Dokument ta' sessjoni
7.3.2018
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dibattitu dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar linji gwida dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit
( 2018/2573(RSP) )
Raymond Finch
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar linji gwida dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit
( 2018/2573(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra n-notifika mogħtija mill-Prim Ministru tar-Renju Unit lill-Kunsill Ewropew fid-29 ta' Marzu 2017 skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra d-diskors tal-Prim Ministru tar-Renju Unit tat-2 ta' Marzu 2018,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim dwar il-ħruġ, ippubblikat mill-Kummissjoni fit-28 ta' Frar 2018,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2625 (XXV) tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-Prinċipji tad-Dritt Internazzjonali li jikkonċernaw ir-Relazzjonijiet Amikevoli u l-Kooperazzjoni bejn l-Istati skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra l-istudju tat-22 ta' Novembru 2017 imfassal għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tiegħu, intitolat "Smart Border 2.0 – Avoiding a hard border on the island of Ireland for customs control and the free movement of persons" (Fruntiera Intelliġenti 2.0 – Evitar ta' fruntiera fiżika fil-gżira tal-Irlanda għall-kontroll doganali u l-moviment liberu tal-persuni),
– wara li kkunsidra d-dokument ippubblikat fl-4 ta' Marzu 2017 mill-Kumitat Magħżul għall-Unjoni Ewropea tal-House of Lords, intitolat "Brexit and the EU budget" (Il-Brexit u l-baġit tal-UE"),
– wara li kkunsidra l-Artikolu XXIV (4) tar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tiegħu mid-WTO,
– wara li kkunsidra l-għanijiet, il-prinċipji u l-obbligi deskritti fit-TUE, u b'mod partikolari fl-Artikoli 2, 3(1), 8 u 21 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Belfast tal-1998,
– wara li kkunsidra l-Kawża 120/78 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Rewe-Zentral AG v Bundesmonopolverwaltung fur Branntwein, magħrufa komunement bħala l-kawża Cassis de Dijon,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-23 ta' Ġunju 2016, 51,8 % tal-votanti tar-Renju Unit (17,4 miljun ruħ) ivvutaw biex joħorġu mill-Unjoni Ewropea; jinnota li l-għadd ta' persuni li vvutaw f'dan ir-referendum kien akbar minn dak tal-aħħar elezzjoni ġenerali tar-Renju Unit;
B. billi r-Renju Unit, fin-notifika dwar il-ħruġ tiegħu tad-29 ta' Marzu 2017, iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jkun barra l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE);
C. billi l-Gvern tar-Renju Unit indika, fl-istess notifika, li r-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni Ewropea mhuma se jkunu qed jinkludu la sħubija fis-suq intern u lanqas fl-unjoni doganali;
D. billi, fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli tagħha, id-WTO tiddikjara li "unjoni doganali għandha tiffaċilita l-kummerċ fl-unjoni doganali, iżda m'għandhiex tagħmel dan b'mod li joħloq l-ostakli għall-kummerċ ma' pajjiżi terzi";
E. billi r-Riżoluzzjoni 2625 (XXV) tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tiddikjara li: "Ebda Stat Membru m'għandu jieħu azzjoni bil-għan li jfixkel, parzjalment jew totalment, l-unità nazzjonali u l-integrità territorjali ta' xi Stat jew pajjiż ieħor"; billi l-istess riżoluzzjoni tiddikjara wkoll li: "Ebda Stat ma jista' juża jew jinkoraġġixxi l-użu ta' miżuri ekonomiċi u politiċi koerċittivi jew xi tip ta' miżuri oħra biex iġiegħel lil Stat Membru ieħor jissubordina l-eżerċizzju tad-drittijiet sovrani tiegħu";
F. billi l-Artikolu 3(1) tat-TUE jiddikjara li "l-mira tal-Unjoni hija li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha, u l-Artikolu 2 jiddikjara li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett, inter alia, tad-demokrazija;
G. billi l-Artikolu 8 tat-TUE jeżiġi li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa "relazzjoni privileġġjata mal-pajjiżi ġirien tagħha" imsejsa fuq il-"prosperità" u l-"koperazzjoni";
H. billi l-Artikolu 21 tat-TUE jiddikjara li: "L-Unjoni għandha [...] taħdem sabiex tassigura grad għoli ta' koperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex: [...] (b) tikkonsolida u tappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali; (c) tippreserva l-paċi, tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti [...]; (e) tinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, permezz tat-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali";
I. billi l-Unjoni diġà lesta biex tidħol fi ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi, bħall-Awstralja, il-Kanada, l-Iżrael, il-Ġappun, New Zealand, l-Iżvizzera u l-Istati Uniti tal-Amerka, li jinkludu r-rikonoxximent reċiproku tal-istandards u r-regolaturi, muri l-aktar reċentement fir-rigward ta': (a) is-servizzi finanzjarji, bl-approvazzjoni tal-Parlament, b'maġġoranza kbira, tal-Ftehim Bilaterali UE-Stati Uniti dwar miżuri prudenzjali li jirrigwardaw l-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni; (b) il-mediċina, permezz ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael dwar il-valutazzjoni tal-konformità u l-aċċettazzjoni tal-prodotti industrijali; u (c) il-manifattura, permezz tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn l-UE u l-Kanada;
J. billi l-UE naqset milli teżamina, tfittex u taħtaf l-opportunitajiet għal rikonoxximent reċiproku li rriżultaw mill-kawża Cassis de Dijon;
1. Jappella biex ir-relazzjonijiet futuri bejn l-Unjoni u r-Renju Unit jiġu konklużi fl-istess żmien tal-ftehim dwar il-ħruġ, u li jiġu inklużi fi trattat separat; jinnota, f'dan ir-rigward, li jeħtieġ li jintlaħaq fehim u qbil dwar ir-relazzjonijiet futuri fid-dettall fl-istess żmien li jiġu konklużi dispożizzjonijiet fil-ftehim dwar il-ħruġ li jirrigwardaw il-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq; jenfasizza li, fin-nuqqas ta' ftehim parallel għal tali trattat dwar ir-relazzjonijiet futuri, kwalunkwe dispożizzjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ li tmur lil hinn mill-perjodu ta' tranżizzjoni (inklużi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-Irlanda ta' Fuq) u kwalunkwe pagament għandhom ikunu subordinati għall-ftehim finali dwar ir-relazzjonijiet futuri mar-Renju Unit;
2. Iwissi li l-inklużjoni fil-ftehim dwar il-ħruġ ta' kwalunkwe dispożizzjoni dwar il-relazzjonijiet futuri permanenti li tmur lil hinn mill-perjodu ta' tranżizzjoni, jew ta' kwalunkwe dispożizzjoni li tirrigwarda jew il-"kompetenzi mħallta" inkella l-kompetenzi esklużivi tal-Istati Membri, tista' tesponi lill-Kummissjoni għal rikors quddiem il-QtĠ-UE talli użat il-proċedura żbaljata skont it-TUE biex tikkonkludi l-ftehim dwar il-ħruġ;
3. Jiddeplora t-tentattiv tal-Kummissjoni li taqsam lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u lill-Irlanda ta' Fuq billi żżomm lil dan tal-aħħar b'mod permanenti fl-unjoni doganali wara d-data tal-ħruġ; jinsisti li l-Kummissjoni trid minnufih tibda negozjati ta' kummerċ ħieles mar-Renju Unit b'mod parallel man-negozjati attwali dwar il-ħruġ;
4. Ifakkar lill-Kummissjoni li n-negozjar, il-konklużjoni u t-test tal-qafas għar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit iridu jkunu konsistenti mal-prinċipji deskritti fir-Riżoluzzjoni 2625 (XXV) tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-Prinċipji tad-Dritt Internazzjonali li jikkonċernaw ir-Relazzjonijiet Amikevoli u l-Kooperazzjoni bejn l-Istati skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;
5. Jirrifjuta l-ħtieġa ta' perjodu ta' tranżizzjoni mar-Renju Unit ladarba joħroġ formalment mill-Unjoni; jinsisti li, jekk tali perjodu ta' tranżizzjoni għandu jseħħ, irid jintemm sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020;
6. Jenfasizza li kemm il-kampanja "Remain" kif ukoll dik "Leave" fir-referendum irrikonoxxew, aċċettaw u kienu favur li vot biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea jkun ifisser ukoll il-ħruġ mill-unjoni doganali u mis-suq uniku;
7. Jinsisti li kwalunkwe ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri mar-Renju Unit ikun konsistenti mal-valuri tad-demokrazija, kif stabbilit fl-Artikoli 2, 8, 10 u 21 tat-TUE, u tar-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien, kif stabbilit fl-Artikolu 8 tat-TUE;
8. Jinnota li, għall-fini tal-konsistenza mal-Artikoli 2, 10 u 21 tat-TUE:
(a) kwalunkwe parteċipazzjoni fl-unjoni doganali trid tirrispetta l-prinċipju ta' "ebda tassazzjoni mingħajr rappreżentanza";
(b) il-Parlament tar-Renju Unit irid ikollu d-dritt jirrifjuta l-applikazzjoni għar-Renju Unit ta' leġiżlazzjoni adottata mill-UE matul il-perjodu ta' tranżizzjoni jew warajh;
(c) il-ġurisdizzjoni tal-QtĠ-UE trid tintemm fid-data tal-ħruġ;
(d) wara d-data tal-ħruġ ma jista' jkun hemm ebda restrizzjoni fuq id-drittijiet tar-Renju Unit li jinnegozja, jikkonkludi u jirratifika ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi oħra (sakemm tali ftehimiet ma jidħlux fis-seħħ matul il-perjodu ta' tranżizzjoni) jew li inkella jamministra r-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu kif jidhirlu li jkun xieraq;
9. Jinsisti li l-Kummissjoni trid tirrispetta r-riżultat tar-referendum tal-UE billi ma tostakolax l-intenzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit li jonora l-istruzzjonijiet li ngħatawlu mill-pubbliku fir-referendum biex itemm il-moviment liberu tal-persuni fid-data tal-ħruġ;
10. Jinsisti li l-Kummissjoni m'għandhiex tinterferixxi fil-kontrolli tal-immigrazzjoni jew fil-proċeduri amministrattivi li r-Renju Unit jipprova jdaħħal fis-seħħ wara l-ħruġ; iqis li tariffi amministrattivi għal ċittadini tal-UE li japplikaw għal dritt permanenti li jibqgħu fir-Renju Unit huma ġustifikati u raġonevoli sakemm ikunu konsistenti ma' dawk li jħallsu ċittadini minn pajjiżi terzi oħra;
11. Iqis li d-dmir ta' kooperazzjoni leali wara d-data tal-ħruġ, kemm għat-tranżizzjoni kif ukoll wara t-tranżizzjoni, għandu jkun reċiproku u konsistenti mal-ħila tar-Renju Unit li jamministra r-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu kif jidhirlu li jkun xieraq;
12. Jenfasizza li, mid-data tal-ħruġ, ir-Renju Unit irid ikun liberu li jidħol f'relazzjonijiet internazzjonali kif jidhirlu li jkun xieraq, kif ukoll li jesprimi l-fehmiet tiegħu f'organizzazzjonijiet internazzjonali u jinnegozja ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi oħra (sakemm dawk il-ftehimiet ma jidħlux fis-seħħ matul il-perjodu ta' tranżizzjoni); jenfasizza li n-negozjar tar-relazzjonijiet futuri waqt li r-Renju Unit ma jitħalliex jamministra r-relazzjonijiet internazzjonali tiegħu kif jidhirlu li jkun xieraq, jitqies bħala ksur tar-Riżoluzzjoni 2625 (XXV) tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, u b'mod partikolari, kif imfisser fih, ksur ta':
(a) il-prinċipju ta' "ugwaljanza sovrana";
(b) id-dmir li "ma jkunx hemm indħil, dirett jew indirett, għal kwalunkwe raġuni, fil-kwistjonijiet interni jew esterni ta' kwalunkwe Stat ieħor";
13. Iħeġġeġ lill-UE-27 tipproponi approċċ reċiproku għar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit b'mod ġenerali u fir-rigward tal-assigurazzjoni, ir-riassigurazzjoni, is-servizzi finanzjarji, il-manifattura u l-mediċina, abbażi ta' rikonoxximent reċiproku tal-istandards u tar-regolaturi, bħal, pereżempju, dawk miftiehma reċentement fil-Ftehim Bilaterali bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar miżuri prudenzjali rigward l-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni;
14. Jitlob lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, biex tivvaluta b'urġenza l-applikazzjoni tad-deċiżjoni fil-kawża Cassis de Dijon, li toħloq binarju addizzjonali, flessibbli u parallel, għal kummerċ ħieles reali b'ostakli tariffarji u mhux tariffarji effettivament minimi jew saħansistra ineżistenti;
15. Jirrifjuta kwalunkwe tentattiv mill-Kummissjoni li tinforza l-ġurisdizzjoni tal-QtĠ-UE fir-Renju Unit matul kwalunkwe perjodu ta' tranżizzjoni jew warajh, b'mod speċifiku fir-rigward tal-applikazzjoni ta' deċiżjonijiet li jsiru wara d-data tal-ħruġ;
16. Itenni li, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor bħala parti mill-ħruġ, m'hemm ebda obbligu legali għar-Renju Unit li jħallas saldu finanzjarju ta' darba jew li jkompli jagħti l-kontribuzzjonijiet tas-sħubija lill-QFP wara l-ħruġ, peress li t-trattati li jistabbilixxu l-Unjoni Ewropea jieqfu japplikaw minn dik id-data; jinnota li l-Kumitat Magħżul tal-House of Lords ikkonkluda li "d-dritt kollu tal-UE – inklużi d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li qed isiru bħalissa u l-mekkaniżmu għall-aġġudikazzjoni – ma jibqax japplika, u r-Renju Unit ma jkun soġġett għall-ebda obbligu infurzabbli [legalment] li jagħmel kwalunkwe tip ta' kontribuzzjoni finanzjarja";
17. Jenfasizza li jekk il-Kummissjoni ssostni li l-impenji baġitarji jobbligaw lir-Renju Unit, bħala kontributur nett lill-UE, li jibqa' jagħmel pagamenti għall-bqija tal-QFP, ikun ifisser li l-obbligi li jsiru pagamenti minn dak il-baġit lir-riċevituri netti jrid ikun vinkolanti wkoll; jinnota li, inkella, f'każ li l-UE tiġi xolta, ammont sostanzjali ta' flus mill-kontributuri netti jibqa' ma jintużax;
18. Jikkundanna l-politika komuni tas-sajd tal-UE u jistieden lill-UE-27 tirrispetta d-dritt internazzjonali (UNCLOS) fir-rigward tal-implimentazzjoni wara l-Brexit taż-żona ekonomika esklussiva sħiħa ta' 200 mil nawtiku tar-Renju Unit; jinsisti li l-UE tagħmel ħilitha biex tistabbilixxi taħditiet tripartitiċi (UE-Renju Unit-Norveġja) sabiex tiddetermina allokazzjoni ġusta tar-rendiment sostenibbli massimu minn Marzu 2019; jirrifjuta t-tentattivi biex tiddgħajjef is-sovranità tar-Renju Unit wara l-Brexit bit-theddid ta' ostakli kummerċjali mhux raġonevoli għall-prodotti tas-sajd tar-Renju Unit li jistgħu jkunu ta' ħsara kemm għall-SMEs kif ukoll għan-negozji l-kbar madwar l-Ewropa kollha;
o
o o
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.