Dokument ta' sessjoni
11.12.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan
( 2017/2932(RSP) )
Sabine Lösing, Takis Hadjigeorgiou, Neoklis Sylikiotis, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva, Dimitrios Papadimoulis, Eleonora Forenza, Sofia Sakorafa, Paloma López Bermejo, Merja Kyllönen, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Miguel Urbán Crespo
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan
( 2017/2932(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan,
– wara li kkunsidra l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Afganistan, adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fis-16 ta' Ottubru 2017,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2016,
– wara li kkunsidra l-ħatra tal-Mibgħut Speċjali l-ġdid tal-UE għall-Afganistan, is-Sur Roland Kobia, fl-1 ta' Settembru 2017, u ż-żjara reċenti tiegħu fl-Afganistan tal-25 u s-26 ta' Ottubru 2017,
– wara li kkunsidra l-laqgħat tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem lokali bejn l-UE u l-Afganistan tal-1 ta' Ġunju u t-30 ta' Novembru 2016,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE tas-27 ta' Mejju 2013 biex tiġi estiża l-Missjoni tal-Pulizija tal-UE fl-Afganistan (EUPOL) sal-31 ta' Diċembru 2014, u wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Ġunju 2014 li jaqbel fil-prinċipju dwar estensjoni tal-EUPOL sa tmiem l-2016,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Novembru 2017 mill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, Fatou Bensouda, dwar id-deċiżjoni tagħha li titlob awtorizzazzjoni ġudizzjarja biex tibda investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Afganistan, inkluża r-riżoluzzjoni 2189 tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni ċivili f'konflitt armat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan (UNAMA),
– wara li kkunsidra l-Missjoni ta' Appoġġ Determinat (RSM - Resolute Support Mission), il-missjoni ta' segwitu tan-NATO fl-Afganistan li saret operattiva fit-2 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Bilaterali dwar is-Sigurtà (BSA) bejn l-Istati Uniti u l-Afganistan u l-Ftehim dwar l-Istatus tal-Forzi u tal-Persunal bejn in-NATO u l-Afganistan (NATO SOFA), it-tnejn li huma ffirmati fit-30 ta' Settembru 2014,
– wara li kkunsidra l-istrateġija l-ġdida tal-Istati Uniti dwar l-Afganistan, ippreżentata mill-President Trump fil-21 ta' Awwissu 2017,
– wara li kkunsidra l-konferenza tad-donaturi tal-għajnuna internazzjonali organizzata mill-UE fi Brussell fil-5 ta' Ottubru 2016 (il-"Konferenza ta' Brussell dwar l-Afganistan") u d-dokument (imġedded u aġġornat) adottata f'dik il-laqgħa, "Qafas favur l-Awtonomija permezz ta' Responsabbiltà Reċiproka (SMAF)"),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-Triq Konġunta 'l Quddiem dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE, maħruġa fil-5 ta' Ottubru 2016, u l-ewwel laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma Konġunt, li saret f'Novembru 2016,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Amnesty International bl-isem Afghanistan: Forced back to danger: Asylum seekers returned from Europe to Afghanistan" ("Afganistan: Imġiegħla jmorru lura fil-periklu: Persuni li jfittxu asil jintbagħtu lura mill-Ewropa lejn l-Afganistan", ippubblikat fil-5 ta' Ottubru 2017,
– wara li kkunsidra tal-adeżjoni tal-Afganistan mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Lulju 2016,
– wara li kkunsidra l-klassifikazzjoni baxxa tal-Afganistan fir-Rapport tal-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2015 tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), li fih l-Afganistan jinsab fil-171 post minn 187 pajjiż,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għan-Nisa fl-Afganistan (NAPWA),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni ġenerali tas-sigurtà fl-Afganistan ħżienet ħafna; billi l-Afganistan ġie ikklassifikat it-tieni l-inqas pajjiż sikur fid-dinja fl-indiċi Globali tal-Paċi 2017; billi mewġiet ġodda ta' attakki mit-Taliban f'dawn l-aħħar xhur u l-penetrazzjoni tal-ISIL fl-Afganistan, li wasslu għal attakki bla preċedent f'Kabul u f'xi provinċji fit-Tramuntana u fil-Lvant, ħallew sa terz mit-territorju tal-Afganistan u 25 % tal-popolazzjoni maqtugħin mis-servizzi tal-gvern;
B. billi r-Rapport Annwali 2016 tal-UNAMA dwar il-protezzjoni ta' persuni ċivili f'konflitt armat iddokumenta l-ogħla numru ta' vittmi mill-2009, bi 11 418-il vittma ċivili; billi b'kollox aktar minn 25 000 ċittadin Afgan ġew irrapportati li nqatlu, u b'ċifri saħansitra ikbar ta' persuni midruba;
C. billi l-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, Fatou Bensouda, talbet awtorizzazzjoni ġudizzjarja biex tiftaħ investigazzjoni dwar delitti li huwa allegat li twettqu b'konnessjoni mal-konflitt armati fil-pajjiż mill-2003 'il quddiem; billi hija ġabret, matul is-snin, evidenza ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità mwettqa mit-Taliban, mill-forzi tal-pulizija u tal-intelligence Afgani, u mill-armata tal-Istati Uniti u s-CIA, li jvarjaw minn attakki kontra suldati umanitarji, l-użu ta' suldati tfal, u t-tortura tad-detenuti, fosthom f'faċilitajiet ta' detenzjoni "siti suwed" ibbażati f'ċerti Stati Membri tal-UE, jiġifieri l-Polonja, il-Litwanja u r-Rumanija;
D. billi l-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti żiedet il-forzi militari tagħha fl-Afganistan għal total ta' aktar minn 14 000; billi l-istrateġija tal-President Trump għall-Afganistan hi impenn miftuħ li fl-ambitu tiegħu kwalunkwe rtirar ta' truppi se jiġi determinat mill-kondizzjonijiet fil-post, mingħajr data ta' skadenza għal tmiem l-intervent militari tal-Istati Uniti;
E. billi l-Afganistan hu l-aktar pajjiż fid-dinja li jġarrab attakki ta' bombi bl-użi tad-droni, u r-regoli l-ġodda tal-Istati Uniti dwar id-droni jżidu r-riskji għan-nies ċivili; billi l-attakki u l-attakki ta' ritaljazzjoni kkawżaw telf kbir ta' ħajjiet;
F. billi d-deċiżjoni reċenti tal-Istati Uniti li jiżdiedu l-attakki mill-ajru u l-operazzjonijiet tal-forzi speċjali tissogra li żżid l-għadd ta' vittmi ċivili midruba u maqtula; billi wara l-mewt ta' 13-il persuna ċivili f'operazzjoni mmexxija min-NATO fir-reġjun tat-Tramuntana ta' Kunduz, l-awtoritajiet militari tal-Istati Uniti u tal-Afganistan wiegħdu investigazzjoni iżda ma tawx aktar informazzjoni dwar dan; billi wara attakk mill-ajru mill-forzi tal-Istati Uniti f'Ottubru 2015 kontra sptar tal-Médecins Sans Frontières f'Kunduz, li ħalla mill-inqas 42 persuna - taħlita ta' persunal u pazjenti - mejta jew midruba, il-persuni responsabbli ma tressqux quddiem il-qrati;
G. billi l-aħħar ċifri tan-NU rigward vittmi ċivili, li ħarġu x-xahar li għadda, indikaw żieda ta' 52 % - minħabba l-attakki mill-ajru - fl-ewwel disa' xhur tal-2017 meta mqabbel mal-perjodu korrispondenti tas-sena li għaddiet, għal 205 persuni maqtula u 261 persuna midruba; billi tat-Taliban u gruppi ribelli armati oħra huma responsabbli għall-maġġoranza tal-vittmi ċivili, jiġifieri, skont UNAMA, madwar 60 %;
H. billi fl-2016 ġew spostati 600 000, u b'hekk l-għadd totali ta' persuni spustjati internament (IDPs) tela' għal 1.5 miljuni; billi 9.3 miljun Afgan għandhom ħtieġa qawwija ta' għajnuna umanitarja u 9 miljun ruħ għandhom aċċess limitat għas-servizzi essenzjali tas-saħħa, jew saħansitra l-ebda aċċess; billi 3 miljuni ħarbu lejn il-Pakistan jew l-Iran, filwaqt li miljun marru lura lejn darhom fl-2016;
I. billi t-Triq Konġunta 'l Quddiem bejn l-UE u l-Afganistan ġiet introdotta bħala mezz biex l-għajnuna tkun magħmula kundizzjonali fuq ir-riammissjoni ta' ċittadini Afgani fl-UE, u ġiet adottata mingħajr il-kunsens tal-Parlament Ewropew minħabba n-nuqqas ta' ftehim formali tal-UE dwar ir-riammissjoni; billi l-Afgani għadhom it-tieni l-akbar grupp ta' persuni li jfittxu l-asil fl-UE; billi l-Istati Membri poġġew fil-periklu lil eluf ta' Afgani li kienu qed ifittxu asil, inklużi minorenni mhux akkumpanjati, billi ħaduhom lura bil-forza lejn pajjiż fejn dawn jinsabu f'riskju serju ta' mewt, ħtif, tortura u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem; billi skont rapport ta' Ottubru 2017 tal-Amnesty International, ir-ritorn tal-migranti Afgani hu illegali;
J. billi t-total tal-għajnuna mogħtija lill-Afganistan mill-Istati Uniti, l-UE u l-Istati Membri tagħha u donaturi internazzjonali oħrajn mill-1992 jammonta għal USD 130 biljun; billi din iċ-ċifra hija kumparabbli mal-Pjan Marshall għall-Ewropa; billi l-għajnuna umanitarja tal-UE għall-Afganistan fl-2017 kienet tammonta għal EUR 30.5 miljun, filwaqt li ċ-ċifra għal dawn l-aħħar għaxar snin hi ta' EUR 756 miljun; billi madankollu, l-ekonomija għadha mġarrfa ħafna u dipendenti fuq l-għajnuna barranija;
K. billi jirriżulta li l-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali Afgani jiswew ħafna flus; billi hemm nuqqas ta' impenn fit-tul min-naħa tal-UE u tal-membri l-oħra tal-komunità internazzjonali rigward il-finanzjament tal-baġit tal-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali Afgani; billi anke b'dan it-tnaqqis ippjanat ta' persunal, se jkun impossibbli għall-Gvern Afgan li jipprovdi l-finanzjament meħtieġ; billi dan jista' jwassal għal sitwazzjoni perikoluża li fiha pulizija u armata militarizzati u mgħammra ħafna jistgħu jfittxu mezzi alternattivi biex jiġġeneraw dħul;
L. billi 80% tat-tfal Afgani jattendu l-iskola; billi l-Afganistan għadu kklassifikat bħala wieħed mill-agħar postijiet biex il-bniet jiksbu edukazzjoni; billi r-rata ta' studenti li jiggradwaw mill-iskola u r-rata stmata tal-litteriżmu fost iċ-ċittadini li għandhom 15-il sena jew iktar għadhom baxxi ħafna;
M. billi l-kultivazzjoni tax-xaħxieħ u l-kummerċ tal-oppju żdiedu b'mod sinifikanti, bi 43 %, bejn l-2015 u l-2016;
N. billi wara r-rakkommandazzjonijiet tal-IMF u atturi oħra, il-Gvern Afgan introduċa sensiela ta' riformi neoliberali ħorox, inkluża taxxa b'rata fissa, u baxxa d-dazji fuq il-merkanzija importata minn 43 % għal 5.3 %; billi dawn ir-riformi naqsu milli jipproduċu żieda sinifikanti fid-dħul tal-Istat, u għaldaqstant il-pajjiż qed iħabbat wiċċu ma' defiċits fil-baġit u l-kummerċ;
O. billi l-"Approċċ Komprensiv" tan-NATO falla, u spiċċa biex l-għajnuna għall-iżvilupp ġiet subordinata għal objettivi politiċi u militari; billi din l-istrateġija tista' timplika ċerti atturi ċivili bħala parti mill-kunflitt f'għajnejn ir-ribelli;
P. billi wara n-negozjati, għaddejja l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' paċi bejn il-Gvern Afgan u Hizb-e Islami;
Q. billi l-Gvern Afgan, fil-perspettiva tal-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali li se jsiru dalwaqt, mexxa 'l quddiem ir-riforma elettorali, adotta Liġi Elettorali ġdida u ħatar membri ġodda għall-Korpi tal-Ġestjoni Elettorali fi tmiem l-2016; billi l-frodi u l-korruzzjoni għadhom endemiċi; billi l-UE appoġġat il-Pjan ta' Implimentazzjoni tal-Proġett (PIP) tal-UNDP, li jipprovdi konsulenza; billi madankollu, proċess elettorali inklużiv, trasparenti u kredibbli se jkun kruċjali biex tiġi vvalutata d-demokratizzazzjoni tal-pajjiż;
1. Jirrimarka li wara 16-il sena tal-intervent immexxi mill-Istati Uniti u min-NATO, b'għadd kbir ta' vittmi, l-awtosostenibbiltà u s-sovranità tal-istat Afgan għadhom mhumiex garantiti, u s-sigurtà tal-pajjiż kompliet tmur għall-agħar; jenfasizza li din il-preżenza militari, u speċjalment l-operazzjonijiet offensivi tagħha, komplew ikebbsu parti mill-kunflitt; għalhekk jitlob li jiġu rtiratati t-truppi kollha tal-UE, tan-NATO u tal-Istati Uniti, peress li m'hemmx soluzzjoni militari għal dan il-kunflitt;
2. Jinnota li l-Prosekutur tal-QKI, Fatou Bensouda, ipproponiet investigazzjoni tal-QKI dwar delitti tal-gwerra u ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u jemmen li għandu jkun hemm ukoll investigazzjoni indipendenti addizzjonali taħt il-patroċinju tan-NU, fosthom dwar qtil extraġudizzjarju permezz ta' droni, bil-għan li tintemm il-kultura ta' impunità bħala element ewlieni għal proċess ta' stabilizzazzjoni fl-Afganistan, u biex tinħoloq fiduċja pubblika;
3. Jinsab imħasseb serjament dwar l-attitudni tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti u r-rifjut tagħha li tikkoordina man-Nazzjonijiet Uniti bil-ħsieb li taħdem biex fil-mument adegwat tirtira t-truppi kollha; jirrifjuta kwalunkwe skjerament ulterjuri;
4. Jistieden lill-UE tappoġġja lill-Gvern Afgan fit-tfittxija tiegħu għal proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni komprensiv u inklużiv, immexxi mill-Afgani u li jappartjeni lilhom, li jinkludi b'mod attiv il-firxa sħiħa tas-soċjetà ċivili u l-partijiet kollha fil-kunflitt, inklużi – wara waqfien mill-ġlied – gruppi kombattenti, ribelli u tal-milizzji, peress li ma tistax tinkiseb soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt b'xi mod ieħor;
5. Jappella għat-trasformazzjoni ta' EUPOL Afghanistan f'missjoni ta' appoġġ għal proċess ta' diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni (DDR) immexxija mill-Afgani, inter alia bl-għanijiet li jiġu demobilizzati d-diversi milizzji u li jitnaqqas kemm jista' jkun l-għadd tal-persunal tal-ANSF, mill-aktar fis possibbli; jitlob lill-UE tappoġġja b'mod attiv proċess ta' diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni mmexxi mill-Afgani għal dawk li qabel kienu ribelli; jistieden lill-UE u lin-NATO jappoġġjaw u jiffinanzjaw b'mod adegwat l-isforzi biex jitneħħew il-mini fl-Afganistan;
6. Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni reġjonali inklużiva bl-għan tal-promozzjoni ta' paċi dejjiema, stabbiltà u sigurtà fir-reġjun usa'; jiffavorixxi approċċ ġdid lejn il-qagħda tas-sigurtà fl-Afganistan u l-ġirien tiegħu fil-forma ta' forum multilaterali għal djalogu u negozjar bejn il-pajjiżi u r-reġjuni kkonċernati, li jkopru impenji relatati ma' kwistjonijiet politiċi, soċjali, ekonomiċi, ambjentali, tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li dan il-forum jaf jindika approċċ ġdid u kostruttiv ibbażat fuq is-sjieda, l-awtodeterminazzjoni u r-responsabbiltajiet tal-istati lejn iċ-ċittadini tagħhom u lejn xulxin; jenfasizza li dan il-forum għandu jinbeda b'kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika u n-NU;
7. Jemmen li d-drittijiet tan-nisa huma parti mis-soluzzjoni għas-sigurtà, u jilqa' l-inizjattivi bl-għan li jiżguraw li n-nisa jiżvolġu rwol prominenti fl-istadji kollha tal-proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni, peress li huwa impossibbli li jkun hemm stabbiltà fl-Afganistan jekk in-nisa ma jgawdux id-drittijiet sħaħ tagħhom fil-ħajja politika, soċjali u ekonomika;
8. Jinnota n-nuqqas ta' progress sostanzjali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u fundamentali, b'mod partikolari rigward in-nisa u l-bniet fl-Afganistan; jinsab ferm imħasseb li n-nisa Afgani għadhom vittmi ta' diskriminazzjoni, vjolenza, abbuż sesswali u stupru taħt il-liġi tax-xarija; jistieden lill-gvern biex ikompli jimplimenta Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għan-Nisa fl-Afganistan b'mezzi finanzjarji adegwati, kif ukoll il-liġi dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa (EVAW) u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW);
9. Iħeġġeġ lill-Gvern Afgan jinvolvi ruħu fit-twaqqif ta' ġudikatura indipendenti u biex jiggarantixxi l-libertà tal-istampa;
10. Jistieden lill-awtoritajiet Afgani jikkommutaw is-sentenzi kollha tal-mewt u jerġgħu jintroduċu moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bil-ħsieb li tinkiseb it-tneħħija permanenti tal-piena tal-mewt; jistieden ukoll lill-Gvern Afgan itemm kull tip ta' tortura u abbuż, b'mod partikolari fil-ħabsijiet;
11. Jinsab imħasseb dwar ir-rata għolja tal-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ Afgani, in-nuqqas ta' aċċess għall-kura medika, l-istat ħażin tas-sistema tas-saħħa u l-fatt li aktar minn nofs il-popolazzjoni qed tgħix fil-faqar; jenfasizza l-ħtieġa li l-istrateġija tal-UE għall-Afganistan tiffoka b'mod ewlieni fuq il-politika għall-iżvilupp, b'mod partikolari fiż-żoni rurali fejn tgħix il-maġġoranza tal-popolazzjoni, u fuq it-tnaqqis tal-faqar, u li torbot l-għajnuna għall-iżvilupp mal-iżvilupp tal-infrastruttura pubblika fl-Afganistan, sabiex jinħolqu l-impjiegi li huma meħtieġa b'mod urġenti u b'hekk il-pajjiż jinfatam mid-dipendenza fuq donaturi barranin;
12. Jemmen li l-Kuntratt għall-Bini tal-Istat għall-Afganistan u l-Karta taċ-Ċittadin, wieħed minn ħames Programmi ta' Prijorità Nazzjonali, qed jgħinu biex jitkomplew l-isforzi li saru għal infrastrutturi u servizzi pubbliċi għal kulħadd, iżda dawn għadhom mhumiex biżżejjed mill-perspettiva ta' awtosostenibbiltà, peress li min-naħa l-oħra, elementi ewlenin ta' dik li għandha tkun politika tal-gvern qed jingħataw lis-settur privat, jew inkella tali miżuri huma rakkomandati mill-Pjan Direzzjonali tal-Ġestjoni Finanzjarja Pubblika (PFMR II) u l-Pjan ta' Titjib tar-Rendiment Fiskali ta' Ħames Snin (FPIP) riżultanti; jirrakkomanda li jiġu introdotti dazji ogħla sabiex titħares l-ekonomija tal-pajjiż u b'hekk jitrawmu l-prospetti għal żieda fl-esportazzjoni;
13. Jilqa' l-liġi li tipprojbixxi r-reklutaġġ tat-tfal fl-ANSF u l-abbozz ta' Att dwar it-Tfal, u jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni rapida tagħhom;
14. Għadu mħasseb dwar il-fatt li l-miżuri biex tintemm il-kultivazzjoni tal-oppju fl-Afganistan s'issa ma rnexxewx; jitlob li jinħolqu mezzi tal-għajxien vijabbli alternattivi u miżuri li jgħinu biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjonijiet f'żoni rurali b'mod ġenerali; jilqa', f'dan ir-rigward, l-appoġġ tal-UE għall-Programm Reġjonali tal-UNODC għall-Afganistan u l-pajjiżi ġirien; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Afgani u lill-partijiet l-oħra kollha kkonċernati biex jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali u t-traffikar tad-droga;
15. Jistieden lill-Istati Membri biex minnufih iwaqqaf id-deportazzjonijiet lura lejn l-Afganistan u jirregolarizzaw lill-Afgani li qed ifittxu asil, peress li s-sitwazzjoni turi b'mod ċar li l-Afganistan mhuwiex pajjiż sikur; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex ma jibqgħux jagħtu l-għajnuna bil-kundizzjoni ta' ritorni u ta' esternalizzazzjoni tal-kontrolli tal-fruntieri tal-UE;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, in-NU u n-NATO.