Dokument ta' sessjoni
5.2.2018
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-UNRWA
( 2018/2553(RSP) )
Hilde Vautmans, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Patricia Lalonde, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Cecilia Wikström
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-UNRWA
( 2018/2553(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani,
‒ wara li kkunsidra l-konklużjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar il-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani,
‒ wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 71/91 tas-6 ta' Diċembru 2016,
‒ wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) tas-7 ta' Ġunju 2017 dwar l-appoġġ Ewropew għall-UNRWA (2017–2020),
‒ wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti stabbiliet l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (minn hawn 'il quddiem "l-Aġenzija") kważi 70 sena ilu, u taha l-mandat li tipprovdi assistenza u protezzjoni lir-refuġjati Palestinjani rreġistrati sa ma tintlaħaq soluzzjoni ġusta u dejjiema;
B. billi l-mandat tal-Aġenzija ġie mġedded ripetutement mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, u billi l-mandat kurrenti jintemm fit-30 ta' Ġunju 2020;
C. billi l-ħidma tal-Aġenzija tgħin biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet essenzjali għall-benesseri, il-protezzjoni u l-iżvilupp uman tar-refuġjati Palestinjani jiġu ssodisfati; billi l-Aġenzija wriet il-kapaċità tagħha li tipprovdi edukazzjoni, kura tas-saħħa, u servizzi soċjali u ta' assistenza;
D. billi l-awtoritajiet ta' Iżrael iqisu li l-Aġenzija tagħmel użu ħażin mill-għajnuna umanitarja tal-komunità internazzjonali, inkluż mill-fondi tal-UE, issostni retorika anti-Iżraeljana u tittollera attivitajiet terroristiċi;
E. billi l-Istati Uniti ħabbru li mhumiex se jirrilaxxaw USD 65 miljun minn pagament skedat ta' USD 125 miljun; billi din id-deċiżjoni, skont id-Dipartiment tal-Istat, kienet maħsuba biex tinkoraġġixxi lil pajjiżi oħra jżidu l-għajnuna, kif ukoll biex tippromwovi riforma fi ħdan l-Aġenzija;
F. billi din id-deċiżjoni ttieħdet ftit wara li l-President tal-Istati Uniti Donald Trump rrikonoxxa Ġerusalemm formalment bħala l-belt kapitali ta' Iżrael u wara li l-President Palestinjan Mahmoud Abbas iddikjara li l-Istati Uniti ma kinux aktar denji li jagħmluha ta' medjaturi fin-negozjar ta' ftehim ta' paċi bejn Iżrael u l-Palestinjani;
G. billi l-appoġġ kontinwu tal-UE lill-Aġenzija huwa element ewlieni fl-istrateġija tal-UE li tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-istabbiltà fil-Lvant Nofsani u għall-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati, kif imtenni fid-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u l-UNRWA tas-7 ta' Ġunju 2017 u, aktar reċentement, mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2017;
H. billi, anke qabel id-deċiżjoni tal-Istati Uniti, fid-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u l-UNRWA tat-7 ta' Ġunju 2017 l-UE kienet irrikonoxxiet il-ħtieġa li l-Aġenzija titqiegħed f'pożizzjoni finanzjarja aktar stabbli;
1. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-kriżi serja fil-finanzjament tal-Aġenzija; f'dan il-kuntest partikolari, iħeġġeġ lid-donaturi kollha jonoraw l-impenji tagħhom;
2. Ifakkar l-impenn tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà li tgħin lill-Aġenzija tikseb riżorsi finanzjarji biex tkun tista' timplimenta l-mandat mogħti lilha mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, topera fuq bażi sostenibbli u kosteffettiva u tiżgura l-kwalità u l-livell tas-servizzi pprovduti lir-refuġjati Palestinjani;
3. Jilqa' d-deċiżjoni ta' diversi Stati Membri, fosthom in-Netherlands, il-Ġermanja, l-Iżvezja, l-Irlanda, il-Finlandja u l-Belġju, li jantiċipaw il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom lill-Aġenzija għall-2018;
4. Iħeġġeġ lill-Istati Uniti jerġgħu jikkunsidraw id-deċiżjoni tagħhom u jonoraw il-ħlas sħiħ tal-kontribuzzjoni skedata tagħhom;
5. Iħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli ttejjeb l-istruttura maniġerjali u l-ippjanar strateġiku tagħha, tiżgura rappurtar f'waqtu u preċiż lill-UE dwar il-programmi u l-finanzi, tinvestiga allegazzjonijiet ta' ksur tan-newtralità minn membri tal-persunal tagħha u tieħu azzjoni dixxiplinarja xierqa fejn ikun meħtieġ;
6. Itenni li l-objettiv primarju tal-UE huwa t-twettiq tas-soluzzjoni ta' żewġ stati għall-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, bi Stat ta' Iżrael sigur u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni u tar-rispett sħiħ tal-liġi internazzjonali;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern ta' Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.