Dokument ta' sessjoni

 

B8‑0137/2018

12.3.2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0007/2018

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-attakk mill-Istati Uniti dwar l-appoġġ tal-UE għall-farms fil-qafas tal-PAK (fil-kuntest taż-żebbuġ Spanjol)

( 2018/2566(RSP) )

Jørn Dohrmann, James Nicholson

f'isem il-Grupp ECR

 

B8‑0137/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-attakk mill-Istati Uniti fuq l-appoġġ tal-UE għall-farms fil-qafas tal-PAK (fil-kuntest taż-żebbuġ Spanjol)

( 2018/2566(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni meħuda mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, li impona tariffa fuq fiż-żebbuġ Spanjol wara li kkonkluda li s-sussidji li l-industrija taż-żebbuġ irċeviet fl-UE kienu jfissru li l-prodotti taż-żebbuġ setgħu jiġu importati lejn l-Istati Uniti taħt il-prezz tas-suq,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-attakk mill-Istati Uniti dwar l-appoġġ tal-UE għall-farms fil-qafas tal-PAK (fil-kuntest taż-żebbuġ Spanjol) ( O-000006/2018 – B8‑0007/2018 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-deċiżjoni li jiġu imponuti tariffi ta' persentaġġi li jvarjaw fuq il-prodotti taż-żebbuġ esportati minn kumpaniji Spanjoli hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-appoġġ mogħti lis-settur taż-żebbuġ taħt il-PAK jista' jikkostitwixxi kompetizzjoni inġusta fir-rigward tal-produtturi tal-Istati Uniti;

B.  billi ż-żieda fl-esportazzjonijiet Spanjoli kellha biss impatt limitat ħafna fuq is-sitwazzjoni taż-żewġ produtturi taż-żebbuġ tal-Istati Uniti, u l-iktar aspett inkwetanti ta' dan il-każ huwa li l-Istati Uniti qed jimmiraw ċerti miżuri ta' appoġġ fil-qafas tal-PAK minkejja li dawn jikkwalifikaw bis-sħiħ għall-kriterji ta' pagamenti tal-Kaxxa l-Ħadra skont id-WTO;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dak kollu li huwa meħtieġ biex tikkontesta din id-deċiżjoni, inkluż involviment f'livell bilaterali mal-Istati Uniti u l-esplorazzjoni tal-possibilità li tiġi kkontestata d-deċiżjoni fid-WTO;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa lill-produtturi b'miżuri tal-kaxxa l-ħadra, li mhumiex ta' tfixkil u huma permessi skont il-proċedura tal-kaxxa l-ħadra tad-WTO;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-produtturi affettwati bl-appoġġ u l-assistenza li jeħtieġu matul il-proċedimenti;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.