Dokument ta' sessjoni
7.2.2012
***I
RAPPORT
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (tfassil mill-ġdid)
( COM(2011)0566 – C7‑0269/2011 – 2011/0243(COD) )
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Dominique Riquet
(Tfassil mill-ġdid – Artikolu 87 tar-Regoli ta’ Proċedura)
PR_COD_1recastingam
Tifsira tas-simboli użati |
* Proċedura ta’ konsultazzjoni *** Proċedura ta’ approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) ***III Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)
(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)
|
Emendi għal abbozz ta’ att |
Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.
L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW 5
NOTA SPJEGATTIVA 11
ANNESS 1: ITTRA LILL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI 13
ANNESS 2: OPINJONI TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI 15
PROĊEDURA 16
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (tfassil mill-ġdid)
( COM(2011)0566 – C7‑0269/2011 – 2011/0243(COD) )
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja – tfassil mill-ġdid)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2011)0566 ),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0269/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-7 ta' Diċembru 2011[1],
– wara li kkonsulta mal-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid tal-atti legali[2],
– wara li kkunsidra l-ittra tal-25 ta’ Novembru tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali indirizzata lill-Kumitat għat-trasport u t-Turiżmu skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 87 u 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu ( A7-0034/2012 ),
A. billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata ma tinkludi ebda tibdil sostantiv ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta, u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tinkludi kodifikazzjoni sempliċi tat-testi eżistenti mingħajr tibdil fis-sostanza tagħhom,
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1
Proposta għal regolament
Premessa 21
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(21) Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat bl-iskop li temenda ċerti referenzi għar-Regolamenti rilevanti f’MARPOL 73/78 u għar-Riżoluzzjonijiet MEPC 111(50) u 94(46), sabiex ir-referenzi jiġu allinjati mal-emendi għal dawk ir-Regolamenti u r-Riżoluzzjonijiet adottati mill-IMO, sa fejn tali emendi ma jwessgħux il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. | (21) Huwa xieraq li l-Kummissjoni tiġi delegata bis-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ċerti referenzi għar-Regolamenti rilevanti f’MARPOL 73/78 u għar-Ri¿oluzzjonijiet MEPC 111(50) u 94(46), sabiex ir-referenzi jiġu allinjati mal-emendi għal dawk ir-Regolamenti u r-Ri¿oluzzjonijiet adottati mill-IMO, sa fejn tali emendi ma jwessgħux il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
Ġustifikazzjoni
Il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjonijiet xierqa qabel ma tadotta att delegat. Barra minn hekk, jekk il-Parlament jiddelega setgħat lill-Kummissjoni, huwa daqstant importanti li jinżamm infurmat b’mod xieraq u li d-dokumenti relevanti jiġu pprovduti. Din l-emenda tikkunsidra l-formulazzjoni standard ġdida rigward l-atti delegati.
Emenda 2
Proposta għal regolament
Artikolu 11
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| - 1. Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni għandha tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. |
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal tul indeterminat. | 1. Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin li jibda minn [data tad-dħul fis-seħħ]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jopponu tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu. |
| 2. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10 tista' tiġi revokata mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi kwalunkwe ħin. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Ir-revoka għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ. |
| 3. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
| 4. Att delegat adottat skont l-Artikolu 10(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. |
Ġustifikazzjoni
Id-delega tas-setgħa lill-Kummissjoni għandha tkun limitata fit-tul ta’ żmien għal perjodu ta’ ħames snin, li jista’ jiġġedded sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet, bħat-tfassil tar-rapport, u sakemm il-Parlament u l-Kunsill ma jkollhom ebda oġġezzjoni. Għandu jkun possibbli li l-perjodu għat-tressiq ta’ oġġezzjonijiet għal att delegat ikun ta’ erba’ xhur b’kollox. Dan huwa perjodu aktar realistiku biex jippermetti lill-Parlament u l-Kunsill iż-żmien li jsegwu l-proċedura neċessarja sabiex jippreżentaw oġġezzjoni. Din l-emenda tikkunsidra l-formulazzjoni standard ġdida rigward l-atti delegati.
Emenda 3
Proposta għal regolament
Artikoli 12 u 13
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
Artikolu 12 | imħassar |
Revoka ta’ delega |
|
1. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10 tista' tiġi revokata mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi kwalunkwe ħin. |
|
2. L-istituzzjoni li tibda proċedura interna sabiex jiġi deċiż jekk tiġix revokata d-delega ta’ setgħa għandha tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni, f’perijodu ta’ żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, billi tindika s-setgħat delegati li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ revoka kif ukoll ir-raġunijiet possibbli għal revoka. |
|
3. Id-deċiżjoni ta’ revoka ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ immedjatament jew f’data ulterjuri stipulata minnha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ. Din għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
Artikolu 13 |
|
Oġġezzjonijiet għall-atti delegati |
|
1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għall-att delegat fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika. |
|
Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perijodu ta’ żmien għandu jiġi estiż b’xahar. |
|
2. Jekk, meta jiskadi dak il-perijodu, la l-Parlement Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita fih. |
|
L-att delegat jista’ jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jkunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma joġġezzjonawx. |
|
3. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat, dan m’għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li tesprimi oġġezzjonijiet għall-att delegat għandha tispjega r-raġunijiet għall-oġġezzjonijiet. |
|
Ġustifikazzjoni
Dan it-tħassir għandu l-għan li jallinja t-test dwar il-formulazzjoni standard ġdida relattiva għall-atti delegati.
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
L-introduzzjoni aċċellerata ta' rekwiżiti ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed hija suġġett importanti ħafna. L-irqajja ta’ żejt ikkawżati minn tankers li jegħrqu, partikolarment bħal Erika fl-1999 u Le Prestige fl-2002, huma katastrofi ekoloġiċi kbar u huma traġedji għall-fawna u l-flora tal-baħar.
Għal raġunijiet ta’ ħarsien ambjentali u biex nitgħallmu mill-passat, l-oġġettiv tar-regolament preżenti huwa li jonqsu r-riskji ta’ tniġġis aċċidentali miż-żjut fl-ilmijiet Ewropej grazzi għall-introduzzjoni aċċellerata ta’ buq doppju. Fil-bastimenti b’buq wieħed, iż-żejt fit-tankijiet tal-merkanzija huwa separtat mill-ilma tal-baħar permezz ta' pjanċa rqiqa tal-metall fil-qiegħ u mal-ġnub biss. Fil-każ li din il-pjanċa tiġġarraf minħabba ħbit jew inkaljar, il-kontenut tat-tankijiet tal-merkanzija jkun fil-periklu li jinfirex fil-baħar u li jikkawża tniġġis fuq skala kbira. Mod effikaċi kif dan jista’ jiġi evitat huwa li t-tankijiet tal-merkanzija jiġu miksija mad-dawra kollha bi pjanċa oħra interna tal-metall, b’distanza suffiċjenti mill-pjanċa esterna. Dan il-kunċett ta’ “buq doppju” jipproteġi t-tankijiet tal-merkanzija kontra d-diżastri u jnaqqas ir-riskju ta’ tniġġis.
Proposta tal-Kummissjoni
Il-proposta tal-Kummissjoni hija tfassil mill-ġdid tar-regolament dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed.
Għall-bidu, il-Kummissjoni kienet se tipproponi l-proċedura ta’ kodifikazzjoni biex sempliċement tiġbor flimkien id-diversi atti f’reġolament ġdid mingħajr ma tibdel is-sustanza u mingħajr ma ddaħħal emendi oħra barra dawk rikjesti formalment.
Sussegwentement daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, u l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea issa jippermetti lil-leġiżlatur jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jissumplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv.
Għalhekk, imbagħad il-Kummissjoni pproponiet it-tfassil mill-ġdid pjuttost mill-kodifikazzjoni biex tkun tista’ tintroduċi emendi meħtieġa ta’ ċerti dispożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom tali delega tas-setgħat tkun xierqa.
Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.
Opinjoni tar-rapporteur
Wieħed jista’ jargumenta li l-ambitu tad-delega tas-setgħat lill-Kummissjoni huwa wiesa’ wisq fit-tfassil ġdid propost. Fl-Abbozz ta’ Rapport, ir-rapporteur irid jillimita t-tul ta’ żmien għall-adozzjoni tal-atti delegati tal-Kummissjoni kif ukoll jistabbilixxi kundizzjonijiet għall-estensjoni ta’ dawn is-setgħat. Ir-rekwiżit ta’ tfassil ta’ rapport jippermetti lill-Parlament u l-Kunsill ikollhom bażi regolari li fuqha jkunu jistgħu jiġu vvalutati proposti futuri.
Barra minn hekk, fir-rigward tal-atti delegati, ir-rapporteur irid iżid għal xahrejn l-estensjoni tal-perjodu għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Dan b’kollox jagħti erba’ xhur biex tiġi indirizzata l-proċedura neċessarja, perjodu li huwa iktar realistiku biex tiġi ppreżentata oġġezzjoni.
L-emendi kollha tar-rapporteur f’dan l-Abbozz ta’ Rapport jikkunsidraw il-formulazzjoni standard ġdida tal-Parlament Ewropew rigward l-atti delegati.
ANNESS 1: ITTRA LILL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI
Ref.: D(2011)58410
Is-Sur Brian SIMPSON
President tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
ASP 12G205
Brussels
Subject: Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (tfassil mill-ġdid)
( COM(2011)0566 – C7‑0269/2011 – 2011/0243(COD) )
Għażiż President,
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li għandi l-unur nippresjedi, eżamina l-proposta msemmija hawn fuq, skont it-termini tal-Artikolu 87 dwar it-Tfassil mill-Ġdid, kif iddaħħal fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.
Il-Paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu jgħid hekk:
"Jekk il-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali jikkonkludi li l-proposta ma tinkludi l-ebda bidla sostantiv għal-leġiżlazzjoni minbarra dawk identifikati bħala tali, għandu jinforma lill-kumitat responsabbli dwar dan.
F'każ ta' dan it-tip, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 156 u 157, l-emendi għandhom ikunu ammissibbli mill-kumitat responsabbli biss jekk jikkonċernaw dawk il-partijiet tal-proposta li jinkludu bidliet.
Madankollu, jekk, f’konformità mal-punt 8 tal-Ftehim Interistituzzjonali, il-kumitat responsabbli jkollu l-ħsieb ukoll li jressaq emendi għall-partijiet ikkodifikati tal-proposta, għandu jinnotifika minnufih l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u din tal-aħħar għandha tinforma lill-kumitat, qabel il-votazzjoni skont l-Artikolu 54, dwar il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-emendi kif ukoll dwar jekk għandhiex il-ħsieb li tirtira l-proposta ta' riformulazzjoni.
B'segwitu għall-opinjoni tas-Servizz Legali, li r-rappreżentanti tiegħu pparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv li eżamina l-proposta għal riformulazzjoni, u b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapporteur għal opinjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jikkunsidra li l-proposta msemmija ma tinkludi l-ebda tibdil sostantiv ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil fis-sostanza tagħhom.
Biex nikkonkludu, wara li ddiskutiha fil-laqgħa tiegħu tal-22 ta' Novembru 2011, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, b'19 vot favur u ebda astensjoni[3], jirrakkomanda li l-Kumitat tiegħek, bħala l-kumitat responsabbli, jipproċedi biex jeżamina l-proposta msemmija hawn fuq f'konformità mal-Artikolu 87.
Dejjem tiegħek,
Klaus-Heiner LEHNE
Mehmuż: L-Opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv.
ANNESS 2: OPINJONI TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI
|
GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV TAS-SERVIZZI LEGALI |
Brussell, 14 ta’ Ottubru 2011
OPINJONI
GĦALL-ATTENZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
TAL-KUNSILL
TAL-KUMMISSJONI
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (tfassil mill-ġdid)
COM(2011)0566 tat-23.09.2011 – 2011/0243(COD)
Wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 dwar l-użu aktar strutturat dwar it-teknika ta’ riformulazzjoni għal atti ġuridiċi, u partikolarment għall-punt 9 tagħha, il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv, li hu magħmul mis-servizzi legali rispettivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, iltaqa’ fid-29 ta’ Settembru 2011 sabiex jeżamina l-proposta msemmija li tressqet mill-Kummissjoni.
Waqt din il-laqgħa[4], l-evalwazzjoni tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tfassal mill-ġdid ir-Regolament (KE) Nru 417/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2002 dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill wasslet biex il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv stabbilixxa, bi ftehim reċiproku, dan li ġej.
1) Fir-rigward tal-memorandum spjegattiv, sabiex ikun hemm abbozz li jkun kompletament konformi mar-rekwiżiti relevanti stabbiliti mill-Ftehim Interistituzzjonali, dan id-dokument kellu jispeċifika liema dispożizzjonijiet tal-att preċedenti ma jkunux inbidlu fil-proposta, kif previst fil-punt 6(a)(iii) ta’ dak il-ftehim.
2) Fir-rigward tal-emenda sostantiva proposta b’din ir-riformulazzjoni, li tikkonsisti fl-għoti ta’ setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE, il-kliem li jidher fil-premessa 21, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 u fl-Artikoli 11, 12 u 13 jeħtieġu li din tiġi allinjata ma’ dawk tal-klawsoli standard mehmuża mal-Fehim Komuni bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.
3) Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10, il-kelma “temenda”, li tinsab fil-verżjoni attwalment applikabbli tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 417/2002, kellha tidher wara l-kliem tal-bidu “Il-Kummissjoni tista’”. Il-kelma kellha tkun identifikata bl-użu tas-sinjal użat ġeneralment biex jiġi mmarkat “tħassir sostantiv”, jiġifieri “ingassar doppju” flimkien mat-tipa ġriża .
B’konsegwenza ta’ dan, l-eżami tal-proposta ppermetta lill-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv jikkonkludi, mingħajr dissens, li l-proposta ma fiha l-ebda emenda sostantiva, għajr il-bidliet li ġew identifikati bħala tali fiha stess jew fl-opinjoni preżenti. Il-Grupp ta’ Ħidma kkonkluda wkoll, fir-rigward tal-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-att iżjed bikri b’dawk l-emendi sostantivi, li l-proposta fiha kodifikazzjoni ċara tat-test eżistenti, mingħajr ebda tibdil fis-sustanza tiegħu.
C. PENNERA H. LEGAL L. ROMERO REQUENA
Ġurikonsult Ġurikonsult Direttur Ġenerali
PROĊEDURA
Titolu | Id-dħul aċċellerat ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (Riformulazzjoni) | |||
Referenzi | COM(2011)0566 – C7-0269/2011 – 2011/0243(COD) | |||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE | 23.9.2011 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | TRAN 29.9.2011 |
|
|
|
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | JURI 29.9.2011 |
|
|
|
Eżami fil-kumitat | 20.12.2011 |
|
|
|
Data tal-adozzjoni | 6.2.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 30 1 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Inés Ayala Sender, Georges Bach, Philip Bradbourn, Antonio Cancian, Michael Cramer, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Eva Lichtenberger, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Olga Sehnalová, Brian Simpson, Laurence J.A.J. Stassen, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Giommaria Uggias, Artur Zasada, Roberts Zīle | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Burkhard Balz, Spyros Danellis, Michel Dantin, Dominique Riquet, Anna Rosbach | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Ioan Enciu | |||
Data tat-tressiq | 8.2.2012 | |||