Dokument ta' sessjoni
16.1.2012
***I
RAPPORT
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi (riformulazzjoni)
( COM(2011)0245 – C7‑0107/2011 – 2011/0105(COD) )
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Dan Jørgensen
(Tfassil mill-ġdid – Artikolu 87 tar-Regoli ta' Proċedura)
PR_COD_1recastingam
Tifsira tas-simboli użati |
* Proċedura ta’ konsultazzjoni *** Proċedura ta’ approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) ***III Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)
(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)
|
Emendi għal abbozz ta’ att |
Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.
L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW 5
NOTA SPJEGATTIVA 15
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI 17
PROĊEDURA 21
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi (riformulazzjoni)
( COM(2011)0245 – C7‑0107/2011 – 2011/0105(COD) )
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – tfassil mill-ġdid)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2011)0245 ),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikoli 192(1) u 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0107/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-13 ta’ Lulju 2011[1],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali[2],
– wara li kkunsidra l-ittra tal-25 ta' Novembru 2011 tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 87 u 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel ( A7‑0015/2012 ),
A. billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali,
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1
Proposta għal regolament
Artikolu 5 – paragrafu 1 (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| -1. Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Konvenzjoni għandha tkun responsabbiltà konġunta tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-assistenza teknika, l-iskambju ta' informazzjoni u kwistjonijiet relatati ma' riżoluzzjoni tat-tilwim, parteċipazzjoni f’korpi sussidjarji u votazzjoni. |
(Jerġa' jiddaħħal il-kliem oriġinali tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament PIC)
Ġustifikazzjoni
Il-Kummissjoni tħassar it-test li jgħid li huma l-Kummissjoni u l-Istati Membri li jirrappreżentaw l-UE fil-Konvenzjoni ta' Rotterdam. B'din it-tħassira hija biss il-Kummissjoni u mhux l-Istati Membri li tista' tirrappreżenta l-UE fil-Konvenzjoni. Din mhijiex ġustifikata minħabba li r-Regolament PIC huwa huwa msejjes fuq bażi legali ambjentali u fuq bażi legali kummerċjali. Peress li hija bażi legali ambjentali, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jirrappreżentaw lilhom infushom u li, barra minn hekk, jimplimentaw il-Konvenzjoni b'mod aktar strett milli titlob il-leġiżlazzjoni tal-UE.
Emenda 2
Proposta għal regolament
Artikolu 5 – paragrafu 1
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
1. Il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala awtorità nominata komuni għall-funzjonijiet amministrattivi tal-Konvenzjoni b’referenza għall-proċedura tal-PIC f’isem u b’kooperazzjoni mill-qrib u b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali nominati tal-Istati Membri. | 1. Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Konvenzjoni, għall-funzjonijiet amministrattivi tal-Konvenzjoni b’referenza għall-proċedura tal-PIC u n-notifika dwar l-esportazzjoni, il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala awtorità nominata komuni f’isem u b’kooperazzjoni mill-qrib u b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali nominati tal-Istati Membri. |
(Jerġa' jiddaħħal il-kliem oriġinali tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament PIC)
Ġustifikazzjoni
B'konformità mal-Emenda 1, ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu ċċarati.
Emenda 3
Proposta għal regolament
Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt -a (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (-a) it-trażmissjoni tan-notifiki tal-Unjoni tal-esportazzjoni lill-Partijiet u lil pajjiżi oħra skont l-Artikolu 8; |
Ġustifikazzjoni
B'konformità mal-Emenda 1, ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu ċċarati.
Emenda 4
Proposta għal regolament
Premessa 20
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(20) L-iskambju tal-informazzjoni, ir-responsabbiltà maqsuma u l-isforzi kooperattivi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi terzi għandhom jiġu promossi bi skop li tiġi żgurata ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi, kemm jekk dawk il-pajjiżi terzi jkunu Partijiet fil-Konvenzjoni kif ukoll jekk le. B’mod partikolari, l-assistenza teknika lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u pajjiżi li għandhom ekonomiji fi transizzjoni għandha tiġi fornita direttament mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, jew indirettament permezz ta' appoġġ għall- proġetti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, speċjalment assistenza li għandha l-għan li tippermetti lil dawk il-pajjiżi jimplimentaw il-Konvenzjoni. | (20) Bħala miżura preventiva, l-iskambju tal-informazzjoni, ir-responsabbiltà maqsuma u l-isforzi kooperattivi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi terzi għandhom jiġu promossi bi skop li tiġi żgurata ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi, kemm jekk dawk il-pajjiżi terzi jkunu Partijiet fil-Konvenzjoni kif ukoll jekk le. B’mod partikolari, l-assistenza teknika lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u pajjiżi li għandhom ekonomiji fi transizzjoni għandha tiġi fornita direttament mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, jew indirettament permezz ta' appoġġ għall-proġetti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, speċjalment assistenza li għandha l-għan li tippermetti lil dawk il-pajjiżi jimplimentaw il-Konvenzjoni u li tipprevjeni li s-sustanzi kimiċi jkollhom kwalunkwe effett ta' ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. |
Emenda 5
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 1 – punt 21a (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| 21a. 'L-Aġenzija' tfisser l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006. |
Emenda 6
Proposta għal regolament
Artikolu 6 – paragrafu 1 – punt c
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(c) fejn xieraq, tipprovdi, bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni, assistenza teknika u gwida xjentifika u għodod għall-industrija sabiex tiżgura l-applikazzjoni effikaċi ta' dan ir-Regolament; | (c) fejn xieraq, tipprovdi assistenza teknika u gwida xjentifika u għodod għall-industrija sabiex tiżgura l-applikazzjoni effikaċi ta' dan ir-Regolament; |
Ġustifikazzjoni
Bħal fir-REACH, l-ECHA għandha tkun responsabbli li tipprovdi assistenza u gwida teknika u għodod għall-industrija u l-awtoritajiet mingħajr obbligu legalment vinkolanti li jkollha approvazzjoni formali tal-Kummissjoni. Tali obbligu jkun piż eċċessiv għall-ECHA, u x'aktarx li jwassal għal dewmien mhux meħtieġ fl-għoti ta' dawk is-servizzi u l-għodod.
Emenda 7
Proposta għal regolament
Artikolu 6 – paragrafu 1 – punt d
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(d) tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali nominati, bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni, assistenza teknika u gwida xjentifika sabiex tiżgura l-applikazzjoni effikaċi ta' dan ir-Regolament; | (d) tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali nominati assistenza teknika u gwida xjentifika sabiex tiżgura l-applikazzjoni effikaċi ta' dan ir-Regolament; |
Ġustifikazzjoni
Bħal fir-REACH, l-ECHA għandha tkun responsabbli li tipprovdi assistenza u gwida teknika u għodod għall-industrija u l-awtoritajiet mingħajr obbligu legalment vinkolanti li jkollha approvazzjoni formali tal-Kummissjoni. Tali obbligu jkun piż eċċessiv għall-ECHA, u x'aktarx li jwassal għal dewmien mhux meħtieġ fl-għoti ta' dawk is-servizzi u l-għodod.
Emenda 8
Proposta għal regolament
Artikolu 8 – paragrafu 2 – subparagrafu 1
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
Meta esportatur ikollu jesporta sustanza kimika elenkata fil-paragrafu 1 mill-Unjoni lejn Parti jew pajjiż ieħor fid-data meta jsir soġġett għal dan ir-Regolament jew wara, l-esportatur għandu jinnotifika lill-awtorità nazzjonali nominata tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit, mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol qabel ma tkun se ssir l-esportazzjoni. Wara dan, l-esportatur għandu jinnotifika lill-awtorità nazzjonali nominata dwar l-ewwel esportazzjoni ta' sustanza kimika bħal din kull sena kalendarja mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol qabel ma ssir l-esportazzjoni. In-notifiki għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II u għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni permezz tal-Bażi tad-Dejta tal-Aġenzija fil-websajt tagħha . | Meta esportatur ikollu jesporta sustanza kimika elenkata fil-paragrafu 1 mill-Unjoni lejn Parti jew pajjiż ieħor fid-data meta jsir soġġett għal dan ir-Regolament jew wara, l-esportatur għandu jinnotifika lill-awtorità nazzjonali nominata tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit, mhux aktar tard minn 30 jum qabel ma tkun se ssir l-esportazzjoni, sakemm l-esportatur ma jkunx ta preċedentement tali notifika skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 689/2008. Wara dan, l-esportatur għandu jinnotifika lill-awtorità nazzjonali nominata dwar l-ewwel esportazzjoni ta' sustanza kimika bħal din kull sena kalendarja mhux aktar tard minn 15-il jum qabel ma ssir l-esportazzjoni, sakemm l-esportatur ma jkunx ta preċedentement tali notifika skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 689/2008. In-notifiki għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II u għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni permezz tal-Bażi tad-Dejta tal-Aġenzija fil-websajt tagħha . |
Ġustifikazzjoni
Ikun aħjar li jintuża t-terminu 'jiem', minflok 'jiem tax-xogħol' billi l-btajjel pubbliċi jistgħu jvarjaw fl-Istati Membri tal-UE, u fil-pajjiżi li jimportaw. Skont ir-Regolament PIC, notifiki ġodda għall-esportazzjoni ta' kull sustanza kimika jridu jsiru kull sena kalendarja. Il-bidliet proposti jevitaw il-ħtieġa ta' notifika mill-ġdid matul il-bqija tas-sena kalendarja li fiha kien applikat ir-Regolament imfassal mill-ġdid, u dan jevita xogħol mhux meħtieġ kemm għall-esportaturi, kif ukoll għall-awtoritajiet li jesportaw u jimportaw.
Emenda 9
Proposta għal regolament
Artikolu 14 – paragrafu 7 – subparagrafu 1
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
Fil-każ ta' sustanzi kimiċi elenkati fil-Parti 2 jew fil-Parti 3 tal-Anness I, l-awtorità nazzjonali nominata tal-esportatur tista’, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni megħjuna mill-Aġenzija u fuq il-bażi ta' kull każ għalih, tiddeċiedi li l-esportazzjoni tista’ tipproċedi, jekk wara l-isforzi raġjonevoli kollha, l-ebda tweġiba għal talba għall-kunsens espliċitu skont il-punt (a) tal-paragrafu 6 ma tkun waslet fi żmien 60 jum u fejn teżisti evidenza minn sorsi uffiċjali fil-Parti li timporta jew pajjiż ieħor li s-sustanza kimika tkun ġiet illiċenzjata, irreġistrata jew awtorizzata jew li fl-aħħar 5 snin kienet qed tintuża, jew tiġi importata fil-Parti li timporta jew fil-pajjiż ieħor li jimporta u ma ttieħdet l-ebda azzjoni regolatorja biex jiġi pprojbit l-użu tagħha . | Fil-każ ta' sustanzi kimiċi elenkati fil-Parti 2 jew fil-Parti 3 tal-Anness I, l-awtorità nazzjonali nominata tal-esportatur tista’, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni megħjuna mill-Aġenzija u fuq il-bażi ta' kull każ għalih, tiddeċiedi li l-esportazzjoni tista’ tipproċedi, jekk wara l-isforzi raġjonevoli kollha, l-ebda tweġiba għal talba għall-kunsens espliċitu skont il-punt (a) tal-paragrafu 6 ma tkun waslet fi żmien 60 jum u tkun ġiet issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: |
| (a) teżisti evidenza minn sorsi uffiċjali fil-Parti li timporta jew pajjiż ieħor li s-sustanza kimika hija lliċenzjata, irreġistrata jew awtorizzata; jew |
| (b) għas-sustanza kimika kkonċernata: |
| (i) teżisti evidenza minn sorsi uffiċjali li fl-aħħar 5 snin kienet qed tintuża, jew tiġi importata fil-Parti li timporta jew fil-pajjiż l-ieħor li jimporta; |
| (ii) ma tkun teżisti l-ebda evidenza minn sorsi uffiċjali li l-Parti li timporta jew xi pajjiż ieħor ħadu azzjoni regolatorja biex jipprojbixxu jew jillimitaw severament is-sustanza kimika fil-kategorija li għaliha jkun ippjanat li tintuża; u |
| (iii) l-użu ppjanat iddikjarat fin-notifika tal-esportazzjoni ma jkunx f'kategorija li għaliha s-sustanza kimika tkun elenkata fil-Parti 2 jew 3 tal-Anness I. |
Emenda 10
Proposta għal regolament
Artikolu 14 – paragrafu 7 – subparagrafu 2
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
Fid-deċiżjoni dwar l-esportazzjoni ta' sustanzi kimiċi elenkati fil-Parti 3 tal-Anness I, l-awtorità nazzjonali nominata, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni megħjuna mill-Aġenzija , għandha tikkunsidra l-impatt possibbli fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent li fih tkun se tintuża s-sustanza kimika fil-Parti li timporta jew fil-pajjiż ieħor importatur. | Fid-deċiżjoni dwar l-esportazzjoni ta' sustanzi kimiċi elenkati fil-Parti 3 tal-Anness I, l-awtorità nazzjonali nominata, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni megħjuna mill-Aġenzija , għandha tiddokumenta l-fatt li kkunsidrat l-impatt possibbli fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent li fih tkun se tintuża s-sustanza kimika fil-Parti li timporta jew fil-pajjiż ieħor importatur. |
(Marbuta mal-emenda tal-istess awtur għall-Artikolu 14(9))
Ġustifikazzjoni
Din il-klawżola ddaħħlet fuq talba tal-Parlament Ewropew bħala parti mill-kompromess misjub bejn il-koleġiżlaturi fl-2007 sabiex tinħoloq salvagwardja addizzjonali fil-kuntest tal-eżenzjoni prevista f'dan il-paragrafu. Madankollu, minħabba l-formulazzjoni vaga tagħha, mhijiex de facto applikata. Dan għandu jiġi rettifikat billi jiġi stabbilit obbligu li din il-kunsiderazzjoni tiġi dokumentata, li mbagħad għandha tiġi inkluża wkoll fil-bażi tad-dejta msemmija fl-Artikolu 14(9).
Emenda 11
Proposta għal regolament
Artikolu 14 – paragrafu 9
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
9. L-Aġenzija għandha tirreġistra t-talbiet kollha għall-kunsens espliċitu, it-tweġibiet miksuba u l-eżenzjonijiet mogħtija fil-Bażi tad-Dejta tagħha. Kull kunsens espliċitu li jinkiseb jew li tingħata eżenzjoni minnu għandu jkun assenjat numru ta' identifikazzjoni ta' referenza u għandu jkun elenkat bl-informazzjoni kollha rilevanti dwar kwalunkwe kondizzjoni anċillari, bħad- dati ta' validità. L-informazzjoni mhux kunfidenzjali għandha ssir disponibbli pubblikament fil-Bażi tad-Dejta tal-Aġenzija . | 9. L-Aġenzija għandha tirreġistra t-talbiet kollha għall-kunsens espliċitu, it-tweġibiet miksuba u l-eżenzjonijiet mogħtija, inkluża d-dokumentazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7, fil-Bażi tad-Dejta tagħha. Kull kunsens espliċitu li jinkiseb jew li tingħata eżenzjoni minnu għandu jkun assenjat numru ta' identifikazzjoni ta' referenza u għandu jkun elenkat bl-informazzjoni kollha rilevanti dwar kwalunkwe kondizzjoni anċillari, bħad- dati ta' validità. L-informazzjoni mhux kunfidenzjali għandha ssir disponibbli pubblikament fil-Bażi tad-Dejta tal-Aġenzija . |
(Marbuta mal-emenda tal-istess awtur għall-Artikolu 14(7))
Ġustifikazzjoni
Biex tkun żgurata konformità effikaċi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(7), id-dokumentazzjoni korrispondenti għandha tiġi inkluża fil-bażi tad-dejta.
Emenda 12
Proposta għal regolament
Artikolu 17 – paragrafu 1 – subparagrafu 2
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
Permezz ta' deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, is-sustanzi kimiċi li huma intenzjonati għall-esportazzjoni u li huma soġġetti għal superviżjoni doganali li ma jgħaddux minn xi trattament jew ipproċessar u li jkunu f'ħażna temporanja jew f'żona ħielsa jew maħżen ħieles bil-ħsieb li jiġu esportati mill-ġdid, għandhom ikunu soġġetti għall-miżuri dwar l-ippakkjar u t-tikkettar stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, jew skont ir-Regolament. | Permezz ta' deroga mill-punt (b) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, is-sustanzi kimiċi li huma intenzjonati għall-esportazzjoni u li huma soġġetti għal superviżjoni doganali li ma jgħaddux minn xi trattament jew ipproċessar u li jkunu f'ħażna temporanja jew f'żona ħielsa jew maħżen ħieles bil-ħsieb li jiġu esportati mill-ġdid, għandhom ikunu soġġetti għall-miżuri dwar il-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u t-tikkettar stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, jew skont ir-Regolament. |
Ġustifikazzjoni
L-ippakkjar u t-tikkettar skont ir-Regolament CLP jiddependu mill-klassifikazzjoni. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha jridu japplikaw għall-esportazzjoni tas-sustanzi kimiċi, u mhux biss dawk dwar l-ippakkjar u t-tikkettar.
Emenda 13
Proposta għal regolament
Artikolu 24 – paragrafu 3
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
3. Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk huwiex xieraq li l-Aġenzija titlob tariffa għas-servizzi li tipprovdi lill-esportaturi fi żmien ħames snin mid-data msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33 u, jekk meħtieġ, tissottometti proposta rilevanti. | 3. Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk huwiex xieraq li l-Aġenzija titlob tariffa għas-servizzi li tipprovdi lill-esportaturi fi żmien tliet snin mid-data msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33 u, jekk meħtieġ, tissottometti proposta rilevanti. |
Ġustifikazzjoni
Tliet snin huma biżżejjed għal rieżami u biex titħejja proposta possibbli biex jiddaħħlu t-tariffi.
Emenda 14
Proposta għal regolament
Artikolu 31a (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| Artikolu 31a |
| Għall-finijiet tal-Artikoli 8(1), 10(1), 14(6) u 15(1), għandhom japplikaw, meta jkun xieraq, miżuri dwar il-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u t-tikkettar stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 jew skont dan ir-Regolament. L-obbligi skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għadhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tranżitorji stipulati fl-Artikolu 61 ta' dak ir-Regolament. |
Ġustifikazzjoni
Fir-Regolament CLP hemm arranġamenti tranżitorji li jippermettu t-tikkettar u l-ippakkjar ta' taħlitiet skont is-sistema l-antika tal-UE sal-1 ta' Ġunju 2015. Dawn l-arranġamenti għandhom japplikaw ukoll għall-esportazzjonijiet. Billi r-Regolament CLP nnifsu japplika biss għal sustanzi kimiċi mqiegħda fis-suq tal-UE, u mhux għal sustanzi kimiċi għall-esportazzjoni, tinħtieġ kjarifika li r-referenzi kollha għas-CLP fil-PIC għandhom jiġu interpretati bħallikieku s-CLP japplika għall-esportazzjonijiet ikkonċernati.
Emenda 15
Proposta għal regolament
Artikolu 33 – paragrafu 2
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ April 2013. | Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2013. |
Ġustifikazzjoni
Jinħtieġ żmien addizzjonali biex l-Istati Membri jingħataw l-opportunità jadattaw ir-regolamenti nazzjonali tagħhom dwar l-infurzar sabiex jitqies ir-Regolament PIC imfassal mill-ġdid. Ma tantx ikun ta' benefiċċju li r-Regolament imfassal mill-ġdid jiġi applikat qabel ma jiddaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar l-infurzar.
NOTA SPJEGATTIVA
Sfond
Ir-Regolament 689/2008KE (Regolament PIC) jimplimenta l-Konvenzjoni ta' Rotterdam fl-Unjoni Ewropea. L-għan tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam huwa li tippromwovi skambju ta' informazzjoni dwar sustanzi kimiċi li qed jiġu kkummerċjalizzati bejn il-Partijiet tal-konvenzjoni kif ukoll li timplimenta l-proċedura ta' kunsens informat minn qabel meta waħda mill-Partijiet tal-Konvenzjoni tesporta sustanzi kimiċi sottoposti għall-Konvenzjoni lil Parti oħra tal-Konvenzjoni.
Il-proċedura ta' kunsens b'informazzjoni minn qabel hija mekkaniżmu li tiżgura li l-pajjiżi li jesportaw is-sustanzi kimiċi jiksbu formalment il-kunsens mill-pajjiżi li jimportaw qabel ma tkun tista' sseħħ l-esportazzjoni. Din il-proċedura tgħodd għas-sustanzi kimiċi kollha elenkati fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam, fejn huma koperti l-pestiċidi u s-sustanzi kimiċi industrijali li ġew ipprojbiti jew restritti rigorożament mill-Partijiet minħabba raġunijiet ta' saħħa u oħrajn ambjentali u li ġew innotifikati mill-Partijiet għall-inklużjoni fil-proċedura tal-PIC.
Ir-Regolament 689/2008/KE tal-UE jmur lil hinn mill-Konvenzjoni ta' Rotterdam fis-sens li r-Regolament jinkludi aktar sustanzi kimiċi minn dawk elenkati fil-Konvenzjoni ta' Rotterdam. Barra minn hekk ir-Regolament japplika l-proċedura tal-PIC għall-pajjiżi kollha li jimportaw mill-UE s-sustanzi kimiċi elenkati u mhux biss għall-pajjiżi li huma Partijiet tal-Konvenzjoni.
Il-proposta tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni pproponiet riformulazzjoni tar-Regolament PIC sabiex 1) ikunu ċċarati ċerti definizzjonijiet u r-Regolament jiġi konformi mal-leġiżlazzjoni tas-sustanzi kimiċi li ġiet adottata reċentement, 2) tkun involuta l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) fl-implimentazzjoni tar-Regolament, 3) isir tibdil fid-dispożizzjonijiet marbutin mar-rappreżentanza esterna tal-Unjoni ħalli tkun il-Kummissjoni biss u mhux l-Istati Membri li tirrappreżenta l-Unjoni fil-Konvenzjoni ta' Rotterdam, u 4) isir tibdil fir-regoli rigward il-kunsens informat minn qabel sabiex l-esportaturi tas-sustanzi kimiċi rregolati mir-Regolament PIC isibuha eħfef biex jesportaw fil-każijiet fejn ma jingħatax rispons.
Rigward it-tibdil tal-proċedura tal-PIC il-Kummissjoni tagħmel tibdil fl-Artikolu 14 punt 7 li jispeċifika l-possibbiltà għal derogi mill-proċedura tal-PIC għas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness 1 parti 2 u 3 tar-Regolament. It-test attwali jippermetti lill-esportaturi li ma rċivewx rispons sa 60 ġurnata biex jesportaw is-sustanza kimika jekk hemm prova li hija liċenzjata, awtorizzata jew reġistrata fil-pajjiż li qed jimporta. Fir-riformulazzjoni l-Kummissjoni tipproponi li żżid il-kliem li jkun jippermetti lill-esportaturi biex jesportaw jekk kemm-il darba s-sustanza kimika kienet użata fil-pajjiż li qed jimporta jew li kienet importata minnu diġà fl-aħħar ħames snin.
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan it-tibdil huwa meħtieġ minħabba li 30% tal-esportazzjonijiet tas-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness I parti 2 u 3 ma jistgħux jipproċedu minħabba li ma kienx possibbli li tinkiseb tweġiba mill-pajjiż li jimporta. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan sikwit jiġri minħabba l-fatt li l-UE inkludiet aktar sustanzi kimiċi fir-Regolament PIC minn dawk elenkati fil-Konvenzjoni ta' Rotterdam u għaldaqstant il-pajjiżi li jimportaw ma jirreaġixxux jew ma jweġbux għal sustanzi kimiċi li mhumiex elenkati fil-Konvenzjoni.
Il-kummenti tar-Rapporteur
Ir-Rapporteur jista' jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni jekk kemm-il darba jiġu ċċarati ċerti definizzjonijiet fir-Regolament u tkun involuta l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) fl-implimentazzjoni tar-Regolament. Meta għandna Aġenzija Ewropea għandna nużawha u għalhekk huwa biss loġiku li l-ECHA terfa' fuq spallejha ħafna mir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tar-Regolament.
Ir-Rapporteur ma jaqbilx mal-proposta tal-Kummissjoni għall-fatt li tfettaħ il-possibbiltà għal derogi mill-proċedura tal-PIC meta jiġu esportati sustanzi kimiċi lil pajjiżi terzi. Is-sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness I parti 2 u 3 fir-Regolament PIC huma jew ipprojbiti jew ristretti ħafna fl-Unjoni Ewropea. Hemm raġuni għal dan. Ħafna mis-sustanzi kimiċi jinvolvu riskji fejn jidħol l-ambjent u/jew is-saħħa tal-bniedem. Għalhekk irridu noqogħdu attenti ħafna meta nesportaw dawn is-sustanzi kimiċi f'pajjiżi terzi li ma nkunux qed nagħmlu hekk kontra r-rieda ta' dawn il-pajjiżi.
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jekk pajjiż ma jweġibx għal talba ta' esportazzjoni jista' jkun minħabba li l-awtoritajiet f'dak il-pajjiż ma jħossux il-bżonn li jwieġbu għal talbiet rigward is-sustanzi kimiċi li mhumiex elenkati fil-Konvenzjoni ta' Rotterdam imma li huma elenkati biss fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan, xi drabi, jista' jkun il-każ. Imma jista' jkun il-każ ukoll li l-pajjiż għandu amministrazzjoni dgħajfa ħafna u għalhekk mhuwiex kapaċi jwieġeb fil-ħin jew ma jafx kif jindirizza t-talba. Jekk dan huwa l-każ jidher li hemm problema kbira biex tkun permessa l-esportazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi f'dawn il-pajjiżi. Jekk l-amministrazzjoni tagħhom mhijiex kapaċi tirreaġixxi għal talba ta' esportazzjoni jista' jkun li l-istess amministrazzjoni ma tkunx kapaċi tipproteġi ċ-ċittadini jew l-ambjent minn sustanzi kimiċi perikolużi.
Il-produtturi tas-sustanzi kimiċi li m'għandhomx permess biex joperaw jew li huma ristretti mill-UE se jsibuha diffiċli biex ibigħu dawn is-sustanzi kollha fl-UE. Għażla possibbli hija dik li l-esportazzjoni tas-sustanzi kimiċi ssir f'pajjiżi oħra li għandhom leġiżlazzjoni fuq is-sustanzi kimiċi aktar dgħajfa. Imma mhuwiex ir-rwol tagħna li niffaċilitaw din l-esportazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi biex niżguraw id-dħul tal-flus għal dawn il-produtturi. L-għan tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam huwa li jipproteġi "s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent" (Artikolu 1). M'aħniex qed nipproteġu dan l-għan billi nżidu derogi għar-Regolament li jimplimenta l-Konvenzjoni.
L-UE hija fuq quddiem rigward il-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent. U l-UE għandha tkompli tkun fuq quddiem. Għaldaqstant ir-Rapporteur jissuġġerixxi li nillimitaw id-derogi mill-proċedura tal-PIC, minħabba li hija r-responsabbiltà tal-UE li tiżgura li s-sustanzi kimċi li nesportaw ma jikkaġunawx dannu bla bżonn la lill-bniedem u lanqas lill-ambjent.
ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI
KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI
IL-PRESIDENT
Ref.: D(2011)58377
Is-Sur Jo LEINEN
President tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
ASP 12G205
Brussell
Suġġett: Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi (riformulazzjoni)
( COM(2011)0245 – C7‑0107/2011 – 2011/0105(COD) )
Għażiż Sur President,
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li għandi l-unur nippresjedi, eżamina l-proposta msemmija hawn fuq, skont it-termini tal-Artikolu 87 dwar it-Tfassil mill-Ġdid, kif iddaħħal fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.
Il-Paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu jgħid hekk:
"Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jqis li l-proposta ma tinkludi l-ebda bidla sostanzjali ħlief għal dawk il-bidliet identifikati bħala tali fil-proposta, huwa għandu jgħarraf lill-kumitat responsabbli b'dan."
F'każ ta' dan it-tip, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 156 u 157, l-emendi għandhom ikunu ammissibbli mill-kumitat responsabbli biss jekk jikkonċernaw dawk il-partijiet tal-proposta li jinkludu bidliet.
Madankollu, jekk, f’konformità mal-punt 8 tal-Ftehim Interistituzzjonali, il-kumitat responsabbli jkollu l-ħsieb ukoll li jressaq emendi għall-partijiet ikkodifikati tal-proposta, għandu jinnotifika minnufih l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u din tal-aħħar għandha tinforma lill-kumitat, qabel il-votazzjoni skont l-Artikolu 54, dwar il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-emendi kif ukoll dwar jekk għandhiex il-ħsieb li tirtira l-proposta ta' riformulazzjoni."
B'segwitu għall-opinjoni tas-Servizz Legali, li r-rappreżentanti tiegħu pparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv li eżamina l-proposta għal riformulazzjoni, u b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur għal opinjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jikkunsidra li l-proposta msemmija ma tinkludi l-ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali.
Biex nikkonkludu, wara li ddiskutiha fil-laqgħa tiegħu tat-22 ta' Novembru 2011, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bi 19-il vot favur u ebda astensjoni[3], jirrakkomanda li l-Kumitat tiegħek, bħala l-kumitat responsabbli, jipproċedi biex jeżamina l-proposta msemmija hawn fuq f'konformità mal-Artikolu 87.
Dejjem tiegħek,
Klaus-Heiner LEHNE
Mehmuż: l-Opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv.
ANNESS: OPINJONI TAL-GRUPP TA' ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI
|
GRUPP TA' ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI |
Brussell, 18 ta' Lulju 2011
OPINJONI
GĦALL-ATTENZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
TAL-KUNSILL
TAL-KUMMISSJONI
Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi (riformulazzjoni)
COM(2011)0245 tal-5 ta' Mejju 2011 – 2011/0105(COD)
Wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 fuq l-użu iktar strutturat tat-teknika ta’ kitba mill-ġdid ta’ atti legali, u b’mod partikulari l-punt 9 tiegħu, il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv, li jikkonsisti fis-servizzi legali rispettivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, iltaqa’ fit-23 ta’ Mejju u fit-23 ta’ Ġunju 2011 sabiex janalizza, fost oħrajn, il-proposta msemmija hawn fuq imressqa mill-Kummissjoni.
Waqt dawn il-laqgħat[4], l-evalwazzjoni tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tfassal mill-ġdid ir-Regolament (KE) Nru 689/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi wasslet biex il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv stabbilixxa, bi ftehim reċiproku, dan li ġej.
1) Fir-rigward tal-memorandum ta’ spjegazzjoni, sabiex ikun hemm abbozz li jkun kompletament konformi mar-rekwiżiti relevanti stabbiliti mill-Ftehim Interistituzzjonali, dan id-dokument kellu jistqarr ir-raġunijiet għal kull emenda sostantiva proposta, kif previst fil-punt 6(a)(ii) ta’ dak il-ftehim, u kellu jispeċifika liema dispożizzjonijiet ta’ att preċedenti ma jkunux inbidlu fil-proposta, kif previst fil-punt 6(a)(iii).
2) Il-partijiet li ġejjin tat-test tat-tfassil mill-ġdid tal-proposta kellhom jiġu identifikati billi tintuża tipa ta’ kulur griż li ġeneralment tintuża sabiex jiġu mmarkati bidliet sostantivi:
- fl-Artikolu 1(2), it-tneħħija tal-kliem “tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE”;
- fil-punt (1) tal-Artikolu 3, it-tneħħija tal-kliem “kif definita fid-Direttiva 67/548/KEE”;
- fl-Artikolu 4, it-tieni paragrafu, is-sostituzzjoni tad-data tal-1 ta’ Novembru 2008, li tidher fit-test applikabbli attwalment tal-Artikolu 4, it-tieni paragrafu, tar-Regolament (KE) Nru 689/2008, b’data ġdida wara li jiġi ppubblikat it-tfassil mill-ġdid;
- fl-Artikolu 5(1), l-ewwel subparagrafu, it-tneħħija tal-kliem “u n-notifika dwar l-esportazzjoni” li attwalment jidhru fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 689/2008;
- fl-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, is-sostituzzjoni tad-data ta’ skadenza attwali ta’ 30 jum li tidher fl-Artikolu 7(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 689/2008, b’data ta’ skadenza differenti li tammonta għal 20 jum tax-xogħol;
- fl-Artikolu 8(2), it-tielet subparagrafu, is-sostituzzjoni tad-data ta’ skadenza attwali ta’ 15-il jum li tidher fl-Artikolu 7(2), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 689/2008, b’data ta’ skadenza differenti li tammonta għal 10 ijiem tax-xogħol;
- fl-Artikolu 8(3), is-sostituzzjoni tad-data ta’ skadenza attwali ta’ 30 jum li tidher fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 689/2008, b’data ta’ skadenza differenti li tammonta għal 20 jum tax-xogħol;
- fl-Artikolu 31, l-ewwel paragrafu, is-sostituzzjoni tad-data tal-1 ta’ Awwissu 2009, li tidher fl-Artikolu 18, l-ewwel paragrafu, tar-Regolament (KE) Nru 689/2008, b’data ġdida wara li jiġi ppubblikat it-tfassil mill-ġdid;
3) Fl-Annessi I u V, l-iktar emendi riċenti li oriġinaw minn żewġ regolamenti li ġew adottati riċentement mill-Kummissjoni ma ġewx riprodotti. Dawn l-emendi riċenti għandhom jiġu introdotti fl-abbozz tat-test tat-tfassil mill-ġdid. Iż-żewġ atti emendatorji inkwistjoni huma r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 186/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 689/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 214/2011 tat-3 ta’ Marzu 2011 li jemenda l-Annessi I u V tar-Regolament (KE) Nru 689/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi
B’konsegwenza ta’ dan, l-eżami tal-proposta ppermetta lill-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv jikkonkludi, mingħajr dissens, li l-proposta ma fiha l-ebda emenda sostantiva, għajr il-bidliet li ġew identifikati bħala tali fiha stess jew fl-opinjoni preżenti. Fir-rigward tal-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-att preċedenti ma’ dawk l-emendi sostantivi, il-Grupp ta’ Ħidma kkonkluda li l-kodifikazzjoni msemmija mhijiex kompluta fis-sens li ma tinkludix l-emendi li hemm referenza għalihom fil-punt 3. Konsegwentement, is-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jirrakkomandaw li l-Kummissjoni tissottometti proposta emendata għal tfassil mill-ġdid li tkun tinkludi dawn l-emendi.
C. PENNERA H. LEGAL L. ROMERO REQUENA
Ġurikonsult Ġurikonsult Direttur Ġenerali
PROĊEDURA
Titolu | L-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (riformulazzjoni) | |||
Referenzi | COM(2011)0245 – C7-0107/2011 – 2011/0105(COD) | |||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE | 5.5.2011 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | ENVI 10.5.2011 |
|
|
|
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | INTA 10.5.2011 | ITRE 10.5.2011 | JURI 10.5.2011 |
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni | INTA 24.5.2011 | ITRE 25.5.2011 |
|
|
Rapporteur(s) Data tal-ħatra | Dan Jørgensen 8.6.2011 |
|
|
|
Eżami fil-kumitat | 7.11.2011 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni | 20.12.2011 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 57 0 1 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | János Áder, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Chris Davies, Esther de Lange, Bas Eickhout, Edite Estrela, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Julie Girling, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Holger Krahmer, Jo Leinen, Peter Liese, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Pavel Poc, Vittorio Prodi, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Kārlis Šadurskis, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Salvatore Tatarella, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | João Ferreira, Matthias Groote, Jutta Haug, Mairead McGuinness, Alojz Peterle, Christel Schaldemose, Michail Tremopoulos, Peter van Dalen, Andrea Zanoni | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Phil Prendergast, Joanna Katarzyna Skrzydlewska | |||
Data tat-tressiq | 16.1.2012 | |||