Dokument ta' sessjoni
5.2.2018
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni tal-UNRWA
( 2018/2553(RSP) )
Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, Lorenzo Cesa
f'isem il-Grupp PPE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-UNRWA
( 2018/2553(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti 302 (IV) tat-8 ta' Diċembru 1949 dwar l-assistenza lir-refuġjati Palestinjani,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u l-UNRWA tas-7 ta' Ġunju 2017 dwar l-appoġġ Ewropew lill-UNRWA (2017–2020),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-UNRWA hija aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilita mill-Assemblea Ġenerali fl-1949 u mogħtija l-mandat li tipprovdi assistenza u protezzjoni lil madwar 5 miljun refuġjat Palestinjan irreġistrat; billi s-servizzi tal-UNRWA jħaddnu l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-assistenza u is-servizzi soċjali, l-infrastruttura u t-titjib tal-kampijiet, il-protezzjoni u l-mikrofinanzjament;
B. billi l-kelliem tad-Dipartiment tal-Istat fis-16 ta' Jannar 2018 stqarr li l-Istati Uniti kienu impenjaw għall-UNRWA kontribuzzjoni volontarja ta' USD 60 miljun għall-2018; billi s-somma ta' USD 65 miljun li jifdal hija sospiża; billi, skont il-kelliem, l-Istati Uniti jixtiequ li jsiru ċerti reviżjonijiet fil-mod kif topera l-UNRWA; billi l-Istati Uniti esprimew li l-UNRWA jeħtiġilha tfittex sorsi ġodda ta' finanzjament volontarju u ssaħħaħ il-kondiviżjoni tal-piżijiet fost id-donaturi tagħha; billi l-Istati Uniti huma l-akbar pajjiż donatur lill-UNRWA;
C. billi s-somma ta' USD 60 miljun ipprovduta lill-Baġit tal-Programm tal-UNRWA marret biex issostni l-iskejjel u s-servizzi tas-saħħa billi tiżgura li l-pagi tal-għalliema u tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa jibqgħu jitħallsu permezz tal-operazzjonijiet tal-UNRWA fil-Ġordan, fix-Xatt tal-Punent u f'Gaża;
D. billi l-Kummissarju Ġenerali tal-UNRWA fis-17 ta' Jannar 2018 stqarr li l-UNRWA qed tħabbat wiċċha ma' sfida formidabbli biex tibqa' taqdi l-mandat tagħha u tħares is-servizzi essenzjali bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa għar-refuġjati tal-Palestina;
E. billi l-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fis-7 ta' Ġunju 2017 irrikonoxxiet ir-rwol essenzjali tal-aġenzija fil-Lvant Nofsani: "Bil-ħidma bla heda tagħha, l-UNRWA tibqa' tappoġġja lir-refuġjati Palestinjani, billi tipprovdi l-edukazzjoni u tippromwovi l-iżvilupp soċjoekonomiku u l-istabbiltà fil-Lvant Nofsani," qalet. "L-appoġġ internazzjonali huwa kruċjali għall-UNRWA: l-Unjoni Ewropea sejra tibqa' tinvesti f'wieħed mill-pilastri tal-politika tagħha dwar il-paċi fil-Lvant Nofsani";
F. billi l-Kummissjoni Ewropea fil-31 ta' Jannar 2018 adottat pakkett ġdid ta' assistenza ta' EUR 42,5 miljun għall-benefiċċju tal-Palestinjani, li jinkludi appoġġ sostanzjali f'Ġerusalemm tal-Lvant; billi ġiet ipprovduta wkoll lill-UNRWA s-somma ta' EUR 107 miljun; billi l-Unjoni Ewropea hija t-tieni l-akbar donatur lill-UNRWA;
1. Jenfasizza li l-ħidma tal-UNRWA tgħin biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet essenzjali għall-benesseri, il-protezzjoni u l-iżvilupp uman tar-refuġjati Palestinjani jiġu ssodisfati fi ħdan il-ħames oqsma tal-operat tagħha;
2. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-kriżi fil-finanzjament tal-UNRWA; iħeġġeġ lid-donaturi kollha jonoraw il-wegħdiet li għamlu lill-aġenzija;
3 Jinnota li l-Unjoni Ewropea hija impenjata li tkompli tassisti lill-UNRWA biex tikseb riżorsi finanzjarji li jippermettu lill-aġenzija tappoġġja lir-refuġjati Palestinjani; jissottolinja li l-UE essenzjalment sejra tikkontribwixxi għall-finanzjament ta' edukazzjoni ta' kwalità għal 500 000 tifel u tifla, tal-kura tas-saħħa primarja għal aktar minn 3,5 miljun pazjent u ta' assistenza lil aktar minn 250 000 refuġjat Palestinjan li huma vulnerabbli ħafna;
4. Jilqa' l-fatt li l-UNRWA biħsiebha tieħu miżuri interni bil-għan li trażżan l-ispejjeż u tikseb aktar titjib fl-effiċjenza filwaqt li tfittex oqsma oħra fejn jista' jkun possibbli li tikseb aktar effiċjenza;
5. Jilqa' l-impenn tal-Aġenzija li tkompli l-isforzi ta' riforma maħsuba biex itejbu l-istrutturi amministrattivi tagħha u biex ikun hemm aktar aktar trasparenza, obbligu ta' rendikont u superviżjoni interna; jenfasizza li dawn l-isforzi huma ta' importanza assoluta biex ikun żgurat li l-fondi tal-UE jintużaw għall-iskop li għalih huma maħsuba u biex jinġiebu 'l quddiem l-objettivi tal-paċi fil-Lvant Nofsani; jirrimarka li hemm bżonn ta' kontrolli li ma jħallux lill-Hamas jagħmel użu ħażin minn faċilitajiet tal-UNRWA ffinanzjati mill-UE;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Amministrazzjoni u lill-Kungress tal-Istati Uniti u lill-Kummissarju Ġenerali tal-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib.