Dokument ta' sessjoni
6.4.2011
RAPPORT
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri
(C7‑0215/2010 – 2010/2146(DEC) )
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Crescenzio Rivellini
PR_DEC_Other
WERREJ
Paġna
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW.....................................3
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...............................5
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT........................................................9
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri
(C7‑0215/2010 – 2010/2146(DEC) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009[1],
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 ( SEC(2010)0963 – C7‑0215/2010)[2],
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-awtorità ta' kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2009,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet[3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[4],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[5], u b'mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit ( A7-0138/2011 ),
1. Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2009;
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri
(C7‑0215/2010 – 2010/2146(DEC) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009[6],
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 ( SEC(2010)0963 – C7‑0215/2010)[7],
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-awtorità ta' kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2009,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet[8],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[9],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 272(10) u l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE u l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[10], u b'mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit ( A7-0138/2011 ),
1. Jinnota li fl-2009 l-Qorti tal-Awdituri kellha disponibbli approprjazzjonijiet għall-impenji li kienu jammontaw għal total ta' EUR 188 000 000 (EUR 133 000 000 fl-2008; EUR 122 000 000 fl-2007), b'rata ta' utilizzazzjoni ta' 92.19 %, li hija taħt il-medja tal-istituzzjonijiet l-oħrajn (97.69 %);
2. Ifakkar li, għas-sena finanzjarja 2009, il-kontijiet tal-Qorti tal-Awdituri kienet/u verifikata/i minn kumpanija esterna, PricewaterhouseCoopers (bħal fl-2008 u l-2007), li waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin:
(a) fir-rigward tal-preċiżjoni tal-kontijiet għas-sena finanzjarja 2009, li "fil-fehma tagħna, dawn id-dikjarazzjonijiet finanzjarji jagħtu stampa vera u korretta tal-qagħda finanzjarja tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mill-31 ta' Diċembru 2009, u għalhekk ir-riżultat finanzjarju u l-flussi tal-likwidità tagħha għas-sena ntemmu f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju, mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill imsemmi, u mar-Regoli tal-Kontabilità tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri"; kif ukoll
(b) fir-rigward tal-użu tar-riżorsi finanzjarji assenjati lill-Qorti tal-Awdituri u ma' kemm huma xierqa l-proċeduri ta' kontroll fis-seħħ matul is-sena finanzjarja 2009, li "xejn ma ġibed l-attenzjoni tagħna biex iġegħelna nemmnu li fl-aspetti materjali kollha u abbażi tal-kriterji msemmija hawn fuq: (a) ir-riżorsi assenjati lill-Qorti ma ntużawx għall-għanijiet li għalihom kienu intiżi; (b) il-proċeduri ta’ kontroll fis-seħħ ma jagħtux il-garanziji meħtieġa biex jiżguraw il-konformità tal-operazzjonijiet finanzjarji mar-regoli u r-regolamenti applikabbli";
3. Jilqa’ l-istrateġija ta’ awditjar tal-Qorti tal-Awdituri għall-perjodu 2009 - 2012 u jappoġġa l-għanijiet prijoritarji tagħha (jintuża l-potenzjal kollu tal-impatt globali mill-awditjar tagħha u tiżdied l-effiċjenza billi jsir l-aħjar użu tar-riżorsi); jistenna li l-Qorti tal-Awdituri tirrapporta dwar il-passi meħuda biex tiġi implimentata din l-istrateġija ta' awditjar, kif ukoll li turi l-progress f'din id-direzzjoni bl-użu ta’ Indikaturi Ewlenin tar-Rendiment (KPI), b'mod partikolari bl-introduzzjoni tal-KPI 1 sa 4 fl-2010; jilqa' b'mod partikolari l-pjan li tippubblika segwiti fir-rigward tar-rapporti speċjali biex jiżdied l-impatt tagħhom;
4. Jilqa' t-titjib fil-KPI 5, 6 u 7 mill-2008 sal-2009, u jinnota b'sodisfazzjon li l-Qorti tal-Awdituri laħqet il-miri tagħha fir-rigward tal-KPI 8 u 9; jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ma laħqitx il-mira tagħha fir-rigward tal-Indikaturi Ewlenin tar-Rendiment 10, li fl-2009 meta mqabbel mal-2008 l-għadd ta' ġranet ta' taħriġ naqas minn 10 għal 9, u l-għadd ta' ġranet iddedikati mill-awdituri għat-taħriġ professjonali minbarra korsijiet tal-lingwa kien waqa’ minn 7 għal 4, liema ċifri ma jirrispettawx il-linji gwida tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (40 siegħa/5 ijiem);
5. Jinnota ż-żieda konsiderevoli fl-għadd ta' rapporti prodotti mill-Qorti tal-Awdituri, b'mod partikolari, iż-żieda ta' għadd ta' rapporti speċjali (minn 12 għal 18) u rapporti annwali speċifiċi (minn 29 għal 37), minkejja li l-għadd ta' opinjonijiet naqas; jistenna li l-eżerċizzji ta’ awditjar tar-rendiment li fuqhom huma bbażati r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri se jikkontribwixxu għall-missjoni primarja tagħha li twettaq awditjar tal-finanzi tal-Unjoni;
6. Imħasseb bin-nuqqas ta' informazzjoni dettaljata fir-rapporti speċifiċi annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-aġenziji; iħeġġeġ lill-Qorti tal-Awdituri biex fil-ġejjieni tinkludi aktar tagħrif sħiħ fir-rapporti tagħha dwar l-aġenziji, b'mod partikolari fir-rigward tal-konklużjonijiet tar-rapporti tal-awdituri interni;
7. Jilqa' l-fatt li matul it-tħejjija tar-Rapport Annwali għas-sena finanzjarja 2009, il-Qorti tal-Awdituri wettqet valutazzjoni fil-fond tas-sistemi ta' sorveljanza u kontroll fil-Qorti tal-Ġustizzja, fl-Ombudsman Ewropew u fil-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, li inkludiet l-eżami ta' kampjun addizzjonali ta' transazzjonijiet ta' ħlasijiet relatati mar-riżorsi umani u ma’ nefqa amministrattiva oħra;
8. Iħeġġeġ lill-Qorti tal-Awdituri biex tkompli u twessa’ din il-prattika, u li b'mod partikolari tikkunsidra li twettaq valutazzjoni fid-dettall tas-sistemi ta' sorveljanza u kontroll fil-Kunsill; iħeġġeġ ukoll lill-Qorti tal-Awdituri biex tikkunsidra l-possibilità li jsir użu ta' modi ġodda u innovattivi biex jitwettaq l-awditjar, inklużi l-prodotti ġodda msemmija fl-istrateġija ta' awditjar 2009 - -2012, u, b’hekk, tiġi analizzata l-possibilità ta' titjib addizzjonali fir-rigward tal-produzzjoni u l-effikaċja tal-awditjar;
9. Iqis li l-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-Parlament tista’ tissaħħaħ bis-simplikar tal-metodi ta’ ħidma u tal-istrateġiji u ssaħħaħ aktar is-sinerġiji bejn iż-żewġ istituzzjonijiet; jilqa' f'dan ir-rigward il-miżuri li qed tieħu l-Qorti tal-Awdituri biex tirriforma u ttejjeb b'mod kontinwu r-rwol tagħha b'konformità mat-talba tal-Parlament biex il-valutazzjonijiet u l-awditjar tagħha jkollhom impatt iktar wiesa' u profond, biex id-data tagħha tkun iktar effikaċi u utli u biex is-sistemi u l-proċeduri tagħha jkunu iktar affidabbli; jistenna b'interess ir-'rieżami ta' segwitu bejn l-pari’ li l-Qorti tal-Awdituri biħsiebha tniedi matul l-2011 (tliet snin wara r-rieżami bejn il-pari pożittiv tal-2008); iħabbar f'dan ir-rigward li l-Parlament biħsiebu joħroġ rapport fuq inizjattiva proprja dwar titjib possibbli li jista' jiġi propost lill-Qorti tal-Awdituri b'assigurazzjoni sħiħa li jista' jistrieħ fuq il-kooperazzjoni ta' din tal-aħħar;
10. Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri rreklutat 112-il impjegat fl-2009 (69 uffiċjali, 14-il persunal temporanju, 39 persunal b'kuntratt), u n-numru totali ta' postijiet vakanti fl-aħħar tal-2009 (49) tnaqqas b'mod konsiderevoli meta mqabbel ma' tmiem l-2008 (68); jilqa' t-tnaqqis fid-dewmien tal-proċess ta’ reklutaġġ tal-Qorti tal-Awdituri;
11. Jilqa’ t-titjib kostanti fir-rigward tal-proporzjon ta’ rġiel u nisa fil-persunal tal-Qorti tal-Awdituri, b'mod partikolari t-tnaqqis tal-isproporzjon fil-livell ta’ assistenti, kapijiet tal-unità u diretturi;
12. Jinnota li r-rapport tal-2009 tal-awditur intern tal-Qorti tal-Awdituri kien ġeneralment pożittiv, jilqa' f'dan il-kuntest il-fatt li l-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-awditur intern ġew aċċettati u integrati fi pjanijiet ta' azzjoni korrettivi;
13. Jilqa' s-suċċess li għaddejja minnu l-kooperazzjoni interistituzzjonali bejn l-Iskola Ewropea tal-Amministrazzjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tat-taħriġ;
14. Jinnota r-reviżjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri, li saret fl-2010, u jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tagħti valutazzjoni tal-effett ta’ dawk il-bidliet fir-Rapport tal-Attività Annwali tagħha;
15. Ifakkar, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-membri, li f'konformità mal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Qorti tal-Awdituri, il-membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jittrasmettu dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom lill-President tal-Qorti tal-Awdituri, li jżommhom taħt kunfidenzjalità, u jiżgura li dawn id-dikjarazzjonijiet ma jkunux ippubblikati; itenni l-pożizzjoni tiegħu li, fl-interess tat-trasparenza, id-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-membri tal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom ikunu aċċessibbli fuq l-Internet permezz ta' reġistru pubbliku, u jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tieħu l-miżuri meħtieġa f'dan ir-rigward u tadatta u tibbaża r-regoli tagħha dwar l-'interessi finanzjarji' fuq l-abbozz il-ġdid tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji, meta jkun il-każ;
16. Ifakkar li l-indipendenza, l-integrità, l-imparzjalità, l-eċċellenza u l-professjonaliżmu huma l-valuri ċentrali tal-Qorti tal-Awdituri u jqis li l-aħbarijiet li dehru fuq il-midja jirrikjedu riflessjoni, ifakkar ukoll li matul il-preżentazzjoni tar-rapport ta’ rieżami bejn il-pari, il-President tal-Qorti tal-Awdituri ħabbar li se ssir reviżjoni ta' segwitu bejn il-pari wara tliet snin; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tippreżenta r-riżultati ta' dan ir-rieżami bejn il-pari lill-kumitat kompetenti tal-Parlament sabiex jiġu stabbiliti, għal darb’oħra, dawk il-valuri, b’mod partikolari l-objettività, l-imparzjalità u l-professjonaliżmu tal-Qorti tal-Awdituri;
17. Ifaħħar lill-Qorti tal-Awdituri għall-kwalità tar-Rapport tal-Attività Annwali tagħha;
18. Jinnota li, kontra dak li ġara fis-snin ta’ qabel, il-missjonijiet lejn pajjiżi mhux Stati Membri ma ġewx irrapportati skont il-pajjiż fl-2009.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 22.3.2011 |
|
|
| |
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 24 1 0 | |||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Marta Andreasen, Jean-Pierre Audy, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Andrea Češková, Andrea Cozzolino, Luigi de Magistris, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Ingeborg Gräßle, Ville Itälä, Iliana Ivanova, Bogusław Liberadzki, Monica Luisa Macovei, Jan Olbrycht, Aldo Patriciello, Crescenzio Rivellini, Christel Schaldemose, Bart Staes, Georgios Stavrakakis, Søren Bo Søndergaard | ||||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Chris Davies, Derk Jan Eppink, Christofer Fjellner, Véronique Mathieu | ||||