Dokument ta' sessjoni

 

A7-0094/2011

28.3.2011

RAPPORT

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew

(C7‑0212/2010 – 2010/2143(DEC) )

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Ville Itälä

PR_DEC_EP

WERREJ

Paġna

 

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW.....................................3

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...............................5

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................34

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew

(C7‑0212/2010 – 2010/2143(DEC) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009[1],

–   wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 ( SEC(2010)0963 – C7-0212/2010)[2],

–   wara li kkunsidra r-rapport dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima I - Il-Parlament Ewropew[3],

–   wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Awditur Intern għall-2009,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[4],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[5],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 272(10) u 275 tat-Trattat KE, l-Artikoli 314(10) u 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 179(a) tat-Trattat Euratom,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[6] (ir-Regolament Finanzjarju), u b'mod partikulari l-Artikoli 145, 146 u 147 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tar-Regoli Interni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament Ewropew[7],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 147(1) tar-Regolament Finanzjarju, skont liema artikolu kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha tieħu l-passi kollha xierqa biex taġixxi fuq il-kummenti li jakkompanjaw id-deċiżjoni ta' kwittanza tal-Parlament Ewopew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar l-orjentazzjonijiet għall-proċedura baġitarja 2009 - Sezzjonijiet I, II, IV, V, VI, VII, VIII u IX[8],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar l-estimi tad-dħul u n-nefqa tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2009[9],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 77 u 80(3) u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar il-Kontroll Baġitarju ( A7-0094/2011 ),

A. billi l-verifika tal-Qorti tal-Awdituri ddikjarat li, fir-rigward tan-nefqa amministrattiva tal-2009, l-istituzzjonijiet kollha implimentaw b’mod sodisfaċenti s-sistemi ta’ sorveljanza u ta' kontroll meħtieġa mir-Regolament Finanzjarju u t-tranżazzjonijiet ittestjati kienu ħielsa minn żbalji materjali[10],

B.  billi, fit-2 ta' Lulju 2009, is-Segretarju Ġenerali ċċertifika li għandu assigurazzjoni raġjonevoli li l-baġit tal-Parlament Ewropew ġie implimentat b'konformità mal-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja soda u li l-qafas ta' kontroll li ġie applikat jagħti l-garanziji meħtieġa tal-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet sottostanti;

1.  Jagħti l-kwittanza lill-President tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2009;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima I – Il-Parlament Ewropew

(C7‑0212/2010 – 2010/2143(DEC) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009[11],

–   wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 ( SEC(2010)0963 – C7-0212/2010)[12],

–   wara li kkunsidra r-rapport dwar l-amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima I - Il-Parlament Ewropew[13],

–   wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Awditur Intern għall-2009,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[14],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[15],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 272(10) u 275 tat-Trattat KE, l-Artikoli 314(10) u 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 179(a) tat-Trattat Euratom,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[16] (ir-Regolament Finanzjarju), u b'mod partikulari l-Artikoli 145, 146 u 147 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tar-Regoli Interni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament Ewropew[17],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 147(1) tar-Regolament Finanzjarju, skont liema artikolu kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha tieħu l-passi kollha xierqa biex taġixxi fuq il-kummenti li jakkompanjaw id-deċiżjoni ta' kwittanza tal-Parlament Ewopew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar l-orjentazzjonijiet għall-proċedura baġitarja 2009 - Sezzjonijiet I, II, IV, V, VI, VII, VIII u IX[18],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar l-estimi tad-dħul u n-nefqa tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2009[19],

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 77 u 80(3) u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar il-Kontroll Baġitarju ( A7-0094/2011 ),

A. billi l-verifika tal-Qorti tal-Awdituri ddikjarat li, fir-rigward tan-nefqa amministrattiva tal-2009, l-istituzzjonijiet kollha implimentaw b’mod sodisfaċenti s-sistemi ta’ sorveljanza u ta' kontroll meħtieġa mir-Regolament Finanzjarju u t-tranżazzjonijiet ittestjati kienu ħielsa minn żbalji materjali[20],

B.  billi, fit-2 ta' Lulju 2009, is-Segretarju Ġenerali ċċertifika li għandu assigurazzjoni raġjonevoli li l-baġit tal-Parlament Ewropew ġie implimentat b'konformità mal-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja soda u li l-qafas ta' kontroll li ġie applikat jagħti l-garanziji meħtieġa tal-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet sottostanti;

Bidliet kbar fil-ġestjoni baġitarja tal-Parlament matul l-2009

1. Jirrikonoxxi li s-sitwazzjoni finanzjarja attwali teħtieġ li l-Parlament, flimkien mal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, isib l-aktar modi kosteffikaċi kif juża r-riżorsi finanzjari u tal-persunal, inkluż iffrankar possibbli, kif ukoll għodod u metodi elettroniċi, biex jipprovdi servizzi effiċjenti;

2. Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010[21], dwar il-kwittanza lill-Parlament għas-sena finanzjarja 2008, il-Parlament iddeplora n-numru kbir (88 minn 452) u l-proporzjon sinifikanti ta' azzjonijiet pendenti fir-rigward tal-verifika mwettqa mill-Awditur Intern dwar il-qafas ta' kontroll intern; jinnota b'sodisfazzjon it-tweġibiet tas-Segretarju Ġenerali għall-kwestjonarju tal-kwittanza, skont liema tweġibiet, fl-opinjoni tad-Diretturi Ġenerali, sar progress konsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-punti ta' azzjoni adottati minnhom; sal-aħħar tal-2010 kkunsidraw li 51 azzjoni kienet ġiet implimentata għalkollox (inkluż l-4 azzjonijiet kritiċi li huma), li 31 azzjoni kienet ġiet implimentata parzjalment, filwaqt li għal 6 azzjonijiet il-parti l-kbira tax-xogħol kienet għadha trid issir; jitlob madankollu li l-valutazzjoni u l-validazzjoni mill-Awditur Intern ta' dawn il-valutazzjonijiet tiġi inkluża fir-rapport annwali li ġej tiegħu; jitlob ukoll lis-Segretarju Ġenerali jirrapporta lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kull sitt xhur dwar l-azzjonijiet kollha pendenti;

3. Ifakkar li d-DĠ ITEC kien l-aktar wieħed ikkonċernat, bi 22 azzjoni miftuħa; jinnota b'sodisfazzjon li, skont l-Awditur Intern, id-Direttorat għat-Teknoloġija tal-Informatika f'DĠ ITEC implimenta 19 mit-22 azzjoni miftuħa u, fil-proċess, għamel progress sinifikanti fl-iżvilupp tal-qafas ta' kontroll tiegħu; iħeġġeġ lid-Direttorati Ġenerali tiegħu kollha kkonċernati biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex itejbu l-proċeduri ta' ġestjoni u ta' kontroll rispettivi tagħhom; jistieden lill-Awditur Intern sabiex jistabbilixxi skedi ta’ żmien aktar stretti dwar l-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati;

4. Jinnota li l-2009 kienet l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-Istatut għall-Assistenti Parlamentari Akkreditati; josserva ċertu numru ta' problemi inizjali bil-miżuri implimentattivi għall-Istatut għall-Assistenti, iżda madankollu jilqa' l-fatt li Grupp Temporanju ta' Valutazzjoni dwar l-Istatuti għall-Membri u għall-Assistenti, imwaqqaf fi ħdan il-Bureau, ippropona emendi għall-miżuri implimentattivi għall-Istatut għall-Membri rigward (i) l-ivvjaġġar tal-Membri, (ii) l-assigurazzjoni kontra l-mard u r-rimborż tal-ispejjeż mediċi tal-Membri, (iii) l-ivvjaġġar minn assistenti fuq missjonijiet, (iv) it-tul ta' żmien u t-tiġdid tal-kuntratti tal-assistenti, (v) it-taħriġ professjonali tal-assistenti u (vi) regoli dwar l-apprendisti tal-Membri, kif ukoll emendi oħrajn għall-Istatut għall-Assistenti, b'mod partikolari rigward (i) l-użu tal-assistenza parlamentari u l-allowances għall-infiq ġenerali, (ii) l-aġenti paganti u (iii) r-reviżjoni tal-proċedura tal-ilmenti u tal-appelli għall-Membri; jenfasizza li dawn l-emendi għandhom jiġu implimentati mhux aktar tard mit-30 ta' Novembru 2011;

5. Josserva li r-regoli attwali għall-ħlas tal-Allowance għan-Nefqa Ġenerali, li jgħidu li l-flus għandhom jidħlu fil-kont bankarju personali tal-Membru iżda li ma jesiġux prova tan-nefqa, wasslu għall-ħolqien ta’ diviżjoni bejn dawk il-Membri li jagħtu rendikont sħiħ tan-nefqa u jippubblikaw id-dettalji tagħha u dawk li ma jadottawx tali proċeduri trasparenti u li, konsegwentament,jirriskjaw li jiġu akkużati li proporzjon tal-allowance qed jiġi użat biex jissupplimenta d-dħul personali tagħhom; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jipproponi arranġamenti biex jiżgura li l-ispejjeż tal-allowance ikunu trasparenti fil-każijiet kollha u jintużaw għall-għanijiet maħsuba;

6. Jinnota ż-żieda sinifikanti fl-ammont ta' xogħol irreġistrata mill-amministrazzjoni, relatata mad-dħul fis-seħħ tal-Istatuti l-ġodda; jinnota bi tħassib il-proċedura aktar ikkumplikata għall-missjonijiet tal-assistenti akkreditati 'l barra mit-tliet postijiet tax-xogħol u jqis li, minkejja żieda sinifikanti fil-persunal, hemm numru insuffiċjenti ta' membri tal-persunal li huma fis-servizz tal-Membri u fis-servizzi li jittrattaw l-assistenti u jitlob, għalhekk, li l-amministrazzjoni tqassam mill-ġdid il-persunal addizzjonali biex wieħed ilaħħaq mal-ammont akbar ta' xogħol; jitlob, barra minn hekk, li ssir valutazzjoni komprensiva li tkopri t-tibdil fil-persunal kif ukoll l-iżvilupp tan-nefqa fl-oqsma kollha kkonċernati, u li tiġi mgħoddija lill-kumitati kompetenti tiegħu sat-30 ta' Settembru 2011, dwar l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni taż-żewġ Statuti wara l-ewwel sena sħiħa ta' implimentazzjoni tagħhom, flimkien ma' pjan ta' azzjoni u valutazzjoni tal-implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit tal-Parlament, inklużi d-dispożizzjonijiet li jridu jsiru għal spazju addizzjonali possibbli f'uffiċċji;

7. Jinnota b'sodisfazzjon it-titjib fil-ġestjoni tas-servizzi tal-Parlament; jilqa' bi pjaċir, b'mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Bureau tal-1 ta' April 2009 dwar ir-ristrutturar, mill-1 ta' Jannar 2010, tad-Direttorat Ġenerali għall-Persunal u dwar ir-ristrutturar u t-tisħiħ tad-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika biex ikun jista' jibda l-ħidma immedjatament fuq it-titjib tal-manutenzjoni tal-bini tal-Parlament;

8. Jinnota l-adozzjoni mill-Bureau fl-24 ta' Marzu 2010 tal-istrateġija tant mistennija għal perjodu medju ta' żmien fis-setturi tal-IT u tal-bin u jistenna li l-istrateġija tal-bini tkun suġġetta għal kooperazzjoni interistituzzjonali mtejba u li l-organizzazzjonijiet tal-abitati lokali jiġu kkonsultati fuq bażi regolari;

9. Jinnota b'mod speċjali l-politika fuq perjodu medju u twil ta' żmien għall-proprjetà (l-istrateġija tal-bini), li tqis iż-żieda fir-responsabilitajiet tal-Parlament skont it-Trattat ta' Lisbona, ir-regoli li jirregolaw l-allokazzjoni tal-ispazju, il-ħtieġa ta' akkomodazzjoni għal ċertu persunal estern u l-ħtieġa ta' manutenzjoni/rinnovazzjoni tal-bini; barra minn dan, jitlob rapport iddettaljat dwar il-ħtiġijiet ta’ akkomondazzjoni fil-ġejjieni u mnejn dawn il-ħtiġijiet jistgħu jiġu ffinanzjati; jistieden barra minn hekk lis-Segretarju Ġenerali biex jagħmel negozjati mal-awtoritajiet Belġjani bil-għan li jitnaqqas il-perċentwal żejjed (33%) li għandu jitħallas f’każ li l-Parlament jixtri proprjetà tal-“Istat”;

10. Jinnota b'sodisfazzjon it-titjib fil-governanza tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) tal-Parlament, l-użu ġeneralizzat previst tas-softwer b'sors miftuħ u l-fatt li ġie rikonoxxut l-iżvilupp tal-IT biex jappoġġa kemm il-proċess tal-akkwisti kif ukoll il-ġestjoni tal-kuntratti fl-Istrateġija tal-ICT adottata dan l-aħħar, kif ukoll il-ħtieġa ta':

- speċifikazzjonijiet ċari fil-bidu tal-proġetti;

- sistema komprensiva ta' informazzjoni dwar il-ġestjoni;

- l-evitar ta' esternalizzazzjoni eċċessiva tas-servizzi tal-ICT;

- separazzjoni aktar ċara tad-dmirijiet fl-oqsma tal-iżvilupp u tal-manutenzjoni; kif ukoll

- riżorsi addizzjonali f'DĠ ITEC biex ikun hemm kontroll aktar strett tal-proġetti;

L-isfidi ewlenin li jibqa'

Is-sigurtà

11. Jikkundanna t-tielet serqa konsekuttiva f’dak li għandu jkun il-bini sikur tal-Parlament; ma japprova xejn in-nuqqasijiet evidenti fis-sigurtà tal-Parlament; jistieden lill-amministrazzjoni titrasferixxi l-maniġer responsabbli f'kariga li tinvolvi kompiti ġodda;

12. Iqis li huwa sorprendenti li madwar 900 persuna jaħdmu fis-servizzi tas-sigurtà tal-Parlament, il-parti l-kbira minnhom bħala persunal kuntrattwali estern, u jindika wkoll iż-żieda konsistenti fl-ispejjeż totali tas-sigurtà (madwar EUR 43 000 000 fl-2009); jitlob, fid-dawl tal-inċidenti riċenti ta' sigurtà, reviżjoni sħiħa ta' dawn is-servizzi biex tiżdied l-effiċjenza tagħhom; jissuġġerixxi b'mod qawwi li ż-żewġ kuntratti ewlenin għas-servizzi tas-sigurtà, kemm fiżiċi kif ukoll tekniċi, ma jiġux konklużi mal-istess kumpanija kif inhu l-każ bħalissa;

13. Jilqa' f'dan ir-rigward it-twaqqif, mill-1 ta' Jannar 2010, ta' Direttorat ġdid inkarigat mis-Sigurtà u jitlob lid-Direttorat stabbilit dan l-aħħar biex iwettaq eżami dettaljat tal-politika ta' sigurtà tal-Parlament u jaħdem fuq proposti biex jiġu adotatti soluzzjonijiet ta' sigurtà għall-Parlament li jkunu aktar orjentati lejn it-teknoloġija u orħos, u li jirriżultaw f'iffrankar konsiderevoli f'termini ta' persunal u jixtieq jiġi infurmat dwar il-progress li jkun sar;

14. Iqis li l-politika l-ġdida tas-sigurtà għandu jkollha l-għan li ssib bilanċ li jkun kosteffikaċi bejn il-persunal intern u l-aġenti esterni u bejn il-preokkupazzjonijiet tas-sigurtà minn naħa minnhom, u l-aċċessibilità u l-ftuħ min-naħa l-oħra, biex il-Parlament ikun jista' jibqa', kemm jista' jkun, istituzzjoni miftuħa u aċċessibbli; jenfasizza li aktar sorveljanza bil-vidjo mhuwiex il-mod mixtieq kif wieħed jimxi 'l quddiem;

15. Jinnota li llum il-ġurnata wieħed mill-punti dgħajfa fis-sigurtà tal-Parlament huwa li l-Membri jistgħu jidħlu u joħorġu mill-bini mingħajr ma jissottomettu l-badges tagħhom għal kontroll elettroniku; jemmen li għandu jkun mandatorju għall-Membri li juru l-badges tagħhom meta jidħlu u joħorġu mill-Parlament;

16. Josserva li l-arranġamenti għall-iffirmar tal-viżitaturi tal-Membri huma bil-mod u kkumplikati meta mqabbla ma’ dawk tal-Kummissjoni Ewropea u dawk ta' ħafna parlamenti nazzjonali, fejn is-sigurtà hija ta’ importanza ugwali, u li dan jirriżulta f’dewmien mhux meħtieġ u inkonvenjenzi għall-viżitaturi, għall-Membri u għall-assistenti tagħhom; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jistudja l-prattiki tal-parlamenti fi bnadi oħra u, sussegwentament, jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ proċeduri mtejba;

17. Jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġija ċara tas-sigurtà li toffri servizz tas-sigurtà intelliġenti, modern u mill-aktar avvanzati b'dawn l-elementi possibbli:

i)  firma elettronika għall-Membri (minflok is-sistema attwali arkajka u li tiswa ħafna flus ta' firem fuq karta bid-data mdaħħla manwalment mill-persunal), filwaqt li jiġi żgurat li s-sistema l-ġdida ma tagħtix lok għal abbuż; jitlob għalhekk lis-Segretarju Ġenerali iressaq sat-30 ta' Settembru 2011 proposti differenti għal sistema ta' ffirmar aktar effikaċi li jkunu jinkludu kunsiderazzjonijiet dwar is-sigħat tal-ftuħ għall-iffirmar;

ii)  soluzzjonijiet tekniċi li jippermettu lill-persunal tas-sigurtà jittrattaw b'mod effiċjenti s-sitwazzjonijiet ta' emerġenza billi jipprovdulhom data affidabbli dwar in-numru u l-identità tal-persuni preżenti fil-bini tal-Parlament;

iii)  pjan aġġornat għall-ġestjoni tal-kriżijiet;

iv)  sistema internalizzata ta' akkreditazzjoni għall-viżitaturi, biex jingħata servizz imtejjeb u konsistenti;

18. Jinnota l-kwantità kbira ta' kameras installati fit-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament[22]; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sat-30 ta' Ġunju 2011 b'informazzjoni dettaljata li tispeċifika:

i)  kif jintużaw ir-reġistrazzjonijiet tal-vidjo;

ii)  kif u għal kemm żmien jinħażnu

iii) min għandu aċċess għar-reġistrazzjonijiet; kif ukoll

iv) jekk il-ħafna kameras u s-sorveljanza bil-vidjos għenux biex jiġu evitati, jinqabdu jew jiġu solvuti l-każijiet ta' serq jew b’mod ġenerali kif għenu biex jiżdied il-livell ta' sigurtà fil-Parlament;

19. Jinnota bi tħassib id-diffikultajiet li qed jiżdiedu u li qed jesperjenzaw il-Membri u l-persunal fit-twettiq ta' ħidmiethom, ikkawżati minn numri kbar ta' gruppi ta' viżitaturi li jidħlu fil-bini tal-Parlament fil-postijiet fejn isir ix-xogħol, u li ma kinux oriġinarjament maħsuba għall-viżitaturi; jitlob lill-Kwesturi japplikaw ir-regoli rilevanti b'mod aktar strett, speċjalment għall-perjodi meta jkun hemm ammont kbir ta' xogħol;

20. Jiddeplora n-nuqqas ta' sigurtà fil-viċinanzi tal-Parlament u huwa tal-opinjoni li kooperazzjoni u komunikazzjoni mtejba mal-forzi tal-pulizija lokali twassal għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet biex jaslu għal ftehim mal-awtoritajiet Belġjani dwar it-tijib tas-sigurtà fid-distrett tal-UE fi Brussell billi inter alia jintensifikaw ir-rondi tal-pulizija;

Rotazzjoni tal-impjiegi

21. Jitlob informazzjoni dwar kwalunkwe derogi mill-prattiki komuni tar-rotazzjoni tal-impjegi, mhux aktar tard minn wara seba’ snin fl-istess impjieg, tal-persunal, u partikularment persuni f'hekk imsejħa "pożizzjonijiet sensittivi";

Internalizzazzjoni vs. Esternalizzazzjoni

22. Jinnota bi tħassib kbir in-numru għoli (madwar 900) ta' membri esterni tal-persunal li huma akkomodati fl-uffiċċji tal-Parlament; huwa tal-fehma li l-ħtieġa ta' akkomodazzjoni bħal din għandha tinkiteb fl-ispeċifikazzjonijiet oriġinali u li s-servizzi għandhom jiġġustifikaw kif xieraq għalfejn jeħtieġu li jkollhom esperti esterni tal-IT jew tal-bini fil-post; huwa tal-opinjoni li għandu jsir użu akbar minn uffiċċji fi spazju miftuħ;

23. Jiddeplora d-dipendenza żejda fuq il-ħila esperta (teknika) esterna, speċjalment fis-setturi tal-IT u tal-bini li ġejja minn żbilanċi strutturali bejn ir-riżorsi interni u esterni u jitlob li jinstab bilanċ kosteffikaċi bejn il-ħila esperta interna u esterna f'kull qasam tal-attività parlamentari; għaldaqstant jikkunsidra li għandha ssir analiżi kost-benefiċċju biex tinforma d-deċiżjonijiet rigward it-tħaddim ta’ esperti esterni;

Il-politika tal-bini

24. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata, internament, il-ħila esperta ta' kwalità għolja dwar il-proprjetà li hija essenzjali biex jittejbu b'mod sinifikanti l-ippjanar u l-akkwist ta' xirjiet u kirjiet għal perjodi twal ta' żmien tal-bini tal-Parlament fil-ġejjieni; jindika l-importanza kruċjali ta' kooperazzjoni interistituzzjonali mtejba;

25.  Jitlob stima tat-telf li sar mill-bejgħ tal-bini l-antik tal-Parlament fi Brussell lill-Kumitat tar-Reġjuni, filwaqt li jitqies il-prezz għal kull metru kwadrat tal-uffiċċji li attwalment qed jinxtraw jew jinkrew;

26. Jistieden lis-Segretarju Ġenerali, bl-għajnuna ta' DĠ INLO u d-DĠ kollha, iwettaq analiżi dettaljata tal-użu reali tal-bini tal-Parlament u tal-ħtieġa ta' regoli applikabbli għall-kategoriji kollha tal-utenti u jiżviluppa, bi prijorità, bażi ta' data waħda u affidabbli li jkun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-persuni kollha akkomodati fil-bini tal-Parlament; josserva li d-deċiżjoni tal-Bureau dwar il-politika tal-Parlament dwar il-proprjetà għal perjodu medju u twil ta' żmien hija punt ta' tluq tajjeb f'dan ir-rigward; jistieden lil DĠ INLO jimplimenta skrupulożament il-pjan ta' azzjoni li kien hemm qbil dwaru mal-Awditur Intern; jitlob li ssir analiżi komparattiva tal-ispejjeż tal-kapital, tal-ħlas tad-dejn u tal-imgħaxijiet u tal-manutenzjoni għal kull metru kwadrat ta' spazju f'uffiċċji meta mqabbel mal-ispiża attwali tal-kiri tal-ispazju f'uffiċċji fid-"distrett Ewropew" fi Brussell; jitlob li, qabel ma jinxtara kwalunkwe bini ta’ uffiċċji ieħor, il-valur tiegħu għandu jiġi aċċertat permezz ta’analiżi tal-fluss skontat ta' flus;

27. Jinnota li t-tieni crèche fi Brussell huwa proġett prijoritarju u għaldaqstant, jeħtieġ spazju ġdid; jitlob, fil-kuntest ta’ spazju ġdid għal uffiċċji, li jsir studju fost il-Membri biex jġi vvalutat jekk iqisux li għandhom bżonn uffiċċju ieħor għal assistent fir-rigward tal-impjieg ta’ aktar assistenti;

28. Iqis li huwa preferibbli li l-bini tal-Parlament jkunu kemm jista’ jkun qrib xulxin; ifakkar, madankollu, li din il-preferenza hija f’kontradizzjoni mal-fatt li hemm tliet postijiet uffiċjali ta’ ħidma; jenfasizza f’dan il-kuntest li hemm biżżejjed spazju disponibbli ta’ uffiċċji għall-kiri fil-viċinanzi immedjati tal-Parlament Ewropew fi Brussell, li jista’ jissodisfa l-ħtiġijiet tal-ispazju għall-uffiċċji fuq perjodu medju ta' żmien u fl-istess waqt ikun konformi mal-objettivi tal-effiċjenza operattiva u finanzjarja tal-Parlament u mal-objettivi ambjentali;

29. Iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tiegħu tinnegozja ftehim interistituzzjonali mal-Kummissjoni dwar l-arranġamenti finanzjarji għax-xiri ta' "Djar Ewropej" (Uffiċċji tal-Informazzjoni tal-PE), li għandu jinkludi paragrafi ċari dwar it-tnaqqis fl-ispejjeż;

Is-settur tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT)

30. Jilqa' l-approċċ aktar strutturat rigward l-ICT u l-elaborazzjoni ta' strateġija komprensiva f'dan il-qasam; jilqa’ wkoll l-impenn tal-amministrazzjoni tiegħu fit-tweġibiet tagħha għall-kwestjonarju li għandu jniedi studju dwar il-possibilità ta' sostituzzjoni tal-persunal estern;

31. Jenfasizza, fir-rigward tal-proċess ta' żvilupp tal-applikazzjonijiet tal-IT, il-problema strutturali ta' livell għoli ta' dipendenza fuq esperti esterni, xi ħaġa li ġġorr riskji legali u operattivi; jippromwovi għalhekk il-ħtieġa ta' bidliet sinifikanti għas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll fid-Direttorat għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni, inkluż involviment aktar mill-qrib u minn qabel ta' DĠ oħra fl-aspetti kollha tal-iżvilupp tal-applikazzjonijiet, li jistgħu jżidu l-approprjazzjoni mill-utenti tal-eżitu ta' kull proġett u r-responsabilità tagħhom għalih;

32. Jistieden għalhekk lil DĠ ITEC biex skrupulożament jimplimenta l-pjan ta' azzjoni li kien hemm qbil dwaru mal-Awditur Intern u biex jipprova jikseb taħlita adegwata ta' persunal tal-Parlament u riżorsi esterni kif ukoll li jsib bilanċ xieraq bejn l-iżvilupp intern tal-applikazzjonijiet u kuntrattar ibbażat fuq riżultati tanġibbli; jieħu nota tan-nuqqas ta’ kandidati kwalifikati fil-listi tal-EPSO fil-qasam tas-sigurtà tal-IT; jappoġġa wkoll is-suġġeriment li jiġu organizzati b'mod urġenti kompetizzjonijiet separati għal AD7 f'dan il-qasam;

33. Huwa xxukjat bl-ispejjeż enormi tar-roaming tad-data tal-membri tal-istaff li ma jagħtux kas tal-ispejjeż dejjem jiżdiedu meta jkunu fi Strasburgu u f'postijiet oħra barra minn Brussell; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-IT biex toħloq għodda ta’ kontroll li biha jiġu evitati spejjeż estremament għolja billi tiġi identifikata żieda qawwija fi stadju bikri;

34. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, għall-Parlament, l-użu li kulma jmur qed jiżdied ta' kumpaniji esterni għall-implimentazzjoni ta' proġetti tal-IT, minbarra li huwa ta' ħsara finanzjarja, iġorr ir-riskju li l-Parlament jitlef partijiet importanti mill-kompetenzi kif ukoll il-kapaċità tiegħu li jimmaniġġja u jissorvelja l-proġetti mwettqa minn kuntratturi esterni; barra minn hekk, jitlob li d-deċiżjoni li jintużaw kumpaniji esterni tkun ibbażata fuq analiżi tal-kost-benefiċċju; barra minn hekk minħabba r-rwol dejjem jiżdied u l-importanza tal-ICT fix-xogħol tal-Parlament Ewropew, iqis li huwa importanti li jiżdied ir-rwol tal-ġestjoni tal-ICT għal livell ogħla, anke biex tiġi żgurata protezzjoni akbar tas-sigurtà; iħeġġeġ b'mod qawwi sabiex id-DĠ ITEC jipprovdi informazzjoni dwar l-ispejjeż ta' esternalizzazzjoni taċ-ċentri tal-informatika meta mqabbla mal-ispejjeż preċedenti fir-rapport ta' attività tiegħu għall-2010;

Proċeduri negozjati eċċezzjonali

35. Ifakkar fil-fehma tiegħu, espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010, li ż-żieda fin-numru u fil-proporzjon tal-proċeduri negozjati eċċezzjonali rreġistratata bejn l-2007 u l-2008 b'mod ċar tobbliga lill-uffiċjali awtorizzanti jieħdu miżuri biex "ireġġgħu lura x-xejra" u jfakkar ukoll fl-istedina tiegħu lis-Segretarju Ġenerali biex jirrapporta lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit dwar miżuri meħuda qabel l-1 ta' Settembru 2010;

36. Huwa mħasseb dwar il-fatt li qed jara xejra kontinwa 'l fuq fin-numru tal-proċeduri negozjati eċċezzjonali u jtenni t-talba tiegħu lis-Segretarju Ġenerali u lill-Uffiċjali Awtorizzanti b'delega biex jieħdu miżuri effikaċi u effiċjenti biex ireġġgħu lura dik ix-xejra u biex jirrapportaw lill-kumitat kompetenti tiegħu sat-30 ta' Settembru 2011 dwar il-miżuri meħuda; ikompli jħeġġeġ lill-amministrazzjoni tiegħu biex tkompli l-iskrutinju strett ta’ dawn il-proċeduri, partikularment fir-rigward ta’ kunflitti ta’ interess possibbli, u biex jiġu applikati sanzjonijiet intensifikati u disważivi għal kwalunkwe sejba ta’ irregolarità;

Ir-Regoli ta' Proċedura

37. Jinnota li l-organizzazzjoni interna u d-distribuzzjoni tal-poteri bejn l-istrutturi interni tal-Parlament hija definita mir-regoli ta' proċedura tiegħu; jenfasizza li dan huwa element ewlieni fil-proċess demokratiku ta' regolamentazzjoni tajba;

38. Iqis li l-possibilità li jsiru mistoqsijiet bil-miktub lill-istituzzjonijiet l-oħra għandha tiġi mtejba billi jiġu pprovduti formoli xierqa għal kull istituzzjoni kif ukoll billi jiġu adattati r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament;

Rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

39. Jinnota li, fl-2009, il-Parlament irċieva dħul li jammonta għal EUR 141 250 059 (EUR 151 054 374 fl-2008) li kien jinkludi EUR 27 576 932 fi dħul assenjat;

Il-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-Parlament

40. Jinnota ċ-ċifri li fuq il-bażi tagħhom ingħalqu l-kontijiet tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2009, jiġifieri:

 

(a) Approprjazzjonijiet disponibbli (EUR)

approprjazzjonijiet għall-2009:

1 529 970 930

trasferimenti mhux awtomatiċi mis-sena finanzjarja 2008:

8 315 729

trasferimenti awtomatiċi mis-sena finanzjarja 2008:

196 133 738

approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat għall-2009:

27 576 932

trasferimenti li jikkorrispondu għad-dħul assenjat mill-2008:

36 808 922

Total:

1 798 806 251

(b) Użu ta’ approprjazzjonijiet fis-sena finanzjarja 2009 (EUR)

impenji:

1 670 143 804

ħlasijiet li saru:

1 466 075 267

approprjazzjonijiet trasferiti awtomatikament inklużi dawk li ġejjin minn dħul assenjat:

201 826 738

approprjazzjonijiet trasferiti mhux awtomatikament:

10 100 000

approprjazzjonijiet kanċellati:

120 804 246

(c) Dħul tal-baġit (EUR)

li wasal fl-2009:

141 250 059

(d) Il-Karta tal-bilanċ totali fil-31 ta' Diċembru 2009 (EUR)

1 709 216 709

 

41. Iqis li għandha tiżdied kolonna addizzjonali mat-tabella li fiha d-data relevanti għas-sena preċedenti sabiex tingħata trasparenza aħjar u jiġi ffaċilitat it-tqabbil;

 

42. Jinnota b'sodisfazzjon li għall-ewwel darba fl-2009 ma seħħ l-ebda trasferiment ta' ġbir fl-aħħar tas-sena finanzjarja, wara numru ta' snin li fihom il-possibilità tal-ġbir intużat (l-iktar biex jinxtara bini billi jsiru pagamenti bil-quddiem mal-ħlasijiet annwali tal-kiri), xi ħaġa li tissuġġerixxi ppjanar u dixxiplina baġitarji aħjar u li ta' min ifaħħarha; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tiegħu tħaddan dan l-objettiv fil-futur ukoll u tevita, kemm jista' jkun, li tuża t-teknika tal-ġbir;

Id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni mis-Segretarju Ġenerali

43. Jilqa' b'sodisfazzjon d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tat-2 ta' Lulju 2010 fil-kapaċità tiegħu ta' Uffiċjal Awtorizzanti Prinċipali b'delega, fir-rigward tar-rapporti tal-attivitajiet annwali tal-uffiċjali awtorizzanti għall-2009, li fiha ċċertifika li hu għandu assigurazzjoni raġjonevoli li l-baġit tal-Parlament kien implimentat f' konformita' mal-prinċipji ta' amministrazzjoni finanzjarja soda u li l-qafas ta' kontroll li ġie applikat jagħti l-garanziji meħtieġa tal-legalità u r-regularità tal-operazzjonijiet sottostanti;

Ir-rapporti tal-attivitajiet mid-Diretturi Ġenerali

44. Jinnota li bħalissa kull Direttur Ġenerali (Uffiċjal Awtorizzanti b'delega) jipprepara r-Rapport Annwali dwar l-Attività tiegħu stess, u li ma jitfassal u jiġi adottat l-ebda Rapport dwar l-Attività globali għall-Istituzzjoni kollha kemm hi; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jikkunsidra li joħroġ verżjoni li tinqara' aktar faċilment u konsolidata (sommarju) tar-Rapporti Annwali dwar l-Attività għall-proċedura ta' kwittanza tal-2010, kif diġà hu l-każ fl-istituzzjonijiet l-oħra, filwaqt li jiżgura li l-annessi tar-rapporti ma jiġux skenjati iżda uplowdjati b’tali mod li jippermettu t-tiftix bil-komputer; huwa tal-fehma li r-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja huwa distint mis-sinteżi suġġerita tar-rapporti annwali dwar l-attività;

45. Jinnota li l-Artikolu 8(4) sa (7) tar-regoli interni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Parlament jitlob mill-Uffiċjali Awtorizzanti b'delega (AOD) li jirrapportaw lill-uffiċjal awtorizzanti b'delega prinċipali (PAOD) dwar it-twettiq tad-dmirijiet l-oħra tagħhom billi jipprovdu tliet rapporti matul is-sena (wieħed fil-bidu tas-sena finanzjarja, it-tieni wieħed fil-15 ta' Ġunju u t-tielet wieħed fil-15 ta' Ottubru) minbarra r-rapport annwali dwar l-attività prodott għas-sena preċedenti; jippromwovi l-ħtieġa li jitnaqqas il-piż tar-rappurtar bil-ħsieb li jkun hemm simplifikazzjoni, biex id-DĠ jippreparaw verżjoni waħda biss tar-Rapport Annwali tagħhom dwar l-Attività;

46. Jenfasizza madankollu li din is-simplifikazzjoni fl-obbligi tar-rappurtar tal-AOD ma għandhiex taffettwa l-obbligu tagħhom li jżommu lill-PAOD infurmat dwar tranżazzjonijiet sostanzjali li x'aktarx ikollhom implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit u dwar kwalunkwe avveniment sinifikanti li jista' jipperikola l-ġestjoni soda tal-approprjazzjonijiet jew jipprevjeni l-objettivi stabbiliti milli jintlaħqu;

47. Jinnota xi dgħufijiet fir-rappurtar rigward l-Istandards minimi ta' Kontroll Intern fir-rapporti annwali dwar l-attività; jipproponi, biex jittejjeb ir-rappurtar, li jiġu rieżaminati dawn l-istandards u li tiġi stabbilita sistema ta' rappurtar intern integrata;

48. Itenni t-talba tiegħu[23] li s-Segretarju Ġenerali jinforma lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit dwar il-miżuri preċiżi, inklużi l-iskadenzi għall-implimentazzjoni, li jkun ħa jew li jkun se jieħu biex isaħħaħ is-sistema ta' kontroll intern tal-Parlament; ifakkar li l-għoti ta' din l-informazzjoni ilu li kellu jsir mill-31 ta' Diċembru 2010;

49. Jissuġġerixxi li, biex tiżdied it-trasparenza fil-Parlament, id-dikjarazzjonijiet tal-missjonijiet, il-programm ta' ħidma u l-organigramma tal-entitajiet amministrattivi tal-Parlament, inklużi l-unitajiet u s-servizzi, għandhom ikunu disponibbli fuq il-websajt interna tal-Parlament kif diġà hu l-każ fil-Kummissjoni;

50. Jinnota li biex wieħed isir jaf jekk il-flus mid-diversi intestaturi tal-baġit humiex verament mexjin jew kif qed jintużaw, dan jitlob sforzi akbar addizzjonali min-naħa tal-Membri u l-pubbliku; għaldaqstant, sabiex tiżdied it-trasparenza, jipproponi l-ħolqien ta’ għodda li tintuża faċilment fuq l-Internet li turi d-dħul tal-flus mhux biss f’ċifri, iżda wkoll permezz ta’ linji ta’ daqsijiet differenti, li jirriflettu dawn iċ-ċifri u li jagħmlu dawk il-konnessjonijiet meħtieġa minn parteċipant għall-ieħor fil-katina, fid-diversi livelli tal-azzjoni, sabiex dawn il-flussi ta' flus jiġu faċilment rikonoxxuti u kemm jista’ jkun intraċċati għall-aktar livell konkret possibbli tal-użu tal-flus, filwaqt li tiġi kkunsidrata dejjem il-protezzjoni tal-privatezza;

Ir-rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija

51. Jinnota li s-servizzi ċentrali stabbilixxew, fuq il-bażi ta' tagħrif provdut mid-dipartimenti awtorizzanti, ir-rapport annwali[24] lill-awtorità baġitarja dwar kuntratti mogħtija fl-2009 u t-tqassim kif ġej tal-kuntratti kollha mogħtija fl-2009 u fl-2008:

 

Tip ta' kuntratt

2009

2008

Għadd

Persentaġġ

Għadd

Persentaġġ

Servizzi

Provvisti

Xogħlijiet

Bini

157

56

34

5

62%

22%

14%

2%

241

59

44

15

67%

17%

12%

4%

Total

252

100%

359

100%

 

Tip ta' kuntratt

2009

2008

Valur (f'EUR)

Persentaġġ

Valur (f'EUR)

Persentaġġ

Servizzi

Provvisti

Xogħlijiet

Bini

415 344 963

34 980 727

36 045 314

70 394 138

75%

6%

6%

13%

454 987 532

22 868 681

81 247 056

123 429 315

67%

3%

12%

18%

Total

556 765 142

100%

682 532 584

100%

(Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija mill-Parlament Ewropew, 2009, paġni 3-4)

 

52. Jenfasizza li l-valur tal-kuntratti ta’ akkwist jammonta bejn wieħed u ieħor għal terz tal-baġit ġenerali tal-Parlament u li l-akkwist pubbliku huwa l-aktar qasam vulnerabbli għal ġestjoni ħażina; għaldaqstant jirrepeti t-talba tiegħu sabiex jiġu vvalutati b’mod regolari s-sistemi ta’ akkwist u partikularment sabiex isiru kontrolli interni tal-kuntratti mogħtija fil-proċeduri nnegozjati u ristretti;

53. Jitlob lis-Segretarju Ġenerali jirrapporta dwar jekk iż-żieda fil-limitu massimu tal-kuntratti b’valur baxx minn EUR 25 000 għal EUR 60 000 fl-2007 ffaċilitatx l-aċċess minn kumpaniji żgħar hekk kif kien intenzjonat, mingħajr ma ddgħajjef b’mod sostanzjali l-iskrutinju tal-proċess ta’ akkwist; jinnota li dawn il-kuntratti huma biss 0.76% tal-valur iżda 39.29% tan-numru totali ta’ kuntratti mogħtija;

54. Jinnota t-tqassim tal-kuntratti mogħtija fl-2009 u fl-2008 skont it-tip ta' proċedura użata kif ġej:

 

Tip ta’ proċedura

2009

2008

Għadd

Persentaġġ

Għadd

Persentaġġ

Miftuħa

Ristretta

Negozjata

73

13

166

29%

5%

66%

126

14

219

35%

4%

61%

Total

252

100%

359

100%

 

 

 

Tip ta’ proċedura

2009

2008

Valur (f'EUR)

Persentaġġ

Valur (f'EUR)

Persentaġġ

Miftuħa

Ristretta

Negozjata

415 996 418

9 458 434

131 310 290

75%

2%

23%

345 415 316

139 782 362

197 334 906

51%

20%

29%

Total

556 765 142

100%

682 532 584

100%

(Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija mill-Parlament Ewropew, 2009, p. 5)

 

 

Proċeduri nnegozjati eċċezzjonali

 

55. Jinnota b'mod partikolari ż-żieda konsistenti fl-2009 (għalkemm aktar bil-mod milli fl-2008 meta mqabbel mal-2007) fin-numru ta' proċeduri nnegozjati eċċezzjonali kif muri fl-analiżi li ġejja; jistenna li din it-tendenza tiġi maqluba b’mod sostanzjali fis-snin li ġejjin:

Direttorat Ġenerali

2009

2008

Għadd

% tat-total tal-Kuntratti tad-DĠ

Għadd

% tat-total tal-Kuntratti tad-DĠ

DĠ PRES (ħlief DIT)

14

53,85%

8

44,44%

DĠ IPOL

0

0,00%

0

0,00%

DĠ EXPO

1

50,00%

3

75,00%

DĠ COMM (ħlief id-Dir. tal-Librerija)

29

42,03%

16

16,00%

DĠ PERS

1

16,67%

0

0,00%

DĠ INLO (ħlief id-Dir. għall-Interpretazzjoni)

37

38,14%

36

34,95%

DĠ INTE (li qabel kien id-Dir. għall-Interpretazzjoni)

3

21,43%

9

56,25%

DĠ TRAD (ħlief id-Dir. għall-Ippubblikar)

0

0,00%

0

0,00%

DĠ ITEC (li qabel kien id-Direttorati għall-Ippubblikar u għall-IT)

4

36,36%

9

56,25%

DĠ FINS

0

0,00%

0

0,00%

Servizz Legali

0

0,00%

0

0,00%

Parlament, total

89

35,32%

81

22,56%

(Rapport annwali dwar il-kuntratti mogħtija mill-Parlament Ewropew, 2009, p. 9)

 

Ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2009

Konklużjonijiet ġenerali

56. Jinnota li l-verifika tal-Qorti tal-Awdituri sabet li l-ħlasijiet b'mod globali kienu ħielsa minn żbalji materjali u li l-Qorti tal-Awdituri ma sabet ebda dgħufijiet meta vvalutat il-konformità tas-sistemi ta' superviżjoni u kontroll mar-Regolament Finanzjarju;

Ir-reklutaġġ ta' aġenti temporanji u kuntrattwali

57. Jinnota l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li, f'ħames każijiet minn kull 20, id-dokumenti li jipprovdu evidenza ta' konformità mar-regoli relatati mal-klassifikazzjoni tal-persunal bħala membri tal-persunal temporanju jew kuntrattwali u mal-issodisfar ta' obbligi lingwistiċi, militari jew oħrajn ma ngħatawx; jieħu nota tat-tweġibiet mogħtija mill-Parlament fil-proċedura kontradittorja mal-Qorti tal-Awdituri;

Allowances għall-persunal

58. Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri sabet[25] li f'16-il każ minn 30, l-informazzjoni disponibbli għas-servizzi tal-Parlament biex jiżguraw li l-allowances previsti mir-Regolamenti tal-Persunal jitħallsu lill-persunal bi qbil mar-regolamenti Komunitarji u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, ma kinitx aġġornata; jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li għalhekk hemm riskju li jsiru ħlasijiet skorretti u mhux dovuti jekk iċ-ċirkostanzi tal-individwu jkunu nbidlu;

59. Jinnota b'sodisfazzjon it-tweġibiet tal-amministrazzjoni tal-Parlament fis-sens li, fl-2009, tniedet kampanja biex jiġi vverifikat jekk il-benefiċċju tal-allowance għall-familja lill-persunal li ma għandhomx tfal dipendenti kinitx għadha ġustifikata u li issa se tipproċedi għal verifika regolari tas-sitwazzjoni tal-persunal tagħha u li, mill-2010, din il-verifika saret awtomatizzata (permezz tal-użu ta' "fiche électronique"), xi ħaġa li tagħmilha possibbli li ssir tal-anqas verifika annwali tad-data personali u amministrattiva tal-persunal;

L-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-gruppi politiċi

60. Jinnota li l-Artikolu 12(9) tar-Regoli Interni tal-Parlament għall-implimentazzjoni tal-baġit, adottati fis-27 ta' April 2005, jipprevedi li l-qasam ta' kompetenza tal-Awditur Intern ma jinkludix l-approprjazzjonijiet mill-baġit tal-Parlament li huma ġestiti mill-gruppi politiċi; jinnota wkoll li r-regoli speċifiċi dwar l-użu ta' dawk l-approprjazzjonijiet jirrikjedu li kull grupp politiku jistabbilixxi r-regoli finanzjarji interni tiegħu stess u li jimplimenta sistema ta' kontroll intern;

61. Jenfasizza li l-gruppi politiċi kollha għandhom iwettqu verifika esterna annwali u għandhom jippreżentaw ċertifikat tal-verifika esterna;

62. Jenfasizza li hija r-responsabilità tal-gruppi politiċi li jibdew iħaddmu s-sistema ta' kontroll interna tagħhom u li dan ma għandux ikun ir-responsabilità tal-Awditur Intern tal-Parlament, u jistieden lill-Bureau jikkonsulta mal-gruppi politiċi dwar kif jistgħu jiġu żviluppati dispożizzjonijiet oħrajna ta’ verifika;

63. Jilqa’ l-fatt li l-kalkolu tar-riporti sar bl-istess mod bħal ma sar għas-sena tal-elezzjonijiet tal-2004, meta ġiet applikata r-regola tal-50% għaċ-ċifri miġbura f’daqqa għaż-żewġ perjodi ta’ sitt xhur;

Is-segwitu mis-Segretarju Ġenerali għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2008

64. Jinnota b'sodisfazzjon il-kwalità tajba tat-tweġibiet bil-miktub għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-2008 provduti mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fid-19 ta' Novembru 2010; jiddispjaċih madankollu li ma kienx possibbli li jirċievi dawk it-tweġibiet qabel il-bidu tal-eżerċizzju ta' kwittanza tal-2009; jistenna li għall-eżerċizzju ta' kwittanza tal-2010 jkun jista' jseħħ skambju ta' opinjonijiet bejn is-Segretarju Ġenerali u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit qabel l-aħħar ta' Ottubru 2011;

65.  Ifakkar fit-talba tiegħu, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010, li s-Segretarju Ġenerali jikkuntattja lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jistabbilixxi bażi ta' data ċentrali għall-istudji li qed iwettqu u li dawn l-istudji jagħmilhom disponibbli wkoll għal konsultazzjoni mal-pubbliku b'mod ġenerali; iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali tiegħu isegwi din it-talba, b'mod partikolari billi jipproponi lill-Kummissjoni li dik l-istituzzjoni tistabbilixxi bażi ta' data bħal din; jitlob li jiġi infurmat kif xieraq dwar din l-inizjattiva u jistenna, sadattant, li l-istudji mwettqa mill-Parlament jiġu ppubblikati bis-sħiħ fis-sit tal-Parlament;

66. Jinnota b'sodisfazzjon li s-Segretarju Ġenerali bagħat ittri fejn fakkar lid-Diretturi Ġenerali biex jimplimentaw l-azzjonijiet kritiċi li kien qbil dwarhom bejn l-Awditur Intern u s-servizzi tagħhom;

67. Jinsab sodisfatt bl-azzjonijiet meħuda wara l-kritika tiegħu fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 rigward il-vakanzi tal-iskijjar organizzati mill-Kumitat tal-Persunal; ifakkar li skont ir-regoli l-ġodda, il-kontribut finanzjarju tal-Parlament jista' jingħata biss għat-tfal ta' uffiċjali fi gradi sa AST 4 u li s-sussidju issa jiddependi fuq in-numru ta' tfal[26];

Ir-rapport annwali tal-Awditur Intern

68. Jilqa' l-fatt li, b'effett mill-1 ta' Settembru 2009, is-Servizz għall-Verifika Interna ngħaqad, għal finijiet amministrattivi, mas-Segretarju Ġenerali; jinnota b'sodisfazzjon li din il-bidla importanti hija konformi mal-istandards professjonali dwar l-indipendenza organizzattiva tas-Servizz għall-Verifika Interna u li ssaħħaħ kemm l-effikaċja tal-attività tal-verifika interna kif ukoll il-perċezzjoni tar-rwol indipendenti u oġġettiv tagħha mid-dipartimenti verifikati;

69. Jinnota li, fil-laqgħa tal-kumitat kompetenti li saret fit-13 ta' Jannar 2011, l-Awditur Intern ippreżenta r-rapport annwali tiegħu u spjega li, fl-2009, wettaq il-ħidma ta' verifika li ġejja:

- verifiki tal-proċess tal-akkwist pubbliku fid-DĠ Presidenza, DĠ Infrastruttura u Loġistika u DĠ Finanzi kif ukoll segwitu tal-azzjonijiet ċentrali mir-Rapport ta' Verifika Interna Nru 05/02 adottat fil-31 ta' Marzu 2006;

- verifika tal-Politika tal-bini: Ippjanar, Valutazzjoni u Ġestjoni tal-Ħtiġijiet ta' Akkomodazzjoni;

- it-tieni segwitu tal-azzjonijiet li ma tlestewx mill-verifiki tal-kontijiet imprest, tal-inventarju u tal-ġestjoni baġitarja f'ċerti Uffiċċji tal-Informazzjoni;

- it-tielet segwitu għar-rieżami tal-Qafas ta’ Kontroll Intern tal-Istituzzjoni;

- verifika tal-Proċess ta' Żvilupp tal-Applikazzjonijiet tal-IT; kif ukoll

- segwitu tar-rieżami tal-kontribuzzjonijiet għall-partiti politiċi fil-livell Ewropew u Rieżami Ġdid tal-fondazzjonijiet politiċi u tal-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-riżervi u t-trasferiment tal-bilanċi pożittivi

70. Jinnota u jappoġġa l-fehmiet espressi mill-Awditur Intern fir-rigward ta’:

- il-ħtieġa ġenerali li jittejbu l-preparazzjoni u l-ippjanar tal-proċeduri ta' akkwist u l-valutazzjoni preċedenti tal-ħtiġijiet;

- il-fatt li, minkejja t-titjib fil-gwida u fl-appoġġ ċentrali għall-proċess tal-akkwist, u l-għodod utli u d-dokumenti standard li tfasslu, id-dipartimenti mhumiex qed jużawhom sistematikament;

- il-fatt li hemm ukoll ħtieġa urġenti ta' żvilupp tal-IT biex jappoġġa kemm il-proċess tal-akkwist kif ukoll il-ġestjoni tal-kuntratti;

- il-ħtieġa, bħala prerekwiżit għal kwalunkwe proġett tal-IT, li b'mod obbligatorju jiġi mmudellat il-proċess kummerċjali mid-dipartimenti utenti, xi ħaġa li tgħin ittejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tal-oqsfa ta' kontroll intern u l-proċessi tal-ġestjoni tar-riskji tad-dipartimenti;

- l-importanza tar-riskji assoċjati mad-dipendenza żejda fuq il-fornituri esterni ta' servizzi ta' konsulenza u ħila esperta teknika speċjalizzata;

 

71.  Huwa tal-fehma li r-rapporti ta’ verifika interna għandhom ikunu disponibbli, b’kundizzjonijiet speċjali, għall-Membri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit; iħeġġeġ lill-President ta’ dan il-Kumitat jilħaq ftehim mas-Segretarju Ġenerali dwar dawn il-kundizzjonijiet;

Il-Maniġer tar-Riskji

72. Jinnota b'sodisfazzjon li l-Maniġer tar-Riskji beda fil-kariga fl-1 ta' Ġunju 2010 u jirrapporta direttament lis-Segretarju Ġenerali; jifhem li mhuwiex possibbli li s-servizz ikollu persunal sħiħ fl-2011 u li l-ewwel profil tar-riskji huwa mistenni li jiġi ppreżentat matul l-ewwel nofs tal-2011 u l-approċċ u l-istrateġija għall-ġestjoni tar-riskju se jiġu żviluppati taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali sas-sajf tal-2011; jistenna li l-kumitat kompetenti tiegħu jkun infurmat għalkollox bi kwalunkwe żvilupp u dokument strateġiku ġdid rigward il-ġestjoni tar-riskji tal-Parlament u li jingħata r-rapport annwali dwar l-attività tal-Maniġer tar-Riskji mill-eżerċizzju ta' kwittanza tal-2010;

73. Huwa tal-fehma li, anke jekk m'hemmx riskju finanzjarju, il-Parlament għandu, kemm jista' jkun, jimmira li jevita riskji għar-reputazzjoni, li jidentifika riskji strateġiċi (b'mod partikolari fis-setturi tiegħu tal-IT u tal-bini), li jiżgura li tkun qed titħaddem sistema ta' ġestjoni tar-riskji effikaċi fil-livell ċentrali, bi proċedura miftiehma biex jiġu identifikati u vvalutati r-riskji, li jifformula u jirrapporta dwar ir-reazzjonijiet għal dawk ir-riskji u li jiggarantixxi lill-korpi tas-sorveljanza u tat-teħid tad-deċiżjonijiet li l-ġestjoni tar-riskji hija effikaċi u li r-reazzjonijiet kollha għar-riskji, inklużi l-kontrolli interni, jkunu xierqa;

74. Iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jistabbilixxi, bl-għajnuna tal-Maniġer tar-Riskji, approċċ konsistenti li japplika fl-istituzzjoni kollha għall-identifikazzjoni u l-ġestjoni ta' karigi sensittivi;

IL-ĠESTJONI TAL-AMMINISTRAZZJONI TAL-PARLAMENT

DĠ Presidenza

75. Jinnota l-kost għoli tal-miżuri biex jiġi evitat it-tfaqqigħ possibbli tal-influwenza H1N1 implimentati bejn Settembru 2009 u l-aħħar ta' Marzu 2010, li ammontaw għal madwar EUR 1 261 000; jenfasizza l-bżonn li jiġi evalwat l-għadd ta’ persuni li jistgħu jitolbu t-titqiba qabel jinxtraw it-titqibiet fil-ġejjieni;

DĠ Politiki Interni (IPOL) u DĠ Politiki Esterni (EXPO)

76. Jindika l-kostijiet tad-delegazzjonijiet parlamentari (DĠ EXPO) fl-2009 li ammontaw għal madwar EUR 4 301 000;

77. Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-ġestjoni tal-għarfien speċifiku, b'mod partikolari fil-ħidma tal-kumitati, u l-ħtieġa ta' għarfien permanenti u aġġornat fl-oqsma tal-operat; ifakkar fin-numru għoli ta' Membri eletti għall-ewwel darba f'mandati parlamentari riċenti; jitlob lill-Bureau jirrifletti dwar il-possibilità li jipprovdi aktar informazzjoni u taħriġ speċifiċi għall-Membri inklużi miżuri speċifiċi għat-18-il Membru ġdid[27] u għall-osservaturi futuri mill-Kroazja;

78. Jilqa' t-twaqqif ta' sistema ta' appoġġ għas-sigurtà tad-delegazzjonijiet barra mit-tliet postijiet ta' ħidma li l-objettiv ewlieni tagħhom huwa li jfornu lill-ġerarkija tal-Parlament bl-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa biex tingħata għajnuna lill-membri tad-delegazzjonijiet f'każ ta' sitwazzjoni ta' emerġenza; jenfasizza l-importanza tal-linja telefonika disponibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, tal-kariga tal-Uffiċjal ta' Għassa tal-Unità tas-Sigurtà u tat-taħriġ xieraq tas-sigurtà u s-sessjonijiet ta' informazzjoni dwar is-sigurtà, kif ukoll tal-ħolqien ta' ċellola futura għall-kriżijiet; jixtieq li jkun infurmat dwar l-ispiża totali ta’ din l-operazzjoni;

DĠ Komunikazzjoni

79. Jinnota li r-riżorsi umani disponibbli għad-DĠ Komunikazzjoni kienu magħmula minn 722 kariga fil-31 ta' Diċembru 2009 u l-approprjazzjonijiet finali ġestiti kienu jammontaw għal EUR 80 935 000; jitlob li jeżamina n-numru ta' karigi u fejn jinsabu u jagħti spjegazzjoni dettaljata tal-ħtieġa sottostanti ta' dawn il-karigi b’analiżi tal-effett u r-riżultati mid-DĠ Komunikazzjoni;

80. Jistaqsi jekk id-DĠ jeħtieġx "Unità għall-Ġestjoni Strateġika u tal-Prestazzjoni", kif ukoll "Unità Politika" u "Unità tar-Riżorsi"; jitlob li s-Segretarju Ġenerali jirrevedi dawn l-istrutturi u jqis jekk il-ħolqien ta’ unità bħal din jistax jitqies bħala l-bidu ta’ proċess ta’ twaqqif ta' ‘kabinetti’ kbar u inutli għad-Diretturi Ġenerali;

81. Jinnota li l-parti l-kbira tal-kapijiet tal-uffiċċji tal-informazzjoni tal-Parlament kitbu ittra konġunta fejn urew dubji dwar aspetti tal-ġestjoni baġitarja tad-DĠ, u jitlob lis-Segretarju Ġenerali jistħarreġ is-sitwazzjoni u jaċċerta ruħu jekk il-ħolqien ta’ unitajiet ċentrali fid-DĠ, bħall-“Unità għall-Ġestjoni Strateġika u tal-Prestazzjoni” u l-“Unità Politika” humiex qed ineħħu lill-persunal minn attivitajiet prominenti, bħall-ġestjoni baġitarja, b'detriment f’termini ta’ effikaċja tad-DĠ;

82. Jinsisti li l-linja baġitarja 3242 m’għandhiex tintuża biex jinħbew spejjeż relatati mal-attivitajiet speċifiċi bħall-premji, u li l-ispejjeż assoċjati kollha (bħall-materjali ta’ reklamar, l-avvenimenti, l-ispejjeż marbuta maż-żjajjar tal-ġurnalisti, eċċ.) jiġu identifikati biċ-ċar;

Iċ-ċentru tal-viżitaturi

83. Jiddeplora d-dewmien twil ħafna fil-ftuħ taċ-Ċentru għall-Viżitaturi (oriġinarjament previst għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2009) u l-ippjanar fqir u l-appoġġ insuffiċjenti fil-fażi tal-bidu mill-amministrazzjoni; jinnota d-data tal-ftuħ li attwalment hija prevista għal Ottubru-Novembru 2011; itenni t-talba tiegħu għal spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet speċifiċi, inkluża analiżi dettaljata tal-proċeduri ta’ akkwist, għal dewmien konsiderevoli bħal dan u ż-żieda preċiża fil-kost tal-proġett;

84. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata konnessjoni faċli (kuritur) għal gruppi ta' viżitaturi bejn iċ-Ċentru għall-Viżitaturi, l-Emiċiklu u d-Dar futura tal-Istorja Ewropea; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, sat-30 ta' Settembru 2011, bi pjanijiet konkreti biex titwettaq konnessjoni bħal din, bi stima tal-ispejjeż massimi involuti;

Dar tal-Istorja Ewropea

85. Jiddispjaċih li d-deċiżjonijiet fir-rigward tad-Dar tal-Istorja Ewropea ttieħdu biss mill-Bureau tal-Parlament; jitlob li jiġu inklużi l-kumitati rilevanti tal-Parlament f’deċiżjonijiet ulterjuri dwar il-kunċett tad-Dar tal-Istorja Ewropea; iħeġġeġ id-diskussjoni dwar il-possibilità li jkun hemm wirjiet fid-diversi postijiet madwar l-Ewropa fl-ewwel fażi; jitlob li jiġi żviluppat il-kunċett tad-Dar tal-Istorja Ewropea bħala korp legali separat u indipendenti bl-iċken impatt possibbli fuq il-baġit amministrattiv tal-Parlament;

86. Jixtieq ikun infurmat dwar l-ispiża totali tad-Dar tal-Istorja Ewropea u jitlob lis-Segretarju Ġenerali biex jipprovdi informazzjoni dwar liema miżuri se jittieħdu biex tiġi ffaċċjata ż-żieda kbira mistennija fl-għadd ta’ viżitaturi għaż-żewġ proġetti f’termini ta’ spazju għall-parking (xarabanks, karozzi) u aċċess faċli għall-Esplanade (la Dalle);

Il-gruppi ta' viżitaturi

87. Ifakkar fit-talbiet tiegħu, espressi fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-5 ta' Mejju 2010, li l-ispejjeż ta' żjara ta' grupp sponsorjata għandhom dejjem jiġu rimborżati lill-mexxej tal-grupp permezz ta' trasferiment bankarju u mhux f'kontanti, u li għandu jitwettaq studju mill-Parlament biex jiġi eżaminat jekk sistema ta' rata fissa għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jġarrbu gruppi uffiċjali ta' viżitaturi hijiex adegwata fid-dawl tal-punti ta' tluq differenti tagħhom u d-destinazzjonijiet għaż-żjarat tagħhom u jekk is-sistema tar-rimborż tal-ispejjeż reali, suġġetta għal limitu massimu, tkunx aktar adattata għal dak it-tip ta' grupp;

Il-WebTV

88. Jiddeplora l-fatt li EuroparlTV ma jistax jitqies storja ta' suċċess meta jitqies in-numru baxx ħafna ta' utenti diretti individwali tiegħu[28] (esklużi l-ispettaturi permezz ta' ftehimiet ta' sħubija ma' stazzjonijiet tat-TV reġjonali) minkejja l-approprjazzjonijiet annwali konsiderevoli li jirċievi, li jammontaw għal madwar EUR 9 000 000; jitlob għalhekk li ssir valutazzjoni tar-rabta bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-EuroparlTV bl-għan li jsir tifdil f’dan il-qasam;

Premjijiet

89. Josserva li, fl-aħħar ftit snin, il-Parlament żied ħafna n-numru tal-premjijiet tiegħu u l-baġit għalihom[29]; jesprimi dubji dwar kemm dawk il-premjijiet jirrappreżentaw il-kompetenzi ewlenin tal-Parlament u l-kompiti li jirriżultaw mill-prerogattivi leġiżlattivi, baġitarji u ta' kontroll baġitarju tiegħu bl-aħjar mod; jistieden lill-Bureau tiegħu biex joqgħod lura milli jibda l-finanzjament ta' premjijiet ġodda u jħejji rieżami tal-iskemi ta’ premjijiet eżistenti;

90. Jiddeplora l-fatt li, minkejja l-opinjoni tiegħu, espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu[30], li l-Premju għall-Ġurnaliżmu mhuwiex xieraq, peress li l-Parlament ma għandux jagħti premji lil ġurnalisti li l-kompitu tagħhom huwa li jeżaminaw l-istituzzjonijiet tal-UE u l-ħidma tagħhom b'mod kritiku, id-DĠ COMM diġà nieda l-proċedura għall-premju tal-2011; jitlob li l-premju għall-2012 jitħassar;

91. Jitlob li l-ispejjeż kollha relatati b'mod dirett u indirett mal-premjijiet tal-Parlament Ewropew jiġu ppreżentati b'mod miftuħ u trasparenti;

92. Jinnota li l-ispejjeż diretti tal-Premju LUX jammontaw għal aktar minn EUR 300 000 u l-ispejjeż indiretti (ivvjaġġar għal festivals tal-films, reklamar eċċ.) jistgħu jfissru li l-ispiża tal-premju fil-fatt hija ferm ikbar; jinnota li wara erba’ snin ta’ operat, inqas minn terz tal-Membri jipparteċipaw b’mod attiv fil-votazzjoni; jinnota wkoll li l-parteċipazzjoni fil-votazzjoni tvarja b’mod drammatiku fost id-delegazzjonijiet nazzjonali iżda tidher li hija ogħla b'mod sinifikanti fost Membri minn pajjiżi li jkollhom films fuq il-lista għall-premju;

93. Jopponi tentattivi li l-premju jiġi estiż permezz tal-organizzazzjoni ta' avvenimenti fl-Istati Membri, għaliex dan jimplika żieda fl-ispejjeż marbuta mar-reklamar u l-promozzjoni, is-siti u t-traduzzjoni;

Kampanja tal-elezzjoni tal-2009

94. Jinnota bi tħassib it-tnaqqis globali fil-parteċipazzjoni għal 43.2% fl-Elezzjonijiet Ewropej tal-2009, minkejja l-isforzi konsiderevoli li saru biex tissaħħaħ il-kampanja elettorali istituzzjonali tal-Parlament, li swiet madwar EUR 5 676 000;

Uffiċċju ta' Kollegament ta' Washington

95. Jinnota li l-ispiża totali biex jitwaqqaf Uffiċċju ta' Kollegament Kongressjonali tal-Parlament Ewropew f'Washington fl-2009 u fl-2010 hija stmata li hi madwar USD 400 000 fis-sena riżultat ta' arranġament amministrattiv mal-Kummissjoni; jinnota li t-twaqqif tal-Uffiċċju ma involviex il-ħolqien ta' karigi ġodda, peress li l-karigi kienu r-riżultat ta' trasferimenti, missjonijiet għal perjodi twal ta' żmien u sistema ta' missjonijiet għal sena; huwa mħasseb dwar l-ispiża futura possibbli u jitlob li l-kumitati kompetenti tiegħu jiġu infurmati regolarment u kif xieraq dwar kwalunkwe pjan futur li jkollu implikazzjoni finanzjarja sinifikanti fir-rigward ta' dan l-Uffiċċju;

L-uffiċċji ta' informazzjoni

96. Jenfasizza l-ħtieġa ta' informazzjoni kostanti u mqassma b'mod ugwali fost iċ-ċittadini Ewropej; jenfasizza għalhekk l-importanza ta' postijiet ibbilanċjati sew fir-rigward ta' fejn ikunu jinsabu l-uffiċċji tal-informazzjoni tiegħu;

DĠ Persunal

97. jinnota li l-livell ta' impenji pendenti (ftit inqas minn EUR 6 000 000 jew 1.4%) għall-Partita 1 2 0 0 (Remunerazzjoni u allowances) jista' jiġi spjegat bid-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill f'Diċembru 2009 li jagħti aġġustament annwali għas-salarji ta' 1.85% biss, filwaqt li l-baġit kien ġie rivedut fuq il-bażi taċ-ċifra ta' 3.7% kif indikat u propost mill-Kummissjoni;

98. Jinnota li, wara l-introduzzjoni tar-regoli l-ġodda li jirregolaw l-assistenti parlamentari akkreditati, id-DĠ Persunal kellu jittratta 1770 kuntratt ġdid konkluż skont ir-regoli l-ġodda, bil-parti l-kbira tax-xogħol tkun ikkonċentrata fl-2009; josserva li, f'termini globali, din l-operazzjoni tista' tingħad li kienet suċċess;

99. Jiddeplora l-fatt li l-impjegar ta' membri tal-familja bħala assistenti għadu permess bid-derogi għall-Istatut għall-Membri adotatti mill-Bureau fil-laqgħa tiegħu tat-23 ta' Novembru 2009; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tevalwa bir-reqqa l-ġustifikazzjoni għall-każijiet li fadal ta’ impjieg bħal dan; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jqis jekk għandux ikun hemm regoli speċifiċi li jipprevjenu lill-Membri milli jimpjegaw lill-membri familjari ta’ xulxin bħala assistenti;

100. Jinnota l-preżenza sinifikanti minn ta' ċittadini Stat Membru wieħed partikolari (13.5%, l-ogħla fost in-nazzjonalitajiet kollha) fis-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament; ifakkar li s-Segretarjat Ġenerali għandu jservi Membri mill-Istati Membri kollha b’mod egwali u li l-persunal għandu jirrifletti dan aħjar;

Missjonijiet għat-tliet postijiet ta' ħidma

101. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu razzjonalizzati iktar il-missjonijiet bejn it-tliet postijiet ta' ħidma u li jiġu ġġustifikati u mmoniterjati aħjar biex jiġu evitati missjonijiet u spejjeż żejda, u b’mod partikolari jitqiesu r-riżultati li dalwaqt se jinkisbu mill-kontrolli tas-Servizz ta’ Verifika Interna fil-qasam tal-assistenza parlamentari; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jirrapporta, bħala parti mill-proċedura ta’ kwittanza, dwar l-ammont totali ta’ tifdil li sar bħala riżultat ta’ razzjonalizzazzjoni ulterjuri;

DĠ Infrastruttura u Loġistika (DĠ INLO)

102. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-każ tal-fatturazzjoni irregolari fejn ma jkun hemm ebda evidenza ta' intenzjoni frawdulenti, peress li juri n-nuqqas tas-sistema ta' kontroll intern ta' DĠ INLO li twaqqaf każijiet bħal dawn milli jseħħu; itenni t-talba tiegħu lil DĠ INLO biex jimplimenta skrupulożament il-pjan ta' azzjoni li kien hemm qbil dwaru mal-Awditur Intern;

It-trasport tal-Membri

103. Josserva li l-kost tas-servizz uffiċjali tal-karozzi tal-Parlament ammonta għal EUR 1 272 932 fi Strasburgu u EUR 2 352 756 fi Brussell; jinnota wkoll li l-Parlament iffirma kuntratt ġdid għas-servizz uffiċjali tal-karozzi b'valur stmat totali ta' EUR 5 250 000 (fuq erba' snin);

104. Jistieden lill-Bureau jeżamina r-regoli għall-utenti ta’ karozzi tas-servizz, sabiex tintemm il-prattika attwali li dawn il-karozzi jintbagħtu vojta minn post għall-ieħor fuq distanzi twal għas-sempliċi skop li jservu għal missjonijiet b’distanzi qosra (minn ajruporti għal destinazzjonijiet finali fil-belt u lura); jenfasizza l-ispejjeż imġarrba għal prattiki bħal dawn; iħeġġeġ lill-Bureau tiegħu jsib alternattivi li joħolqu inqas spejjeż sabiex min iħallas it-taxxi jingħata l-aħjar valur għal flusu;

Kantins u ristoranti

105. Huwa tal-opinjoni li s-servizzi li mhumiex meħtieġa b'rabta mal-attivitajiet tal-Istituzzjoni iżda li għandhom jiġu pprovduti fil-bini tal-Parlament minn kumpaniji li jagħmlu l-qligħ għandhom jappoġġaw lilhom infushom ekonomikament u ma għandhomx jiġu ffinanzjati direttament jew indirettament b'sussidji mill-baġit tal-Parlament u kull eċċezzjoni għall-ispejjeż imputati għandha tintwera separatament fil-baġit u għandha tiġi ġustifikata kif xieraq;

106. Jemmen li, b’varjetà tant wiesgħa ta’ postijiet disponibbli fil-bini tal-Parlament għal kantins, bars u ħwienet, varjetà ta' ħwienet tal-ikel kompetittivi, inklużi kumpaniji magħrufa (ħwienet tal-kafè, tal-bejgħ tal-panini, ristoranti eċċ.), jekk jitħallew jiftħu fi ħdan il-Parlament, ikunu jistgħu joffru servizz aħjar għall-persunal; jitlob li jitħejja pjan biex jiġi indikat kif id-diversi faċilitajiet tal-ikel jistgħu jiġu offruti b’mod separat għal sejħiet għal offerti meta jintemmu l-arranġamenti kuntrattwali attwali;

107. Jitlob informazzjoni supplimentari rigward l-operazzjoni tas-settur tal-kantins u tar-ristoranti, b'mod partikolari rigward ir-relazzjoni bejn is-sussidju annwali u s-sitwazzjoni tal-profitt u tat-telf;

DĠ Traduzzjoni u DĠ Interpretazzjoni u Konferenzi

108. Jenfasizza li, filwaqt li jinżamm standard għoli ta' ħidma, huwa neċessarju wkoll li jintlaħaq użu aktar effiċjenti tar-riżorsi lingwistiċi u li jiġu kkontrollati l-ispejjeż tagħhom billi jitqies l-ammont ta' xogħol għal kull taqsima lingwistika u billi jiġi żgurat li jitnaqqsu l-ispejjeż iġġenerati bit-tħassir tard ta' talbiet għal laqgħat, żjarat ta' delegazzjonijiet b'interpretazzjoni u n-nuqqas ta' rispett ta' skadenzi għat-traduzzjoni stipulati fil-Kodiċi ta' Kondotta; jinsisti li l-kumitati, id-delegazzjonijiet u l-gruppi politiċi li jinjoraw b'mod persistenti l-iskadenzi stabbiliti fil-Kodiċi ta' Kondotta għandhom josservawhom aktar strettament;

109. Iqis li l-esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni tista' twassal għal iffrankar importanti ta' spejjeż, iżda għandhom isiru sforzi biex tiżdied il-kwalità tat-traduzzjonijiet esterni; jappoġġa żieda fl-użu tal-bażi ta' data Euramis, komuni għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u żviluppi teknoloġiċi oħra fil-qasam tat-traduzzjoni (bħas-sistema unika integrata tad-DocEP u l-Euramis/memorji tat-traduzzjoni) li għandhom l-għan li jevitaw traduzzjonijiet doppji u li jnaqqsu l-ispiża tat-traduzzjoni; jenfasizza, madankollu, li l-ebda sistema ta' traduzzjoni kompjuterizzata ma tista' tissostitwixxi għalkollox it-tradutturi;

110. Huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' disponibilità ta' riżorsi umani f'ċerti lingwi u mill-fatt li r-reklutaġġ ta' interpreti u tradutturi ġodda jista' jiġi pperikolat minn nuqqas ta' kurrikula universitarji f'xi Stati Membri; jenfasizza wkoll il-problema futura tal-bidla imminenti fil-ġenerazzjoni għall-interpreti/tradutturi lingwistiċi tal-UE-15, li numru kbir minnhom huma mistennija jirtiraw fil-perjodu ta' bejn il-5 u l-10 snin li ġejjin;

111. Jesprimi l-apprezzament kbir tiegħu fir-rigward tal-kwalità għolja tas-servizzi tal-interpretazzjoni tal-Parlament, iżda jiddispjaċih dwar sitwazzjonijiet li fihom tiġi offruta interpretazzjoni f’ċerti lingwi mingħajr ma tintuża; jenfasizza l-bżonn ta’ miżuri għat-tnaqqis fl-ispejjeż ta’ interpretazzjoni mhux meħtieġa f’laqgħat u jitlob għalhekk li tiġi żviluppata u implimentata b’mod urġenti sistema li tevita d-disponibilità ta’ interpretazzjoni f’lingwi li fil-prattika mhumiex mitkellma f’laqgħa partikolari;

112. Jissuġġerixxi li sistema bħal din, pereżempju, tista’ tipprovdi li, matul laqgħat ta’ gruppijiet ta’ ħidma, tkun disponibbli b'mod awtomatiku interpretazzjoni fl-ikbar sitt lingwi uffiċjali (FR, DE, EN, PL, ES, IT), filwaqt li l-interpretazzjoni f’lingwi uffiċjali oħra tkun biss disponibbli fuq talba minn Membru permezz ta’ notifika speċjali tal-preżenza tiegħu/tagħha bil-quddiem, u b’hekk jiġi garantit id-dritt tal-Membru li jitkellem il-lingwa tiegħu jekk ikun jixtieq, filwaqt li jiġu evitati spejjeż żejda ta’ interpretazzjoni;

DĠ Finanzi

113. Jinnota bi tħassib id-dgħufijiet fil-proċedura ta' akkwist fid-DĠ Finanzi identifikati mill-Awditur Intern matul il-verifika tal-proċess ta' akkwist, skont liema verifika, fil-każ tal-akkwist tas-servizzi bankarji, nuqqas ta' valutazzjoni preċedenti tal-ħtiġijiet wassal għal problemi bl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti u indika wkoll riskji sostanzjali, għalkemm il-verifika wriet ukoll li l-arranġamenti attwali pprevedew livelli xierqa ta' ħarsien kontra riskji ewlenin; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tittejjeb l-operazzjoni tal-kontrolli biex jindirizzaw ir-riskji identifikati b'mod aktar effikaċi;

114.  Huwa tal-fehma li s-servizzi u l-proċeduri tad-DĠ Finanzi għandhom jiġu simplifikati u razzjonalizzati sabiex titħaffef il-ġestjoni tal-fatturi minn assistenti lokali bbażati fl-Istati Membri u biex jitnaqqsu l-kjuws u l-proċeduri burokratiċi; huwa tal-fehma li d-DĠ Finanzi għandu jipprovdi informazzjoni elettronika iktar malajr lill-Membri fir-rigward tal-fondi li jkun baqa’ disponibbli; huwa wkoll tal-fehma li d-DĠ Finanzi għandu jorganizza korsijiet ta' taħriġ għall-persunal tal-Membri b’rabta mal-proċeduri; għal dawn ir-raġunijiet huwa tal-fehma li d-DĠ Finanzi għandu jelabora pjan ta’ azzjoni sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2011;

115. Jinnota b'sodisfazzjon li, fl-2009, l-approprjazzjonijiet għall-pensjonijiet għall-MEPs iddaħħlu fil-baġit għall-ewwel darba;

L-Aġenzija tal-Ivvjaġġar

116. Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata kontinwità kummerċjali fil-każ ta' falliment jew tat-tmiem ta' kuntratt ta' aġenzija tal-ivvjaġġar; jistenna li tiddaħħal il-fatturazzjoni elettronika, xi ħaġa li għandha twassal għal simplifikazzjoni u ffrankar ta' spejjeż importanti;

117. Jinnota li l-Parlament għandu kuntratt ma' aġenzija waħda tal-ivvjaġġar u jara ċertu riskju li sitwazzjoni monopolistika bħal din taf tipprevjeni lill-Membri u lill-Parlament milli jiksbu l-aqwa prezzijiet disponibbli; jesiġi eżami tal-mezzi li tuża l-aġenzija tal-ivvjaġġar biex tikseb biljetti li jiġu offruti lill-Membri u lill-assistenti li jivvjaġġaw fuq missjonijiet jew lil Membri li jivvjaġġaw bejn il-postijiet tax-xogħol, filwaqt li jinnota li l-biljetti mogħtija mhux dejjem ikunu l-irħas fis-suq għal klassi speċifika ta’ biljetti;

118. Jitlob lid-DĠ Finanzi biex jirrapporta dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet li jitolbu kuntratturi ġodda kif ukoll dwar ilmenti b’rabta mat-tranżizzjoni minn Carlsonwagonlit għal BCD fir-rapport tiegħu dwar l-attivitajiet għall-2010; ma jaqbilx maż-żieda fil-persunal u mal-ħlasijiet addizzjonali ta’ EUR 34 000 għall-2010, ftit wara li ġie konkluż il-kuntratt f’Diċembru 2009; jirrikjedi li f’kuntratti futuri jiġu inklużi inċentivi għall-garanzija tal-irħas prezz tal-biljetti;

119. Jistieden lis-Segretarju Ġenerali biex jitlob li jsir studju dwar it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar għall-Membri u l-persunal, billi pereżempju titqies il-possibilità ta’ reservazzjonijiet raggruppati annwali ma’ kumpaniji tal-ajru minflok reservazzjonijiet individwali u xiri ta’ biljetti jew l-użu ta’ proċeduri ta’ sejħiet għal offerti għal kuntratti annwali ta’ titjiriet; jitlob ukoll li jkun hemm sistema għall-iżvilupp tal-użu tal-mili mfaddla fuq titjiriet rimborżati mill-Parlament biex jitnaqqsu l-ispejjeż ulterjorment;

DĠ Innovazzjoni u Appoġġ Teknoloġiku

120. Jinnota d-deċiżjonijiet tal-Bureau tas-17 ta' Ġunju 2009 u tat-18 ta' Ottubru 2010 li jiġu estiżi ż-żoni ta' aċċess għan-netwerk mingħajr fili (Wi-Fi) fil-Parlament Ewropew biex ikunu koperti l-kamra, il-kmamar tal-kumitati, l-uffiċċji tal-Membri u l-ispazji pubbliċi kemm fi Brussell kif ukoll fi Strasburgu;

121. Jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar għodod tal-IT li jkunu aħjar biex jappoġġaw il-proċess ta' akkwist; jilqa' f'dan il-kuntest it-tnedija minn DĠ ITEC fl-20 ta' Diċembru 2010 tal-verżjoni 2.3 ta' WebContracts, li timmaniġġja l-kuntratti ta' qafas, forom ta' ordnijiet speċifiċi u kuntratti speċifiċi għal servizzi konnessi ma' kuntratt ta' qafas;

122. Jitlob lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit b'nota dwar il-kalendarju previst għall-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Ġestjoni tal-Għarfien kif ukoll dwar l-iffrankar li huwa previst li se jirriżulta mir-razzjonalizzazzjoni tas-sorsi ta' informazzjoni sal-15 ta' Lulju 2011;

123. Jinnota b'sodisfazzjon it-tnaqqis konsiderevoli (49%, minn 8690 għal 4446) matul l-2010 ta' oġġetti tal-IT fl-istokk (printers, kompjuters personali, kompjuters portabbli, skrins, eċċ.) fid-DĠ differenti; jitlob, madankollu, aktar tnaqqis ta' dan l-istokk li għadu kbir, li jirrappreżenta wkoll valur residwu konsiderevoli (madwar EUR 880 000); iqis li l-ħolqien ta' post ċentrali ta' ħżin għall-printers, il-magni tal-fax u l-kompjuters personali għandu jiġi kkunsidrat serjament;

Gruppi politiċi (partita baġitarja 4 0 0 0 )

124. Jinnota li fl-2009 l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-partita baġitarja 4 0 0 0 intużaw kif ġej:

 

Grupp

L-ewwel nofs tas-sena tal-2009

It-tieni nofs tas-sena tal-2009

Approprjazzjonijiet annwali*

Riżorsi proprji u approprjazzjonijiet trasferiti

Infiq

Rata ta' utilizzazzjoni tal-approprjazzjonijiet annwali

Ammonti trasferiti għall-perjodu ta' wara

Approprjazzjonijiet annwali

Riżorsi proprji u approprjazzjonijiet trasferiti

Infiq

Rata ta' utilizzazzjoni tal-approprjazzjonijiet annwali

Ammonti trasferiti għall-perjodu ta' wara

EPP (li qabel kien EPP-ED)

9.929

7.762

15.078

152%

2.613

9.786

2.633

10.237

105%

2.182

S&D (li qabel kien PSE)

7.357

6.936

9.857

134%

4.436

6.877

4.499

6.893

100%

4.483

ALDE

3.382

3.034

4.750

140%

1.667

3.058

1.698

2.578

84%

2.178

Greens/EFA

1.453

1.049

1.953

134%

548

1.907

554

1.282

67%

1.179

GUE/NGL

1.432

1.484

1.649

115%

1.267

1.240

1.270

1.453

117%

1.057

UEN

1.417

1.251

2.473

174%

195

-

201

79

-

-

IND/DEM

775

586

925

119%

436

-

437

123

-

-

ECR

-

-

-

-

-

1.788

3

1.415

79%

376

EFD

-

-

-

-

-

1.113

1

701

63%

413

Membri mhux affiljati

601

349

512

85%

204

568

204

414

73%

248

Total

26.348

22.450

37.196

141%

11.367

26.338

11.500

25.177

96%

12.116

(*) l-ammonti kollha huma f'eluf ta' EUR

 

 

Il-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej

125. Jinnota li fl-2009 l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-partiti baġitarji 4 0 2 0 u 4 0 3 0 intużaw kif ġej:

 

Partit

Taqsira

Riżorsi Proprji*

Għotja tal-PE

Dħul totali

Għotja tal-PE bħala % tal-infiq eleġibbli (massimu 85%)

Bilanċ pożittiv (trasferiment għar-riżervi) jew telf tad-dħul

Partit Popolari Ewropew

EPP

1.486

3.486

4.971

68%

-303

Partit tas-Soċjalisti Ewropej

PES

913

3.100

4.013

77%

-71

Partit Ewropew tal-Liberali, Demokratiċi u Riformisti

ELDR

377

1.179

1.556

79%

10

Partit Ewropew tal-Ħodor

EGP

568

644

1.211

60%

129

Partit tax-Xellug Ewropew

EL

165

562

728

76%

-16

Alleanza tal-Ewropa tan-Nazzjonijiet

AEN

68

385

453

85%

0

Partit Demokratiku Ewropew

EDP/PDE

58

249

307

85%

6

Alleanza Ewropea Ħielsa

EFA

67

227

294

72%

-21

Demokratiċi tal-UE

EUD

139

217

356

85%

36

Total

 

3.841

10.048

13.890

73%

-230

(*) l-ammonti kollha huma f'eluf ta' EUR

126. Jappoġġa l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Intern fir-Rapport ta' Verifika tiegħu Nru 09/10 ("segwitu għar-rieżami tal-kontribuzzjonijiet għall-partiti politiċi fil-livell Ewropew u rieżami ġdid tal-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej u tar-regoli dwar ir-riżervi u t-trasferimenti ta' bilanċi pożittivi") u jħeġġeġ lis-servizzi rilevanti biex jimplimentaw is-27 azzjoni rikjesta u, b'mod partikolari, l-azzjonijiet kritiċi, rigward:

- l-introduzzjoni ta' struttura ta' mudell obbligatorju għar-rappurtar tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Partiti Politiċi Ewropej u tal-infiq eliġibbli relatat (żewġ azzjonijiet kritiċi) biex ikun hemm għodod adegwati biex tiġi vvalutata l-eliġibilità tal-attivitajiet u/jew tal-kostijiet;

- l-applikazzjoni korretta tar-regoli dwar il-kontribuzzjonijiet in natura;

- it-twettiq ta' kontrolli ex post fil-post, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskji;

- l-istruttura ta' mudell obbligatorju anke għall-fondazzjonijiet;

- l-istabbiliment ta' kriterji għall-aċċettazzjoni ta' kontribuzzjonijiet in natura;

127. Jilqa' f'dan il-kuntest l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma intern bil-kompitu li jeżamina l-miżuri prattiċi li għandhom jitwettqu minn DĠ Finanzi;

128. Jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-partiti u l-fondazzjonijiet ikollhom sistema ta' verifika esterna standard minflok l-għażla ħielsa li hemm bħalissa fil-ħatra ta' awdituri esterni, kif ukoll il-ħtieġa li l-amministrazzjoni tal-Parlament tapplika strettament ir-regoli tal-kontabilità b'mod partikolari rigward il-kontribuzzjonijiet in natura, it-trasferimenti u r-riżervi; jilqa’ għalhekk id-deċiżjoni reċenti mill-Bureau li l-Parlament jipprovdi u jħallas awditur estern għall-partiti u l-fondazzjonijiet;

Fond ta’ Pensjoni Volontarja

129. Jinnota li, fil-laqgħa tiegħu tal-1 ta' April 2009, il-Bureau ddeċieda inter alia li l-Parlament kien se jassumi r-responsabilità legali tiegħu li jiggarantixxi d-dritt tal-membri tal-Iskema għal pensjoni addizzjonali; jilqa' l-fatt li:

i)  l-għażla li wieħed jieħu pensjoni mnaqqsa mill-età ta' 50 sena u l-għażla li wieħed jirċievi somma ta' flus ekwivalenti għal 25% tad-drittijiet tal-pensjoni kienet se tiġi abolita biex tittjjeb il-likwidità tal-Fond u jiġi evitat l-eżawriment prematur tal-kapital;

ii)  l-età tal-irtirar għall-Iskema kienet se tiżdied minn 60 għal 63;

iii)  il-maniġers tal-Fond kienu se jiġu mistiedna jadottaw strateġija ta' investiment aktar prudenti u bbilanċjata u jevitaw li jesponu l-Fond għal riskji ta' fluttwazzjoni fir-rati tal-iskambju;

130. Josserva li d-defiċit attwarju kbir fl-aħħar tal-2008 (madwar EUR 120 000 000) tnaqqas ħafna (għalkemm kien għadu madwar EUR 84 500 000 fil-31 ta' Diċembru 2009) grazzi għal titjib fis-swieq; jenfasizza, madankollu, li għandu jsir studju attwarju ġdid sabiex jiġi vvalutat l-impatt tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Bureau dwar il-miżuri applikabbli għall-membri tal-iskema;

131. Huwa tal-fehma li s-Segretarju Ġenerali għandu jipprovdi lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit b'nota li tiċċara r-rwol tal-Parlament fil-ġestjoni u s-superviżjoni tal-assi tal-Fond; ifakkar li skont l-estimi tal-Fond ta' Pensjoni, anke wara l-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati fl-2009 rigward il-ħlas tal-intitolamenti, il-Fond se jkollu defiċit attwarju konsiderevoli u se jeżawrixxi l-assi tiegħu bejn l-2020 u l-2025; huwa tal-fehma li dan id-defiċit m’għandux jitħallas mill-flus ta' min iħallas it-taxxi, iżda mill-Fond innifsu;

Il-postijiet ta' ħidma

132. Jieħu nota tar-restrizzjonijiet baġitarji li qed jiffaċċjaw bosta Stati Membri bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-bżonn li jiġi rieżaminat b’mod kritiku l-iffrankar potenzjali fil-livelli kollha, inkluż fil-livell tal-Unjoni; fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni, jenfasizza li jista' jintlaħaq iffrankar reali li kieku l-Parlament kellu post tax-xogħol wieħed biss fl-istess post bħall-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni; tabilħaqq, fir-rapport tas-Segretarju Ġenerali dwar l-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament għall-2011, l-istima tal-ispiża annwali li tirriżulta mit-tqassim ġeografiku tal-Parlament ġiet stmata għal madwar EUR 160 000 000, li hija responsabbli għal madwar 9% tal-baġit totali tal-Parlament; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li bħalissa d-deċiżjoni li tinbidel din is-sitwazzjoni - u li jsir iffrankar ta' madwar EUR 160 000 000 fis-sena kif ukoll li titnaqqas b'mod konsiderevoli l-marka tal-karbonju tal-Parlament - hija esklużivament f'idejn il-Kunsill Ewropew (l-Istati Membri); jistieden lill-President tal-Parlament Ewropew u lill-Membri li qed jinnegozjaw il-baġit tal-Unjoni f’isem il-Parlament biex jissuġġerixxu lill-Kunsill Ewropew li jagħmluha possibbli li l-Unjoni tagħmel dan it-tifdil;

133. Jindika wkoll it-tweġiba mogħtija mis-Segretarju Ġenerali għall-kwestjonarju tal-kwittanza, skont liema kwestjonarju ż-żewġ sessjonijiet li saru fi Brussell minflok fi Strasburgu f'Settembru 2008, minħabba t-tiswijiet fis-saqaf tal-emiċiklu ta' Strasburgu, irriżultaw f'iffrankar stma f'ammont ta' madwar EUR 2 500 000;

Parlament aħdar

134. Itenni t-talba tiegħu li l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jingħata kopja tar-rapport annwali tal-EMAS;

135.  Jitlob li l-amministrazzjoni tħaffef l-azzjonijiet biex jitnaqqas b’mod radikali l-konsum tal-karti fil-Kamra; huwa tal-fehma li l-użu sħiħ ta’ tagħmir elettroniku huwa ta’ importanza fundamentali biex jiġi evitat li jkun hemm 'il fuq minn 1000 tunnellata karti fi skart kull sena; huwa wkoll tal-fehma li l-Membri għandhom jingħataw l-opportunità jindikaw jekk ikunux iridu dokumenti stampati jew le;

136.  Iqis li l-emissjonijiet tat-trasport jikkontribwixxu l-ikbar sehem tal-marka tal-karbonju tal-Parlament, li skont il-pjan ta’ azzjoni tiegħu b’rabta mas-CO2, biħsiebu jnaqqasha bi 30% sal-2020; iħeġġeġ għalhekk it-teħid ta’ miżuri adegwati biex titnaqqas il-marka tal-karbonju; jilqa’ studju dwar it-tpattija f’dan ir-rigward; jistieden lis-servizzi responsabbli tal-Parlament biex jipprovdu b’mod sistematiku informazzjoni dwar l-emissjonijiet ikkawżati minn mezzi differenti ta’ trasport meta jkunu qed isiru r-reservazzjonijiet;

137. Jilqa’ l-proposta biex jiġu installati funtani ta’ ilma tal-vit fil-kmamar kollha tal-laqgħat tal-Parlament biex b’hekk isir tifdil ta’ riżorsi, kif adottata mill-Bureau fil-Pjan ta' Azzjoni b'rabta mas-CO2 fi Frar 2009;

138. Jistieden lis-servizzi responsabbli tal-Parlament jippreżentaw miżuri biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini tal-Parlament, speċjalment fir-rigward tat-twaħħil ta’ uċuħ u briġis tal-ħġieġ;

139.  Iħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-Parlament biex tibdel il-karozzi uffiċjali b'vetturi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent billi timmodernizza b'mod kostanti l-flotta b'karozzi li jniġġsu inqas u billi torganizza trasport fi gruppi b'vannijiet VIP għall-ajruporti ta' Brussell u Strasburgu biex tnaqqas il-marka tal-karbonju tal-Parlament; itenni t-talba tiegħu, espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-2008, li l-Parlament jistabbilixxi s-servizz tiegħu tar-roti fi Strasburgu; iħeġġeġ bis-saħħa li dan isir sa Settembru 2011; josserva li, bħala konsegwenza tat-titjib fis-servizz tar-roti, il-flotta tal-karozzi tista’ tiċkien;

140. Iħeġġeġ, fil-kuntest ta’ Parlament sostenibbli, l-użu ta’ ferrovija mikrija minn Brussell għal Strasburgu għas-sessjonijiet plenarji; jinsab imħasseb dwar l-użu dejjem jiżdied ta’ mezzi oħra ta’ transport minn assistenti akkreditati li ma jkunux jistgħu jiksbu biljett tal-ferrovija mikrija; jiddikjara li l-Membri, l-uffiċjali parlamentari u l-assistenti akkreditati għandu jkollhom prijorità fuq klijenti esterni fil-kisba ta’ biljetti għall-ferrovija mikrija;

141. Jilqa' l-ftehim dwar "sistema ta' ħlas minn parti terza" ma' STIB[31] li permezz tagħha l-Parlament jikkontribwixxi 50% tal-ispiża ta' biljetti staġjonali annwali fi Brussell għall-persunal tiegħu bħala miżura ambjentali biex inaqqas il-marka tal-karbonju tal-Parlament billi jippromwovi l-użu tat-trasport pubbliku mill-persunal tiegħu; iħeġġeġ l-amministrazzjoni tiegħu tinnegozja ftehimiet simili mal-Kumpanija Ferrovjarja Nazzjonali tal-Belġju (SNCB-NMBS) u mal-kumpaniji tax-xarabanks reġjonali;

142. Jitlob lill-Bureau jiddeċiedi, mill-iktar fis, li t-titjiriet kollha rriservati fir-rigward tal-ivvjaġġar tal-Membri, tal-persunal u tal-assistenti jiġu awtomatikament soġġetti għall-kumpens tas-CO2.

143. Jissuġġerixxi li l-mili tal-ajru miġbura permezz ta’ ivvjaġġar relatat max-xogħol jintużaw biex jinxtraw biljetti oħra, sabiex b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż sinifikanti tal-ivvjaġġar tal-Kamra;

144. Iqis li, peress li wieħed jadotta drawwiet ambjentalment tajba minn età żgħira, it-tfal fl-Iskejjel Ewropej għandhom bl-istess mod jiġu inkoraġġati jużaw ix-xarabanks tal-iskola minflok il-karozzi privati.

 

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.3.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Andrea Češková, Andrea Cozzolino, Luigi de Magistris, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ingeborg Gräßle, Ville Itälä, Iliana Ivanova, Bogusław Liberadzki, Monica Luisa Macovei, Jan Olbrycht, Aldo Patriciello, Crescenzio Rivellini, Christel Schaldemose, Bart Staes, Georgios Stavrakakis, Søren Bo Søndergaard

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Zuzana Brzobohatá, Chris Davies, Derk Jan Eppink, Christofer Fjellner, Marian-Jean Marinescu, Véronique Mathieu

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Astrid Lulling

 

 

[1] ĠU L 69, 13.3.2009.
[2] ĠU C 308, 12.11.2010, p. 1.
[3] ĠU C 172, 30.6.2010, p. 1.
[4] ĠU C 303, 9.11.2010, p. 1.
[5] ĠU C 308, 12.11.2010, p. 129.
[6] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
[7] PE 349.540/Bur/ann/def.
[8] ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 78.
[9] ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 163.
[10] ĠU C 303, 9.11.2010, p.198.
[11] ĠU L 69, 13.3.2009.
[12] ĠU C 308, 12.11.2010, p. 1.
[13] ĠU C 172,30.6.2010, p. 1
[14] ĠU C 303, 9.11.2010, p. 1.
[15] ĠU C 308, 12.11.2010, p. 129.
[16] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
[17] PE 349.540/Bur/ann/def.
[18] ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 78.
[19] ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 163.
[20] ĠU C 303, 9.11.2010, p.198.
[21] ĠU L 252, 25.9.2010, p. 3.
[22] 1001 kamera fi Brussell, 238 f'Lussemburgu u 364 fi Strasburgu.
[23] Punt 61 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 (ĠU L 252, 25.9.2010, p. 11).
[24] Disponibbli fuq: http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201004/20100406ATT72127/20100406ATT72127EN.pdf
[25] Punt 9.14 tar-Rapport Annwali għall-2009 (ĠU C 303, 9.11. 2010, p.199).
[26] Minuti tal-laqgħa tal-Bureau tad-19.04.2010, PE 439.765/BUR.
[27] B'segwitu għar-ratifika tal-Protokoll li jemenda l-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, ĠU C 263, 29.9.2010, p.1.
[28] Bejn 25 000 u 30 000 żjara fix-xahar.
[29] Premju Lux: madwar EUR 321 000, Premju Charlemagne għaż-Żgħażagħ: madwar EUR 24 000, Premju Ewropew għal-Ġurnaliżmu: Madwar EUR 105 000, Premju Sakharov: madwar EUR 300 000 (l-ammonti kollha huma tal-2009).
[30] Punt 91 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 (ĠU L 252, 25.9.2010, p. 15).
[31] Société de transports intercommunaux de Bruxelles.