunità internazzjonali. jibqa' madankollu mħasseb ħafna dwar ċerti dikjarazzjonijiet tagħha u l-inadegwatezza tal-azzjoni tagħha, li mhumiex denji ta' rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi u tal-Premju Sakharov;

11.  Jiddenunzja l-influwenza dejjem tiżdied ta' movimenti ultranazzjonalisti Buddisti, li jagħtu n-nar għas-sentimenti diskriminatorji u jitolbu l-adozzjoni ta' politiki jew liġijiet diskriminatorji; ifakkar li l-Kostituzzjoni tal-2008 tipprojbixxi l-istrumentalizzazzjoni tar-reliġjon għal skopijiet politiċi; jistieden lill-awtoritajiet jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġġieldu kontra t-tixrid ta' diskriminazzjoni u preġudizzji kontra l-Musulmani u l-membri ta' minoranzi nazzjonali, etniċi, reliġjużi u lingwistiċi fil-pajjiż u biex itemmu l-inċitament għall-mibegħda, speċjalment kontra l-Musulmani billi jikkundannaw tali atti pubblikament, inkluż fl-Istat ta' Rakhine;

12.  Jissottolinja l-bżonn li jiġu indirizzati l-għeruq ta' diskriminazzjoni li ilha ħafna taffettwa l-popolazzjoni Rohingya; jitlob li jingħata, jiġi difiż u garantit l-aċċess għad-drittijiet ekonomiċi u soċjali fundamentali, inkluż opportunitajiet għall-edukazzjoni aqwa u l-aċċess għall-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni ogħla, għal kulħadd, b'mod partikolari fl-Istat ta' Rakhine, għaż-żgħażagħ spostati u t-tfal li jgħixu fil-kampijiet;

13.  Iħeġġeġ lill-Gvern Burmiż biex jagħti l-prijorità lil miżuri preventivi kontra d-diskriminazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' kampanji edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni, permezz tat-taħriġ tal-imħallfin u tal-uffiċjali responsabbli miż-żamma tal-ordni, u permezz tad-djalogu soċjali u kulturali;

14.  Jenfasizza li s-suċċess tat-tranżizzjoni demokratika u l-istat ta' dritt fil-Myanmar/Burma jiddepend wkoll fuq garanzija ta' supremazija tas-setgħa ċivili fuq dik militari;

15.  Jistieden lill-Awtoritajiet Burmiżi jiggarantixxu r-rispett sħiħ tad-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni u tal-mezzi tax-xandir, iwaqfu l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji u jieqfu jimponu kundanni sproporzjonati lil dawk li jeżerċitaw dawn id-drittijiet, b'mod partikolari l-atturi tas-soċjetà ċivili, il-personaġġi politiċi u l-ġurnalisti li qed jippruvaw jipproteġu d-drittijiet tal-minoranzi u li huma regolarment vittmi ta' atti ta' intimidazzjoni u fastidju;

16.  Jitlob lill-Myanmar/Burma jirratifika ħamsa mit-tmien konvenzjonijiet ewlenin diġà ffirmati, b'mod partikolari l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

17.  Jistieden lill-pajjiżi kollha fir-reġjun, b'mod partikolari l-Awstralja, l-Indoneżja, il-Malasja u t-Tajlandja, biex jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tar-rifuġjati, b'mod partikolari billi jiffirmaw il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, imsejħa Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-Protokoll tagħha tal-1967, u l-Konvenzjoni ta' New York dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi, biex jiftħu l-fruntieri għall-persuni li qed ifittxu l-asil, b'mod partikolari ir-Rohingya, u biex tal-inqas jipprovdulhom protezzjoni temporanja;

18.  Jilqa' b'sodisfazzjoni l-attenzjoni u l-appoġġ dejjem jikber tal-Unjoni Ewropea għall-kriżi; jirrakkomanda li l-għajnuna tal-Unjoni tingħata biss għal programmi strettament mhux diskriminatorji u mhux segregati; jinnota li Christos Stylianides, il-Kummissarju Ewropew għall-Għajnuna Umanitarja, waqt iż-żjara tiegħu fil-Bangladexx ix-xahar li għadda, ikkwota lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, li tkellem dwar "tindif etniku";

19.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-sospensjoni tal-kooperazzjoni militari ta' Franza u tar-Renju Unit mal-Myanmar/Burma kif ukoll is-sospensjoni ta' stediniet tal-Unjoni Ewropea lill-Kap Kmandant u uffiċjali oħra tal-forzi armati ta' dan il-pajjiż; jenfasizza l-importanza tal-embargo tal-Unjoni fuq l-armi, li għandha tkopri wkoll il-provvista ta' tagħmir, il-manutenzjoni, l-assistenza, it-taħriġ u l-kooperazzjoni mal-armata tal-Myanmar/Burma, u jappella lill-komunità internazzjonali biex tagħmel l-istess;

20.  Jitlob li n-negozjati dwar ftehim ta' protezzjoni tal-investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Myanmar/Burma jibqgħu sospiżi sakemm is-sitwazzjoni ma tmurx għall-aħjar b'mod sostenibbli; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-posponiment għal data indeterminata taż-żjara li delegazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament Ewropew kellha twettaq fil-Myanmar/Burma f'Settembru li għadda; ifakkar li l-aċċess għas-sistema ta' preferenzi ġeneralizzati (SPĠ) huwa suġġett għar-rispett tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, u li f'każ ta' ksur mifrux u sistematiku tal-istandards bażiċi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jew tad-drittijiet tax-xogħol, l-aċċess jista' jiġi rtirat; jistieden bil-qawwa lill-Kunsill biex jikkunsidra din is-soluzzjoni;

21.  jenfasizza, b'mod iktar globali, li l-kwistjonijiet marbuta mal-artijiet u approprjazzjonijiet illeċiti tal-art, b'mod partikolari minn impriżi privati, għadhom sfida sinifikanti għall-ġejjieni tal-Myanmar/Burma, għall-ġustizzja soċjali u għar-risistemazzjoni tar-Rohingya;

22.  Ifakkar li r-rapport tiegħu tal-2010 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabilità korporattiva, ikkonstata li l-kwalsoli li attwalment hemm fil-ftehimiet kummerċjali kellhom "impatt limitat fuq ir-rispett tal-obbligi u l-impenji fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem2, u kien stieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, b'mod partikolari, "jikkunsidraw l-inklużjoni ta' kumitat għad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat segwitu serju u sistematiku ta' kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-ftehim";

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvern tal-Myanmar/Burma kif ukoll lill-membri tal-ASEAN, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.