Dokument ta' sessjoni

 

A7-0002/2012

21.12.2011

*

RAPPORT

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta' protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni

( COM(2011)0216 – C7‑0145/2011 – 2011/0094(CNS) )

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Raffaele Baldassarre

 

PR_CNS_art55am

 

 

Tifsira tas-simboli użati

       *     Proċedura ta' konsultazzjoni 

   ***     Proċedura ta’ approvazzjoni

  ***I     Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari)

 ***II     Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari)

  ***III     Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)

(It-tip ta' proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta' att.)

 

 

 

 

Emendi għal abbozz ta’ att

Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b' tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f'verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.

 

L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta' att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba' linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f'dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta' att ma jkunx emenda, huma indikati b'tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].

 

WERREJ

Paġna

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW................5

NOTA SPJEGATTIVA.............................................................................................................14

PROĊEDURA...........................................................................................................................19

 

 

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta' protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni

( COM(2011)0216 – C7‑0145/2011 – 2011/0094(CNS) )

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill ( COM(2011)0216 ),

–   wara li kkunsidra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7‑0145/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali ( A7-0002/2012 ),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda  1

Proposta għal regolament

Premessa 6

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6) Ladarba l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi huwa responsabbli għall-għoti tal-privattivi Ewropej, l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva Ewropea b’effett unitarju għandhom jibnu fuq il-proċedura attwali fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi. Dawk l-arranġamenti għandu jkollhom l-għan li jiksbu l-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi tal-operaturi ekonomiċi u l-interess pubbliku f’termini tal-ispejjeż tal-proċeduri u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni teknika.

(6) Ladarba l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi huwa responsabbli għall-għoti tal-privattivi Ewropej, l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva Ewropea b’effett unitarju għandhom jibnu fuq il-proċedura attwali fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi. Dawk l-arranġamenti għandu jkollhom l-għan li jiksbu l-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi tal-operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari l-impriżi ta' daqs żgħir u medju, u l-interess pubbliku f’termini tal-ispejjeż tal-proċeduri u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni teknika.

 

Emenda  2

Proposta għal regolament

Premessa 9

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9) Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-privattivi Ewropej b’effett unitarju, b’mod partikolari għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-applikanti li m’għandhomx lingwa komuni ma’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet tal-privattivi tagħhom fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi fi kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea. Bħala miżura komplementari, fil-każ ta’ applikanti li jiksbu privattivi Ewropej b’effett unitarju u li jkollhom ir-residenza jew il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi Stat Membru tal-Unjoni li għandu lingwa uffiċjali li m’hijiex waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, għandha tiġi amminstrata sistema ta’ rimborżi addizzjonali, mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, tal-ispejjeż relatati mat-traduzzjoni minn dik il-lingwa fil-lingwa tal-proċeduri tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, lil hinn minn dak li diġà huwa fis-seħħ fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi].

(9) Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-privattivi Ewropej b’effett unitarju, b’mod partikolari għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, l-applikanti li m’għandhomx lingwa komuni ma’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet tal-privattivi tagħhom fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi fi kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni Ewropea. Bħala miżura komplementari, l-impriżi ta' daqs żgħir u medju, il-persuni fiżiċi u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li jiksbu privattivi Ewropej b’effett unitarju u li jkollhom ir-residenza jew il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi Stat Membru tal-Unjoni li għandu lingwa uffiċjali li mhijiex waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, għandhom jibbenefikaw minn sistema ta’ rimborżi addizzjonali tal-ispejjeż relatati mat-traduzzjoni minn dik il-lingwa fil-lingwa tal-proċeduri tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, lil hinn minn dak li diġà huwa fis-seħħ fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi. Is-sistema ta' rimborżi addizzjonali għandha tiġi amministrata mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi skont l-Artikolu 12 tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi].

 

Emenda  3

Proposta għal regolament

Premessa 9a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(9a) Il-modalitajiet u l-livell ta' rimborż tal-ispejjeż addizzjonali tat-traduzzjoni għandhom jitfasslu b'mod li, bħala prinċipju, jiżgura kumpens sħiħ tal-ispejjeż tat-traduzzjoni; limitu massimu għal kull paġna huwa meħtieġ sabiex jirrifletti l-prezz medju normali tas-suq għat-traduzzjoni u biex jiġi evitat l-abbuż;

 

Emenda  4

Proposta għal regolament

Premessa 10

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10) Biex jiġu promossi d-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-privattivi u t-tixrid tal-għarfien teknoloġiku, it-traduzzjonijiet awtomatiċi tal-applikazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tal-privattivi fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni għandhom ikunu disponibbli mill-aktar fis possibbli. Qed jiġu żviluppati traduzzjonijiet awtomatiċi mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi li huma għodda importanti ħafna li tfittex li ttejjeb l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-privattiva u li xxerred b'mod wiesa’ l-għarfien teknoloġiku. Id-disponibbiltà fil-ħin ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja ta’ applikazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tal-privattivi Ewropej fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni se tkun ta' benefiċċju għall-utenti kollha tas-sistema ta’ privattiva Ewropea. It-traduzzjonijiet awtomatiċi huma karatteristika ewlenija tal-politika tal-Unjoni Ewropea. Dawn it-traduzzjonijiet awtomatiċi għandhom iservu biss għal finijiet ta' informazzjoni u m’għandu jkollhom l-ebda effett legali.

(10) Biex jiġu promossi d-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar il-privattivi u t-tixrid tal-għarfien teknoloġiku, it-traduzzjonijiet awtomatiċi tal-applikazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tal-privattivi fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni għandhom ikunu disponibbli mill-aktar fis possibbli. Qed jiġu żviluppati traduzzjonijiet awtomatiċi mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi li huma għodda importanti ħafna li tfittex li ttejjeb l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-privattiva u li xxerred b'mod wiesa’ l-għarfien teknoloġiku. Id-disponibbiltà fil-ħin ta’ traduzzjonijiet awtomatiċi ta’ kwalità għolja ta’ applikazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tal-privattivi Ewropej fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni se tkun ta' benefiċċju għall-utenti kollha tas-sistema ta’ privattiva Ewropea. It-traduzzjonijiet awtomatiċi huma karatteristika ewlenija tal-politika tal-Unjoni Ewropea. Dawn it-traduzzjonijiet awtomatiċi għandhom iservu biss għal finijiet ta' informazzjoni u m’għandu jkollhom l-ebda effett legali. Għandhom ikunu disponibbli online u għandhom ikunu bla ħlas wara l-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal privattiva u tal-privattiva mogħtija.

 

Emenda  5

Proposta għal regolament

Premessa 11b (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(11b) Wara li jintemm il-perjodu tranżitorju, l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi għandu jibqa' jippubblika traduzzjoni addizzjonali bl-Ingliż tal-ispeċifikazzjoni tal-privattiva Ewropea pprovduta b'mod volontarju mill-applikant. Dan jipprovdi aktar pubbliċità internazzjonali u jillimita l-possibbiltà ta' kontraventur li jiddikjara li aġixxa in bona fede.

 

Emenda  6

Proposta għal regolament

Artikolu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Dan ir-Regolament jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja awtorizzata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2011/167/UE fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni.

1. Dan ir-Regolament jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja awtorizzata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2011/167/UE fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni. Jirregola l-arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli għall-privattivi Ewropej sal-punt li jkollhom effett unitarju.

 

2. Dan ir-Regolament huwa bla ħsara għar-regoli li jirregolaw il-lingwi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti skont l-Artikolu 342 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1/1958.

 

3. Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq ir-reġim lingwistiku tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi u m’għandux jitqies bħala li joħloq reġim lingwistiku speċifiku għall-Unjoni, jew li joħloq preċedent għal reġim limitat ta’ lingwi fi kwalunkwe strument legali fil-futur tal-Unjoni.

 

Emenda  7

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 2a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2a. Ladarba jkunu disponibbli, it-traduzzjonijiet awtomatiċi ta' applikazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tal-privattivi fil-lingwi kollha tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6(3) għandhom ikunu disponibbli online u għandhom ikunu bla ħlas wara l-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal privattiva u tal-privattiva mogħtija.

 

Emenda  8

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 2b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

2b. Wara li jintemm il-perjodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 6 u skont l-Artikolu 12 tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi], l-Istati Membri parteċipanti, skont l-Artikolu 143 tal-KEP, għandhom jagħtu lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi l-kompitu li jippubblika traduzzjoni sħiħa addizzjonali tal-ispeċifikazzjoni bl-Ingliż, jekk tali traduzzjoni addizzjonali tkun ġiet ipprovduta b'mod volontarju mill-applikant. Din it-traduzzjoni m'għandhiex issir b'mezzi awtomatiċi.

 

Emenda  9

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Fil-każ ta' tilwima relatata ma’ privattiva Ewropea b’effett unitarju, il-proprjetarju tal-privattiva għandu jipprovdi, fuq it-talba u l-għażla ta’ persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur, traduzzjoni sħiħa tal-privattiva f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru parteċipanti fejn ikun seħħ l-allegat ksur jew fejn tkun domiċiljata l-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur.

1. Fil-każ ta' tilwima relatata ma’ privattiva Ewropea b’effett unitarju, il-proprjetarju tal-privattiva għandu jipprovdi, fuq it-talba u l-għażla ta’ persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur, traduzzjoni sħiħa tal-privattiva f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru parteċipanti fejn ikun seħħ l-allegat ksur jew fejn tkun domiċiljata l-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur. Din it-traduzzjoni m'għandhiex issir b'mezzi awtomatiċi.

 

Emenda  10

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Fil-każ ta’ tilwima relatata ma’ privattiva Ewropea b’effett unitarju, il-proprjetarju tal-privattiva għandu jipprovdi, matul il-proċeduri legali, fuq it-talba tal-qorti kompetenti fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti għal tilwim li jikkonċerna l-privattivi Ewropej b'effett unitarju, traduzzjoni sħiħa tal-privattiva fil-lingwa tal-proċeduri ta' dik il-qorti.

2. Fil-każ ta’ tilwima relatata ma’ privattiva Ewropea b’effett unitarju, il-proprjetarju tal-privattiva għandu jipprovdi, matul il-proċeduri legali, fuq it-talba tal-qorti kompetenti fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti għal tilwim li jikkonċerna l-privattivi Ewropej b'effett unitarju, traduzzjoni sħiħa tal-privattiva fil-lingwa tal-proċeduri ta' dik il-qorti. Din it-traduzzjoni m'għandhiex issir b'mezzi awtomatiċi.

 

Emenda  11

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4. Fil-każ ta’ tilwima li tikkonċerna talba għal ħsarat, il-qorti li qed tisma' t-tilwima għandha tqis li l-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur setgħet aġixxiet mingħajr ma kienet taf jew mingħajr ma kellha raġunijiet raġonevoli sabiex tkun taf li qed tikser il-privattiva qabel ma ġiet ipprovduta bit-traduzzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

4. Fil-każ ta’ tilwima li tikkonċerna talba għal ħsarat, il-qorti li qed tisma' t-tilwima għandha tqis jekk, speċjalment f'każ ta' impriża ta' daqs żgħir jew medju, persuna fiżika, organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ, università jew organizzazzjoni ta' riċerka pubblika, il-persuna li allegatament tkun wettqet il-ksur aġixxietx mingħajr ma kienet taf jew mingħajr ma kellha raġunijiet raġonevoli sabiex tkun taf li qed tikser il-privattiva qabel ma ġiet ipprovduta bit-traduzzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

 

Emenda  12

Proposta għal regolament

Artikolu 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Meta wieħed iqis li l-applikazzjonijiet għall-privattivi Ewropej jistgħu jiġu ppreżentati f'kull lingwa taħt l-Artikolu 14(2) tal-KEP, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi], l-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħtu lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, skont it-tifsira tal-Artikolu 143 tal-KEP, il-kompitu tal-amministrazzjoni għal skema ta' kumpens ta' rimborż għall-ispejjeż tat-traduzzjoni sa limitu, mit-tariffi msemmija fl-Artikolu 13 ta' dak ir-Regolament, għall-applikanti li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-privattivi fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni li mhijiex lingwa uffiċjali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi.

1. Meta wieħed iqis li l-applikazzjonijiet għall-privattivi Ewropej jistgħu jiġu ppreżentati f'kull lingwa taħt l-Artikolu 14(2) tal-KEP, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi], l-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħtu lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, skont it-tifsira tal-Artikolu 143 tal-KEP, il-kompitu tal-amministrazzjoni għal skema ta' kumpens ta' rimborż għall-ispejjeż tat-traduzzjoni sa limitu, mit-tariffi msemmija fl-Artikolu 13 ta' dak ir-Regolament, għall-applikanti li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-privattivi fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni li mhijiex lingwa uffiċjali tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi.

 

2. L-iskema ta' kumpens imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun iffinanzjata permezz tat-tariffi msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament xx/xx [dispożizzjonijiet sostantivi] u għandha tkun disponibbli biss għall-impriżi ta' daqs żgħir u medju, il-persuni fiżiċi u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet ta' riċerka pubblika li r-residenza jew il-post prinċipali tan-negozju tagħhom jkunu fi Stat Membru tal-Unjoni.

 

Emenda  13

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 1b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

1b. L-iskema ta' kumpens imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiżgura rimborż sħiħ tal-ispejjeż tat-traduzzjoni sa limitu massimu stabbilit b'tali mod li jirrifletti l-prezz medju tas-suq għat-traduzzjonijiet u biex jiġi evitat l-abbuż.

 

Emenda  14

Proposta għal regolament

Artikolu 6 – paragrafu 1 – subparagrafu 1a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Dawn it-traduzzjonijiet m'għandhomx isiru b'mezzi awtomatiċi.

 

Emenda  15

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Għandu japplika minn [data speċifika se tiġi stipulata u se tikkoinċida mad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament xx/xx dwar l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja].

2. Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014 jew mid-data li fiha jidħol fis-seħħ il-Ftehim dwar Qorti tal-Privattivi Unitarji, skont liema data tkun l-aħħar.

 

 

NOTA SPJEGATTIVA

 

1. Daħla

 

Sistema tal-privattivi li taħdem sew li tkun tista' tissodisfa l-ħtiġijiet reali tal-utenti għandha rwol vitali fit-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tal-UE. Tabilħaqq, minbarra li huwa waħda mir-raġunijiet ewlenin għall-iżvilupp tal-innovazzjoni[1], l-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jagħti kontribut sinifikanti lill-iżvilupp ekonomiku taż-żona kollha kkonċernata.

 

L-għan li tinkiseb protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-UE ilu jipprova jintlaħaq mill-Istati Membri għal kważi nofs seklu. Minħabba l-impossibbiltà li jintlaħaq ftehim dwar privattiva Komunitarja, fl-1973 tfasslet l-hekk imsejħa Konvenzjoni ta' Munich[2], li sussegwentement l-Istati Membri attwali kollha tal-UE saru firmatarji tagħha.

 

Il-proċedura ċentralizzata prevista mill-Konvenzjoni ma ppermettietx, madankollu, li jitneħħew l-ostakli ewlenin għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea tal-privattivi. B'mod partikolari, il-livell għoli ta' inċertezza legali[3] u l-ispejjeż konsiderevoli marbuta mal-validazzjoni u ż-żamma tal-privattivi[4].

 

Il-konkomitanza ta' dawn il-limitazzjonijiet wasslet għal sistema ta' privattivi li hija estremament frammentata u insuffiċentement kompetittiva internazzjonalment. Biżżejjed ngħidu li privattiva Ewropea li tkun ġiet ivvalidata fi 13-il stat tiswa 13-il darba aktar milli fl-Istati Uniti u 11-il darba aktar milli fil-Ġappun[5].

 

2. Il-pożizzjoni tar-Rapporteur dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni

 

2.1 Rimarki preliminari u prijoritajiet

 

Għalkemm il-proposta attwali hija bbażata fuq il-lingwi ta' ħidma tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi u hija r-riżultat ta' kompromess politiku diffiċli, ir-Rapporteur iqis li jeħtieġ li, kemm jista' jkun, l-Ingliż jitħares u jiġi promoss, bħala l-lingwa li tintuża b'mod predominanti fir-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali.

 

F'dan ir-rigward, ta' min wieħed jinnota li 77%[6] tal-applikazzjonijiet kollha għal privattivi mressqa lill-UEP diġà huma bl-Ingliż[7]. Minn dan huwa faċli li wieħed jasal għall-konklużjoni li l-Ingliż illum huwa l-lingwa preferuta tas-settur kummerċjali u akkademiku f'dak li jikkonċerna l-attivitajiet ta' riċerka tekonoloġika u l-innovazzjoni. Barra minn hekk, l-Ingliż fil-fatt huwa l-lingwa teknika par excellence, kif evidenzjat mill-fatt li 95% tal-istudji xjentifiċi kollha fis-setturi tar-riċerka u l-iżvilupp huma ppubblikati bl-Ingliż[8].

           

Ir-Rapporteur jemmen ukoll li l-SMEs Ewropej għadhom ibatu minħabba produttività aktar baxxa u żvilupp aktar bil-mod meta mqabbla mal-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Uniti u f'ekonomiji emerġenti oħra, speċjalment fir-rigward tal-innovazzjoni. Din id-diffikultà ġiet identifikata wkoll mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2007 bl-għan li jerġa' jinfetaħ id-dibattitu dwar is-sistema Ewropea tal-privattivi. Il-Kummissjoni nnutat li r-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas ta' parteċipazzjoni mill-SMEs fis-suq tal-privattivi kienu n-nuqqas ta' servizzi konsultattivi disponibbli – speċjalment fl-istadju tar-riċerka – u l-ispejjeż, li spiss kienu insostenibbli[9].

 

Matul il-konsultazzjoni dwar il-futur tas-sistema tal-privattivi fl-Ewropa[10], l-SMEs stess ġibdu l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' appoġġ speċifiku, partikolarment b'referenza għall-ispejjeż tat-traduzzjoni, ir-riċerka dwar il-privattivi u l-protezzjoni legali.

 

L-istess ħtieġa ġiet espressa matul il-konsultazzjonijiet dwar l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, li fihom l-SMEs sostnew li l-ostakli ewlenin għall-aċċess għas-suq Ewropew tal-privattivi kienu l-ispejjeż għoljin u l-kumplessità legali tas-sistema tal-privattivi, filwaqt li enfasizzaw il-ħtieġa ta' sistema tal-privattivi simplifikata u aċċessibbli bi spejjeż imnaqqsa[11].

Il-ħtieġa ta' miżuri speċifiċi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għas-suq Ewropew tal-privattivi ġiet ikkonfermata ripetutament ukoll mir-riċerka akkademika f'dan il-qasam[12]. Fl-istess ħin, dik ir-riċerka wriet l-impatt negattiv konsiderevoli li l-ispejjeż tat-traduzzjoni u tal-validazzjoni u ż-żamma tal-privattivi għandhom fuq id-deċiżjonijiet tal-SMEs dwar jekk jinternazzjonalizzawx in-negozji tagħhom jew le[13], u għalhekk ixekklu l-iżvilupp tal-innovazjzoni fl-UE.

 

Ir-Rapporteur jaqbel mat-talbiet imsemmija hawn fuq u l-ħtieġa ta' miżuri speċifiċi biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs għas-suq Ewropew tal-privattivi u għall-innovazzjoni. F'dan ir-rigward, huwa konvint li l-miżuri leġiżlattivi li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-privattiva unitarja jipprovdu opportunità eċċellenti biex wieħed jirreaġixxi għat-talbiet espressi mill-SMEs, b'mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż u l-appoġġ legali.

 

2.2 L-emendi proposti

 

Arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva Ewropea b'effett unitarju

 

Ir-Rapporteur biħsiebu jżomm id-deċiżjoni li l-arranġamenti lingwistiċi jkunu bbażati fuq il-lingwi ta' ħidma tal-UEP, skont l-eżitu tal-valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni[14] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/167/UE, li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-protezzjoni tal-privattiva unitarja.

 

Madankollu, ir-Rapporteur jikkritika l-fatt li strument bħall-kooperazzjoni msaħħa ntgħażel f'settur li huwa integrali għas-suq intern. Għaldaqstant, filwaqt li jittama li l-Istati Membri kollha tal-UE dalwaqt ikunu jistgħu jipparteċipaw, ir-Rapporteur jixtieq jiġbed l-attenzjoni li l-arranġamenti lingwistiċi magħżula m'għandhomx jistabbilixxu preċedent għal reġim lingwistiku limitat f'kull strument legali futur tal-Unjoni (ara l-Emenda 8).

 

Bl-istess mod, fid-dawl tal-informazzjoni t'hawn fuq, ir-Rapporteur tal-fehma li s-sistema tal-privattivi għandha tkun orjentata lejn l-użu tal-Ingliż. F'dan ir-rigward, huwa konxju mid-diffikultajiet li bidla diretta għal sistema tal-privattivi monolingwi tinvolvi għall-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi u għal uħud mill-utenti tiegħu.

 

Madankollu, ir-Rapporteur tal-fehma li l-utenti għandhom jingħatw il-possibbiltà li jorjentaw is-sistema lejn l-użu tal-Ingliż, sabiex jiddeċiedu kif l-aħjar jippubbliċizzaw u jipproteġu l-invenzjonijiet tagħhom stess. Għalhekk ir-Rapporteur jipproponi li fi tmiem il-perjodu tranżitorju rregolat bl-Artikolu 6 tar-Regolament, l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi għandu jingħata l-kompitu li jippubblika traduzzjoni bl-Ingliż tal-ispeċifikazzjoni tal-privattiva Ewropea kif ipprovduta b'mod volontarju mill-applikant spejjeż tiegħu (ara l-Emendi 7 u 10).

 

Ir-Rapporteur jemmen li dan jippermetti lill-applikanti jippubbliċizzaw aktar l-invenzjonijiet tagħhom, filwaqt li jipproteġu ruħhom minn kull użu ħażin tal-klawżola tal-"bona fede" (ara l-Artikolu 4(4)) minn allegati kontraventuri[15].

 

2.2.2 Miżuri speċifiċi għall-SMEs

 

Kif espress mill-utenti tas-sistema, ir-Rapporteur jaqbel li għandha tingħata prijorità lit-tnaqqis tal-ispejjeż imġarrba minn impriżi ta' daqs żgħir u medju, waqt li fl-istess ħin tiżdied il-protezzjoni legali li jingħataw (ara l-Emenda 1).

 

B'rabta ma' dan, ir-Rapporteur jilqa' d-dispożizzjoni stipulata fl-Artikolu 4 tal-proposta, imfassla biex tipproteġi l-bona fede tal-kontraventuri. Bl-istess mod, madankollu, huwa tal-fehma li d-dispożizzjoni għandha tkun imfassla għall-SMEs b'mod partikolari (ara l-Emenda 13). Tabilħaqq, minħabba r-riżorsi finanzjarji u organizzattivi limitati tal-SMEs, speċjalment fl-istadju tar-riċerka u meta tiġi vvalutata l-idea wara l-privattiva, il-kumpaniji żgħar għandhom ikunu divrenzjati mill-kbar meta jsiru l-valutazzjonijiet tal-bona fede jew tal-mala fede tal-allegati kontraventuri.

 

Madankollu, fir-rigward tat-tnaqqis tal-ispejjeż għall-SMEs, ir-Rapporteur tal-fehma li l-iskema ta' kumpens stipulata fl-Artikolu 5 tal-proposta għandha tikkonċerna biss ir-rimborż tal-ispejjeż addizzjonali mġarrba mill-impriżi ta' daqs żgħir u medju li jkollhom ir-residenza jew il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi Stat Membru tal-Unjoni (ara l-Emendi 2 u 14). Sabiex ikun żgurat li r-rimborż tal-ispejjeż ikun jgħodd ukoll għal applikanti individwali, ċentri tar-riċerka u universitajiet, ir-Rapporteur iqis li ta' min li jiġu inklużi l-persuni fiżiċi u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ fost il-benefiċjarji tal-iskema ta' kumpens (Emendi 2 u 14).

 

Barra minn hekk, ir-Rapporteur tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti limiti massimi ċari għar-rimborż imsemmi fl-Artikolu 5(1), sabiex ikopri l-ispejjeż kollha tat-traduzzjoni (ara l-Emenda 3). Sadattant, iqis li huwa essenzjali li l-iskema ta' kumpens tissejjes fuq il-prezzijiet tas-suq għal traduzzjonijiet tekniċi, sabiex ikun evitat l-abbuż min-naħa tal-applikanti (ara l-Emenda 14).

 

2.2.3 Traduzzjonijiet awtomatiċi u arranġamenti tranżitorji

 

Ir-Rapporteur jittama li l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi jiżviluppa traduzzjonijiet awtomatiċi malajr. Traduzzjonijiet bħal dawn ikollhom tassew rwol fundamentali, billi jippermettu li l-informazzjoni dwar il-privattivi tkun disponibbli mill-istadji bikrin tal-proċedura, biex b'hekk jipprovdu għajnuna vitali fl-istadju tar-riċerka, li tkun ta' benefiċċju partikolari għar-riċerkaturi individwali u għall-SMEs.

 

F'dan ir-rigward, ir-Rapporteur iqis li huwa vitali li jkun żgurat li t-traduzzjonijiet awtomatiċi jkunu b'xejn u disponibbli minnufih, sabiex l-applikanti u l-utenti ma jkollhomx iġarrbu l-ispejjeż tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-sistema (ara l-Emendi 4 u 9).

 

Fl-istess ħin, ir-Rapporteur tal-fehma li l-involviment ta' rappreżentanti tal-uffiċċji nazzjonali individwali tal-privattivi jiffaċilita l-valutazzjoni tal-kwalità tat-traduzzjonijiet awtomatiċi (ara l-Emendi 6 u 16).

 

F'dan ir-rigward, ir-Rapporteur ma jaf bl-ebda raġuni għaliex il-kontrolli tal-kwalità tat-traduzzjonijiet għandhom jitnedew biss sitt snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-regolament. Għalhekk jippreferi jemenda d-dispożizzjoni, sabiex il-valutazzjonijiet ikunu jistgħu jibdew tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament (ara l-Emenda 16).

 

Bl-istess għan, jiġifieri dak li jkun żgurat li t-traduzzjonijiet ikunu ta' kwalità għolja, ir-Rapporteur emenda d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-iskadenza tal-perjodu tranżitorju, biex il-kwalità tat-traduzzjonijiet awtomatiċi tiddependi biss mill-evalwazzjoni ta' esperti. Għaldaqstant, ir-Rapporteur emenda d-dispożizzjoni inkwistjoni, biex il-Kummissjoni tkun tista' tipproponi estensjoni tal-perjodu tranżitorju abbażi tal-evalwazzjoni tal-kumitat ta' esperti indipendenti (ara l-Emendi 17 u 18).

 

2.2.4 Dħul fis-seħħ

 

Ir-Rapporteur tal-opinjoni li l-istabbiliment ta' protezzjoni tal-privattiva unitarja għandu jimxi id f'id mal-istabbiliment ta' sistema ġuriżdizzjonali unifikata.

 

Għalhekk jipproponi li t-test jiġi emendat biex ikun żgurat li dan ir-regolament jidħol fis-seħħ biss meta l-ftehim dwar is-sistema ġuriżdizzjonali tiġi ratifikata minn tal-anqas disa' Stati Membri, inklużi t-tlieta bl-ogħla numru ta' applikazzjonijiet għal privattiva (ara l-Emenda 19). Din l-emenda tipprevjeni wkoll kwalunkwe ostaklu kostituzzjonali jew politiku għall-proċess ta' ratifika marbut mal-ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni, min-naħa tal-Istati Membri individwali, li jista' jipprevjeni d-dħul fis-seħħ tar-regolamenti.

PROĊEDURA

Titolu

Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni

Referenzi

COM(2011)0216 – C7-0145/2011 – 2011/0094(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

30.5.2011

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

7.6.2011

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Raffaele Baldassarre

11.4.2011

 

 

 

Eżami fil-kumitat

21.6.2011

11.10.2011

21.11.2011

 

Data tal-adozzjoni

20.12.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Klaus-Heiner Lehne, Antonio López-Istúriz White, Antonio Masip Hidalgo, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Alexandra Thein, Diana Wallis, Rainer Wieland, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Jean-Marie Cavada, Luis de Grandes Pascual, Vytautas Landsbergis, Kurt Lechner, Eva Lichtenberger, Arlene McCarthy

Data tat-tressiq

9.1.2012

 

 

[1]1 Cfr Gambardella et al. (2006): "Studju dwar l-evalwazzjoni tal-ekonomija tal-għarfien - Il-privattivi x'jiswew verament? Il-valur tal-privattivi għall-ekonomija u s-soċjetà tal-lum" – jista' jiġi kkonsultat f'din il-websajt: http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/docs/patent/studies/patentstudy-report_en.pdf. L-istudju jenfasizza l-korrelazzjoni b'saħħitha bejn l-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-iżvilupp tal-innovazzjoni, filwaqt li juri empirikament li l-iżvilupp tal-innovazzjoni jiddependi ferm mil-livell tal-protezzjoni tal-invenzjoni.
[2] Illum 38 pajjiż huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni ta' Munich, iffirmata fil-5 ta' Ottubru 1973. Il-Konvenzjoni wasslet għall-istabbiliment, fis-7 ta' Ottubru 1977, tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi, li għandha żewġ korpi: l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi u l-Kunsill Amministrattiv. Il-Konvenzjoni tippermetti li privattiva Ewropea tingħata permezz ta' proċedura waħda. Ladarba l-privattiva Ewropea tkun ingħatat, huwa f'idejn id-detentur tal-privattiva li jitlob li tkun rikonoxxuta mill-istati kontraenti, abbażi tar-regolamenti u l-proċeduri ta' rikonoxximent nazzjonali individwali rilevanti.
[3] L-ispejjeż akkumulati tal-litigazzjoni parallela fl-erba' Stati Membri li attwalment għandhom il-biċċa l-kbira ta' każijiet ta' litigazzjoni dwar privattivi (il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit u l-Olanda) ivarjaw bejn EUR 310 000 u

EUR 1 950 000 fl-ewel istanza u bejn EUR 320 000 u EUR 1 390 000 fit-tieni istanza. Cfr. Harhoff (2009), Economic Cost-Benefit Analysis of a Unified and Integrated European Patent Litigation System, Rapport Finali.
[4] L-ispiża globali tal-validazzjoni ta' privattiva Ewropea tammonta, bħala medja, għal EUR 12 500 jekk ivvalidata fi 13-il Stat Membru u għal aktar minn EUR 32 000 jekk ivvalidata fl-UE kollha. Cfr. van Pottelsberghe, Bruno u François Didier (2006): The Cost Factor in Patent Systems, Université Libre de Bruxelles, Dokument ta’ Ħidma WP-CEB 06-002.
[5] Cfr. SEC(2010)796: Valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-UE. p. 9-11.
[6] Cfr. v. Pottelsberghe, Bruno (2010): Europe should stop taxing innovation. Bruegel Policy Brief, 2010/02, p. 6.
[7] Skont id-data stabbilita fil-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, madankollu, 45% tal-għadd totali ta' applikazzjonijiet għal privattivi huma bl-Ingliż (cfr. SEC(2010)796, p. 21). F'dan ir-rigward, għandu jkun innutat li d-data tal-Kummissjoni tikkonċerna biss applikazzjonijiet imressqa minn applikanti Ewropej. Madankollu, billi l-applikazzjonijiet għal protezzjoni tal-privattivi unitarji jistgħu jsiru wkoll minn applikanti minn pajjiżi terzi, l-istatistika ġenerali tiddeskrivi s-sitwazzjoni b'mod aktar eżawrjenti.
[8] Cfr. van Pottelsberghe, Bruno (2010), op. cit., p. 7.
[9] COM(2007)0165 . p. 13.
[10] Cfr. Rapport tal-Kummissjoni dwar ir-riżultati preliminari disponibbli hawnhekk: http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/patent/consultation_en.htm.
[11] Cfr. il-kontributi li ġejjin għall-proċess ta' konsultazzjoni: BDI (Bundesverband der deutschen Industrie), DIHK (Deutscher Industrie- und Handelskammertag), CBI (Confederation of British Industries) u UEAPME (European Association of Craft, Small and Medium-Sized Enterprises), disponibbli hawnhekk: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/small-business-act/.
[12] Cfr.: Van Pottelsberghe, B. u Danguy, J.(2010): Patent fees for a sustainable EU (community) patent system; Van Pottelsberghe, B. u Francois, D. (2009): The cost factor in patent systems, Journal of Industry, Competition and Trade, 2009:9(4), 329 - 355.
[13] Cfr. Harhoff, D., Hoisl, K., van Pottelsberghe, B. (2009): Languages, fees and the international scope of patenting, Ecore Discussion Paper, n. 50.
[14] Cfr. op. cit., p. 23 - 25.
[15] Il-proposta għal regolament tistipula li l-qorti kompetenti għandha tivvaluta ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali inkluża, inter alia, matul il-perjodu tranżitorju, it-traduzzjoni mressqa flimkien mat-talba għal effett unitarju (ara l-Premessa 8).