Dokument ta' sessjoni
12.3.2018
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-Sirja
( 2018/2626(RSP) )
Javier Couso Permuy, Paloma López Bermejo, Merja Kyllönen, Takis Hadjigeorgiou, Neoklis Sylikiotis, Younous Omarjee, Ángela Vallina, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Sofia Sakorafa
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
( 2018/2626(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u l-offensiva tal-ISIS, u b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-Sirja: is-sitwazzjoni f'Palmira u l-każ ta' Mazen Darwish[1], tat-30 ta' April 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-kamp tar-rifuġjati ta' Yarmouk fis-Sirja[2], tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u fis-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS[3], u tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra dwar ir-rifuġjati,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2017 bit-titolu "Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja", (JOIN(2017)0011),
– wara li kkunsidra l-Kunsill Affarijiet Barranin tas-26 ta' Frar 2018,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Marzu 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Mogherini u tal-Kummissarju Christos Stylianides dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant ta' Ghouta u fi bnadi oħra fis-Sirja,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-16 ta' Mejju 2016 imħejji għall-Kummissjoni Ekonomika u Soċjali tan-NU dwar l-Impatt Umanitarju tal-Miżuri Restrittivi Unilaterali Relatati mas-Sirja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-eskalazzjoni tal-kunflitt Sirjan hija r-riżultat tal-fatt li setgħat reġjonali u internazzjonali barranin qed jisfruttaw is-sitwazzjoni għall-gwadann tagħhom infushom, li wassal għal gwerra mdemmija;
B. billi fis-seba' sena tal-kriżi fis-Sirja, l-iskala, is-severità u l-kumplessità tal-bżonnijiet għadhom jaħkmu l-pajjiż kollu b'mod prevalenti; billi 13.1-il miljun ruħ jeħtieġu l-għajnuna umanitarja; billi minn dawn, 5.6 miljun ruħ jinsabu fi bżonn estrem u jinsabu vulnerabbli minn aspetti differenti b'riżultat tal-ispostament, l-esponiment għall-ġlied, u l-aċċess limitat għall-prodotti u s-servizzi bażiċi;
C. billi l-eskalazzjonijiet perikolużi u inkwetanti tal-vjolenza għadhom għaddejjin, kemm fi ħdan iż-żoni ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflitt stabbiliti mill-garanti ta' Astana, kif ukoll barra minnhom; billi l-ġlied għadu għaddej, b'mod partikolari f'Idlib u Hama; billi qed iseħħu attakki intensivi u kontinwi mill-ajru fil-Majjistral u fil-Lvant ta' Ghouta;
D. billi nies ċivili nqatlu u ndarbu fuq skala orribbli – rapporti jissuġġerixxu aktar minn 1 000 vittma ċivili fl-ewwel ġimgħa ta' Frar waħidha – u attakki komplew jolqtu lill-sptarijiet, l-skejjel u s-swieq; billi kien hemm għadd ta' allegazzjonijiet ta' attakki bil-kloru f'Ghouta, Idlib u Afrin; billi mill-inqas 320 000 ruħ ġew spostati f'xahrejn biss bħala riżultat tal-ġlied f'Idlib – żona li diġà qiegħed jospita aktar minn 1.2 miljun persuna spostata internament (IDPs); billi hemm rapporti ta' bumbardamenti qawwi fiż-żona residenzjali kollha ta' Damasku, fejn indarbu u nqatlu persuni ċivili u saret ħsara lill-infrastruttura;
E. billi r-Riżoluzzjoni 2401 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU talab waqfien mill-ġlied, sabiex tkun tista' sseħħ pawża umanitarja durabbli ta' mill-inqas 30 jum konsekuttivi fis-Sirja kollha u sabiex il-popolazzjoni ċivili tingħata l-għajnuna umanitarja li għandha bżonn; billi fit-5 ta' Frar 2018 wasal fil-Lvant ta' Ghouta l-ewwel konvoj umanitarju tan-NU mindu kien intalab il-waqfien mill-ġlied, u ġab miegħu provvisti tal-kura tas-saħħa u tan-nutrizzjoni, u l-ikel għal 70 000 ruħ; billi, sfortunatament, mhux il-provvisti kollha li kien hemm fil-konvoj setgħu jitwasslu minħabba pressjoni minn gruppi terroristiċi; billi bħalissa qed jitħejja t-tieni konvoj;
F. billi l-ISIS/Da'esh u gruppi ġiħadisti oħra wettqu atroċitajiet, fosthom eżekuzzjonijiet brutali, kif ukoll atti tal-waħx ta' vjolenza sesswali, ħtif, tortura, konverżjonijiet furzati u tjassir tan-nisa u l-bniet; billi t-tfal ġew irreklutati u użati f'attakki terroristiċi; billi hemm tħassib serju dwar il-benessri tal-popolazzjoni li bħalissa tinsab taħt il-kontroll tal-ISIS/Da'esh u dwar l-użu possibbli tagħhom bħala tarki umani waqt il-kampanja ta' liberazzjoni; billi dawn ir-reati jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;
G. billi vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali twettqu mill-partijiet kollha; billi żoni ċivili, skejjel, sptarijiet, ħaddiema umanitarji u kampijiet tar-rifuġjati sfaw intenzjonalment il-mira ta' gruppi terroristiċi; billi dawn jikkostitwixxu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità u għandhom jiġu investigati;
H. billi l-kunflitt qed jinfirex lil hinn mill-fruntieri tas-Sirja f'direzzjonijiet differenti, u żdied l-intervent militari minn diversi sorsi; billi hemm rapporti ta' skambji tan-nar bejn il-forzi tal-Gvern tas-Sirja u dawk tat-Turkija f'Idlib, u bejn il-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti u l-forzi li huma favur il-Gvern Sirjan fil-Wied tal-Ewfrati; billi ġettijiet ta' Iżrael kienu qed jattakkaw miri fis-Sirja b'reazzjoni għal vjolazzjoni allegata tat-territorju Iżraeljan minn dron Iranjan;
I. billi ż-żieda li qed isseħħ bħalissa fl-intensità tal-vjolenza qed iddgħajjef l-isforzi li qed isiru biex tiġi żgurata soluzzjoni politika; billi, skont il-Komunikat ta' Ġinevra u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-partijiet kollha jridu jiġu mfakkra mill-ġdid dwar il-ħtieġa kritika li tinstab soluzzjoni għall-kunflitt fis-Sirja permezz ta' proċess politiku mmexxi mis-Sirja, sabiex iseħħ ftehim ta' paċi li jissodisfa l-aspirazzjonijiet tal-poplu Sirjan;
J. billi t-tliet pajjiżi li qed jospitaw l-akbar għadd ta' rifuġjati Sirjani huma t-Turkija (2 973 980), il-Libanu (1 011 366) u l-Ġordan (659 246);
K. billi għadd ta' Stati Membri għadhom qed jiċħdu lir-rifuġjati mis-Sirja u minn pajjiżi oħra d-dritt għall-asil u qed jiksru l-politiki u l-valuri bażiċi tal-Unjoni Ewropea;
L. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin jikkontribwixxu għat-trawwim tal-affari kriminali u perikoluża tal-kuntrabandu tal-bnedmin bil-bini ta' ħitan u billi kulma jmur qed ikomplu jissiġillaw aktar il-fruntieri esterni kontra l-migranti u r-refuġjati, mingħajr ma jipprovdu possibiltajiet ta' aċċess sikur u legali lejn l-UE; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għaldaqstant qed jonqsu milli jagħtu rispons adegwat għall-kriżi tar-rifuġjati fil-viċinat tal-UE; billi minħabba l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tat-Turkija l-ftehim UE-Turkija dwar il-migrazzjoni effettivament huwa ksur tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra;
M. billi s-"sanzjonijiet ekonomiċi" imposti b'mod unilaterali fuq is-Sirja mill-Istati Uniti u l-UE huma l-aktar reġimi ta' sanzjonijiet ikkumplikati u estensivi li qatt ġew infurzati; billi dawn is-sanzjonijiet għandhom impatt diżastruż fuq il-popolazzjoni ċivili u jxekklu l-għajnuna umanitarja; billi r-rapport tan-NU dwar l-Impatt Umanitarju tal-Miżuri Restrittivi Unilaterali Relatati mas-Sirja jitlob rieżami ta' dawn il-politiki ta' sanzjoni;
N. billi l-kunflitt fis-Sirja qed ikompli jiddeterjora b'riżultat tal-indħil ta' setgħat reġjonali u internazzjonali barranin; billi l-gwerra qed toħloq taħlita frammentata ta' reġjuni segregati u f'kompetizzjoni bejniethom immexxija minn gruppi armati differenti, u qed tippermettu lil gruppi terroristiċi bħalma huma l-ISIS/Da'esh jiffjorixxu; billi l-Istati Uniti, it-Turkija u pajjiżi oħra bbumbardjaw lis-Sirja bi ksur tad-dritt internazzjonali;
1. Itenni jesprimi d-dieqa serja tiegħu minħabba s-severità kontinwa tas-sitwazzjoni umanitarja devastanti fis-Sirja, inkluż fil-Lvant ta' Ghouta, fil-Governorat ta' Idlib, fil-Governorat tat-Tramuntana ta' Hama, Rukhban u Raqqa, u minħabba l-fatt li l-għajnuna umanitarja urġenti, inkluża l-għajnuna medika, issa hija meħtieġa minn aktar minn 13.1-il miljun ruħ fis-Sirja, li minnhom 6.1 miljun ruħ huma spostati internament, 2.5 miljuni, inklużi rifuġjati Palestinjani, jgħixu f'żoni li diffiċli jintlaħqu, u mijiet ta' eluf huma persuni ċivili maqbuda fiż-żoni assedjati;
2. Jesprimi għadab għal-livelli inaċċettabbli ta' vjolenza li qed jintensifikaw f'diversi partijiet tal-pajjiż, b'mod partikolari fil-Governorat ta' Idlib u fil-Lvant ta' Ghouta, iżda wkoll fil-belt ta' Damasku, u għall-attakki kontra l-popolazzjoni ċivili, l-oġġetti ċivili u l-faċilitajiet mediċi, li qed ikomplu jħarrxu t-tbatija u jispostjaw għadd kbir ta' nies; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-obbligi legali tal-partijiet kollha skont id-dritt umanitarju internazzjonali u skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll id-deċiżjonijiet rilevanti kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà, b'mod speċjali biex jitwaqqfu l-attakki kollha kontra l-persuni ċivili u l-oġġetti ċivili, inklużi dawk li jinvolvu attakki fuq skejjel u fuq faċilitajiet mediċi;
3. Jenfasizza li s-sitwazzjoni umanitarja se tkompli tiddeterjora aktar fin-nuqqas ta' soluzzjoni politika għall-kunflitt Sirjan f'konformità mar-riżoluzzjoni 2254 (2015); jistieden lill-partijiet kollha jagħmlu progress f'dan ir-rigward, u jieħdu miżuri għall-bini tal-fiduċja, inkluż ir-rilaxx bikri ta' kull persuna detenuta b'mod arbitrarju, b'mod partikolari nisa u tfal;
4. Jenfasizza li sabiex tintemm il-gwerra u tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitti, jeħtieġ li jkun hemm djalogu mal-elementi kollha tas-soċjetà Sirjana, mingħajr ma jkun eskluż ħadd; ifakkar lill-istituzzjonijiet tal-UE li ċ-ċaħda ta' djalogu ma' kwalunkwe waħda mill-partijiet ta' kunflitt hija inkompatibbli mal-ambizzjoni li ssir medjazzjoni f'kunflitt;
5. Jirrifjuta mingħajr riżervi l-idea li tista' tinstab soluzzjoni fit-tul għall-kunflitt Sirjan abbażi ta' azzjoni militari; jistieden lill-partijiet biex b'urġenza jġeddu l-impenn tagħhom favur soluzzjoni politika u jagħmlu progress fit-taħdidiet ta' Ġinevra taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti; jappoġġa b'saħħa d-djalogu politiku paċifiku u l-ħtieġa ta' proċess immexxi mis-Sirjani li jissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi u r-rieda tas-sezzjonijiet kollha tal-poplu Sirjan;
6. Jitlob li l-partijiet kollha jieqfu mill-ġlied mingħajr dewmien, u minnufih jintrabtu li jirrispettaw b'mod sħiħ u komprensiv dan ir-rekwiżit;
7. Jikkundanna lill-partijiet kollha fil-kunflitt li jiksru l-waqfien mill-ġlied miftiehem fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
8. Jappella lill-Istati Membri kollha tan-NU jużaw l-influwenza tagħhom mal-partijiet biex jiżguraw il-waqfien mill-ġlied u t-twettiq għalkollox tal-impenji eżistenti, u jappoġġaw l-isforzi biex jinħolqu kundizzjonijiet għal waqfien mill-ġlied sostenibbli u dejjiemi; jenfasizza l-ħtieġa ta' garanziji rilevanti minn dawk l-Istati Membri;
9. Jitlob li l-partijiet kollha jippermettu aċċess sikur, mingħajr xkiel u kostanti għall-konvojs umanitarji tan-NU u għas-sħab eżekuttivi tagħha, inklużi l-provvisti mediċi u kirurġiċi, għaż-żoni u l-komunitajiet kollha mitluba; jitlob b'insistenza li l-partijiet kollha jippermettu lin-NU u lis-sħab eżekuttivi tagħha jwettqu evakwazzjonijiet mediċi sikuri u mingħajr kundizzjonijiet, ibbażati fuq il-ħtieġa medika u l-urġenza, soġġetti għal valutazzjonijiet standard tas-sigurtà tan-NU;
10. Jitlob b'insistenza l-waqfien tal-ħtif ta' persuni ċivili mill-gruppi terroristiċi, u jitlob lill-partijiet kollha jippermettu t-twassil tal-għajnuna umanitarja, inkluża l-għajnuna medika, speċifikament fil-Lvant ta' Ghouta, f'Yarmuk f'Foua u f'Kefraya;
11. Jappella biex l-azzjoni umanitarja fir-rigward tat-tneħħija tal-mini tiġi aċċelerata fis-Sirja kollha bħala kwistjoni ta' urġenza;
12. Jappoġġja bil-qawwa l-integrità territorjali tas-Sirja u d-dritt tal-poplu Sirjan li jiddetermina l-ġejjieni tiegħu mingħajr indħil barrani; jesprimi tħassib minħabba li taħditiet ta' paċi suċċessivi mmexxija min-NU ma wasslux għal ftehim li jġib il-gwerra fi tmiemha ;
13. Jenfasizza l-fatt li l-kunflitt kompla jiħrax bil-kummerċ u l-forniment tal-armi; jikkundanna bil-qawwa r-rwol li d-diversi interventi tal-Punent ta' dawn l-aħħar snin wettqu fit-trawwim tar-radikalizzazzjoni tal-individwi, speċjalment fil-Lvant Nofsani u fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar; jenfasizza li dawn il-politiki qed jippromwovu - u mhux jikkumbattu - it-terroriżmu, u għaldaqstant għandhom jiġu abbandunati; jappella li jiġi stabbilit embargo tal-armi fil-qafas reġjonali tal-UE sabiex ma jitħalliex li jerġa' aktar armi Ewropej jispiċċaw f'idejn it-terroristi; jemmen li l-esportazzjonijiet lejn l-Arabja Sawdija jiksru l-leġiżlazzjoni tal-UE, minħabba l-involviment tal-pajjiż fi ksur serju tad-dritt umanitarju, kif stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti tan-NU; itenni t-talba tiegħu mis-26 ta' Frar 2016 rigward il-bżonn urġenti li jiġi impost embargo fuq l-armi lill-Arabja Sawdija;
14. Jikkundanna bil-qawwa l-appoġġ dirett jew mhux dirett (fil-forma ta' finanzjament, armi, taħriġ, eċċ.) li l-Istati Uniti, l-UE, it-Turkija u l-monarkiji tar-reġjun tal-Golf kienu qed jipprovdu lill-gruppi terroristiċi; jistieden b'mod partikolari lill-Istati Uniti, lill-Istati Membri tal-UE u lill-atturi reġjonali, b'mod speċjali lill-Arabja Sawdija u lit-Turkija, jieqfu jiffinanzjaw lill-milizzji kollha u, b'mod aktar speċifiku, jieqfu jixtru ż-żejt minn meded tal-bjar taż-żejt ikkontrollati mill-ISIS/Da'esh u li jiġi ttrasportat bit-trakkijiet minn ġot-Turkija, kif żvelat minn rapporti mressqa quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jemmen li huma meħtieġa mekkaniżmi biex jitwaqqaf il-finanzjament tat-terroriżmu permezz ta' entitajiet lil hinn mill-kosta li jinvolvu stati u istituzzjonijiet finanzjarji, u biex jitwaqqaf it-traffikar tal-armi u x-xiri u l-bejgħ ta' riżorsi tal-enerġija u materja prima li minnhom jibbenefikaw il-gruppi terroristiċi;
15. Jikkundanna l-vjolazzjonijiet tas-sovranità Sirjana min-naħa ta' Iżrael, li saru ħaġa permanenti bl-okkupazzjoni tal-Għoljiet tal-Golan;
16. Jesprimi tħassib serju dwar l-intervent tat-Turkija f'żoni tas-Sirja li huma kkontrollati minn forzi Kurdi, speċjalment fir-Reġjun ta' Afrin; jappella bil-qawwa lit-Turkija biex ma tkomplix tittrasferixxi l-ġlieda illegali u vjolenti kontra l-popolazzjoni Kurda fit-Turkija lejn żoni abitati minn nies Kurdi fis-Sirja u l-Iraq; jikkundanna r-ripressjoni min-naħa tat-Turkija kontra l-popolazzjoni Kurda u l-indħil tagħha fil-gwerra tas-Sirja, kif ukoll l-appoġġ li hija tagħti lill-gruppi terroristiċi billi ma tieħu l-ebda azzjoni fil-fruntieri permeabbli tagħha;
17. Itenni li t-terroriżmu jista' jinqered biss billi jiġu indirizzati l-għeruq tiegħu, jiġifieri l-faqar, l-isfruttament u l-fatt li s-soċjetà mhix kapaċi tindirizza l-bżonnijiet tan-nies; jemmen li l-akbar rispett għall-indipendenza, għas-sovranità u għall-integrità territorjali ta' stati bħalma hi s-Sirja, kif ukoll ir-rispett għan-natura multikulturali tas-soċjetajiet tagħhom, jikkostitwixxu l-uniku mezz biex jiġi pprevenut it-tixrid tal-ideoloġija terrorista;
18. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-armi kimiċi fil-gwerra fis-Sirja; jitlob b'insistenza li ssir investigazzjoni indipendenti, inkluż permezz ta' preżenza fuq il-post, biex tiġi determinata l-oriġini vera ta' dawn l-attakki; jinnota l-proċess ta' diżarm kimiku Sirjani li twettaq taħt is-sorveljanza tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) u bil-medjazzjoni tal-Istati Uniti u tar-Russja;
19. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jagħtu lir-rifuġjati Sirjani protezzjoni u għajnuna umanitarja; jikkundanna ċ-ċaħda de facto ta' protezzjoni internazzjonali lis-Sirjani fl-Unjoni Ewropea permezz tad-dħul fis-seħħ tad-dikjarazzjoni tal-UE-Turkija li bis-saħħa tagħha "Il-migranti irregolari ġodda kollha li jaqsmu mit-Turkija lejn il-gżejjer Griegi sa mill-20 ta' Marzu 2016 ser jiġu ritornati lit-Turkija" fuq il-bażi li t-Turkija hija meqjusa bħala pajjiż terz sigur, ħaġa li din il-Kamra tiċħad; ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom responsabilità fil-konfront tar-rifuġjati u tal-immigranti li qed jaħarbu mill-gwerra, mill-kaos, mill-miżerja ekonomika, mill-ġuħ u mill-mewt u li qed ibatu minħabba l-politiki ekonomiċi neoliberali globali;
20. Jappella lill-ambaxxati u lill-uffiċċji konsulari tal-UE biex joħorġu minnufih viżi umanitarji lil dawk mis-Sirja li jfittxu l-asil, u biex isibu modi sikuri u legali għall-asil – xi ħaġa li l-arranġament UE-Turkija jiċħad – u għall-infurzar tal-impenji internazzjonali meħuda mill-UE u l-Istati Membri tagħha rigward il-migrazzjoni, jiġifieri permezz ta' programmi ta' risistemazzjoni fil-livell tal-UE; jappella għal kooperazzjoni sħiħa mill-Istati Membri kollha tal-UE li qed jipparteċipaw f'dawn il-programmi; jenfasizza li, fil-kuntest ta' djalogu inklużiv u kredibbli, il-poplu Sirjan jenħtieġ li jiddetermina l-proċessi u l-mekkaniżmi xierqa biex jikseb il-ġustizzja, ir-rikonċiljazzjoni, il-verità u l-obbligu ta' rendikont għall-vjolazzjonijiet u l-abbużi gravi tad-dritt internazzjonali, kif ukoll ir-riparazzjonijiet u r-rimedji effikaċi għall-vittmi;
21. Jiddeplora l-effetti diżastrużi tal-miżuri restrittivi unilaterali għall-popolazzjoni ċivili; iħeġġeġ lill-Kunsill itemm minnufih is-sanzjonijiet ekonomiċi kollha li hemm kontra s-Sirja, li ntwera li jolqtu l-aktar lill-popolazzjoni ċivili;
22. Jappella lill-UE tappoġġa l-proċess ta' rikonċiljazzjoni Sirjan u l-isforzi li rnexxielhom iġibu l-paċi f'żoni li jkopru aktar minn 3 miljun ċittadin, kif ukoll ir-rilokazzjoni tal-ġellieda terroristi lejn ir-reġjun ta' Idlib, u aktar minn 100 000 amnestija għal dawk li kienu terroristi biex ikunu jistgħu jerġgħu lura għan-normalità u jintegraw lura fil-ħajja ċivili;
23. Jitlob li l-UE, f'koordinazzjoni mal-awtoritajiet Sirjani, tikkontribwixxi b'mod attiv għar-rikostruzzjoni tas-Sirja, billi tinvolvi ruħha fl-ippjanar ta' wara l-kunflitt, li huwa l-qofol tal-istrateġija għas-Sirja, u billi tiffoka fuq l-għajnuna fir-rikostruzzjoni, fuq il-ħolqien ta' impjiegi u opportunitajiet ta' negozju, fuq l-edukazzjoni u l-appoġġ psikosoċjali għat-tfal u ż-żgħażagħ Sirjani, u fuq il-promozzjoni tal-aċċess indaqs għall-edukazzjoni għall-bniet; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament mill-qrib fl-ippjanar strateġiku għal dawn l-azzjonijiet;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-presidenti tal-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran, u lil-Lega tal-Istati Għarab.