Dokument ta' sessjoni
6.10.2011
***II
RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew
(10303/1/2011 – C7‑0236/2011 – 2010/0044(COD) )
Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Chrysoula Paliadeli
PR_COD_2app
Tifsira tas-simboli użati |
* Proċedura ta’ konsultazzjoni *** Proċedura ta’ approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) ***III Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)
(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)
|
Emendi għal abbozz ta’ att |
Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.
L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW................5
NOTA SPJEGATTIVA...............................................................................................................6
PROĊEDURA...........................................................................................................................10
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew
(10303/1/2011 – C7‑0236/2011 – 2010/0044(COD) )
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (10303/1/2011 – C7‑0236/2011),
– wara li kkunsidra l-opinjoni motivata mressqa, fil-qafas tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, mis-Senat Franċiż, li tisħaq li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[1] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2010)0076 ),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 72 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni ( A7-0331/2011 ),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Jinnota li l-att qed jiġi adottat b’konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u sabiex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
NOTA SPJEGATTIVA
1. Sfond u proċedura
Fid-9 ta' Marzu 2010, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew[2].
It-test ġie eżaminat taħt il-Presidenza Spanjola, Belġjana u Ungeriża tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea (il-Kunsill).
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni adotta l-opinjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni fid-9 ta' Ġunju 2010[3].
Matul is-seduta tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2010, il-Parlament Ewropew (PE) adotta fl-ewwel qari riżoluzzjoni leġiżlattiva li temenda l-proposta tal-Kummissjoni[4].
Fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta' Marzu 2011, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT) ħa deċiżjoni dwar l-ambitu tal-mandat tiegħu fin-negozjati tiegħu li ġejjin mal-Kunsill, bl-għan li jintlaħaq ftehim minn kmieni fit-tieni qari, kif ukoll dwar min għandhom ikunu il-membri tat-tim tan-negozjati.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 294(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u d-dikjarazzjoni konġunta dwar l-arranġamenti prattiċi li jirregolaw il-proċedura ta' kodeċiżjoni[5], saru żewġ laqgħat informali tat-trilogu (fit-22 ta' Marzu u fit-12 ta' April) bejn il-Kunsill u l-PE, bl-għan li jintlaħaq ftehim fit-tieni qari. Il-ftehim li rriżulta ġie kkonfermat mill-COREPER fil-15 ta' April 2011 u f'ittra mill-President tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni lill-President tal-COREPER I bid-data tad-9 ta' Mejju 2011.
Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fejn inkorpora l-ftehim fid-19 ta' Lulju 2011, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja stipulata fl-Artikolu 294 tat-TFUE.
2. Il-proposta tal-Kummissjoni
L-għan tal-proposta huwa li jissaħħaħ is-sens ta’ appartenenza taċ-ċittadini Ewropej għall-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi tal-elementi komuni tal-istorja u l-patrimonju, kif ukoll b’apprezzament tad-diversità, u li jsaħħaħ id-djalogu interkulturali.
Inizjattiva integovernattiva: Il-proposta testendi inizjattiva intergovernattiva mnedija fl-2006. Hi twieġeb għall-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fl-20 ta' Novembru 2008, fejn il-Kummissjoni ġiet mistiedna tippreżenta proposta li tbiddel din l-inizjattiva f'azzjoni formali tal-Unjoni, sabiex ittejjeb il-kwalità u l-effiċjenza u tiżgura s-suċċess fit-tul tagħha.
Kriterji ġodda u proċedura ta' monitoraġġ: Il-proposta tintroduċi kriterji ġodda komuni, ċari u trasparenti għaċ-ċertifikat, li se jiġu applikati mill-Istati Membri parteċipanti kollha. Il-parteċipazzjoni se tkun volontarja. Proċeduri ġodda ta' għażla u monitoraġġ se jiżguraw li s-siti l-aktar relevanti jingħataw iċ-ċertifikat, u li dawk li m'għadhomx jissodisfaw il-kriterji rekwiżiti jitilfuh.
Valur miżjud: Fil-proposta ngħatat attenzjoni speċjali lill-valur miżjud ta' dan iċ-ċertifikat b'paragun mal-inizjattivi l-oħra fil-qasam tal-patrimonju kulturali. Iċ-ċertifikat ma jirrigwardax is-sbuħija tas-sit jew il-kwalità arkitettonika tiegħu, iżda pjuttost il-valur simboliku tiegħu għall-integrazzjoni Ewropea u l-istorja tal-Unjoni. Ma jirrigwardax il-konservazzjoni tas-siti nnifishom, iżda pjuttost l-attivitajiet li jistgħu joffru u d-dimensjoni edukattiva tagħhom, speċjalment għaż-żgħażagħ. Fl-aħħar nett, se jgħin lis-siti li għandhom ċertifikat isiru aktar effikaċi permezz tal-ħidma flimkien tagħhom.
3. L-ewwel qari tal-Parlament
Ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament, adottata minn maġġoranza kbira fl-ewwel qari (497 vot favur, 18 kontra u 41 astensjoni) kellha 62 emenda. Maġġoranza kbira ta' dawk l-emendi ttrattaw kwistjonijiet relattivament minuri u kkontribwixxew għal titjib addizzjonali tat-test.
Fost il-kwistjonijiet indirizzati mir-rapporteur kien hemm: in-numru tas-siti li se jingħataw iċ-ċertifikat; kemm-il darba se ssir il-proċedura ta' għażla; distinzjoni ċara bejn l-azzjoni l-ġdida tal-UE u l-inizjattiva intergovernattiva attwali, u r-relazzjoni bejn is-siti li jibbenefikaw u li sejrin jibbenefikaw miċ-ċertifikat.
Il-modifiki l-aktar importanti jkopru l-kwistjonijiet li ġejjin:
Frekwenza tal-għażla: Għalkemm il-Kummissjoni pproponiet li tagħti ċ-ċertifikat kull sena, il-Membri qisu li l-għażla tas-siti kull sentejn se tiżgura kwalità aħjar tal-proċess ta' għażla kif ukoll tas-siti magħżula.
Siti transnazzjonali u kwoti: L-applikazzjonijiet mis-siti transnazzjonali għandhom isegwu l-istess proċedura bħall-applikazzjonijiet minn siti oħrajn. Il-Membri ħassew li s-siti jeħtieġ li jintgħażlu minn qabel mill-Istati Membri kollha involuti, fil-limitu tagħhom ta' massimu ta' żewġ siti. Is-siti transnazzjonali għandhom jinnominaw wieħed mis-siti involuti bħala l-koordinatur tagħhom, li għandu jkun l-uniku punt ta' kuntatt tal-Kummissjoni.
Il-bord ta' għażla: Il-bord ta' għażla Ewropew għandu jkun magħmul minn 13-il membru, li wieħed minnhom għandu jinħatar mill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-bord ta' għażla Ewropew għandu jkun magħmul minn esperti kulturali li jkopru l-oqsma kollha relatati mal-għanijiet taċ-ĊPE, filwaqt li jkollu rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha.
Informazzjoni msaħħa: Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni f'kull stadju tal-proċess ta' għażla: l-għażla minn qabel tas-siti mill-Istati Membri, l-għażla mill-bord ta' għażla Ewropew, in-nomina tas-siti magħżula mill-Kummissjoni, l-irtirar taċ-ċertifikat minn sit u r-rinunzja taċ-ċertifikat minn sit.
L-Irtirar miċ-ċertifikat: Il-membri qisu li l-ġurija għandha tkun involuta fil-proċedura ta' rtirar għal raġunijiet ta' trasparenza. Is-siti jistgħu jagħżlu li jirrinunzjaw għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew meta jridu.
Arranġamenti tranżitorji: Sabiex jiġi ppreservat il-prestiġju taċ-ċertifikat il-qadim u jiġi promoss il-prestiġju tal-ġdid, il-Membri ssuġġerew li m'hemmx il-ħtieġa ta' dispożizzjonijiet tranżitorji.
4. L-ewwel qari tal-Kunsill
L-ewwel qari tal-Kunsill huwa bbażat fuq il-ftehim innegozjat wara l-ewwel qari tal-Parlament.
L-elementi ewlenin ta' dan il-ftehim, li inkorpora bis-sħiħ, parzjalment jew fl-ispirtu l-maġġoranza kbira tal-emendi tal-ewwel qari tal-Parlament, huma dawn li ġejjin:
i) Għażla tas-siti (l-Artikolu 10(2), l-Artikolu 11(2), l-Artikolu 12(2)): Kull Stat Membru jista' jagħżel minn qabel massimu ta’ żewġ siti kull sentejn: kemm sit nazzjonali kif ukoll transnazzjonali. Il-kwota għas-siti transnazzjonali tintuża għall-pajjiż koordinatur biss sabiex l-Istati Membri ma jaqtgħux qalbhom milli jieħdu sehem f'dawn is-siti. Bord ta' esperti indipendenti se jagħżlu massimu ta' sit wieħed għal kull pajjiż biex ikun eliġibbli għaċ-ċertifikat.
ii) Ambitu ġeografiku (l-Artikolu 4, l-Artikolu 18(1), Premessa 13): L-azzjoni tal-Unjoni hija miftuħa għas-27 Stat Membru. Matul l-ewwel valutazzjoni ta' din l-azzjoni għandu jiġi eżaminat it-twessigħ tal-ambitu ġeografiku.
iii) Dispożizzjonijiet transizzjonali (l-Artikolu 19, Premessa 11): Id-dispożizzjonijiet transizzjonali huma kkjarifikati u ssimplifikati.
iv) Siti tematiċi nazzjonali (l-Artikolu 20): Diversi siti li jinsabu fl-istess Stat Membru jistgħu jressqu applikazzjoni waħda li tiffoka fuq tema speċifika.
5. Il-pożizzjoni tar-Rapporteur
Ir-rapporteur tirrakomanda l-adozzjoni, mingħajr emenda u mingħajr aktar dewmien, tal-pożizzjoni tal-ewwel qari tal-Kunsill.
PROĊEDURA
Titolu | Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew | |||
Referenzi | 10303/1/2011 – C7-0236/2011 – 2010/0044(COD) | |||
Data tal-1 qari tal-PE - Numru P | 16.12.2010 T7-0486/2010 | |||
Proposta tal-Kummissjoni | COM(2010)0076 - C7-0071/2010 | |||
Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari | 15.9.2011 | |||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | CULT 15.9.2011 |
|
|
|
Rapporteur(s) Data tal-ħatra | Chrysoula Paliadeli 23.3.2010 |
|
|
|
Eżami fil-kumitat | 4.10.2011 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni | 5.10.2011 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 29 0 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Magdi Cristiano Allam, Maria Badia i Cutchet, Malika Benarab-Attou, Lothar Bisky, Jean-Marie Cavada, Santiago Fisas Ayxela, Mary Honeyball, Cătălin Sorin Ivan, Petra Kammerevert, Morten Løkkegaard, Marek Henryk Migalski, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marietje Schaake, Marco Scurria, Hannu Takkula, Sampo Terho, László Tőkés, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Milan Zver | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Heinz K. Becker, Ivo Belet, Luigi Berlinguer, Nessa Childers, Seán Kelly, Iosif Matula, Georgios Papanikolaou | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Jacky Hénin | |||
Data tat-tressiq | 6.10.2011 | |||