Dokument ta’ sessjoni
14.7.2011
***I
RAPPORT
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (formulazzjoni mill-ġdid)
( COM(2009)0551 – C7-0250/2009 – 2009/0164(COD) )
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur għal opinjoni: Jean Lambert
(Tfassil mill-ġdid – Artikolu 87 tar-Regoli ta’ Proċedura)
PR_COD_COD_1recastingam
Tifsira tas-simboli użati |
* Procedura ta' konsultazzjoni *** Proċedura ta’ approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) ***III Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)
(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)
|
Emendi għal abbozz ta’ att |
Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.
L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW 5
NOTA SPJEGATTIVA 38
ANNESS: ITTRA MILL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI 40
ANNESS: OPINJONI TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI 42
IL-PROĊEDURA 45
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (formulazzjoni mill-ġdid)
( COM(2009)0551 – C7-0250/2009 – 2009/0164(COD) )
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – tfassil mill-ġdid)
il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2009)0551 ),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 63(1) punti 1(c), 2(a) u 3(a) tat-Trattat KE, li skont it-termini tagħhom il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7–0250/2009);
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Il-Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa” ( COM(2009)0665 ),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 78(2)(a) u (b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-28 ta’ April 2010[1],
– wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 għal użu iktar strutturat tat-teknika tar-riformulazzjoni tal-atti legali[2],
– wara li kkunsidra l-ittra tat-2 ta’ Frar 2010 mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern skont it-termini tal-Artikolu 87(3) tar-Regola ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 87, 55 u 37 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern ( A7-0271/2011 ),
A. Billi, skont il-grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-proposta in kwistjoni ma tinkludi l-ebda emenda ta' sustanza għajr dawk identifikati bħala tali fil-proposta u billi, fir-rigward tal-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ma nbidlux tal-atti ta' qabel flimkien ma' dawk l-emendi, il-proposta fiha kodifikazzjoni sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr ebda bidla fis-sustanza tagħhom,
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
POŻIZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
FL-EWWEL QARI[3]*
---------------------------------------------------------
DIRETTIVA UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar standards ▌għall-kwalifika ▌ta’ ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u partikolarment il-punti 2 (a) u 2(b) tal-Artikolu 78 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4],
Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz ta' att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[5],
Billi:
(1) Għandhom isiru numru ta’ tibdil sostantivi lid-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar standards minimi għall-kwalifiki u l-istatus taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew dawk ta' mingħajr stat bħala rifuġjati jew bħala persuni li, għal raġunijiet oħra, għandhom bżonn ta' protezzjoni internazzjonali u relatati mal-kontenut tal-protezzjoni mogħtija[6]. Dik id-Direttiva għandha tiġi mfassla mill-ġdid fl-interess taċ-ċarezza.
(2) Politika komuni fuq l-ażil, inkluża Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil, hija parti fundamentali mill-għan tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi progressivament żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li tkun miftuħa għal dawk li, mġegħlin miċ-ċirkustanzi, ifittxu leġittimament protezzjoni fl-Unjoni.
(3) Il-Kunsill Ewropew fil-laqgħa speċjali tiegħu f'Tamper fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999 ftiehem li jaħdem sabiex jistabbilixxi Sistema ta' Ażil Komuni Ewropea, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklussiva tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra li tirrigwarda l-Istatus ta' Rifuġjati tat-28 ta' Lulju 1951 (“Konvenzjoni ta' Ġinevra”), kif supplimentata mill-Protokoll ta' Ġdid York tal-31 ta' Jannar 1967 (il-“Protokoll”), b'hekk tafferma l-prinċipju ta' non-refoulement u tiżgura li ħadd ma' jintbagħat lura għal persekuzzjoni.
(4) Il-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-Protokoll jipprovdu l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta' rifuġjati.
(5) Il-konklużjonijiet ta' Tampere jipprovdu li Sistema ta' Kenn (Asylum) Komuni Ewropea għandha tinkludi, fuq skont qasir, l-approssimazzjoni ta' regoli dwar l-għarfien ta' refuġjati u l-kontentut tal-istat tar-refuġjat.
(6) Il-konklużjonijiet ta' Tampere jipprovdu wkoll li regoli rigward l-istat tar-refuġjati għandhom jiġu kumplimentati b'miżuri dwar forom sussidjarji ta' protezzjoni, li joffru stat xieraq lil kull persuna fil-bżonn ta' din il-protezzjoni.
(7) L-ewwel fażi fil-ħolqien tas-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea issa ntlaħqet. Il-Kunsill Ewropew tal-4 ta' Novembru 2004 adotta l-Programm ta’ The Hague li jistabbilixxi l-għanijiet li għandhom jiġu implimentati fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja matul il-perjodu 2005-2010. F'dan ir-rigward, il-Programm ta’ The Hague stieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkonkludi l-evalwazzjoni tal-istrumenti legali tal-ewwel fażi u tissottometti l-istrumenti u l-miżuri tat-tieni fażi lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex dawn jiġu adottati qabel it-tmiem tal-2010. ▌
(8) Fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil adottat fil-15-16 ta’ Ottobru 2008, il-Kunsill Ewropew enfasizza li kien fadal numru konsiderevoli ta’ diverġenzi bejn Stat Membru u ieħor dwar l-għoti ta’ protezzjoni u l-forom li l-protezzjoni tieħu u sejjaħ għal inizjattivi ġodda sabiex jitkompla l-istabbiliment tas-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea, provduta fil-Programm ta’ The Hague, u għalhekk joffri grad ogħla ta’ protezzjoni.
(8a) Fil-Programm ta' Stokkolma, il-Kunsill Ewropew tenna l-impenn tiegħu dwar l-għan li jistabbilixxi żona komuni ta' protezzjoni u solidarjetà, ibbażata fuq proċedura komuni ta’ ażil u status uniformi, skont l-Artikolu 78 TFUE, għal dawk li ngħataw protezzjoni internazzjonali, mhux aktar tard mill-2012.
(9) Fid-dawl tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet li ttieħdu, hu xieraq, f’dan l-istadju, li jiġu kkonfermati l-prinċipji bażi tad-Direttiva 2004/83/KE kif ukoll biex jinkiseb livell ogħla ta’ approssimazzjoni tar-regoli dwar rikonoxximent u kontenut tal-protezzjoni internazzjonali fuq il-bażi ta’ standards ogħla ▌.
(10) Ir-riżorsi tal-Fond Ewropew għar-Rifuġjati u tal-Uffiċċju ta' Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Ażil (UEAQA) għandhom ikunu mobilizzati sabiex jipprovdu appoġġ adegwat lill-isforzi tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-istandards stabbiliti fit-tieni fażi tas-Sistema Ewropea Komuni ta' Ażil, b'mod partikolari lil dawk l-Istati Membri li qed jaffaċċjaw pressjonijiet partikolari u sproporzjonati fuq is-sistemi ta' ażil tagħhom, minħabba s-sitwazzjoni ġeografika jew demografika tagħhom.
(11) L-għan ewlieni ta' din id-Direttiva huwa, minn naħa waħda, li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta' persuni ġenwinament fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra biex jiżgura li livell minimu ta' benefiċċju huwa disponibbli għal dawn il-persuni fl-Istati Membri kollha.
(12) L-approssimazzjoni ta' regoli dwar ir-rikonoxximent u l-kontenut tal-istatus ta' rifuġjat u ta' protezzjoni sussidjarja għandu jgħin biex jillimita l-movimenti sekondarji ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri, fejn dan il-moviment huwa purament ikkaġunat minn differenzi f'qafas legali.
(13) ▌L-Istati Membri għandu jkollhom il-poter li jdaħħlu jew iżommu aktar dispożizzjonijiet favorevoli mill-istandards stabbiliti f'din id-Direttiva għal ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jitolbu l-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, fejn din it-talba hija mifhuma li hija fuq il-bażi li l-persuna interessata hija jew rifuġjat skont it-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra, jew persuna li hija eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja.
(14) Dawk iċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat, li huma permessi li jibqgħu fit-territorji ta' l-Istati Membri għal raġunijiet li mhumiex minħabba ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali imma fuq bażi għaqlija (discretionary) fuq bażijiet ta' kumpassjoni jew umanitarji, joħorġu barra mill-iskop ta' din id-Direttiva.
(15) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [7]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt għall-ażil għal applikanti u għall-membri tal-familja li jakkompanjawhom u sabiex tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 7, 11, 14, 15, 16, 18, 21, 24, 34 u 35 tal-Karta u għandha tiġi implimentata kif suppost.
(16) Fir-rigward tat-trattament ta' persuni li jaqgħu fl-ambitu ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri huma marbuta b'obbligi taħt strumenti tal-liġi internazzjonali li tagħhom jagħmlu parti, inkluż partikolarment dawk li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni.
(17) L-"aħjar interessi tat-tfal", għandha jkun kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva, skont il-Konvenzjoni tan-NU tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal . Fil-valutazzjoni tal-aħjar interess tat-tfal, l-Istati Membri għandhom partikolarment jikkunsidraw b’mod xieraq il-prinċipju tal-unità tal-familja, il-benesseri tal-minuri u l-iżvilupp soċjali, il-kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza u tas-sigurtà u l-opinjonijiet tal-minuri skont l-età u l-maturità tiegħu/tagħha.
(18) Hu meħtieġ li wieħed iwessa’ l-kunċett ta' membri tal-familja, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi differenti partikolari tad-dipendeza u l-attenzjoni speċjali li għandha tingħata lill-aħjar interessi tat-tfal.
(19) Din id-Direttiva hi mingħajr preġudizzju għall-Protokoll dwar ażil għal ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif hemm fl-anness tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
(20) L-għarfien ta' status ta' rifuġjat huwa att dikjaratorju.
(21) Konsultazzjonijiet mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għal Refuġjati (UNHCR) jistgħu jipprovdu gwida ta' valur għal Stati Membri meta jistabbilixxu status ta' refuġjat skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra.
(22) Standards ▌għad-definizzjoni u l-kontenut tal-istatus ta’ rifuġjat għandhom jiġu stabbiliti sabiex iservu ta’ gwida lill-korpi nazzjonali tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.
(23) Hu meħtieġ li jiġu introdotti kriterji komuni sabiex jiġu rikonoxxuti applikanti għall-ażil bħala rifuġjati skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.
(24) B’mod partikolari, hu meħtieġ li wieħed jintroduċi aspetti komuni tal-ħtiġiet għall-protezzjoni li jinqajmu fuq il-post; sorsi ta' periklu u protezzjoni; protezzjoni interna; u persekuzzjoni, inklużi r-raġunijiet għall-persekuzzjoni.
(25) Il-protezzjoni tista' tiġi provduta, fejn ikun hemm ir-rieda u l-kapaċità li joffru protezzjoni, jew mill-Istat jew minn partijiet jew organizzazzjonijiet, inklużi organizzazzjonijiet internazzjonali, li jilħqu l-kundizzjonijiet ta' din id-Direttiva, li jikkontrollaw reġjun jew zona akbar ▌tal-istat. Protezzjoni bħal din għandha tkun effettiva u ta’ natura mhux temporanja.
(26) Protezzjoni interna kontra l-persekuzzjoni jew dannu serju għandha tkun disponibbli b’mod effettiv lill-applikant f’parti mill-pajjiż ta’ oriġini fejn dan jista’ jivvjaġġa b’mod sikur u legali, jikseb dħul u b’mod raġonevoli huwa mistenni li jissetilja. Fejn l-Istat jew l-aġenti tal-Istat huma l-atturi ta’ persekuzzjoni, għandu jkun hemm preżunzjoni li l-protezzjoni effettiva mhijiex disponibbli għall-applikant. Fejn l-applikant ikun minuri mhux akkumpanjat, id-disponibilità ta’ arranġamenti ta’ kura u kustodja xierqa, li jkunu fl-aħjar interessi tal-minuri mhux akkumpanjat, għandha tkun parti mill-valutazzjoni dwar jekk il-protezzjoni hijiex effettivament disponibbli.
(27) Huwa meħtieġ, meta jiġu eżaminati applikazzjonijiet minn minuri għal protezzjoni internazzjonali, li l-Istati Membri għandhom jagħtu każ ta' forom ta' persekuzzjoni speċifiċi għat-tfal.
(28) Waħda mill-kundizzjonijiet sabiex wieħed jikkwalifika għal status ta’ rifuġjat skont it-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra hi l-eżistenza ta’ konnessjoni każwali bejn ▌raġunijiet tar-razza, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija fi grupp soċjali partikolari u l-atti ta’ persekuzzjoni jew l-assenza ta’ protezzjoni ▌ kontra tali atti.
(29) Hu ugwalment meħtieġ li jiġi introdott kunċett komuni tal-bażi ta’ persekuzzjoni “sħubija fi grupp soċjali partikolari”. Minħabba l-bżonn li tingħata tifsira ta’ grupp soċjali partikolari, kwistjonijiet li joħorġu mis-sess ta’ applikant, inkluża l-identità sesswali u l-orjentazzjoni sesswali, li jistgħu jkunu relatati ma’ ċerti tradizzjonijiet u drawwiet legali, li jirriżultaw pereżempju f’mutilazzjoni ġenitali, sterilizzazzjoni furzata, abort furzat, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom, sakemm ikunu relatati mal-biża’ ġustifikat tal-applikant minn persekuzzjoni.
(30) Atti kontra r-raġunijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti huma msemmija fil-Preambolu u fl-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u huma, fost l-oħrajn, inkorporati fir-Riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar miżuri li jiġġieldu kontra t-terroriżmu, li jiddikjaraw li “atti, metodi u prattiki tat-terroriżmu huma kuntrarji għall-għanijiet u prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” u li “l-finanzjament, l-ippjanar u t-tqanqil ta' atti terroristiċi apposta huma wkoll kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti".
(31) Kif imsemmi fl-Artikolu 14, “status” jista’ jinkludi ukoll status ta’ rifuġjat.
(32) ▌Standards għad-definizzjoni u l-kontenut tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu stipulati wkoll. Il-protezzjoni sussidjarja għandha tkun kumplimentari u addizzjonali għall-protezzjoni tar-rifuġjati stabbilita fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra.
(33) Hu meħtieġ li jiġu introdotti kriterji komuni li fuq il-bażi tagħhom applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rikonoxxuti bħala eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja. Dawk il-kriterji għandhom jitfasslu mill-obbligi internazzjonali skont strumenti u prattiki tad-drittijiet tal-bniedem li jeżistu fl-Istati Membri.
(34) Riskji li hija ġeneralment esposta għalihom popolazzjoni ta’ pajjiż jew sezzjoni minn popolazzjoni normalment ma joħolqux fihom infushom theddida individwali li tkun tikkwalifika bħala dannu serju.
(35) Membri tal-familja sempliċement minħabba r-relazzjoni tagħhom mar-rifuġjat, normalment ikunu vulnerabbli għal atti ta' persekuzzjoni f'manjiera li tista' tkun il-bażi ta' status ta' rifuġjat.
(36) L-idea ta' sigurta nazzjonali u ordni pubbliku tkopri wkoll każijiet li fihom ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jappartjeni għal assoċjazzjoni li tappoġġja terroriżmu internazzjonali jew tappoġġja din l-assoċjazzjoni.
(36a) Meta jiddeċiedu dwar l-intitolament għall-benefiċċji inklużi f’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw b’mod dovut l-aħjar interessi tat-tfal u kif ukoll iċ-ċirkostanzi partikolari tad-dipendenza fuq il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ qraba viċini li diġà huma preżenti fl-Istat Membru u li mhumiex membri tal-familja ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn persuna relatata mill-qrib mal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali tkun minuri miżżewġa iżda mhux akkumpanjata mill-konjuġi tagħha, l-aħjar interessi tal-minuri jistgħu jitqiesu bħala dawk tal-familja oriġinali tagħha.
(37) ▌Filwaqt li tiġi sodisfatta t-talba tal-programm ta’ Stokkolma għall-istabbiliment ta’ status uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u bl-eċċezzjoni tad-derogi li huma meħtieġa u ġustifikati b’mod oġġettiv, benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja għandhom jingħataw l-istess drittijiet u benefiċċji li jgawdu rifuġjati skont din id-direttiva, u għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet tal-eliġibilità.
(38) Fil-limiti dikjarati minn obbligi internazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jippreskrivu li l-għoti ta' benefiċċji rigward aċċess għal impjieg, għajnuna soċjali, kura tas-saħħa u aċċess għal faċilitajiet ta' integrazzjoni jeħtieġ il-ħruġ minn qabel ta' permess ta' residenza.
(39) Sabiex jiġi mtejjeb l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet u l-benefiċċji stabbiliti fid-Direttiva mill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, hu meħtieġ li jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u l-isfidi partikolari tal-integrazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom mingħajr preġudizzju għall-possibilità għall-Istati Membri li jintroduċu jew iżommu standards aktar favorevoli, u dan normalment ma għandux jirriżulta fi trattament aktar favorevoli milli pprovdut lin-nazzjonali tal-Istat Membru.
(40) F’dak il-kuntest, għandhom isiru sforzi b’mod partikolari sabiex jiġu indirizzati l-problemi ▌ li ma jħallux lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali li jkollhom aċċess effettiv għall-opportunitajiet edukattivi li huma relatati mal-impjieg u għat-taħriġ vokazzjonali inter alia b’relazzjoni ma’ restrizzjonijiet finanzjarji.
(41) Din id-Direttiva ma tapplikax għall-benefiċċji finanzjarji mill-Istati Membri li jingħataw biex jippromwovu l-edukazzjoni.
(42) Miżuri speċjali għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv id-diffikultajiet fil-prattika li jiltaqgħu magħhom il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali dwar l-awtentikazzjoni tad-diplomi u ċ-ċertifikati barranin tagħhom jew ta’ evidenza oħra ta’ kwalifiki formali, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ evidenza dokumentarja u tal-inabilità li jlaħħqu mal-ispejjeż relatati mal-proċeduri ta’ rikonoxximent.
(43) Huwa xieraq li sabiex tiġi evitata tbatija soċjali għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, jiġu pprovduti mingħajr diskriminazzjoni fil-kuntest tal-għajnuna soċjali l-assistenza soċjali u l-mezzi ta’ sussistenza adegwati. Fir-rigward tal-assistenza soċjali, il-modalitajiet u d-dettall tal-provvista ta’ benefiċċji essenzjali lill-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali. Il-possibbiltà li l-benefiċċji għall-benefiċjarji bi status ta' protezzjoni sussidjarja jkunu limitati għal benefiċċji bażiċi trid tinftiehem fis-sens li dan il-kunċett ikopri mill-inqas is-sostenn ta' dħul minimu, għajnuna fil-każ ta' mard u tqala u assistenza lill-ġenituri, safejn dawn jingħataw lin-nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.
(44) Aċċess għall-kura tas-saħħa, inkluż kemm il-kura tas-saħħa fiżika u mentali, għandhom jiġu żgurati lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.
(45) Il-bżonnijiet u l-partikolaritajiet speċifiċi tas-sitwazzjoni tal-benefiċjarji ta’ status ta’ refuġjat jew ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jiġi kkunsidrati, kemm jista’ jkun, fil-programm ta’ integrazzjoni li jiġi provdut lilhom, inkluż fejn huma kkonċernati taħriġ xieraq fil-lingwa u informazzjoni rigward drittijiet u obbligi individwali relatati mal-istatus ta’ protezzjoni tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat.
(46) L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tiġi valutata f'intervalli regolari, filwaqt li tiġi kkunsidrata b'mod partikolari l-evoluzzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri dwar non-refoulement, l-evoluzzjoni tas-swieq tax-xogħol fl-Istati Membri kif ukoll l-iżvilupp ta’ prinċipji bażiċi komuni għall-integrazzjoni.
(47) Minħabba li l-għanijiet tad-Direttiva proposta, jiġifieri li tistabbilixxi standards ▌għall-għotja ta’ protezzjoni internazzjonali lil ċittadini ta’ pajjiż terz u persuni mingħajr stat mill-Istati Membri u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tad-Direttiva, jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tistà tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. Bi qbil mal-prinċipju ta' proporzjonalita, kif dikjarat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk il-għanijiet.
(47a) Skont it-termini tal-Artikoli 1, 2 u 4a(1) tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda rigward l-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u t-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-imsemmi Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbuta biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.
(48) Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmużin mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE, id-Danimarka mhix se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.
(49) L-obbligu tat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali għandu jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw bidla sostantiva meta mqabbla mad-Direttiva preċedenti. L-obbligu li d-dispożizzjonijiet li ma nbidlux jiġu trasposti ġej mid-Direttiva preċedenti.
(50) Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri dwar il-limiti ta' żmien biex issir traspożizzjoni għal liġi nazzjonali tad-Direttiva stabbilita fl-Anness I, il-Parti B.
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet Ġenerali
Artikolu 1
Għan
L-iskop ta' din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards ▌għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin :
(a) "protezzjoni internazzjonali" tfisser l-istatus ta' rifuġjat u ta' protezzjoni sussidjarja kif definit fil-punti (e) u (g);
(b) “benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali” tfisser persuni li ngħataw status ta’ rifuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit fil-punti (e) u (g);
(c) “Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra” tfisser il-Konvenzjoni tat-28 ta’ Lulju 1951 konnessa mal-istatus tar-rifuġjati magħmula f’Ġinevra kif emendata bill-Protokoll ta’ Ġdid York tal-31 ta’ Jannar 1967;
(d) "rifuġjat" ifisser ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz li, minħabba f'biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta' razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta' grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta' nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta' dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta' qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f'dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;
(e) "status ta' rifuġjat" ifisser l-għarfien minn Stat Membru ta' ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna apolida bħala rifuġjat;
(f) "persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja" tfisser ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala rifuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħha, jew fil-każ ta' persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta' residenza abitwali ta' qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikawx, u ma tistax, jew, minħabba f'dan ir-riskju, ma tixtieqx japprofitta ruħha mill-protezzjoni ta' dak il-pajjiż;
(g) "status ta' protezzjoni sussidjarja" ifisser l-għarfien minn Stat Membru ta' ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna apolida bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja;
(h) "applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali" tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista' tinftiehem li tfittex status ta' rifuġjat jew stat ta' protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta' protezzjoni, barra mill-iskop ta' din id-Direttiva, li tista' ssir applikazzjoni separata għaliha;
(i) “applikant” ifisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha għadha ma ttiħditx deċiżjoni finali;
(j) "membri tal-familja" ifisser, safejn il-familja tkun diġa' eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini, il-membri tal-familja li ġejjin, tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li huma preżenti fl-istess Stat Membru rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali:
– il-konjuġi tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali jew is-sieħeb/sieħba tiegħu f'relazzjoni stabbli, fejn il-leġislazzjoni jew il-prassi tal-Istat Membru interessat tittratta koppji mhux miżżewġa b'mod paragunabbli għal koppji miżżewġa skont il-liġi li tirrigwarda nazzjonali minn pajjiż terz;
– it-tfal minuri tal-koppji msemmija fl-ewwel inċiż jew il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, fuq kundizzjoni li mhumiex miżżewġin u indipendentement mill-fatt jekk twildux fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ jew ġew adottati kif definit skont il-liġi nazzjonali;
▌
– il-missier, l-omm jew adult ieħor ▌responsabbli għall-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali sew jekk bil-liġi jew bil-prattika nazzjonali tal-Istati Membru kkonċernat, meta dan tal-aħħar hu minuri jew mhux miżżewweġ ▌;
▌
(k) "minorenni" tfisser ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna bla Stat taħt l-età ta' 18-il sena;
(l) “minuri mhux akkumpanjat” ifisser minuri li jasal fit-territorju tal-Istati Membri mhux akkumpanjat minn adult responsabbli għalih/a sew jekk bil-liġi jew bil-prattika nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, u sakemm hu mhuwiex /hi mhijiex effettivament fil-kura ta’ persuna bħal din; għandha tinkludi minuri li jitħalla/titħalla mhux akkompanjat/a wara li hu jkun daħal/hi tkun daħlet fit-territorju ta' Stati Membri;
(m) "permess ta' residenza" ifisser kull permess jew awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta' Stat Membru, fil-forma provduta skont dik il-leġislazzjoni tal-Istat, li tippermetti ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li tgħix fit-territorju tiegħu;
(n) "pajjiż ta' oriġini" ifisser il-pajjiż jew pajjiżi ta' nazzjonalità jew, għal persuni mingħajr stat, ta' residenza abitwali ta' qabel.
Artikolu 3
Standards stabbiliti aktar favorevoli
L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards stabbiliti aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala rifuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta' protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma' din id-Direttiva.
KAPITOLU II
Eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali
Artikolu 4
Eżami ta' fatti u ċirkostanzi
1. L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista' jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F'kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni.
2. L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond, inkluż dak ta' qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta' residenza ta' qabel, l-applikazzjonijiet ta' ażil preċedenti, ir-rotot ta' vjaġġar, id-dokumenti ta' ▌vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.
3. L-eżami ta' applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:
(a) il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta' deċiżjoni fuq l-applikazzjoni; inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż ta’ oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;
(b) id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;
(c) il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista' jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju;
(d) jekk l-attivitajiet tal-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini kinux għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi stmat jekk dawn l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew periklu serju jekk jiġi ritornat lejn dak il-pajjiż;
(e) jekk l-applikant ikun mistenni b'mod raġonevoli li japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta' pajjiż ieħor fejn ikun jista' jiddikjara ċ-ċittadinanza.
4. Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ ġustifikat ta' persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri dannu serju, minbarra jekk ikun hemm raġunijiet tajbin li jista' jitqies li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu serju ma jiġix ripetut.
5. Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m'għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) l-applikant ikun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;
(b) l-elementi rilevanti kollha, għad-dispożizzjoni tal-applikant, ikunu ġew sottomessi, u spjegazzjoni sodisfaċenti li tirrigwarda nuqqas ta' elementi rilevanti oħra tkun ingħatat;
(c) id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jinstabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ tal-applikant;
(d) l-applikant ikun applika għal protezzjoni internazzjonali kmieni kemm jista’ jkun, sakemm l-applikant jista' jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan; kif ukoll
(e) il-kredibilità ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.
Artikolu 5
Ħtiġijiet ta' protezzjoni internazzjonali li jinħolqu sur place
1. Biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew riskju veru li l-persuna ssofri dannu serju jista' jiġi bbażat fuq każijiet li jkunu seħħew mindu l-applikant ikun telaq mill-pajjiż tal-oriġini.
2. Biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew riskju veru li l-persuna ssofri dannu serju jista' jiġi bbażat fuq attivitajiet li l-applikant ikun wettaq minn meta telaq mill-pajjiż ta’ oriġini, partikolarment fejn jiġi stabbilit li l-attivitajiet fuq liema jkun straħ jikkostitwixxu l-espressjoni u l-kontinwità ta' konvinzjonijiet jew orjentamenti miżmuma fil-pajjiż ta’ orġini.
3. Mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni ta' Ġinevra, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li applikant li jiddepożita applikazzjoni sussegwenti normalment m'għandux jingħata status ta' rifuġjat jekk ir-riskju ta' persekuzzjoni jkun ibbażat fuq ċirkostanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini.
Artikolu 6
Atturi ta' persekuzzjoni jew dannu serju
Atturi ta' persekuzzjoni jew dannu serju jinkludu:
(a) l-Istat;
(b) partijiet jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju tal-Istat;
(c) (ċ) atturi mhux ta' l-Istat, jekk ikun jista' jiġi muri li l-atturi msemmija fil-punti (a) u (b), inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, ma jistgħux jew ma jixtiequx jipprovdu protezzjoni kontra persekuzzjoni jew periklu serju kif definit fl-Artikolu 7.
Artikolu 7
Atturi ta' protezzjoni
1. Protezzjoni minn persekuzzjoni jew dannu serju ▌tista’ tiġi pprovduta biss minn:
(a) l-Istat; or
(b) partijiet jew organizzazzjonijiet, inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju tal-Istat kemm-il darba dawn iridu u jistgħu joffru protezzjoni skont il-paragrafu 2.
2. Din il-protezzjoni għandha tkun effettiva u ta’ natura mhux temporanja. Tali protezzjoni hija ġeneralment ipprovduta meta l-atturi msemmija skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 jieħdu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni jew il-konsegwenzi ta’ dannu serju, fost ħwejjeġ oħra, billi joperaw sistema legali effettiva għall-kxif, il-prosekuzzjoni u l-kastig ta' atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni jew dannu serju, u l-applikant ikollu aċċess għal din il-protezzjoni.
3. Meta jiġi eżaminat jekk organizzazzjoni internazzjonali tikkontrollax Stat jew parti sostanzjali tat-territorju tiegħu u tipprovdi protezzjoni kif deskritta fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom iqisu kull gwida li tista' tiġi pprovduta f'atti rilevanti tal-Kunsill.
Artikolu 8
Protezzjoni interna
1. Bħala parti mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li applikant mhuwiex fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali jekk f'parti mill-pajjiż tal-oriġini:
(a) ma jkunx biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat, jew mhuwiex fir-riskju reali li jsofri dannu serju, jew
(b) ikollu aċċess għal protezzjoni mill-persekuzzjoni jew dannu serju kif definit fl-Artikolu 7 ▌,
u jista’ jivvjaġġa mingħajr periklu u legalment u jidħol f’dik il-parti tal-pajjiż u huwa mistenni b’mod raġonevoli jissetilja hemmhekk.
2. Fl-eżami ta' jekk applikant għandux biża’ ġustifikat li jkun ippersegwitat jew huwiex fir-riskju reali li jsofri danni serju, jew għandux aċċess għal protezzjoni minn persekuzzjoni jew dannu serju f’parti mill-pajjiż ta’ oriġini bi qbil mal-Paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni jqisu ċ-ċirkostanzi ġenerali fis-seħħ f'dik il-parti tal-pajjiż u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant skont it-termini tal-Artikolu 4. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tinkiseb informazzjoni preċiża u aġġornata minn għejun relevanti, bħalma huma l-UNHCR u l-EASO.
KAPITOLU III
Kwalifika biex wieħed ikun rifuġjat
Artikolu 9
Atti ta' persekuzzjoni
1. Sabiex din titqies bħala att ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 1 A tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra att għandu:
(a) ikun serju biżżejjed fin-natura jew ripetizzjoni tiegħu li jikkostitwixxi vjolazzjoni serja ta' drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet li ma tistax issir deroga minnhom skont l-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fondamentali; or
(b) ikunu akkumulazzjoni ta' miżuri varji, inklużi vjolazzjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem li huma severi biżżejjed biex jaffetwaw individwu b'mod simili kif imsemmi f'punt(a).
2. Atti ta' persekuzzjoni kif kwalifikati fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta':
(a) atti ta' vjolenza fiżiċi jew mentali, inkluż atti ta' vjolenza sesswali;
(b) miżuri legali, amministrattivi, miżuri mill-pulizija u/jew miżuri ġudizzjarji li huma fihom infushom diskriminatorji jew li huma implimentati f'manjiera diskriminatorja;
(c) prosekuzzjoni jew kastig, li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju;
(d) ċaħda ta' rimedju ġudizjarja li tirriżulta f'kastig sproporzjonat jew diskriminatorju;
(e) prosekuzzjoni jew kastig għar-rifjut li wieħed iwettaq servizz militari f'konflitt, fejn it-twettiq ta' servizz militari jkun jinkludi delitti jew atti li jaqgħu taħt il-klawsoli ta' esklużjoni kif dikjarat fl-Artikolu 12(2);
(f) atti ta' natura speċifika għas-sess jew għat-tfal.
3. Bi qbil mal-Artikolu 2(d), irid ikun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 u l-atti ta' persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1 jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra atti bħal dawn .
Artikolu 10
Raġunijiet għal persekuzzjoni
1. L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni:
(a) il-kunċett ta' razza għandu partikolarment jinkludi kunsiderazzjonijiet ta' kulur, dixxendenza jew sħubija ta' grupp etniku partikolari;
(b) il-kunċett ta' reliġjon għandu partikolarment jinkludi t-twemmin teistiku, non-teistiku, u ateistiku, il-parteċipazzjoni fi, jew l-astenzjoni minn, qima formali fil-privat jew fil-pubbliku, jew b’mod individwali jew f'komunità ma' oħrajn, atti oħra reliġjużi jew espressjonijiet ta' opinjoni, jew forom ta' kondotta personali jew kommunali bbażati fuq jew magħmula obbligatorji minn xi twemmin reliġjuż;
(c) il-kunċett ta' nazzjonalità m'għandux jiġi ristrett għal ċittadinanza jew nuqqas tagħha imma għandu partikolarment jinkludi sħubija ta' grupp stabbilit mill-identità kulturali, etnika, jew lingwistika tiegħu, oriġini ġeografika jew politika jew ir-relazzjoni tiegħu mal-popolazzjoni ta' Stat ieħor;
(d) grupp għandu jitqies li jifforma grupp soċjali partikolari fejn partikolarment:
– membri ta' dak il-grupp jaqsmu karatteristika innata jew sfond komuni li ma jistax jinbidel, jew jaqsmu karatteristiku jew twemmin li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m'għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih; kif ukoll
– grupp għandu identità distinta fil-pajjiż rilevanti, minħabba li hija meqjusa bħala differenti mis-soċjeta ta' madwaru.
Skont iċ-ċirkostanzi fil-pajjiż ta’ orġini, grupp soċjali partikolari jista' jinkludi grupp ibbażat fuq karatteristika komuni ta' orjentament sesswali. Orjentament sesswali ma jistax jinftiehem li jinkludi atti li huma meqjusa bħala kriminali bi qbil mal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri Aspetti relatati mas-sess, inkluża l-identità sesswali, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom sabiex tiġi determinata sħubija fi grupp soċjali partikolari jew identifikata karatteristika ta’ grupp bħal dan.
(e) il-kunċett ta' opinjoni politika għandu partikolarment jinkludi ż-żamma ta' opinjoni, ħsieb jew twemmin dwar kwistjoni relatata mal-atturi potenzjali ta' persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6 u għall-politika jew metodi tagħhom, kemm jekk dik l-opinjoni, ħsieb jew twemmin ikun aġixxa fuqu l-applikant u kemm jekk le.
2. Fil-valutazzjoni ta' jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta' persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristiku razzista, reliġjuża, nazzjonali, soċjali jew politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta' persekuzzjoni.
Artikolu 11
Terminazzjoni
1. Ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tieqaf milli jkun rifuġjat, jekk hija:
(a) approfittat ruħha mill-ġdid b'mod voluntarju mill-protezzjoni tal-pajjiż ta' nazzjonalità; jew
(b) billi tkun tilfet in-nazzjonalità tagħha, reġgħet akkwistatha mill-ġdid b'mod voluntarju; jew
(c) akkwistat nazzjonalità ġdida, u tgawdi l-protezzjoni tal-pajjiż ta' nazzjonalità ġdida tagħha; jew
(d) stabbiliet lilha nnifisha mill-ġdid b'mod voluntarju fil-pajjiż li hija tkun telqet minnu jew barra mill-liema hija tkun baqgħet minħabba biża’ ta' persekuzzjoni; jew
(e) ma tistax aktar, minħabba li ċ-ċirkostanzi li bihom hija tkun ġiet rikonoxxuta bħala rifuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, tkompli tirrifjuta milli tapprofitta ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż ta' nazzjonalità; jew
(f) billi hija persuna mingħajr stat, hija tista', minħabba li ċ-ċirkostanzi li bihom hija ġiet rikonoxxuta bħala rifuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, tirritorna lejn il-pajjiż ta' residenza abitwali ta' qabel.
2. Fil-kunsiderazzjoni tal-punti (e) u (f) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk il-bdil fiċ-ċirkostanzi huwiex ta' natura sinifikanti u mhux temporanja li l-biża’ tar-rifuġjat minn persekuzzjoni ma jistax jibqa' jitqies bħala ġustifikat.
3. Il-punti (e) u (f) tal-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw għal rifuġjat li jistà jinvoka raġunijiet b’saħħithom li joħorġu minn persekuzzjoni preċedenti talli rrifjuta li juża l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità jew, minħabba li kien persuna mingħajr stat tal-pajjiz tar-residenza abitwali ta’ qabel.
Artikolu 12
Esklużjoni
1. Persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun rifuġjat, jekk:
(a) huwa jew hija jaqgħu fl-iskop ta' l-Artikolu 1 D tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra, li għandha x'taqsam mal-protezzjoni jew l-għajnuna minn organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti oħra għajr il-UNHCR. Meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni, mingħajr ma l-pożizzjoni ta' dawn il-persuni tkun miftiehma definittivament bi qbil mar-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn il-persuni għandhom ipso facto jkunu intitolati għall-benefiċċji ta' din id-Direttiva;
(b) hija tkun rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż li fih hija tkun ħadet ir-residenza tagħha bħala li għandha d-drittijiet u l-obbligi li huma marbuta mal-pussess tan-nazzjonalità ta' dak il-pajjiż; jew drittijiet u obbligi ekwivalenti għal dawn.
2. Persuna li tkun ċittadina nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun rifuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li:
(a) hija tkunu ikkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta' gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;
(b) hija kkommettiet delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż tar-rifuġju qabel id-dħul tagħha bħala rifuġjat; li jfisser il-mument tal-ħruġ ta' permess ta' residenza fuq il-bażi tal-għoti ta' stat ta' rifuġjat; partikolarment azzjonijiet krudili, anke jekk kommessi b'għan allegatament politiku, jistgħu jiġu klassifikati bħala delitti serji mhux politiċi;
(c) hija tkun instabet ħatja ta' atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif stabbilit fil-Preambolu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.
3. Il-paragrafu 2 japplika għall-persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq ta’ delitti jew atti msemmija fih.
KAPITOLU IV
Status ta Rifuġjat
Artikolu 13
L-għoti ta' status ta' rifuġjat
L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta' rifuġjat lil ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala rifuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.
Artikolu 14
Revoka ta’, tmien ta' jew ċaħda għat-tiġdid ta' status ta' rifuġjat
1. Rigward applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali depożitati wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/83/KE , l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta' rifuġjat ta' ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, jekk hija tkun waqfet milli tkun rifuġjat bi qbil mal-Artikolu 11.
2. Mingħajr preġudizzju għad-dmir tar-rifuġjat bi qbil mal-Artikolu 4(1) li jiżvela l-fatti rilevanti kollha u jipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu/tagħha, l-Istat Membru, li jkun ta l-istatus ta' rifuġjat, għandu, fuq bażi individwali, juri li l-persuna interessata tkun waqfet milli tkun jew qatt ma kienet rifuġjat bi qbil mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.
3. L-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta' rifuġjat ta' persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, jekk, wara li hija tkun ingħatat status ta' rifuġjat, jiġi stabbilit mill-Istat Membru interessat li:
(a) hija kellha tkun jew hija eskluża milli tkun rifuġjat bi qbil mal-Artikolu 12;
(b) il-preżentazzjoni qarrieqa ta’ fatti jew l-ommissjoni tagħhom, inkluż l-użu ta' dokumenti foloz, kienu deċiżivi għall-għoti tal-istat ta' rifuġjat.
4. L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti lil rifuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, meta:
(a) ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti;
(b) il-persuna, wara li tkun instabet ħatja b’sentenza finali ta' delitt partikolarment serju, tikostitwixxi periklu għall-komunità ta' dak l-Istat Membru.
5. F'sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux status lil rifuġjat, fejn din id-deċiżjoni ma tkunx għadha ttieħdet.
6. Persuni li għalihom japplikaw il-paragrafi 4 jew 5 huma intitolati għal drittijiet dikjarati jew simili għal dawk dikjarati fl-Artikoli 3, 4, 16, 22, 31 u 32 u 33 tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra safejn huma preżenti fl-Istat Membru.
KAPITOLU V
Kwalifika għal protezzjoni sussidjarja
Artikolu 15
Dannu serju
Dannu serju jikkonsisti minn:
(a) piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew
(b) tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta' applikant fil-pajjiż ta’ oriġini; jew
(c) theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta' ċivili minħabba vjolenza indiskriminatorja f'sitwazzjonijiet ta' konflitt armat internazzjonali jew intern.
Artikolu 16
Terminazzjoni
1. Ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tieqaf milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-għoti ta' status ta' protezzjoni sussidjarja jkunu waqfu milli jeżistu jew ikunu nbiddlu sat-tali punt li l-protezzjoni ma tkunx għadha meħtieġa.
2. Fl-applikazzjoni ta' paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk il-bdil fiċ-ċirkostanzi huwiex ta' natura sinifikanti u mhux temporanja li l-persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja m'għadhiex tiffaċċja riskju veru ta' dannu serju.
3. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja li jista’ jinvoka raġunijiet obbligatorji li joħorġu minn dannu serju preċedenti talli rrifjuta li juża l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità jew, bħala persuna mingħajr stat u nazzjonalità, tal-pajjiz ta' residenza abitwali ta' qabel.
Artikolu 17
Esklużjoni
1. Ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta jkun hemm raġunijiet serja li jitqiesu li:
(a) hija tkunu ikkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta' gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;
(b) hija tkun ikkommettiet delitt serju;
(c) hija tkun instabet ħatja ta' atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif dikjarat fil-Preamblu u fl-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;
(d) hija tikkostitwixxi periklu għall-komunità jew għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti.
2. Il-paragrafu 1 japplika għall-persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq ta’ delitti jew atti msemmija fih.
3. L-Istati Membri jistgħu jeskludu ċittadin nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuna mingħajr stat milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, jekk hija qabel id-dħul tagħha fl-Istat Membru tkun ikkommettiet delitt wieħed jew aktar, barra mill-iskop ta' paragrafu 1, li jwassal għal kastig ta' ħabs kieku ġew kommessi fl-Istat Membru interessat, u jekk hija tkun telqet mill-pajjiż ta' oriġini tagħha biss sabiex tevita sanzjonijiet li jirriżultaw minn dawn id-delitti.
KAPITOLU VI
Status ta’ Protezzjoni Sussidjarja
Artikolu 18
Għoti ta' status ta' protezzjoni sussidjara
L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta' protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V.
Artikolu 19
Revoka ta', tmien ta' jew rifjut għat-tiġdid ta' status ta' protezzjoni sussidjarja
1. Rigward applikazzjonijiet għal protezzjonijiet internazzjonali depożitati wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/83/KE, l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta' protezzjoni sussidjarja ta' ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, jekk hija tkun waqfet milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Artikolu 16.
2. L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta' protezzjoni sussidjarja ta' ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, jekk wara li hija tkun ingħatat status ta' protezzjoni sussidjarja, hija messha kienet eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Artikolu 17(3).
3. L-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw illi jġeddu l-istatus ta' protezzjoni sussidjarja ta' ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, jekk:
(a) il-persuna, wara li tkun ingħatat status ta' protezzjoni sussidjarja, messha kienet jew hija eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Artikolu 17(1) u (2);
(b) il-misinterpretazzjoni jew it-tħollija barra tagħha ta' fatti, inkluż l-użu ta' dokumenti foloz, kienu deċiżivi għall-għoti tal-istatus ta' protezzjoni sussidjarja.
4. Mingħajr preġudizzju għad-dmir taċ-ċittadin nazzjonali ta' pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bi qbil mal-Artikolu 4(1) li tiżvela l-fatti rilevanti kollha u li tipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, l-Istat Membru, li jkun ta l-istatus ta' protezzjoni sussidjarja, għandu fuq bażi individwali juri li l-persuna interessata tkun waqfet milli tkun jew qatt ma kienet eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil ma' paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.
KAPITOLU VII
Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali
Artikolu 20
Regoli ġenerali
1. Dan il-Kapitolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet preskritti fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra.
2. Dan il-Kapitolu għandu japplika kemm għal rifuġjati kif ukoll għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja minbarra jekk ikun indikat mod ieħor.
3. Fl-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu, l-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta' persuni vulnerabbli bħal ma huma minuri, minuri mhux akkumpanjati, persuni b'diżabilità, persuni anzjani, nisa tqal, ġenituri li jrabbu waħedhom bi tfal minuri, vittimi ta’ traffikar, persuni b’diżordnijiet mentali u persuni li jkunu ġew suġġetti għal tortura, stupru, jew forom oħra serji ta' vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali.
4. Il-paragrafu 3 għandu japplika biss għal persuni misjuba li għandhom bżonnijiet speċjali wara evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni tagħhom.
5. L-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja għal Stati Membri meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu li jinvolvi minuri.
Artikolu 21
Protezzjoni minn refoulement
1. L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta' non-refoulement bi qbil mal-obbligi internazzjonali tagħhom.
2. Fejn mhux projbit mill-obbligi internazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw (refoule) rifuġjat, sewwa jekk rikonoxxut formalment u sewwa jekk le, meta:
(a) ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti; jew
(b) il-persuna, wara li tkun instabet ħatja b’sentenza finali ta' delitt partikolarment serju, tikostitwixxi periklu għall-komunità ta' dak l-Istat Membru.
3. L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu jew li jagħtu l-permess ta' residenza ta' (jew lil) rifuġjat li għalih japplika l-paragrafu 2.
Artikolu 22
Informazzjoni
L-Istati Membri għandhom jipprovdu benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, kemm jista' jkun malajr wara li jkunu ngħataw l-istatus ta' protezzjoni rispettiva, b'aċċess għal informazzjoni, f'lingwa li jifhmu jew li b’mod raġonevoli huma mistennija li jifhmu, dwar id-drittijiet u l-obbligi rigward dak l-istatus.
Artikolu 23
Żamma ta' unità tal-familja
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità tal-familja tista' tinżamm.
2. L-Istati Membru għandhom jiżguraw li membri tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali, li ma jikkwalifikawx individwalment għal din il-protezzjoni, huma intitolati li jitolbu l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35, bi qbil mal-proċeduri nazzjonali safejn huwa kompatibbli mal-istatus legali personali tal-membru tal-familja.
3. Il-Paragrafi 1 u 2 mhumiex applikabbli fejn il-membru tal-familja huwa jew jista' jiġi eskluż minn protezzjoni internazzjonali skont il-Kapitoli III u V.
4. Minkejja paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw, inaqqsu jew jirtiraw il-benefiċċji msemmija fihom għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku.
5. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dan l-Artikolu japplika wkoll għal qraba oħra mill-viċin li għexu flimkien bħala parti mill-familja fil-mument meta telqu mill-pajjiż ta’ oriġini, u li kienu dipendenti għal kollox jew prinċipalment fuq il-benefiċjarju ta' protezzjoni internazzjonali f'dak il-ħin.
Artikolu 24
Permessi ta' residenza
1. Kemm jista' jkun malajr wara li tkun ingħatat il-protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali permess ta’ residenza li jrid ikun validu għal mill-inqas tliet snin u jiġġedded minbarra jekk raġunijiet obbligatorji ta' sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku jeħtieġu mod ieħor, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(3).
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23(1), il-permess ta' residenza li trid tinħareġ lil membri tal-familja tal-benefiċjarji ta' status ta' refuġjat jista' jkun validu għal inqas minn tliet snin u jkun jiġġedded.
2. Kemm jista' jkun malajr wara li tkun ingħatat protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji ta’ status ta' protezzjoni sussidjarja u lill-membri tal-familja tagħhom permess ta' residenza rinnovabbli li jrid ikun validu għal mill-inqas sena u li, fil-każ ta’ tiġdid, għal mill-inqas sentejn, minbarra jekk raġunijiet obbligatorji ta' sigurtà nazzjonali jew ordni pubblika jeħtieġu mod ieħor.
Artikolu 25
Dokument ta' vjaġġjar
1. L-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji ta' status ta' rifuġjat dokumenti ta' vjaġġar fil-forma stabbilita fl-Iskeda mehmuża mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra, għall-iskop ta' vjaġġar barra mit-territorju tagħhom, minbarra jekk raġunijiet obbligatorji ta' sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku jeħtieġu mod ieħor.
2. L-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji ta' status ta' protezzjoni sussidjarja li ma jistgħux jiksbu passaport nazzjonali, dokumenti li jippermettulhom li jivvjaġġaw barra mit-territorju tagħhom, minbarra jekk raġunijiet obbligatorji ta' sigurtà nazzjonali jew ordni pubblika jeħtieġu mod ieħor.
Artikolu 26
Aċċess għal impjieg
1. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali sabiex jieħu parti f'attivitajiet ta' xogħol bħala impjegati jew xogħol għal rashom bla ħsara għar-regoli ġeneralment applikabbli għall-professjoni u għas-settur pubbliku, immedjatament wara li jkun ingħata protezzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li attivitajiet bħal opportunitajiet ta’ edukazzjoni relatati mal-impjieg għall-adulti, taħriġ vokazzjonali, inklużi korsijiet ta’ taħriġ sabiex jittejbu l-ħiliet, l-esperjenzi ta’ prattiki tal-post tax-xogħol u s-servizzi ta’ konsulenza li jingħataw mill-uffiċji tal-impjieg jiġu offruti lill-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali.
3. L-Istati Membri għandhom jippruvaw jiffaċilitaw aċċess sħiħ għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 ▌.
4. Il-liġi fis-seħħ fl-Istati Membri applikabbli għal rimunerazzjoni, aċċess għal sistemi ta' sigurta soċjali relatati ma attivitajiet ta' xogħol ta’ persuna impjegata jew li taħdem għal rasha u kundizzjonijiet oħra ta' impjieg għandhom japplikaw.
Artikolu 27
Aċċess għal edukazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jagħtu aċċess sħiħ għas-sistema ta' edukazzjoni lill-minuri kollha li ngħataw protezzjoni internazzjonali taħt l-istess kundizzjonijiet bħal ċittadini nazzjonali.
2. L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-adulti li jingħataw protezzjoni internazzjonali aċċess għas-sistema ġenerali ta' edukazzjoni, aktar taħriġ jew taħriġ mill-ġdid, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal ċittadini nazzjonali ta' pajjiż terz legalment residenti.
Artikolu 28
Aċċess għal proċeduri għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw trattament ugwali bejn benefiċjarji ta' protezzjonali internazzjonali u ċittadini nazzjonali fil-kuntest tal-proċeduri eżistenti ta' rikonoxximent għal diplomi, ċertifikati u xhieda oħra ta' kwalifiki formali minn barra l-pajjiż.
2. L-Istati Membri għandhom jippruvaw jiffaċilitaw aċċess sħiħ għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali li ma jistgħux jipprovdu evidenza dokumentarja tal-kwalifiki tagħhom ▌lil skemi xierqa għall-valutazzjoni, validazzjoni u akkreditament tat-tagħlim tagħhom preċedenti. Kull miżura bħal din għandha tirrispetta l-Artikoli 2(2) u 3(3) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali[8].
▌
Artikolu 29
Għajnuna Soċjali
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali jirċievu, fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni, l-għajnuna soċjali meħtieġa, kif ipprovdut lil ċittadini nazzjonali ta' dak l-Istat Membru.
2. Bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali stipulata fil-Paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għajnuna soċjali mogħtija lil benefiċjarji bi status ta' protezzjoni sussidjarja għal benefiċċji bażiċi li mbagħad jiġu provduti fl-istess livelli u bl-istess kundizzjonijiet ta' eliġibilità bħalma jingħataw liċ-ċittadini nazzjonali.
Artikolu 30
Il-kura tas-saħħa
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa taħt l-istess kondizzjonijiet ta' eliġibilità bħal ċittadini nazzjonali tal-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni
2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu, taħt l-istess kundizzjonijiet ta' eliġibilità bħal ċittadini nazzjonali tal-Istat Membru li jkun ta l-protezzjoni, kura tas-saħħa adegwata, inkluż trattament għal diżordnijiet mentali meta meħtieġ, lil benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali li għandhom bżonnijiet speċjali, bħal ma huma nisa tqal, persuni b'diżabilità, persuni li jkunu għaddew minn tortura, stupru jew forom oħra serji ta' vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali jew minuri li kienu sfaw vittmi ta' kull forma ta' abbuż, negliġenza, esplojtazzjoni, tortura, trattament krudili, inuman jew degradanti jew li jkunu sofrew minn konflitt armat.
Artikolu 31
Minorenni mhux akkompanjati
1. Kemm jista' jkun malajr wara li tingħata protezzjoni internazzjonali l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw ir-rappreżentanza ta' minuri mhux akkumpanjati minn kustodja legali, jew fejn meħtieġ, minn organizzazzjoni responsabbli għall-kura u l-benesseri tal-minuri, jew b'kull rappreżentanza oħra xierqa, inkluż dik ibbażata fuq il-leġiżlazzjoni jew ordni tal-Qorti.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bżonnijiet tal-minuri jiġu sodisfatti b’mod dovut fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva mill-kustodju jew rappreżentant maħtur. L-awtoritajiet xierqa għandhom jagħmlu l-evalwazzjonijiet regolari.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-minuri mhux akkumpanjati jitqiegħdu jew:
(a) ma' qraba adulti; jew
(b) ma' familja li trabbihom (foster); jew
(c) f'ċentri speċjalizzati fl-akkomodazzjoni għal minuri; jew
(d) f'akkomodazzjoni oħra addattata għall-minorenni.
F'dan il-kuntest, il-ħsibijiet tat-tfal għandhom jitqiesu skont l-età u l-grad ta' maturità tagħhom.
4. Sakemm hu possibbli, l-aħwa għandhom jinżammu flimkien, filwaqt li jitqiesu l-aħjar interessi tal-minuri kkonċernat u, b'mod partikolari, l-età u l-grad ta' maturità tiegħu jew tagħha. Bdil ta' residenza ta' minorenni mhux akkompanjati għandu jinżamm limitat għall-minimu.
5. Jekk minur mhux akkumpanjat ikun ingħata protezzjoni internazzjonali u r-rintraċċjar tal-membrui tal-familja ma jkunx għadu beda, l-Istati Membri għandhom jibdew jirrintraċċjaw il-membri tal-familja tal-minuri mhux akkumpanjat malajr kemm jistà jkun wara l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jiġu protetti l-aħjar interessi tal-minuri. Fejn ir-rintraċċjar ta’ membri tal-familja jkun diġà beda, l-Istati Membri għandhom ikomplu l-proċess ta’ rintraċċjar fejn ikun xieraq. F'każijiet fejn jista' jkun hemm theddida għall-ħajja jew l-integrità tal-minuri jew il-qraba viċini tiegħu jew tagħha, partikolarment jekk ikunu baqgħu fil-pajjiż ta’ oriġini, għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat li l-ġbir, l-ipproċessar u ċ-ċirkolazzjoni ta' informazzjoni rigward dawk il-persuni jsiru fuq bażi kunfidenzjali.
6. Dawk li qed jaħdmu ma' minuri mhux akkumpanjati għandhom ikun irċevew u jibqgħu jirċievu taħriġ xieraq rigward il-bżonnijiet tagħhom.
Artikolu 32
Aċċess għal akkomodazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għal ċittadini nazzjonali oħra ta' pajjiż terz residenti legalment fit-territorji tagħhom.
2. Filwaqt li jippermettu prattiki nazzjonali ta' dispersjoni ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jippruvaw jimplimentaw politiki mmirati sabiex jipprevjenu diskriminazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u sabiex jiżguraw opportunitajiet ugwali dwar aċċess għall-akkomodazzjoni.
Artikolu 33
Libertà ta' moviment fi ħdan l-Istat Membru
L-Istati Membri għandhom jippermettu libertà ta' moviment fit-territorju tagħhom għal benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, taħt l-istess kundizzjonijiet u restrizzjonijiet bħal dawk ipprovduti lil ċittadini nazzjonali ta' pajjiż terz residenti legalment fit-territorji tagħhom.
Artikolu 34
Aċċess għal faċilitajiet ta' integrazzjoni
Sabiex tiġi faċilitata l-integrazzjoni ta' benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fis-soċjetà, l-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għal programmi ta' integrazzjoni li jqisu li huma xierqa sabiex jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi tal-benefiċjarji tal-istatus ta' refuġjat jew tal-istatus ta' protezzjoni sussidjarja jew joħolqu kundizzjonijiet minn qabel li jiggarantixxu aċċess għal dawn il-programmi.
▌
Artikolu 35
Ripatrijazzjoni
L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għajnuna lill-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali li jixtiequ jirritornaw f'pajjiżhom.
KAPITOLU VIII
Kooperazzjoni amministrattiva
Artikolu 36
Kooperazzjoni
L-Istati Membru għandhom kull wieħed minnhom jaħtru punt ta' kuntatt nazzjonali u jikkomunikaw l-indirizz tiegħu lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dik l-informazjoni lill-Istati Membri l-oħra kollha.
L-Istati Membri għandhom, f'kuntatt mal-Kummissjoni, jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex tiġi stabbilita kooperazzjoni diretta u bdil ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti.
Artikolu 37
Persunal
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtoritajiet u organizzazzjonijiet oħra li jimplimentaw din id-Direttiva jkunu rċevew it-taħriġ meħtieġ u għandhom jiġu marbuta bil-prinċipju ta' kunfidenzjalità, kif definit fil-liġi nazzjonali, f'relazzjoni ma' kull informazzjoni li jiksbu matul ix-xogħol tagħhom.
KAPITOLU IX
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 38
Rapporti
1. Sa … [9]* , il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u għandha tipproponi kull emenda li hija meħtieġa. Dawn il-proposti għal emenda għandhom isiru bi prijorità fl-Artikoli 2 u 7. L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li hija xierqa għat-tfassil ta' dak ir-rapport sa …[10]** .
2. Wara li tippreżenta r-rapport, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għall-inqas kull ħames snin.
Artikolu 39
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Diċembru 2006, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tintlaħaq konformità mal-Artikoli 1, 2, 4, 7, 8, 9, 10, 11, 16, 19, 20, 22, 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 32, 33, 34 u 35 sa mhux aktar tard minn ... [11]*. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-disposizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet ma’ din id-Direttiva.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'referenza tali fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma għandhom ukoll jinkludu stqarrija li r-referenzi fil-liġijiet eżistenti, ir-regolamenti eżistenti, u dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-direttiva mħassra b’din id-Direttiva għandhom ikunu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza u kif għandha tiġi formulata dik id-dikjarazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali kopert minn din id-Direttiva ▌.
Artikolu 40
Tħassir
Id-Direttiva 2004/83/KE hi mħassra għall-Istati Membri marbuta b'din id-Direttiva bis-seħħ minn [jum wara d-data stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(39) ta' din id-Direttiva], mingħajr preġudizzji tal-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward għall-limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva stabbilita fl-Anness II, Parti B.
Għall-Istati Membri vinkolati b'din id-Direttiva, ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.
Artikolu 41
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikoli 1, 2, 4, 8, 9, 10, 11, 16, 19, 20, 22, 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 32, 33, 34 u 35 għandhom japplikaw minn [jum wara d-data ffissata fl-ewwel subparagrafu ta’ paragrafu 1 tal-Artikolu 39]*.
Artikolu 42
L-indirizzati
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.
Magħmul fi
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
ANNESS I
Parti A
Direttiva Mħassra
(imsemmija fl-Artikolu 40)
Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE | (ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12) |
Parti B
Skadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali
(imsemmija fl-Artikolu 39)
Id-Direttiva | Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni |
2004/83/KE | l-10 ta' Ottubru 2006 |
ANNESS II
Tabella Ta’ Korrelazzjoni
Id-Direttiva 2004/83/KE | Din id-Direttiva |
Artikolu 1 | Artikolu 1 |
Artikolu 2, il-kliem tal-bidu | Artikolu 2, il-kliem tal-bidu |
Artikolu 2 (a) | Artikolu 2 (a) |
- | Artikolu 2 (b) |
Artikolu 2 (b) – (g) | Artikolu 2 (c) – (h) |
- | Artikolu 2 (i) |
Artikolu 2 (h) - | Artikolu 2 (j), l-ewwel u t-tieni inċiż Artikolu 2 (j), it-tielet, ir-raba’ u l-ħames inċiż |
- | Artikolu 2(k) |
Artikolu 2 (i) | Artikolu 2 (l) |
Artikolu 2 (j) | Artikolu 2 (m) |
Artikolu 2(k) | Artikolu 2 (n) |
Artikolu 3 | Artikolu 3 |
Artikolu 4 | Artikolu 4 |
Artikolu 5 | Artikolu 5 |
Artikolu 6 | Artikolu 6 |
Artikolu 7 | Artikolu 7 |
Artikolu 8 (1) (2) | Artikolu 8 (1) (2) |
Artikolu 8(3) | - |
Artikolu 9 | Artikolu 9 |
Artikolu 10 | Artikolu 10 |
Artikolu 11 (1) (2) | Artikolu 11 (1) (2) |
- | Artikolu 11(3) |
Artikolu 12 | Artikolu 12 |
Artikolu 13 | Artikolu 13 |
Artikolu 14 | Artikolu 14 |
Artikolu 15 | Artikolu 15 |
Artikolu 16 (1) (2) | Artikolu 16 (1) (2) |
- | Artikolu 16(3) |
Artikolu 17 | Artikolu 17 |
Artikolu 18 | Artikolu 18 |
Artikolu 19 | Artikolu 19 |
Artikolu 20 (1) – (5) | Artikolu 20 (1) – (5) |
Artikolu 20 (6) (7) | - |
Artikolu 21 | Artikolu 21 |
Artikolu 22 | Artikolu 22 |
Artikolu 23(1) | Artikolu 23(1) |
Artikolu 23 (2), l-ewwel subparagrafu | Artikolu 23 (2), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 23(2) it-tieni subparagrafu | - |
Artikolu 23 (2), it-tielet subparagrafu | - |
Artikolu 23 (3) – (5) | Artikolu 23 (3) – (5) |
Artikolu 24(1) | Artikolu 24(1) |
Artikolu 24(2) | - |
Artikolu 25 | Artikolu 25 |
Artikolu 26 (1) – (3) | Artikolu 26 (1) – (3) |
Artikolu 26(4) | - |
Artikolu 26(5) | Artikolu 26(4) |
Artikolu 27 (1) (2) | Artikolu 27 (1) (2) |
Artikolu 27(3) | Artikolu 28(1) |
- | Artikolu 28(1)(2) |
Artikolu 28(1) | Artikolu 29(1) |
Artikolu 28(2) | - |
Artikolu 29(1) | Artikolu 30(1) |
Artikolu 29(2) Artikolu 29(3) | - Artikolu 30(2) |
Artikolu 30 | Artikolu 31 |
Artikolu 31 | Artikolu 32 |
Artikolu 32 | Artikolu 33 |
Artikolu 33 | Artikolu 34 |
Artikolu 34 | Artikolu 35 |
Artikolu 35 | Artikolu 36 |
Artikolu 36 | Artikolu 37 |
Artikolu 37 | Artikolu 38 |
Artikolu 38 | Artikolu 39 |
- | Artikolu 40 |
Artikolu 39 | Artikolu 41 |
Artikolu 40 | Artikolu 42 |
– | Anness I |
– | Anness II |
jew MT
NOTA SPJEGATTIVA
Il-proposta mill-Kummissjoni għar-riformulazzjoni tad-Direttiva oriġinali 2004/83/KE tagħmel parti mill-manuvra lejn Politika Ewropea Komuni tal-Asil sal-2012. Għad-Direttiva oriġinali, il-Parlament Ewoprew ġie biss ikkonsultat. Issa, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament qiegħed fil-pożizzjoni ta’ kodeċiżjoni. Il-proposta li issa qed titqiegħed quddiem il-Plenarja hija r-riżultat ta' sitt trilogi informi, bit-tama li jirriżultaw fi ftehim fl-Ewwel Qari.
Id-Direttiva eżistenti għandha żewġ elementi essenzjali: il-kriterji li jekk jiġu sodisfatti dak li jkun jikkwalifika għall-istatus ta’ refuġjat jew għall-protezzjoni sussidjarja u l-kontenut ta’ dik il-protezzjoni f’termini ta’ residenza, impjiegi, u jeddijiet soċjali fl-Istat Membru responsabbli mill-protezzjoni.
Il-Kummissjoni ressqet ’il quddiem il-proposta riformulata (Direttiva COM (2009) 551 finale 2) bħala riżultat tar-rieżami rikjest tad-Direttiva ta' qabel u l-każistika li qed tiżviluppa. Huwa ċar li hemm varjazzjonijiet konsiderevoli fil-prattika bejn l-Istati Membri fl-eżekuzzjoni tad-Direttiva kurrenti. Dan iwassal għal varjazzjoni wiesa’ fir-rikonoxximent tar-rati b'mod globali, u jġib ir-riskju tal-kontinwazzjoni tal-movimenti sekondarji tal-applikanti. Filwaqt li wħud mill-avariji jistgħu jiġu ttrattati permezz ta’ kooperazzjoni mtejba, li fiha l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil għandu jkollu rwol importanti, xorta hemm il-ħtieġa għall-kjarifika fil-qafas leġiżlattiv – id-Direttiva nnifisha – ħalli jingħata qafas isħaħ u aktar ċar għall-proċess ta’ eżekuzzjoni.
Bidla importanti proposta hawn hija dwar l-approssimazzjoni eqreb taż-żewġ kategoriji ta’ protezzjoni u b’hekk tirreferi b’mod ġenerali għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Dan għandu jwassal li jfakkar lill-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni li ż-żewġ kategoriji ta’ protezzjoni huma komplementari. Il-protezzjoni sussidjarja ma għandhiex anqas importanza għal individwi li jinsabu f’riskju ta’ dannu gravi jekk kemm-il darba jirritornaw fil-pajjiż tagħhom tal-oriġini. Il-proposta għandha l-objettiv ukoll li tapprossimizza l-intitolamenti tal-kontenut tal-protezzjoni b’mod aktar mill-qrib; l-aċċess għas-suq tax-xogħol huwa x'aktarx l-aktar wieħed ta' siwi. Il-maġġoranza tal-Istati Membri ġa jiddifferenzjaw xi ftit bejn iż-żewġ gruppi. B’danakollu, xorta tibqa’ possibbli differenza fit-trattament fi tliet oqsma: il-welfare soċjali (li jirrifletti l-istatus quo – is-sigurtà soċjali hija koperta fil-premessa relattiva); miżuri ta’ integrazzjoni u permessi ta’ residenza – għad illi sar xi progress dwar dawn tal-aħħar, meta tiġdid wara sena għal dawk bi protezzjoni sussidjarja għandu jkun ta’ mill-anqas sentejn (ftit huma l-Istati Membri li bħalissa ma jimxux ma' dan.) Il-PE huwa tal-fehma li dan kien importanti għall-integrazzjoni u għall-għoti ta' sens ta' stabilità akbar għall-individwu.
Sar progress ukoll fuq il-kwestjonijiet marbutin mas-sess u mal-identità sesswali. Dawn issa jissemmew espliċitament fl-Artikoli b’rabta mal-gruppi soċjali li jinsabu f’riskju ta’ persekuzzjoni. Żdied riferiment ukoll fil-Premessi għad-“drawwiet u t-tradizzjonijiet ġuridiċi” li jistgħu jirriżultaw f’eżiti perikolużi, bħalma huma l-mutilazzjoni ġenitali.
Dwar l-aħjar interess tat-tfal, kien diffiċli li tinstab definizzjoni għall-Artikolu, u għalhekk qbilna li jkun hemm ġabra qasira ta’ prinċipji fil-Premessa 17. L-emenda proposta għall-Artikolu 8.2 tittratta b’mod speċifiku mal-kura tal-minuri li ma jkunux akkumpannjati issa tinsab fil-premess relattiva. Il-kontinwità tal-kura għal tali tfal hija fil li għandu jibqa' jkun segwit fis-CEAS, u għalhekk il-bidliet għall-Artikolu 31.5, li għandhom jagħtu l-kontinwità neċessarja fir-rintraċċar tal-membri tal-familja.
Il-fehmiet tal-PE fuq it-twessigħ tad-definizzjoni tal-familja ma kinux aċċettabbli għall-Kunsill, għad illi hemm xi ftit progress żgħir dwar iż-żieda jew ta' wieħed mill-ġenituri jew ta' qarib ieħor b'rabta mal-benefiċjarju meta jkun ġa preżenti. –Għadna rridu naraw jekk in-non-inklużjoni tal-minorenni miżżewġin tħallix lakuna ta' protezzjoni – u għalhekk l-inklużjoni tal-Artikolu 2 fil-klawżola ta’ reviżjoni. Minkejja d-diċitura espliċita ħafna ta’ dan l-Artikolu u r-relazzjoni tiegħu mal-ħtiġiet ta’ protezzjoni, xi Stati Membri jixtiequ jżommu definizzjoni dejqa ħafna tal-familja, għax jibżgħu minn pretiżi futuri ta’ riunifikazzjoni tal-familji – u dan minkejja li d-Direttiva tiddikjara b'mod ċar ir-regoli relattivi għar-refuġjati. Il-minorenni miżżewġin issa huma msemmijin fil-premessa 36a relattivament għall-benefiċċji.
L-Artikolu 7 għandu x’jaqsam mal-Atturi tal-Protezzjoni. Hemm opinjoni f'saħħitha fil-PE li tgħid li, fil-prinċipju, huma biss l-istati li jistgħu jiġu perċepiti bħala atturi tal-protezzjoni, li l-korpi internazzjonali ma għandhomx l-attributi ta’ stat u ma jistgħux ikunu parti għal konvenzjonijiet internazzjonali. Il-bidla limitata fl-Artikolu oriġinali għandha l-objettiv li ssaħħaħ ir-rekwiżiti imposti fuq l-atturi non-statali jekk dawn għandhom jiġu perċepiti bħala kapaċi jagħtu protezzjoni (issa mhux-temporanja) effettiva u duratura. L-Artikolu 7 issa jidher fil-klawżola ta' reviżjoni minħabba fl-inklużjoni kontinwa ta' korpi non-statali.
L-Artikolu 8 għandu x’jaqsam mal-protezzjoni interna fil-pajjiż li lejh issir il-ħarba. Hawnhekk, il-Kunsill għażel li jżomm eqreb lejn id-diċitura tal-Kummissjoni, għad illi partijiet mill-emendi tal-PE ttieħdu fil-premessi – l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam ma' pożizzjoni f'saħħitha kontra l-protezzjoni interna fejn l-istat huwa l-aġent tal-persekuzzjoni.
It-tabelli ta’ korrelazzjoni għadhom qasam ta’ diffikultà, imma r-rakkomandazzjoni tar-Rapporteur hija li s-sostanza tal-ftehim proposta lill-Kamra hija pass ’il quddiem mid-Direttiva eżistenti, li jagħti aktar sikurezza lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, aktar kjarezza għall-Istati Membri, u wieħed jittama jwassal għal riduzzjoni fid-divarji ta’ bħalissa fl-għoti ta' sistema ġusta u effikaċi.
ANNESS: ITTRA MILL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI
KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI
PRESIDENT
Ref.: D(2010)5206
Sur Fernando LOPEZ AGUILAR
President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja
u l-Intern
ASP 11G306
Brussell
Suġġett: Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija
COM(2009) 551 finali tat-21.10.2009 - 2009/0164 (COD)
Għażiż President,
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li għandi l-unur nippresjedi, eżamina l-proposta msemmija aktar ’il fuq, skont it-termini tal-Artikolu 87 dwar ir-Riformulazzjoni, kif iddaħħal fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.
Il-Paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu jgħid hekk:
"Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jikkonkludi li l-proposta ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali għal-leġiżlazzjoni minbarra dawk identifikati bħala tali, għandu jinforma lill-kumitat responsabbli dwar dan.
F'dan il-każ, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 150 u 151, l-emendi għandhom ikunu ammissibbli mill-kumitat responsabbli jekk jikkonċernaw dawk il-partijiet tal-proposta li jinkludu tibdiliet sostanzjali.
Madankollu, jekk f’konformità mal-punt 8 tal-Ftehim Interistituzzjonali l-kumitat responsabbli jkollu l-ħsieb ukoll li jippreżenta emendi għall-proposta tal-Kummissjoni, huwa għandu jinnotifika immedjatament l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u din tal-aħħar għandha tinforma lill-kumitat, qabel il-vot skont l-Artikolu 54, dwar il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-emendi kif ukoll dwar jekk għandhiex il-ħsieb li tirtira l-proposta ta' riformulazzjoni.”
B’segwitu għall-opinjoni tas-Servizz Ġuridiku, li r-rappreżentanti tiegħu pparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv li fihom ġiet eżaminata l-proposta riformulata ta’ dan l-aħħar, u b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur għal opinjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jqis li l-proposta inkwestjoni ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali għajr il-bidliet identifikati bħala tali fil-proposta jew fil-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv u li, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kodifikazjzoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdulin tal-atti ta’ qabel b’dawk il-bidliet, il-proposta fiha kodifikazzjoni vera u proprja tat-testi eżistenti, mingħajr ebda bidla fis-sostanza tagħhom.
Barra minhekk, skont it-termini tal-Artikolu 87 tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali, qies li l-adattamenti tekniċi suġġeriti fl-opinjoni tal-fuq imsemmi Grupp ta' Ħidma kienu meħtieġa ħalli jkun żgurat li l-proposta tkun skont ir-regoli tar-riformulazzjoni.
Biex nikkonkludu, wara diskussjoni fil-laqgħa tiegħu tal-27 ta' Jannar 2010, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, b'22-il vot favur u ebda astensjoni[12], jirrakkomanda li l-Kumitat tiegħek, bħala l-kumitat responsabbli, jipproċedi biex jeżamina l-proposta msemmija hawn fuq f'konformità mas-suġġerimenti tiegħu u skont l-Artikolu 87.
Dejjem tiegħek,
Klaus-Heiner LEHNE
Mehmuż: L-Opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv.
ANNESS: OPINJONI TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI
|
Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali |
Brussell, 23 ta’ Novembru 2009.
OPINJONI
GĦALL-ATTENZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
TAL-KUNSILL
TAL-KUMMISSJONI
Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija
dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija
COM(2009)0551 of 21.10.2009 – 2009/0164(COD)
Wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 dwar użu aktar strutturat tat-teknika ta’ riformulazzjoni għall-atti ġuridiċi, u b’mod partikolari l-punt 9 tagħha, il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv, kostitwit mis-serviżżi ġuridiċi rispettivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew, u tal-Kummissjoni Ewropea, iltaqa’ nhar id-29 ta’ Ottubru għall-iskop li jeżamina, fost l-oħrajn, il-proposta msemmija ppreżentata mill-Kummissjoni.
F’dik il-laqgħa, l-eżami tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew għar-riformulazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta' April 2004 dwar l-istandards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta' nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew ta' persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li altrimenti jeħtieġa l-protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija rriżultaw fl-istabbiliment, min-naħa tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv, ta’ dan li ġej:
1) Fl-Artikolu 9(3), id-diċitura inizjali “Skont it-termini tal-Artikolu 2(c)” għandha tiġi adattata ħalli tiġi tgħid "Skont it-termini tal-Artikolu 2(d)".
2) Fl-Artikolu 19(1), il-kliem “wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva" għandu jiġi adattat ħalli jkun jgħid, "wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/83/KE".
3) Fl-Artikolu 23(2), ir-riferiment għal "Artikoli 24 sa 34” għandu jiġi adattat ħalli jiġi qed jirreferi għal “Artikoli 24 sa 27 u 29 sa 35".
4) Fl-Artikolu 39(1), l-ewwel subparagrafu, l-aħħar sentenza: “Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella li turi l-korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva” kellha tkun identifikata bl-użu tat-tipa griża li ġeneralment tintuża biex jiġu mmarkati tibdiliet sostantivi fit-testi ta’ riformulazzjoni.
5) Fl-Artikolu 39(2), il-kliem tal-għeluq “u tabella li turi l-korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva” kellha tkun identifikat bit-tipa ġriża.
6) Fl-Artikolu 42, il-kliem tal-għeluq tal-Artikolu 40 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE (“skont it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea”) għandu jerġa’ jiddaħħal.
7) Fl-Anness I, Parti B, l-indikazzjoni tad-data tal-10 ta’ Ottubru 2006 għandha tkun sostitwita b’dik tad-9 ta’ Ottubru 2006.
B’konsegwenza ta’ dan, l-eżami tal-proposta ppermetta lill-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv jikkonkludi, mingħajr dissens, li l-proposta ma fiha l-ebda emenda sostantiva, għajr il-bidliet li ġew identifikati bħala tali fiha stess jew fl-opinjoni preżenti. Il-Grupp ta' Ħidma kkonkluda wkoll, fir-rigward tal-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-att iżjed bikri b'dawk l-emendi sostantivi, li l-proposta fiha kodifikazzjoni ċara tat-test eżistenti, mingħajr xi tibdil fis-sustanza tiegħu.
C. PENNERA J.-C. PIRIS L. ROMERO REQUENA
Ġurikonsult Ġurikonsult Direttur Ġenerali
IL-PROĊEDURA
Titlu | Standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (riformulazzjoni) | |||
References | COM(2009)0551 – C7-0250/2009 – 2009/0164(COD) | |||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE | 21.10.2009 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | LIBE 12.11.2009 |
|
|
|
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | JURI 12.11.2009 |
|
|
|
Rapporteur(s) Data tal-ħatra | Jean Lambert 11.1.2010 |
|
|
|
Eżami fil-kumitat | 24.5.2011 | 12.7.2011 |
|
|
Data tal-adozzjoni | 12.7.2011 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 46 3 1 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Jan Philipp Albrecht, Sonia Alfano, Alexander Alvaro, Gerard Batten, Vilija Blinkevičiūtė, Mario Borghezio, Rita Borsellino, Emine Bozkurt, Simon Busuttil, Philip Claeys, Carlos Coelho, Rosario Crocetta, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Hélène Flautre, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Ágnes Hankiss, Anna Hedh, Salvatore Iacolino, Sophia in ‘t Veld, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Timothy Kirkhope, Juan Fernando López Aguilar, Baroness Sarah Ludford, Monica Luisa Macovei, Véronique Mathieu, Jan Mulder, Antigoni Papadopoulou, Georgios Papanikolaou, Carmen Romero López, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Renate Sommer, Rui Tavares, Wim van de Camp, Renate Weber, Tatjana Ždanoka | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Edit Bauer, Anna Maria Corazza Bildt, Ioan Enciu, Monika Hohlmeier, Jean Lambert, Antonio Masip Hidalgo, Mariya Nedelcheva, Hubert Pirker, Michèle Striffler, Kyriacos Triantaphyllides, Cecilia Wikström | |||
Data tat-tressiq | 14.7.2011 | |||