Dokument ta' sessjoni

 

B8‑0087/2018

5.2.2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

( 2018/2559(RSP) )

Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8‑0087/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

( 2018/2559(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-bosta riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela[2], tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3], tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[4] u tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[5],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Jannar 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela, li tikkundanna d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Venezwelani li jkeċċu lill-Ambaxxatur ta' Spanja f'Caracas,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2017 u tat-22 ta' Jannar 2018 dwar il-Venezwela, li jimponu embargo fuq l-armi u sanzjonijiet,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija firmatarja tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikana, adottata fil-11 ta' Settembru 2001,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-31 ta' Marzu 2017 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Venezwelana li tieħu f'idejha l-poteri leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC) li tikkundanna d-detenzjoni ta' Enrique Aristeguieta fit-2 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra t-twissijiet inklużi fir-rapporti tat-30 ta' Mejju 2016 u tal-14 ta' Marzu 2017 tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar il-Venezwela, kif ukoll l-appelli tas-Segretarju Ġenerali tal-OAS biex il-Kunsill Permanenti tagħha jitlaqqa' b'urġenza skont l-Artikolu 20 tal-Karta Demokratika Inter-Amerikana biex tiġi diskussa l-kriżi politika fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-VP/RGħ tas-27 ta' Marzu 2017 dwar il-kriżijiet politiċi, ekonomiċi u umanitarji gravi u li sejrin għall-agħar fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-OAS, iffirmata minn 14 mill-istati membri tagħha fit-13 ta' Marzu 2017, li tesiġi li l-Venezwela tiskeda elezzjonijiet minnufih, teħles lill-priġunieri politiċi u tirrikonoxxi s-separazzjoni tal-poteri minquxa fil-kostituzzjoni tagħha, fost miżuri oħra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill Permanenti tal-OAS tat-3 ta' April 2017 dwar il-ġrajjiet li seħħew dan l-aħħar fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra r-rapport ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Awwissu 2017 bit-titolu "Ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-protesti fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela mill-1 ta' April sal-31 ta' Lulju 2017",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Grupp ta' Lima tat-8 ta' Awwissu 2017 dwar in-nonrikonoxximent tal-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali, u tat-23 ta' Jannar 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali li torganizza l-elezzjonijiet presidenzjali,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li jagħti l-Premju Sakharov 2017 lill-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-22 ta' Jannar 2018 l-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali illeġittima, li la hija rikonoxxuta internazzjonalment u lanqas mill-UE, talbet li l-elezzjonijiet presidenzjali jsiru sat-30 ta' April 2018, diversi xhur qabel meta dawk l-elezzjonijiet isiru normalment; billi, skont il-Kostituzzjoni Venezwelana, il-Kunsill Elettorali Nazzjonali huwa l-korp responsabbli biex isejjaħ l-elezzjonijiet;

B.  billi din id-deċiżjoni ttieħdet barra l-ambitu tad-djalogu nazzjonali u irrispettivament minn kwalunkwe avvanz possibbli li jista' jinkiseb bejn il-gvern tal-Venezwela u l-oppożizzjoni fil-ħames ċiklu ta' taħditiet f'Santo Domingo, li bdew fid-29 ta' Jannar 2018; billi din is-sejħa għal elezzjonijiet tmur kontra kemm il-prinċipji demokratiċi kif ukoll il-bona fede fir-rigward tad-djalogu bejn il-gvern u l-oppożizzjoni;

C.  billi f'dawn l-aħħar xhur il-gvern ta' Nicolás Maduro adotta għadd ta' miżuri differenti bl-għan li ma jippermettix li jsiru elezzjonijiet b'garanziji demokratiċi suffiċjenti; billi fil-25 ta' Jannar 2018 il-Qorti Suprema ddeċidiet li teskludi l-koalizzjoni tal-oppożizzjoni, MUD (Mesa de la Unidad Democrática), mill-elezzjonijiet presidenzjali; billi fl-4 ta' Frar 2018, f'mossa nonkostituzzjonali, il-Kunsill Elettorali Nazzjonali eskluda lill-partit Primero Justicia mill-proċess elettorali; billi t-trażżin kostanti tal-oppożizzjoni, il-priġunerija arbitrarja ta' ħafna membri tal-oppożizzjoni u l-projbizzjoni ta' ħafna oħra milli jikkontestaw, u n-nuqqas ta' separazzjoni tal-poteri jikkompromettu l-kredibbiltà tal-elezzjonijiet filwaqt li jkomplu jeskalaw sitwazzjoni diġà instabbli;

D.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Venezwela qed tkompli tiddeterjora; billi, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni politika, ekonomika, soċjali u umanitarja, l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet liberi u ġusti bil-garanziji xierqa kollha, u bil-kundizzjoni li jingħata żmien biżżejjed għall-preparamenti, hija fundamentali biex jibdew jiġu solvuti l-ħafna problemi li l-Venezwela qed tħabbat wiċċha magħhom;

E.  billi, fit-2 ta' Frar 2018, Enrique Aristeguita Gramcko nħataf minn daru f'Caracas fit-tlieta ta' filgħodu mis-servizzi tal-intelligence, u mingħajr ma ngħatat ebda informazzjoni dwar fejn kien qed jinżamm; billi, sfortunatament, dan huwa biss eżempju wieħed riċenti ta' bosta każijiet ta' detenzjoni arbitrarja ta' dawk li jopponu r-reġim;

F.  billi l-pilota tal-ħelikopters, Óscar Pérez, kien fost seba' persuni li nqatlu f'assedju ta' disa' sigħat imwettaq mill-forzi tas-sigurtà tal-gvern fil-15 ta' Jannar 2018; billi huwa u l-persuni l-oħra kienu ppruvaw iċedu matul dan l-assedju;

G.  billi l-Kunsill Elettorali Nazzjonali, il-korp li se jorganizza l-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss, għandu rekord ta' tbagħbis u m'għandu l-ebda kredibbiltà wara li ffalsifika r-rata ta' parteċipazzjoni u r-riżultati tal-aħħar elezzjonijiet;

H.  billi l-gvern tal-Venezwela jirrifjuta kontinwament li jirċievi u jiffaċilita d-distribuzzjoni tal-għajnuna umanitarja internazzjonali, minkejja ż-żieda fil-malnutrizzjoni tat-tfal u l-iskarsezzi tal-ikel u l-mediċini li qed iwasslu għall-mewt ta' mijiet ta' nies;

I.  billi, wara li fit-13 ta' Novembru 2017 iddeċieda li jimponi kontra l-Venezwela embargo fuq l-armi u fuq materjal relatat li jista' jintuża għar-repressjoni interna, fit-22 ta' Jannar 2018 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda b'mod unanimu li jimponi sanzjonijiet kontra l-Venezwela li jaffettwaw lil seba' individwi li għandhom pożizzjonijiet uffiċjali, permezz ta' miżuri restrittivi li jinkludu projbizzjoni tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi, minħabba n-nuqqas ta' rispett tal-prinċipji demokratiċi, u tal-istat tad-dritt u d-demokrazija;

J.  billi, fil-5 ta' Jannar 2018, il-gvern tal-President Maduro għalaq il-fruntieri tal-ajru u dawk marittimi tal-Venezwela mat-tliet gżejjer tal-Karibew, jiġifieri Aruba, Bonaire u Curaçao; billi l-Venezwelani qed jippruvaw jixtru l-ikel u provvisti essenzjali mill-gżejjer tal-Karibew minħabba skarsezzi kbar f'pajjiżhom;

K.  billi wara l-adozzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE, il-Venezwela keċċiet lill-Ambaxxatur Spanjol f'Caracas u pproklamatu "persona non grata", filwaqt li akkużat lil Spanja b'indħil fl-affarijiet interni tagħha; billi l-UE kkundannat din id-deċiżjoni bil-qawwa filwaqt li rrimarkat ukoll dwar in-natura unanima tad-deċiżjonijiet tagħha fil-qasam tal-politika barranija, inkluża l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-ksur antikostituzzjonali kontinwu tal-ordni demokratiku u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela; jirrifjuta bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti illeġittima, li la hija rikonoxxuta internazzjonalment u lanqas mill-UE, li titlob li jsiru elezzjonijiet presidenzjali bikrija sa tmiem April 2018; jiddeplora ferm il-miżuri adottati mill-gvern ta' Maduro u l-Qorti Suprema li jwaqqfu lill-membri tal-oppożizzjoni mill-koalizzjoni tal-MUD milli jikkontestaw l-elezzjonijiet li jmiss; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jerġgħu jagħtuhom kompletament id-drittijiet ta' eliġibbiltà tagħhom;

2.  Jappoġġja d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ li huma biss elezzjonijiet ibbażati fuq kalendarju elettorali vijabbli, miftiehem fil-kuntest tad-djalogu nazzjonali mal-atturi rilevanti u l-partiti politiċi kollha, li jirrispettaw kundizzjonijiet ta' parteċipazzjoni ekwi, ġusti u trasparenti, inklużi t-tneħħija tal-projbizzjonijiet fuq l-avversarji politiċi, mingħajr ebda priġunier politiku u l-iżgurar li l-Kunsill Elettorali Nazzjonali jkun ibbilanċjat fil-kompożizzjoni u imparzjali, u bl-eżistenza ta' garanziji suffiċjenti inkluża l-osservazzjoni internazzjonali indipendenti, li se jiġu rikonoxxuti mill-UE u jistgħu jevitaw aktar polarizzazzjoni;

3.  Jiddikjara li fiċ-ċirkustanzi attwali, il-Parlament Ewropew mhuwiex se jirrikonoxxi l-elezzjonijiet jew l-awtoritajiet li jirriżultaw minn xi proċess elettorali illeġittimu;

4.  Jilqa' l-impożizzjoni ta' embargo fuq l-armi u ta' sanzjonijiet kontra seba' uffiċjali Venezwelani b'reazzjoni għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fil-pajjiż; ifakkar li d-deċiżjonijiet kollha tal-UE fil-qasam tal-politika barranija, inkluża l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet, jittieħdu b'mod unanimu; jenfasizza li l-estensjoni tal-lista ta' sanzjonijiet għal uffiċjali Venezwelani oħra u l-membri tal-familja tagħhom għandha tiġi kkunsidrata u adottata minnufih; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra sanzjonijiet fuq iż-żejt Venezwelan, inklużi l-ftehimiet mal-kumpanija statali PDVSA;

5.  Jistieden lill-gvern tal-Venezwela jerġa' jistabbilixxi s-separazzjoni u l-indipendenza tal-poteri u jerġa' jistabbilixxi l-awtorità kostituzzjonali sħiħa tal-Assemblea Nazzjonali; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-Assemblea Nazzjonali bħala l-uniku parlament kostitwit u rikonoxxut legalment fil-Venezwela; jirrifjuta kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Assemblea Kostitwenti Nazzjonali bħala ksur tal-istandards u tar-regoli demokratiċi kollha;

6.  Jistieden lill-gvern tal-Venezwela jiżgura l-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha; jappoġġja bis-sħiħ il-bidu ta' investigazzjonijiet mill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar id-delitti estensivi u sistematiċi kontra l-umanità u l-atti ta' repressjoni mwettqa mir-reġim Venezwelan; jappella biex dawk l-investigazzjonijiet jinbdew mill-aktar fis possibbli, u jitlob lill-UE tiżvolġi rwol attiv f'dan ir-rigward;

7.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora malajr fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-qagħda soċjoekonomika fil-Venezwela; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jippermettu li l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż mingħajr xkiel bħala kwistjoni ta' urġenza, u jagħtu aċċess lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jagħtu l-kunsens formali tagħhom għall-ftehim milħuq matul it-taħditiet li saru f'Aruba fit-12 ta' Jannar 2018, sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jinfetħu l-fruntieri bejn il-Venezwela u t-tliet gżejjer tal-Karibew;

8.  Itenni t-talba urġenti tiegħu biex tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Venezwela sabiex jinbeda djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

[1] ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.
[2] ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.
[3] Testi adottati, P8_TA(2015)0080
[4] Testi adottati, P8_TA(2016)0269
[5] Testi adottati, P8_TA(2017)0200