Dokument ta’ sessjoni
30.5.2011
***I
RAPPORT
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi
( COM(2010)0791 – C7‑0012/2011 – 2011/0001(COD) )
Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Mitro Repo
PR_COD_1amCom
Tifsira tas-simboli użati |
* Procedura ta' konsultazzjoni *** Proċedura ta’ approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) ***III Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)
(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)
|
Emendi għal abbozz ta’ att |
Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.
L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW 5
PROĊEDURA 13
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi
( COM(2010)0791 – C7‑0012/2011 – 2011/0001(COD) )
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2010)0791 ),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7–0012/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tal-5 ta' Mejju 2011[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur ( A7-0201/2011 ),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari kif tinstab hawnhekk;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1
Proposta għal regolament – att li jemenda
Premessa 10 a (ġdida)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (10a) Jeħtieġ li ssir valutazzjoni tal-effikaċja u tal-mekkaniżmi operattivi tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u li tiġi eżaminata bir-reqqa l-possibbiltà li fl-Anness tiegħu jiġu inklużi liġijiet addizzjonali li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, bil-ħsieb li dak ir-Regolament jiġi revedut ħalli l-awtoritajiet pubbliċi tal-infurzar jingħatawlhom mezzi mtejba biex b’mod effikaċi jikxfu, jinvestigaw u jġibu fi tmiemhom jew jipprojbixxu infrazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi kollettivi tal-konsumaturi f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, mill-aktar fis u sa mhux aktar tard minn tmiem is-sena 2014, flimkien ma' proposta leġiżlattiva, fejn ikun hemm bżonn. |
Emenda 2
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 1 – parti introduttorja u punt 1 (ġdid)
Regolament (KE) Nru 2006/2004
Artikolu 21 a (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 għandu jiġi emendat kif ġej: |
| -1. għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej: |
| "Artikolu 21a |
| Rieżami |
| Sal-31 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li għandu jivvaluta l-effikaċja u l-mekkaniżmi operattivi ta' dar-Regolament u jeżamina bir-reqqa l-inklużjoni possibbli fl-Anness tiegħu ta’ liġijiet addizzjonali li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. Ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni esterna u fuq konsultazzjoni estiża tal-partijiet interessati kollha, u miegħu għandha ssir proposta leġiżlattiva, fejn hemm bżonn." |
NOTA SPJEGATTIVA
I. Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet ta' protezzjoni tal-konsumaturi
Ir-Regolament 2006/2004 (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi, CPC) ġie adottat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fis-27 ta' Ottubru 2004 u daħal fis-seħħ fid-29 ta' Diċembru 2006.
Ir-Regolament jimmira lejn abolizzjoni tal-ostakoli għall-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet pubbliċi tal-infurzar biex jidentifikaw, jinvestigaw u jwaqqfu jew jipprojbixxu l-infrazzjonijiet interni fl-UE tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. Ir-Regolament huwa maħsub biex jiġu indirizzati b'mod effiċjenti u effikaċi n-negozjanti transkonfinali li jużaw prassi irregolari li jfixklu l-funzjonament mexxej tas-suq intern, u biex għalhekk iżid il-fiduċja tal-konsumaturi biex jidħlu għal offerti transkonfinali, u jipprevjeni li l-bejjiegħa u l-fornituri jevadu l-infurzar għad-detriment kompetittiv ta' bejjiegħa u fornituri li jsegwu l-liġi.
Ir-Regolament jilħaq dawn l-objettivi bit-twaqqif ta' netwerk madwar l-UE ta' awtoritajiet pubbliċi responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet tal-konsumatur fl-Istati Membri (in-'Netwerk CPC'), li beda jaħdem f'Diċembru 2006. Ir-Regolament CPC jarmonizza parzjalment il-poteri investigattivi u dawk tal-infurzar tal-awtoritajiet u jistabbilixxi l-mekkaniżmi biex isir skambju ta' informazzjoni relevanti u/jew jittieħdu passi ta' infurzar biex jitwaqqfu l-infrazzjonijiet f'sitwazzjonijiet transkonfinali.
II. Raġunijiet u objettivi tal-proposta attwali
In-netwerk stabbilit bir-Regolament jagħmel monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni li tipproteġi l-interessi tal-konsumatur u jinfurzaha. Il-leġiżlazzjoni li tinsab fi ħdan l-ambitu tan-netwerk CPC qiegħda fil-lista fl-Anness tar-Regolament. L-objettiv tar-regolament li jemenda propost huwa li jaġġorna l-kontenuti tal-Anness biex jirriflettu l-iżviluppi leġiżlattivi reċenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur.
L-aġġornament tal-Anness se jkun jikkonsisti fit-tneħħija mill-Anness ta' leġiżlazzjoni li mhix relevanti għall-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar u fl-aġġornar ta' referenzi għal-leġiżlazzjoni l-qadima li ma għadhiex fis-seħħ b'referenzi għal-leġiżlazzjoni l-ġdida fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur.
Aktar importanti, l-aġġornar tal-Anness huwa meħtieġ minħabba li d-Direttiva 87/102/KEE ġiet revokata bid-dħul tad-Direttiva 2008/48/KE dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur, mingħajr ma tiddikjara espliċitament li referenzi għad-Direttiva revokata għandhom jinftiehmu bħala referenzi għad-Direttiva l-ġdida. Għall-finijiet ta' ċertezza legali, dan ir-Regolament għalhekk għandu jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni urġenti.
III. Il-kummenti ġenerali tar-Rapporteur dwar il-funzjonament tar-Regolament CPC
Ir-Rapporteur jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni minħabba li hija meħtieġa biex tiżgura li l-Anness għar-Regolament jirrifletti l-iżviluppi tal-ġabra tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.
Filwaqt li jqis l-objettivi limitati ta' din il-proposta, ir-Rapporteur jikkunsidra, madankollu, li l-kwistjoni politika ewlenija li għandha tkun eżaminata hija dwar jekk ir-Regolament attwali jipprovdix qafas adegwat għall-infurzar transkonfinali tal-acquis tal-konsumatur.
L-aħħar rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament CPC ippubblikat fit-2 ta' Lulju 2009[2] u l-Laqgħa ta' Livell Għoli "Lejn ir-Rispett tad-Drittijiet Ekonomiċi tal-Konsumatur fis-Suq Intern" (Brussell, 22 ta' Settembru 2010) joħroġ fil-beraħ it-tħassib dwar il-kisbiet fl-infurzar transkonfinali tal-acquis tal-konsumatur.
Numru sinifikanti ta' awtoritajiet innotifikati jew mhumiex ikkonnettjati, jew ma jużawx is-sistema attivament, għalkemm din hija prekondizzjoni għall-funzjonament effikaċi tan-Netwerk CPC. It-talbiet qed jieħdu aktar u aktar fit-tul biex jingħalqu, billi l-awtoritajiet qed jużaw l-għodda tal-IT b'modi tant differenti li dan jista' jkun qed iħalli impatt negattiv fuq l-isforzi li qegħdin jagħmlu biex jikkooperaw.
Xi kwistjonijiet oħrajn huma ta' natura aktar orizzontali, bħalma hi l-kwistjoni tad-diverġenza tal-liġijiet nazzjonali tal-konsumatur, il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli u sa fejn japplika r-Regolament CPC għal dak li għandu x'jaqsam mal-introduzzjoni tal-obbligu tal-kooperazzjoni. Mhuwiex dejjem possibbli li jkun hemm konformità ma' talba għal assistenza reċiproka f'sitwazzjoni fejn azzjoni tista' tkun ipprojbita fl-Istat Membru tal-konsumatur imma mhux fl-Istat Membru tal-fornitur.
Problema oħra tikkonċerna l-ordni ta' preċedenza. Bħalissa m'hemm l-ebda ġabra komuni ta' prijoritajiet bejn l-awtoritajiet tal-infurzar. Huwa kruċjali u normali li l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jkollhom is-sistema tagħhom ta' ordni ta' preċedenza minħabba li r-riżorsi huma limitati. Imma jekk kull talba għal assistenza reċiproka hija suġġetta għall-ordni ta' preċedenza nazzjonali, u m'hemmx qbil ta' kif jiġi stabbilit x'għandu jingħata preċedenza, is-sistema ma tistax taħdem b'mod effiċjenti. Għalhekk għandu jkun previst rwol tal-Kummissjoni fil-formazzjoni ta' metodu komuni fl-issettjar tal-prijoritajiet u tal-ippjanar multiannwali.
Hemm ukoll il-ħtieġa biex ikun żviluppat fehim kondiviż ta' fatti relevanti u interpretazzjoni komuni tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, ngħidu aħna, id-definizzjoni dwar "l-interessi kollettivi tal-konsumatur". Ħarġu wkoll fehmiet differenti ta' kif l-acquis tal-konsumatur jinteraġixxi ma' partijiet oħra tal-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE.
Barra minn hekk, ir-regoli ta' proċedura għall-infurzar jibqgħu frammentati. Sistemi legali u sistemi ta' infurzar nazzjonali differenti jagħmluha diffiċli biex jkunu indirizzati l-infrazzjonijiet interni tal-UE b'mod effiċjenti. Xi awtoritajiet pubbliċi għandhom mezzi b'effetti aktar wiesa' biex iwaqqfu l-infrazzjonijiet filwaqt li oħrajn ikollhom jitilgħu l-qorti u jaffaċjaw proċeduri pjuttost twal.
L-ispejjeż tal-qorti jistgħu joħolqu problemi wkoll. Kif previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament, l-awtorità li qed tapplika għandha tibqa' responsabbli għall-ispejjeż kollha u għat-telf kollu li jsiru minħabba miżuri li jinstab li ma jkunux fondati. F'xi pajjiżi, bħall-Finlandja, l-awtorità li qed tapplika m'għandhiex għalfejn tħallas minħabba li tapplika r-regola ta' servizz bla ħlas, għalkemm f'ħafna pajjiżi dan mhuwiex il-każ. Dan jista' jirriduċi n-numru ta' proċeduri ta' infrazzjonijiet li jistgħu jiġu indirizzati, jekk l-awtorità li qed tapplika ma tkunx tista' tlaħħaq mal-ispejjeż possibbli tal-proċeduri tal-qorti.
Fl-aħħar nett, il-fatt li t-talbiet qed jieħdu aktar u aktar fit-tul biex jingħalqu (medja ta' 81 ġurnata sa Ġunju 2008, b'din il-figura titla' għal 148 ġurnata sal-aħħar tal-2008) jista' jkun spjegat parzjalment minħabba li l-każijiet transkonfinali huma aktar kumplessi, imma huwa ġeneralment indikatur ta' nonkonformità mal-iskadenzi stabbiliti jew ma' rekwiżiti operattivi oħrajn.
Dan min-naħa tiegħu għandu effett fuq in-numru ta' talbiet li jidher li staġnaw jew saħansitra tnaqqsu fl-2010. Din mhijiex tendenza mixtieqa u għandha tinqaleb malajr kemm jista' jkun sabiex jintlaħaq l-objettiv finali tar-Regolament CPC. Hija l-konvinzjoni soda tar-Rapporteur li t-tnaqqis fin-numru ta' talbiet ma jirriflettix tnaqqis fin-numru ta' infrazzjonijiet interni tal-UE imma pjuttost jirrifletti n-nuqqasijiet tas-sistema.
Rigward il-kwistjoni ta' koordinament, il-metodu attwali fuq bażi settorjali għal inizjattivi tal-politika tal-konsumatur ma jiffaċilitax l-infurzar koerenti. Ikun meħtieġ rwol ikbar għall-Kummissjoni fil-koordinament tal-infurzar ta' attivitajiet pan-Ewropej minħabba li attwalment din il-problema mhix indirizzata biżżejjed.
Ir-Rapporteur huwa tal-fehma wkoll li, sabiex jintlaħqu l-objettivi għal trawwim aħjar tal-protezzjoni tal-konsumatur fl-Ewropa, l-ambitu tar-Regolament CPC għandu jitwessa' sabiex ikun jirrifletti l-ġabra tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur b'mod aktar olistiku u orizzontali. Sa ċertu punt l-ambitu tar-Regolament CPC diġà twessa', imma għandha ssir valutazzjoni aktar ġeneral tal-ambitu li tkun tinkludi l-leġiżlazzjoni ġestita minn dipartimenti differenti tal-Kummissjoni (ngħidu aħna, is-servizzi finanzjarji, il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri).
IV. Il-pożizzjoni ġenerali tar-Rapporteur
Filwaqt li jqis li r-riżultati attwali tal-kooperazzjoni tal-infurzar transkonfinali mhumiex sodisfaċenti u li għandhom jittieħdu miżuri, ir-Rapporteur identifika tliet tipi ta' azzjonijiet alternattivi li jistgħu jittieħdu rigward din il-proposta:
(a) ikunu proposti emendi sostantivi mmirati biex jindirizzaw il-problemi li ġew identifikati sa issa fl-applikazzjoni tar-Regolament, (b) tkun aċċettata l-proposta teknika tal-Kummissjoni mingħajr ma jkunu proposti modifiki oħra, (c) ikunu proposti numru limitat ta' emendi, i.e. 'klawsola ta' rieżami', fejn il-Kummissjoni tintalab tieħu r-responsabbiltà ta' valutazzjoni tal-effikaċità u tal-mekkaniżmi operattivi tar-Regolament, u toħroġ, fi żmien stipulat u tajjeb, bi proposta leġiżlattiva mmirata lejn reviżjoni aktar sostanzjali tar-Regolament attwali, inkluż it-twessigħ tal-ambitu tiegħu.
Filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa għal aġġornament u konsolidazzjoni malajr tal-Anness tar-Regolament , sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali għan-negozju, il-konsumaturi u l-awtoritajiet tal-infurzar,
ir-Rapporteur jqis it-tielet alternattiva bħala l-aktar waħda xierqa f'dan l-istadju.
Madankollu r-Rapporteur jixtieq jenfasizza li din il-proposta hija l-okkażjoni ġusta biex tkun ikkonfermata l-ħtieġa għal rieżami aktar sostanzjali tar-Regolament. Fil-fehma tar-Rapporteur, hemm ħtieġa reali li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u l-problemi fl-infurzar transkonfinali tal-acquis tal-konsumatur u biex jitjieb il-funzjonament ġenerali tan-Netwerk CPC.
Ir-Rapporteur huwa konxju li għalissa m'hemmx biżżejjed informazzjoni fuq l-operat tar-Regolament u informazzjoni simili għandha tinkiseb minn analiżi dettaljata. Bħalissa, il-Kummissjoni qed tħejji t-tieni rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament CPC li għandu jiġi ppubblikat aktar tard dis-sena. Il-Kummissjoni pprevediet ukoll li twettaq evalwazzjoni esterna segwita minn konsultazzjoni pubblika fost il-partijiet interessati. Għalhekk, jidher li huwa raġonevoli li wieħed jistenna r-riżultati ta' dan il-proċess qabel ma jkunu proposti xi modifiki iktar wiesa' tar-Regolament CPC.
Bl-inklużjoni tal-'klawsola tar-rieżami' fir-Regolament, ir-Rapporteur irid jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni timpenja ruħha għall-proċess tar-rieżami u tħaffu filwaqt li toħroġ bi proposta leġiżlattiva ġdida sal-aħħar tal-2014.
Ir-Rapporteur jenfassizza wkoll li għandu jsir stħarriġ bir-reqqa li jippreżenta stampa ċara tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur meta tkun qed issir il-valutazzjoni tal-ambitu tar-Regolament CPC. L-ambitu tar-Regolament għandu jitqies b'mod aktar olistiku, u finalment għandu jkopri l-leġiżlazzjoni kollha tal-UE li tolqot l-interessi kollettivi tal-konsumaturi.
Bħala konklużjoni, ir-Rapporteur jaħseb li l-infurzar transkonfinali tal-interessi tal-konsumaturi għandu jitqiegħed fuq quddiem tal-aġenda politika. Titjib fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar għandu jiżviluppa f'rimedju aktar effiċjenti f'idejn il-konsumaturi Ewropej u jżid il-fiduċja tagħhom fis-suq intern.
PROĊEDURA
Titolu | Emenda tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi | |||
Referenzi | COM(2010)0791 – C7-0012/2011 – 2011/0001(COD) | |||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE | 3.1.2011 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | IMCO 18.1.2011 |
|
|
|
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | JURI 18.1.2011 |
|
|
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni | JURI 26.1.2011 |
|
|
|
Rapporteur(s) Data tal-ħatra | Mitro Repo 4.2.2011 |
|
|
|
Artikolu 51 - Laqgħat konġunti ta’ kumitati Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
| |||
Data tal-adozzjoni | 25.5.2011 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 33 0 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Cristian Silviu Buşoi, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Evelyne Gebhardt, Louis Grech, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Iliana Ivanova, Sandra Kalniete, Eija-Riitta Korhola, Edvard Kožušník, Hans-Peter Mayer, Phil Prendergast, Mitro Repo, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Laurence J.A.J. Stassen, Catherine Stihler, Kyriacos Triantaphyllides, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Cornelis de Jong, Constance Le Grip, Morten Løkkegaard, Sylvana Rapti | |||
Data tat-tressiq | 31.5.2011 | |||