Dokument ta' sessjoni
12.3.2018
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0007/2018
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-miżuri mill-Istati Uniti dwar l-appoġġ tal-UE għall-farms fil-qafas tal-PAK (fil-kuntest taż-żebbuġ Spanjol)
( 2018/2566(RSP) )
Tiziana Beghin, Marco Zullo
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-miżuri mill-Istati Uniti dwar l-appoġġ tal-UE għall-farms fil-qafas tal-PAK (fil-kuntest taż-żebbuġ Spanjol)
( 2018/2566(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-investigazzjonijiet li għaddejjin dwar id-dazju antidumping u d-dazju kompensatorju fuq iż-żebbuġ misjur minn Spanja, li nbdew fit-13 ta' Lulju 2017,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-attakk tal-Istati Uniti kontra l-appoġġ agrikolu tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-PAK (fil-kuntest taż-żebbuġ Spanjol) ( O-000006/2018 – B8 0007/2018),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi ż-żieda fl-esportazzjonijiet Spanjoli ta' żebbuġ misjur lejn l-Istati Uniti ġiet stmata għal madwar USD 70.9 miljun (EUR 60 miljun);
B. billi dazji antidumping fuq esportazzjonijiet ta' żebbuġ misjur Spanjol ivarjaw minn 14.64 % għal 19.73 %;
C. billi l-impatt ekonomiku fuq il-produtturi taż-żebbuġ Spanjoli, jekk dawn it-tariffi jsiru permanenti, huwa stmat mis-settur li huwa bejn EUR 350 u 700 miljun matul il-ħames sa għaxar snin li ġejjin;
D. billi l-miżuri ta' appoġġ tal-UE fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), bħalma huma l-Iskema ta' Pagament ta' Bażi, l-għajnuna għall-bdiewa żgħażagħ u l-miżuri ta' promozzjoni, jissodisfaw bis-sħiħ il-kriterji tal-pagamenti tal-kaxxa ħadra skont id-WTO;
E. billi d-deċiżjoni tista' potenzjalment taffettwa kull min jirċievi pagamenti taħt il-PAK u tinvolvi bosta setturi tal-agrikoltura tal-UE;
F. billi l-appoġġ domestiku totali tal-Istati Uniti, skont n-notifiki tad-WTO, żdied minn USD 69.9 biljun fl-1995 għal USD 132.5 biljun, li minnhom 94 % jaqgħu fil-kaxxa ħadra;
G. billi l-liġi attwali dwar il-biedja tal-Istati Uniti għadha tippermetti pagamenti antiċikliċi taħt il-kaxxa ħadra;
1. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti jirtiraw il-miżuri u jistabbilixxu mill-ġdid approċċ kostruttiv miż-żewġ naħat;
2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-passi kollha neċessarji, kemm fil-livell bilaterali kif ukoll fid-WTO, biex tiddefendi s-sistema tagħna tal-appoġġ tal-PAK, li ġiet approvata fil-qafas tal-proċedura tal-kaxxa ħadra tad-WTO;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tiftaħ panel tad-WTO dwar il-politika agrikola attwali tal-Istati Uniti u l-pagamenti antiċikliċi jekk l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jiddeċiedu li jkomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti.