Dokument ta' sessjoni
12.3.2018
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
( 2018/2626(RSP) )
Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, David McAllister, Sandra Kalniete, Lorenzo Cesa, Julia Pitera, Tokia Saïfi, Laima Liucija Andrikienė
f'isem il-Grupp PPE
<<<
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
( 2018/2626(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2017 bit-titlu "Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja" (JOIN(2017)0011) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tat-3 ta' April 2017, li flimkien jikkostitwixxu l-istrateġija l-ġdida tal-UE rigward is-Sirja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-3 ta' Ottubru 2017 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Federica Mogherini u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Christos Stylianides dwar l-attakki reċenti fis-Sirja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Frar 2018 tal-VP/RGħ Federica Mogherini u l-Kummissarju Stylianides dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Lvant ta' Ghouta u Idlib, is-Sirja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Frar 2018 tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar is-Sirja: Il-massakru fil-Lvant ta' Ghouta jrid jieqaf issa,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Marzu 2018 tal-VP/RGħ Federica Mogherini u l-Kummissarju Stylianides dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant ta' Ghouta u fi bnadi oħra fis-Sirja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar is-Sirja tas-26 ta' Frar 2018,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni attribwibbli lill-Kelliem għas-Segretarju Ġenerali dwar is-Sirja, tal-24 ta' Frar 2018,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 2254(2015) tat-18 ta' Diċembru 2015 u Nru 2401 (2018) tal-24 ta' Frar 2018,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-5 ta' Marzu 2018 dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant ta' Ghouta, fir-Repubblika Għarbija Sirjana,
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi aktar minn 13-il miljun persuna, inklużi sitt miljun tifel u tifla, jeħtieġu l-assistenza umanitarja; billi aktar minn 400 000 persuna tilfu ħajjithom u aktar minn miljun persuna ndarbu; billi madwar 6,1 miljun persuna ġew spostati internament u aktar minn ħames miljuni ġew kostretti jsibu rifuġju f'pajjiżi ġirien;
B. billi kważi 400 000 persuna fil-Lvant ta' Ghouta kienu soġġetti għal attakki mill-ajru, sparar u bumbardamenti; billi, bħala riżultat tal-assedju mill-forzi tal-Gvern Sirjan fuq iż-żona, ir-residenti ta' din iż-żona qegħdin jgħixu f'kundizzjonijiet estremi, inkluża l-malnutrizzjoni;
C. billi l-ħaddiema umanitarji ma setgħux jagħtu għajnuna umanitarja lil bosta partijiet tas-Sirja minħabba l-ġlied fuq linji ta' kunflitt li jvarjaw, l-ostakli burokratiċi u l-ksur kontinwu tad-dritt umanitarju internazzjonali;
D. billi fl-24 ta' Frar 2018, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni Nru 2401, li fiha l-Kunsill talab li l-partijiet kollha fil-kunflitt itemmu l-ostilitajiet mingħajr dewmien għal tal-inqas 30 jum konsekuttiv biex jippermettu twassil sikur, mingħajr interruzzjoni u kontinwu ta' assistenza umanitarja u evakwazzjonijiet mediċi ta' dawk morda u midruba b'mod kritiku, f'konformità mad-dritt internazzjonali applikabbli; billi ċ-ċittadini tal-Lvant ta' Ghouta rrapportaw li l-attakki mill-ajru u l-isparar għadhom għaddejjin;
E. billi l-poplu tal-Lvant ta' Ghouta ilu nofs deċennju jiġi assedjat; billi dawn sofrew attakki mill-ajru, sparar u, f'diversi okkażjonijiet, inqatlu ċittadini wara r-rilaxx ta' aġenti tossiċi;
F. billi fil-5 ta' Marzu 2018 konvoj umanitarju tan-NU tħalla jidħol f'Douma, bl-intenzjoni li jwassal provvisti tas-saħħa u tal-ikel għal 27 500 persuna fil-bżonn; billi r-reġim Sirjan neħħa l-oġġetti mediċi kritiċi mill-konvoj;
G. billi fis-26 ta' Frar 2018 il-Kunsill żied lill-Ministru għall-Industrija u lill-Ministru għall-Informazzjoni tal-Gvern tas-Sirja fil-lista tal-persuni milquta mill-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-reġim Sirjan minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni fil-pajjiż;
H. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw aktar minn EUR 10.4 biljun f'assistenza umanitarja, għall-istabbilizzazzjoni u r-reżiljenza għas-Sirjani kemm fil-pajjiż kif ukoll fil-pajjiżi ġirien;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-ksur kollu tad-dritt umanitarju internazzjonali u l-ksur kontinwament sistematiku, mifrux u gravi kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fis-Sirja mill-partijiet kollha fil-kunflitt;
2. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-użu indiskriminat tal-armi tqal kontra ċ-ċittadini u l-użu rapportat ta' armi kimiċi fil-Lvant ta' Ghouta; jinnota li l-Missjoni ta' Tiftix tal-Fatti tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) fis-Sirja qiegħda tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha dwar l-allegazzjonijiet ta' użu ta' armi kimiċi, minkejja li l-awtoritajiet Sirjani qegħdin jirrestrinġu l-aċċess;
3. jilqa' l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni Nru 2401 (2018) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jiddeplora l-fatt li kważi ma sar ebda progress fil-post sabiex tiġi implimentata din ir-riżoluzzjoni; jitlob l-implimentazzjoni sħiħa u immedjata tagħha mill-partijiet kollha fil-kunflitt, b'mod partikolari, sabiex jiġi żgurat it-twassil immedjat, sikur, mingħajr interruzzjoni u kontinwu ta' assistenza umanitarja, l-evakwazzjoni ta' dawk morda u midruba b'mod kritiku, u tittaffa t-tbatija tal-poplu Sirjan;
4. Jisħaq li t-tbatija tal-ġuħ taċ-ċivili, li tintuża bħala metodu ta' gwerra billi jiġu assedjati żoni popolati u l-ispostament furzat tal-popolazzjonijiet jistgħu jammontaw għal reati tal-gwerra jew reati kontra l-umanità;
5. Itenni l-appell tiegħu sabiex min huwa ħati tat-twettiq ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità jinżamm responsabbli ta' għemilu u jiffaċċja l-konsegwenzi; jenfasizza li l-awturi tad-delitti kontra gruppi reliġjużi, etniċi u oħrajn, filwaqt li minoranzi u gruppi oħrajn għandhom ukoll jitressqu quddiem il-ġustizzja; jibqa' konvint li la jista' jkun hemm riżoluzzjoni effikaċi tal-kunflitti u lanqas paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr ma jingħata kont tad-delitti li jkunu twettqu;
6. Jesiġi li kulħadd jirrispetta d-dritt tal-gruppi u l-minoranzi etniċi u reliġjużi fis-Sirja, inklużi l-Insara, biex jibqgħu jgħixu fl-art storika u tradizzjonali tagħhom b'dinjità, ugwaljanza u sikurezza, u li jipprattikaw bis-sħiħ ir-reliġjon u t-twemmin tagħhom b'mod liberu mingħajr ma jkunu suġġetti għall-ebda tip ta' ġegħil, vjolenza jew diskriminazzjoni; jappoġġa d-djalogu interreliġjuż sabiex jiġi promoss il-fehim reċiproku u jiġi miġġieled il-fundamentaliżmu;
7. Jibqa' impenjat favur l-għaqda, is-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza tas-Sirja; jinsisti li l-pajjiż jista' jinġieb għall-paċi biss permezz ta' proċess ta' tranżizzjoni politika inklużiv u mmexxi mis-Sirja li jwassal għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, iffaċilitati u ssorveljati min-NU u organizzati abbażi ta' kostituzzjoni ġdida; itenni lill-partijiet kollha li waqfien inklużiv mill-ġlied fil-pajjiż kollu u soluzzjoni paċifika aċċettabbli għal kulħadd għall-kriżi fis-Sirja jistgħu jinkisbu taħt l-awspiċji tan-NU u, bl-appoġġ tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għas-Sirja, Staffan de Mistura, u ta' atturi internazzjonali u reġjonali ewlenin;
8. Jesiġi li l-partijiet kollha jiffaċilitaw passaġġ sikur u mingħajr interruzzjoni kemm għall-persunal mediku u umanitarju kif ukoll għat-tagħmir, trasport u provvisti tagħhom, inklużi l-oġġetti kirurġiċi, għan-nies kollha fil-bżonn, b'mod konsistenti mad-dritt umanitarju internazzjonali;
9. Jappoġġa t-talba biex l-azzjoni umanitarja kontra l-mini b'urġenza fis-Sirja kollha;
10. Jirriafferma l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Koalizzjoni Globali kontra d-Daesh; jissottolinja li s-sħab tal-forzi tal-Koalizzjoni u tas-Sirja għamlu progress sinifikanti fil-kampanja biex jingħeleb id-Daesh fis-Sirja; jisħaq li 3.2 miljun persuna ġew liberati minn Daesh fis-Sirja;
11. Jilqa' t-tieni Konferenza ta' Brussell dwar l-Appoġġ għall-Ġejjieni tas-Sirja u tar-Reġjun, li ser issir fi Brussell bejn l-24 u l-25 ta' April 2018, li ser tiffoka fuq l-appoġġ umanitarja lis-Sirjani, kemm fis-Sirja kif ukoll fil-pajjiżi ġirien, u fuq l-appoġġa għall-proċess immexxi min-NU f'Ġinevra;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt.