Dokument ta' sessjoni
5.2.2018
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni tal-UNRWA
( 2018/2553(RSP) )
Charles Tannock, Karol Karski, Ruža Tomašić, Anders Primdahl Vistisen, Anna Elżbieta Fotyga, Monica Macovei, Zdzisław Krasnodębski, Arne Gericke
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-UNRWA
( 2018/2553(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 302 (IV) tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 194 (III) tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 242 (1967) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1951,
– wara li kkunsidra r-rimarki tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini qabel is-sessjoni straordinarja tal-Grupp Internazzjonali tad-Donaturi għall-Palestina,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-1 ta' Lulju 2016 tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar il-Promozzjoni fost iż-Żgħażagħ tal-Ideali tal-Paċi, ir-Rispett Reċiproku u l-Komprensjoni bejn il-Popli tal-1965,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UNESCO tal-Prinċipji dwar it-Tolleranza tas-16 ta' Novembru 1995,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) hija aġenzija tan-NU essenzjali għall-għoti ta' servizzi ewlenin bħalma huma l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u żvilupp uman usa' lill-Palestinjani li huma eliġibbli għall-għajnuna;
B. billi l-UNRWA tipprovdi assistenza lid-dixxendenti tar-rifuġjati, għalkemm lill-irġiel biss, f'kuntrast mal-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR), li ma jinkorporawx id-dispożizzjonijiet dwar l-eliġibilità li l-istatus ta' rifuġjat jingħadda lid-dixxendenti u lil tfal adottati legalment;
C. billi, għal bosta snin, l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) inizjalment sabitha bi tqila biex tara lil Palestinjani individwali rikonoxxuti bħala rifuġjati;
D. billi fl-1950 l-UNWRA pprovdiet servizzi lil 750 000 Palestinjan eleġibbli u llum tipprovdi servizzi lil madwar 5 miljun Palestinjani eliġibbli;
E. billi fis-17 ta' Jannar 2018 l-Istati Uniti ħabbru li se jnaqqsu l-finanzjament ippjanat maħsub għall-UNRWA; billi d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti ffriżaw madwar USD 100 miljun f'finanzjament lill-UNRWA u qed jikkunsidraw li jwaqqfu l-finanzjament annwali kollu tagħhom ta' USD 360 miljun u minflok jallokawhom għal korpi tan-NU oħrajn li jaħdmu mal-Palestinjani;
F. billi d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti ħabbar li l-fondi ġew iffriżati biex jiġu kkunsidrati fil-futur u li donazzjonijiet addizzjonali mill-Istati Uniti se jiddependu minn bidliet kbar min-naħa tal-UNRWA;
G. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha b'mod kollettiv huma l-akbar kontributuri għall-appelli tal-aġenzija f'dak li jikkonċerna l-emerġenza umanitarja fis-Sirja, il-Libanu, ix-Xatt tal-Punent u Gaża;
H. billi fl-1 ta' Frar 2018 il-kap tal-UNRWA, Pierre Krähenbühl, talab lill-istati membri tal-Lega Għarbija, waqt il-laqgħa fil-Kajr, l-Eġittu, biex iżidu l-finanzjament għall-aġenzija;
I. billi f'diversi okkażjonijiet instabu rockets fl-iskejjel tal-UNRWA f'Gaża u f'passaġġ taħt skola mmexxija mill-UNRWA f'Settembru 2017;
J. billi, fl-1 ta' Awwissu 2014, il-Ħamas ħatfet u qatlet lil Hadar Goldin għadd ta' sigħat wara li daħal fis-seħħ waqfien mill-ġlied umanitarju bejn l-Iżrael u l-Ħamas bil-medjazzjoni tan-NU u l-Istati Uniti; billi l-Ħamas, iddeżinjata mill-UE bħala organizzazzjoni terroristika, tirrifjuta li tirritorna l-fdalijiet ta' Hadar Goldin għad-dfin, u għaldaqstant qed tikser b'mod sejru l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u d-dritt umanitarju internazzjonali;
K. billi fit-22 ta' Diċembru 2017 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU organizza sessjoni speċjali dwar id-dritt umanitarju internazzjonali u r-ripatrijazzjoni tal-fdalijiet ta' Hadar Goldin u Oron Shaul, u waqtha l-Kunsill tas-Sigurtà u stati membri oħra tan-NU esprimew solidarjetà unanima mal-familji Goldin u Shaul, u appellaw biex il-fdalijiet ta' Hadar Goldin u Oron Shaul jiġu rritornati, peress li qed jinżammu bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;
L. billi qed tintalab riżoluzzjoni tal-kunflitt Għarbi-Iżraeljan u billi bħalissa għaddejjin sforzi biex in-negozjati bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani jibdew mill-ġdid, bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet kollha, inkluża l-kwistjoni tar-rifuġjati;
1. Jibqa' impenjat fermament fl-għoti ta' appoġġ lill-UNRWA biex tipprovdi servizzi essenzjali lil Palestinjani eleġibbli f'Gaża, fix-Xatt tal-Punent, fil-Ġordan, fis-Sirja u fil-Libanu u biex tgħinhom fl-iżvilupp uman tagħhom;
2. Jinnota l-implimentazzjoni tal-UNRWA ta' programm ta' riforma mill-2007 'l hawn, u jitlob li, bħala kwistjoni ta' urġenza, isiru aktar riformi biex l-organizzazzjoni ssir aktar effiċjenti u kosteffikaċi bil-għan li tkun tista' tkompli twettaq il-funzjonijiet importanti tagħha;
3. Jitlob lill-UNRWA twettaq aktar riformi fil-qasam tal-edukazzjoni u biex mill-curriculum mgħallem fl-iskejjel tagħha tneħħi dak il-materjal li ma jikkonformax mal-istandards ta' paċi u tolleranza li jidderivaw mill-UNESCO u min-NU u biex minflok tintroduċi materjal li jikkonforma ma' tali standards;
4. Jikkundanna każijiet fejn il-faċilitajiet tal-UNRWA ntużaw mill-Ħamas għal skopijiet terroristiċi u fejn l-UNRWA impjegat figuri prominenti tal-Ħamas fl-Istrixxa ta' Gaża; jisħaq fuq il-punt li tali azzjonijiet jikkompromettu serjament l-immaġni tajba tal-UNRWA u l-ħidma meħtieġa;
5. Jinnota li kwalunkwe tnaqqis mhux mistenni jew dewmien fl-iżborżamenti previsti mid-donaturi jista' jkollu impatti ta' ħsara u jaf jikkomprometti l-istabilità fir-reġjun; jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, li jiżdiedu l-impenji ta' finanzjament mill-istati membri tal-Lega Għarbija bil-għan li tingħalaq id-diskrepanza tal-likwidità;
6. Jissottolinja li l-ħidma tal-UNRWA f'Gaża jaf tiġi mxekkla sakemm il-fdalijiet tas-suldati Iżraeljani Hadar Goldin u Oron Shaul ma jingħatawx lura mill-Ħamas jew mill-Awtorità Palestinjana;
7. Joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tas-suldati Iżraeljani Hadar Goldin u Oron Shaul; jiddeplora r-rifjut min-naħa tal-Ħamas li tirritorna l-fdalijiet tagħhom lill-Iżrael għad-dfin;
8. Jappella biex isiru l-isforzi kollha ħalli l-fdalijiet tagħhom jiġu rimpatrijati minnufih, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tas-sessjoni speċjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-22 ta' Diċembru 2017 u l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u d-dritt umanitarju rilevanti;
9. Jappella għall-ħelsien taċ-ċittadini Iżraeljani Avraham Mengistu u Hisham Al-Sayed, li ma wettqu l-ebda delitt jew reat li jiġġustifika l-kaptività tagħhom mill-Ħamas fl-Istrixxa ta' Gaża;
10. Jinnota li l-għan usa' tal-komunità internazzjonali huwa li tinstab soluzzjoni għall-kunflitt Iżraeljan-Għarbi, inkluża l-kwistjoni tar-rifuġjati; itenni l-appoġġ kontinwat tiegħu għal soluzzjoni negozjata ta' "żewġ stati għal żewġ popli" bir-rikonoxximent reċiproku tal-Palestina u l-Iżrael bħala art twelid il-popli rispettivi tagħhom; jilqa' l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi flimkien mat-tpartit tal-artijiet approvati sussegwentement f'dan ir-rigward bil-għan li jiġu żgurati paċi u sigurtà dejjiema; jappoġġa r-ritorn tan-negozjati bilaterali ta' paċi diretti mingħajr dewmien;
11. Jisħaq fuq il-punt li l-akkumulazzjoni illegali ta' armi u ta' attività militanti, in-nuqqas imtawwal ta' unità Palestinjana u n-nuqqas ta' rikonoxximent tad-dritt ta' eżistenza tal-Iżrael jostakolaw l-effikaċja tal-UNRWA fl-għoti ta' servizzi ewlenin lill-persuni l-aktar fil-bżonn, qed ikomplu jsaħħu l-instabilità u finalment ixekklu l-isforzi biex tinkiseb soluzzjoni nnegozjata;
12. Jappoġġa bil-qawwa l-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Iżrael u l-ġirien tagħha; itenni l-appoġġ tiegħu għar-rwol importanti tal-Kwartett u tas-sħab reġjonali bħall-Eġittu, il-Ġordan u l-Arabja Sawdija fit-tfittxija ta' soluzzjoni għall-kunflitt Għarbi-Iżraeljan; jappella lill-partijiet kollha jappoġġaw id-djaolgu u l-kollaborazzjoni għall-benefiċċju tal-popolazzjonijiet ċivili;
13. Jisħaq fuq ir-responsabilità tal-awtoritajiet rilevanti tal-UE sabiex ikomplu jiżguraw li l-ebda finanzjament tal-UE ma jiġi ddevjat direttament jew indirettament lejn organizzazzjonijiet jew attivitajiet terroristiċi li jinċitaw il-vjolenza jew li jiġġustifikaw jew jigglorifikaw it-terroriżmu;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-UNRWA, lill-Knesset u l-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u lill-istati membri tal-Lega Għarbija.