Dokument ta' sessjoni

 

A7-0048/2012

6.3.2012

RAPPORT

dwar ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali - Ambjent aħjar għall-ħajja aħjar

2011/2194(INI)

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteur: Jo Leinen

 

PR_INI

WERREJ

Paġna

NOTA SPJEGATTIVA.............................................................................................................15

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-INDUSTRIJA, IR-RIĊERKA U L-ENERĠIJA............17

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI..............................................22

 

 

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

 

dwar ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali - Ambjent aħjar għall-ħajja aħjar

2011/2194(INI)

 

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "Is-sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Komunità - Valutazzjoni finali" ( COM(2011)0531 ),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 191 u 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, relatati mal-preservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ambjent tal-10 ta' Ottubru 2011 dwar il-Valutazzjoni tas-sitt programm ta' azzjoni ambjentali tal-komunità u t-triq 'il quddiem: Lejn is-7 programm ta' azzjoni ambjentali tal-UE,

–   wara li kkunsidra r-rapport taż-ZEE intitolat "L-Ambjent Ewropew - il-Qagħda u l-Prospetti 2010" (SOER2010),

–   wara li kkunsidra r-rapport tekniku taż-ŻEE Nru 15/2011 "Niżvelaw l-ispejjeż tat-tniġġis tal-arja mill-faċilitajiet industrijali fl-Ewropa''

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" ( COM(2010) 2020 ),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 ( COM(2011)0244 ),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050" ( COM(2011)0112 ),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Pjan direzzjonali għal Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi” ( COM(2011)0571 ),

–   wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni intitolata "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" ( COM(2011)0144 ),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għas-snin 2014-2020 ( COM(2011)0398 ),

–   wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u l-Politika ta' Koeżjoni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija kif ukoll tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali ( A7-0000/2012 ),

A. billi s-sitt EAP attwali se jiskadi fit-22 ta' Lulju 2012;

B.  billi għal deċennju s-sitt EAP ipprovda qafas globali għall-politika ambjentali, li matul daż-żmien il-leġiżlazzjoni ambjentali ġiet ikkonsolidata u kkompletata b'mod sostanzjali, u billi l-adozzjoni tagħha permezz ta' kodeċiżjoni żiedet il-leġittimità tagħha u għenet toħloq sens ta' sjieda; billi, madankollu, l-Istati Membri u l-Kummissjoni mhux dejjem aġixxew skont dan il-programm, u billi kellu xi nuqqasijiet li għandhom jiġu indirizzati;

C. billi l-progress lejn l-objettivi stabbiliti fis-sitt EAP kien wieħed varjabbli, b’xi objettivi li nkisbu (tibdil fil-klima, skart), u oħrajn li ma nkisbux (l-arja, l-ambjent urban, ir-riżorsi naturali), filwaqt li l-kisba ta’ oħrajn tiddependi fuq l-isforzi futuri tal-implimentazzjoni (il-kimiċi, il-pestiċidi, l-ilma), u billi jibqa’ għadd ta’ sfidi u huma meħtieġa sforzi addizzjonali;

D. billi s-sitt EAP irriżulta f’nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-acquis ambjentali fl-oqsma tal-kontroll tat-tniġġis tal-arja, l-ilma u t-trattament tad-drenaġġ, l-iskart u l-konservazzjoni tan-natura;

E   billi l-għan li jitwaqqaf it-tnaqqis fil-bijodiversità sal-2010 ma ntlaħaqx minħabba n-nuqqas ta’ impenji politiċi u finanzjarji;

F.  billi "L-Ambjent Ewropew - il-Qagħda u l-Prospetti 2010" (SOER 2010) jirrimarka li għad baqa' sfidi ambjentali ewlenin li se jkollhom konsegwenzi sinifikanti jekk ma jiġux indirizzati;

G.  billi ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni ambjentali għandhom jiġu riveduti, b’mod partikolari, bit-tisħiħ tal-indipendenza tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali fid-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali;

H. billi d-degradazzjoni ambjentali - tniġġis tal-arja, storbju, kimiċi, kwalità baxxa tal-ilma u d-degradazzjoni tal-ekosistema - hija fattur importanti taż-żieda fil-mard kroniku. billi l-aġenda ambizzjuża tal-UE għall-ħarsien ambjentali hija għalhekk komponent ewlieni għall-prevenzjoni effettiva tal-mard u n-nuqqas ta’ saħħa;

I.   billi jibqgħu differenzi ewlenin fil-kwalità ambjentali u fis-saħħa pubblika bejn l-Istati Membri;

1.  Jissottolinja l-urġenza tal-adozzjoni mill-aktar fis possibbli tas-seba' EAP, sabiex jindirizza l-isfidi ambjentali tal-ġejjieni: għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għas-seba EAP mingħajr dewmien;

2.  Iqis li s-seba’ EAP il-ġdid jeħtieġ li jiddeskrivi b’mod mhux ambivalenti l-isfidi ambjentali li l-UE qed tħabbat wiċċha magħhom, inkluż ir-rata mgħaġġla tat-tibdil fil-klima, id-deterjorazzjoni tal-ekosistema tagħna u ż-żieda fl-użu żejjed tar-riżorsi naturali;

3.  Iqis, fid-dawl tal-isfidi attwali ta’ sostenibilità li qed tiffaċċja l-UE, li l-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali, bħala strumenti globali, jikkontribwixxu biex jiżguraw il-koordinazzjoni meħtieġa bejn il-politiki Komunitarji differenti. Iqis, b'mod speċifiku, li fid-deċennju li ġej, se jkun iżjed kruċjali li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ambjentali b'approċċ aktar koerenti u integrat li jikkunsidra r-rabtiet ta' bejniethom u li jimla’ n-nuqqasijiet li għad baqa', għaliex inkella tista’ ssir ħsara irriversibbli;

4.   Iqis li s-seba’ EAP għandu jipprovdi narrattiva pożittiva dwar il-benefiċċji tal-politika ambjentali stretta sabiex isaħħaħ l-appoġġ pubbliku u r-rieda politika għall-azzjoni;

5.  Għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu jistabbilixxi miri konkreti għall-2020 kif ukoll jistabbilixxi viżjoni ambizzjuża u ċara għall-ambjent fl-2050 li għandha l-għan li tipprovdi kwalità għolja tal-ħajja u benesseri għal kulħadd fil-limiti ambjentali siguri;

6.  Iqis li l-iskeda ta' żmien għas-seba' EAP għandha tkun allinjata mal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ta' wara l-2013 u mal-Istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza madankollu li d-deċiżjonijiet ewlenin f’oqsma oħra tal-politika b’impatt qawwi fuq l-ambjent aktarx li jittieħdu qabel l-adozzjoni tas-seba’ EAP.

7.  Jenfasizza li s-seba' EAP għandu jipprovdi l-qafas it-tajjeb biex jiżgura finanzjament adegwat, inkluż għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u li l-objettivi ambjentali finanzjarji, f'sinerġija ma' LIFE, u li jintegraw b'mod sħiħ il-protezzjoni tal-ambjent, għandhom ikunu parti importanti tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, tar-riforma tal-Politika Agrikultura Komuni (PAK), u l-Politika tas-Sajd Komuni (PSK), tal-Politika ta' Koeżjoni u l-Orizzont 2020; iqis b'mod partikolari, li l-UE għandha tippermetti l-ħolqien ta’ sorsi ġodda ta’ finanzjament għall-EAP billi timmobilizza strumenti tas-suq u ħlasijiet għal servizzi tal-ekosistemi;

8.  Iqis li s-seba' EAP għandu jkun qafas globali li jagħmilha possibbli li jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali u ta' sostenibilità persistenti u emerġenti b’kunsiderazzjoni xierqa tal-miżuri eżistenti u ppjanati;

9.  iqis li, għad-deċennju li ġej, is-seba' EAP għandu jiżgura li l-għażliet ambjentali tal-UE jkunu ċari u prevedibbli biżżejjed għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u lokali, ċittadini, negozji u investituri; huwa tal-opinjoni li dan il-programm tal-UE globali għandu jibgħat messaġġ politiku qawwi lill-bqija tad-dinja u jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' governanza ambjentali internazzjonali;

10. Jistieden lill-Kummissjoni tibbaża l-proposta futura tagħha għas-seba' EAP fuq it-tliet prijoritajiet li ġejjin:

Implimentazzjoni u tisħiħ

Integrazzjoni

Dimensjoni internazzjonali

11. Jemmen li ħafna mill-miri li jinsabu fis-sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali huma fformulati sew, iżda huwa wkoll konxju li ħafna għadhom 'il bogħod milli jiġi sodisfati; Għalhekk, il-Parlament Ewropew jixtieq li jara aktar minn dawn l-objettivi trasferiti għas-seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali.

12. Jixtieq jenfasizza l-importanza li l-prinċipju tal-prekawzjoni jitħalla jiggverna l-politika ambjentali tal-UE;

Implimentazzjoni u tisħiħ

13. Jinnota bi tħassib li l-implimentazzjoni tal-acquis ambjentali għadha mhijiex suffiċjenti; iqis li l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar fil-livelli kollha, u t-tisħiħ addizzjonali tal-prijoritajiet politiċi ambjentali ewlenin u relatati - il-bidla fil-klima, il-bijodiversità, ir-riżorsi, l-ambjent u s-saħħa, kif ukoll il-politiki soċjali u tal-impjieg, l-enerġija, it-trasport sostenibbli, l-agrikoltura sostenibbli u l-iżvilupp rurali - huma kruċjali; għalhekk jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni ambjentali ċara, konsistenti, ibbażata fuq l-evalwazzjonijiet u l-feedback tal-politika pubblika ;

14. Jissottolinja l-fatt li l-konformità sħiħa mal-liġi ambjentali tal-UE hija obbligu ġenwin tat-Trattat u kriterju għall-użu tal-fondi tal-UE fl-Istati Membri;

15. Jenfasizza l-importanza fundamentali li għandha l-informazzjoni li tingħata liċ-ċittadini dwar il-politiki ambjentali tagħna biex jiġu involuti fis-suċċess ta' tali politiki. jitlob, għalhekk, li f’dan ir-rigward isir sforz akbar fil-Programm futur ta’ Azzjoni, bil-kunsiderazzjoni li l-ħolqien ta’ ambjent aħjar għal ħajja aħjar ma jistax isir b’mod unilaterali mill-Istituzzjonijiet mingħajr l-għajnuna tas-soċjetà nnifisha;

Tibdil fil-klima

16. Għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija u jipprovdi għat-tisħiħ tiegħu;

17. Iqis li s-seba' EAP għandu jirrifletti l-ħtieġa għall-miri vinkolanti għall-effiċjenza tal-enerġija u/jew l-iffrankar tal-enerġija peress li dan se jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u għall-protezzjoni ambjentali; jenfasizza l-importanza ta' qafas Komunitarju flessibbli, sabiex jiġi żgurat li l-miżuri proposti għall-effiċjenza tal-enerġija jikkunsidraw b'mod xieraq l-ispeċifiċitajiet f'kull Stat Membru;

18. Għandu l-fehma li s-seba’ EAP għandu jkompli bid-dibattitu lil hinn mill-2020 u jqis il-miri fuq perjodu ta’ żmien medju għat-tnaqqis fl-emissjonijiet, l-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli għall-2030;

19. Iqis li s-seba' EAP għandu jindirizza wkoll l-emmissjonijiet marittimi u dawk mhux tas-CO2;

20. Iqis li l-adattament għat-tibdil fil-klima għandu jiġi indirizzat sew mis-seba’ EAP, b'kunsiderazzjoni tan-neċessitajiet differenti tar-reġjuni, fuq il-bażi tal-Istrateġija ta' Adattament tal-UE li ġejja; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi riforma ambizzjuża tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa tal-pjanti tal-UE għall-ġlieda effettiva kontra t-tixrid ta’ speċi invażivi u organiżmi ta' ħsara, li wħud minnhom huma kkawżati mill-bidla fil-klima.

21. Jirrikonoxxi l-benefiċċji addizzjonali tal-produzzjoni li dejjem qed tiżdied tal-enerġija rinnovabbli f’termini tat-tnaqqis fit-tniġġis u l-impatti fuq is-saħħa, sakemm tnaqqas b'mod effikaċi l-produzzjoni tal-enerġija mhux rinnovabbli;

22. Jirrakkomanda li jissaħħaħ l-appoġġ għall-istrateġiji reġjonali ta’ karbonju baxx u reżiljenti għall-klima kif ukoll proġetti fil-klima fuq skala żgħira mwettqa mill-SMEs, l-NGOs u awtoritajiet lokali fis-subprogramm Azzjoni għall-Klima inklużi fil-programm ġdid LIFE propost mill-Kummissjoni;

Użu Effiċjenti u Sostenibbli tar-Riżorsi

23. Ifakkar li tnaqqis assolut tal-użu tar-riżorsi huwa meħtieġ b'mod urġenti; jistieden lill-Kummissjoni tinterpreta t-terminu "effiċjenza tar-riżorsi" b’mod wiesa’, sabiex fih jiġu inklużi r-riżorsi kollha; jindika li fost dawn hemm, pereżempju, ir-riżorsi enerġetiċi naturali u mhux enerġetiċi, bħall-ilma, l-ekosistemi, u l-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni tintegra wkoll il-ġestjoni ta’ materjali sostenibbli u s-sostenibilità fil-produzzjoni u l-konsum fil-qasam tal-effiċjenza tar-riżorsi;

24. Iqis li s-seba' EAP għandu jkun strumentali fil-kisba ta' mira fit-tul, jiġifieri t-tnaqqis tal-Impronta Ekoloġika bil-50% fl-20 sena li ġejjin; jirrimarka li l-impronta ekoloġika eċċessiva tal-UE qed timmina l-perspettivi reġjonali u globali tal-ekosistemi naturali li jistgħu jappoġġaw lill-bniedem b’mod suffiċjenti;

25. Iqis li l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali lejn Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi għandu jiġi inkluż bis-sħiħ fis-seba' EAP;

26. Jistieden lill-Kummissjoni tuża diġà - u ttejjeb - l-indikaturi eżistenti tal-effiċjenza tar-riżorsi meta jkunu disponibbli, u tistabbilixxi għanijiet mingħajr dewmien f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet l-oħra kollha interessati, u biex tiżviluppa malajr kemm jista' jkun indikaturi ġodda u għanijiet fejn meħtieġ, kif mitlub fil-Pjan Direzzjonali; jistieden lill-Kummissjoni, minħabba l-limitazzjonijiet tal-indikatur prinċipali fuq il-produttività tar-riżorsi, tiddefinixxi mill-aktar fis possibbli indikatur tal-konsum tal-materjal skont approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja li jintegra l-flussi moħbija, jiġifieri, it-trasferiment possibbli ta’ pressjonijiet ambjentali barra mill-UE u l-moviment ta’ nuqqasijiet u dipendenzi.

27. Huwa tal-opinjoni li s-seba’ EAP għandu jipprovdi għall-iżvilupp ta’ qafas leġiżlattiv għall-integrazzjoni f’politiki rilevanti, speċjalment fil-każ tal-produzzjoni sostenibbli, tal-idea tal-użu kaskata tar-riżorsi, sabiex jiżgura li l-materja prima skarsa tintuża fil-potenzjal sħiħ tagħha;

28. Huwa tal-opinjoni li s-seba' EAP għandu jinkludi objettivi dwar kif jiġi indirizzat l-ambjent urban, fejn tgħix il-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej, fejn jiġu prodotti iktar minn żewġ terzi tal-emissjonijiet tas-Co2, u fejn iseħħ impatt konsiderevoli fuq l-ambjent, u għandu jipprovdi gwida dwar kif għandu jiġi promoss l-ippjanar ambjentali integrat, il-mobilità sostenibbli, il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem fl-ibliet, b'kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta' sussidjarjetà;

29. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-għan li jiġu implimentati strateġiji li jnaqqsu t-tniġġis fl-ambjent urban, jeżaminaw il-possibilità li jinħoloq qafas ta’ appoġġ Ewropew għall-implimentazzjoni progressiva ta’ pjanijiet ta’ mobilità urbana fil-bliet Ewropej, li jistabbilixxi proċeduri u mekkaniżmi ta’ appoġġ finanzjarju fuq livell Ewropew għall-preparazzjoni ta’ rapporti ta’ awditjar għall-mobilità urbana kif ukoll pjanijiet għall-mobilità urbana, u jistabbilixxu Tabella ta’ Mobilità Urbana Ewropea;

30. Iqis li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-kisba sħiħa tal-għanijiet għall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u ekoloġiċi stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali, pereżempju rigward l-Akkwist Pubbliku Aħdar u Sostenibbli f'konformità mal-prinċipji ta' trasparenza u kompetizzjoni ġusta; jitlob li jkun hemm żbilupp tal-politika tal-prodott, jiġi indirizzat iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodott u jiġu inklużi l-metodi favur il-benessri tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni, ladarba jkun ġie finalizzat il-metodu Ewropew armonizzat għall-kalkolu tal-impronta ambjentali ta' prodott, tiżgura li tiġi inkluża informazzjoni addizzjonali għall-konsumaturi dwar l-impatt ambjentali tal-prodotti, lil hinn minn skemi eżistenti (eko-tikketta, tikketta tal-enerġija, ċertifikazzjoni organika, eċċ); jistieden lill-Kummissjoni testendi l-ambitu tad-Direttiva tal-Ekodisinn u terġa' teżamina l-implimentazzjoni tagħha;

31. Iqis li s-seba’ EAP għandu jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ skemi ta’ inċentivi għall-appoġġ tad-domanda għall-materjali riċiklati, speċjalment meta jkunu inkorporati fil-prodotti finali;

32. Għandu l-opinjoni li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, inkluża l-konformità mal-ġerarkija tat-trattament tal-iskart filwaqt li tiġi żgurata koerenza ma' politiki tal-UE oħrajn; iqis li għandu jistabbilixxi miri ta' prevenzjoni, użu mill-ġdid u ta' riċiklaġġ aktar ambiżżjuzi, inkluż tnaqqis nett fil-ġenerazzjoni tal-iskart, l-ebda inċinerazzjoni tal-iskart li jkun adattat għar-riċiklaġġ jew għall-ikkompostjar fir-rigward tal-ġerarkija tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, u projbizzjoni stretta fuq ir-rimi ta' skart miġbur b'mod selettiv f'landfills, kif ukoll l-objettivi settorjali għall-effiċjenza tar-riżorsi u punti ta’ referenza dwar l-effiċjenza tal-proċess. ifakkar li l-iskart ukoll huwa riżorsa u spiss jista’ jerġa’ jintuża, u f’dan il-każ inkunu nistgħu niżguraw l-użu effiċjenti tar-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga kif tista' tagħmel il-ġbir tal-iskart minn prodotti tal-konsumaturi iktar effiċjenti kemm billi testendi l-prinċipju ta' responsabbiltà estiża tal-produttur kif ukoll permezz ta' linji gwida dwar il-ġestjoni tas-sistemi tal-irkupru, il-ġbir u r-riċiklaġġ. jenfasizza l-bżonn ta’ investiment fir-riċiklaġġ tal-materja prima u ta' elementi terrestri rari, peress li l-attività tal-minjieri, ir-raffineriji u r-riċiklaġġ ta’ elementi rari jista’ jkollhom konsegwenzi serji fuq l-ambjent jekk ma jkunux immaniġjati sewwa;

33. Jemmen li l-miri li diġà ġew stabbiliti f’diversi Direttivi rigward il-ġbir u s-separazzjoni tal-iskart, għandhom jiġu elaborati aktar u stabbiliti għall-ikbar u l-iżjed irkupru kwalitattiv ta’ materja f’kull fażi tar-riċiklaġġ, jiġifieri l-ġbir, id-diżarmar, l-ipproċessar minn qabel u r-riċiklaġġ/raffinerija;

34. Iqis li s-seba' EAP għandu jikkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Pjan għall-Politika tal-UE dwar l-Ilma li ġej u jenfasizza l-valur ta’ approċċ ikkoordinat aħjar għall-ipprezzar tal-ilma; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għal soluzzjonijiet għan-nuqqas ta' ilma, l-irkupru ta' ilma u tiżviluppa tekniki alternattivi ta' irrigazzjoni u tippromwovi l-ottimizzazzjoni tal-użu suċċessiv tal-ilma irtirat fiċ-ċiklu tal-ilma, inkluż l-ilma tar-riċiklaġġ għall-prodotti agrikoli u industrijali fejn il-kontenut hu rilevanti waqt li tirkupra n-nutrijenti u l-enerġija tad-drenaġġ;

35. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma u għandu l-opinjoni li, sabiex tkun żgurata konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji ta' għargħar, jeħtieġ li jiġu żviluppati miżuri għall-irkupru tax-xtut naturali tax-xmajjar u riforestazzjoni tal-inħawi tal-madwar;

36. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi l-partijiet interessati rilevanti kollha fil-formulazzjoni ta' miri li għandhom jiżguraw is-sostenibilità tal-użu tal-art fis-seba' EAP; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi kwistjonijiet kritiċi dwar l-użu tal-art bħal pereżempju t-telf ta' ħabitats semi naturali u ċ-ċaqliq mill-użu tal-art ta’ valur għoli għall-għelejjel tal-bijoenerġija; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għall-kriterji ta' sostenibilità għal bijomassa u l-bijofjuwils li jindirizzaw ukoll il-kwistjoni tal-bidla indiretta fl-użu tal-art;

37. Iqis li s-seba’ EAP jeħtieġ li jindirizza l-impatti tal-politiki Ewropej lil hinn mill-UE, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tmexxi l-kwistjoni tat-tnaqqis fl-impronta tal-UE fuq l-art fil-pajjiżi terzi, b’mod partikolari billi tindirizza l-bidla fl-użu indirett tal-art minħabba l-bijofjuwils u l-bijomassa għall-enerġija, u tinkludi l-għan li l-ebda art ta’ valur ambjentali għoli ma tiġi kkonvertita f’użu ġdid sabiex jiġu prodotti l-għelejjel għall-UE;

Il-Bijodiversità u l-Forestrija

38. Jissottolinja l-importanza li ssir azzjoni issa, sabiex l-UE titpoġġa fit-triq it-tajba biex tikseb l-għan ewlieni tagħha tal-bijodiversità għall-2020, kif ukoll l-impenji globali tagħha, għaliex aħna ma naffordjawx infallu darb'oħra, u jiġu ppjanati riżorsi suffiċjenti għall-konservazzjoni tan-Netwerk Natura 2000; iqis li d-diffikultajiet li jinqalgħu sabiex ikun hemm konformità mal-għan għall-2010 jindikaw il-ħtieġa li ssir reviżjoni fil-fond tal-metodi applikati s’issa; jemmen li għandhom jitwettqu studji strateġiċi integrati, inklużi studji tal-elementi li jistgħu jinfluwenzaw żoni protetti, iqis li dawn l-istudji għandhom jiġu inkorporati fl-ippjanar urban u jkunu akkumpanjati minn kampanji edukattivi u informattivi dwar l-importanza tar-riżorsi naturali lokali u l-konservazzjoni tagħhom;

39. Iqis li l-objettivi tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE għall-2020, inklużi l-għanijiet u l-azzjonijiet tagħha, għandhom jiġu inklużi bis-sħiħ fis-seba' EAP bħala mezz li jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tagħha; iqis li ċerti azzjonijiet jeħtieġu li jissaħħu fiż-żmien qasir sabiex il-bijodiversità tiġi indirizzata b'mod aktar ċar fl-oqsma politiċi kollha, u li l-azzjonijiet addizzjonali huma neċessarji sabiex tinkiseb b'mod effikaċi l-mira tal-2020; jenfasizza li s-seba' EAP se jipprovdi qafas b'saħħtu biex jappoġġa l-adozzjoni tal-istrumenti legali u finanzjarji meħtieġa, l-ewwel nett permezz ta' finanzjament garantit għal Natura 2000;

40. Jenfasizza l-importanza tal-immobilizzar kemm tal-appoġġ finanzjarju tal-UE kif ukoll dak nazzjonali mis-sorsi possibbli kollha kif ukoll tal-iżvilupp tal-mekkaniżmi finanzjarji innovattivi sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta’ appoġġ għall-bijodiversità;

41. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Forestali Ewropea ġdida sa tmiem l-2012 u tipproponi miżuri effettivi biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-forestrija, jiġi promoss l-użu razzjonali tar-riżorsi forestali u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

42. Jirrakkomanda li tingħata aktar attenzjoni lill-foresti bħala parti mill-Politika Agrikola Komuni l-ġdida permezz tal-promozzjoni tal-agroforestrija, u biex jippromwovu l-iżvilupp rurali bbażat fuq pajsaġġi sostenibbli;

43. Jitlob il-ħolqien ta’ regolament ġdid Komunitarju dwar il-prevenzjoni tan-nar, jew mill-inqas, jipproponi li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam;

Kwalità tal-ambjent u saħħa

44. Minħabba li kundizzjonijiet ambjentali ħżiena għandhom impatt sostanzjali fuq is-saħħa li jinvolvu spejjeż għoljin, għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu notevolment:

- ikompli jinkludi l-objettiv tas-sitt EAP li sal-2020, il-kimiċi jiġu prodotti biss u użati b’modi li ma jwasslux għal impatt negattiv sinifikanti fuq is-saħħa u l-ambjent;

- jindirizza l-kwalità tal-arja - inkluża l-kwalità tal-arja ta' ġewwa - u l-impatt tagħha fuq is-saħħa;

- jindirizza l-istorbju u l-impatt tiegħu fuq is-saħħa;

- jipprovdi għall-iżvilupp ta' miżuri speċifiċi relatati ma' theddid emerġenti tas-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali, attwalment mhux indirizzati biżżejjed, sabiex jeżamina l-effetti ta' żviluppi ġodda fuq is-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali, bħal pereżempju n-nanomaterjali, sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali u l-effetti kombinati ta' kimiċi, abbażi ta' studji xjentifiċi u definizzjonijiet komunament aċċettati, fejn ikunu disponibbli;

- jinkludi azzjoni għall-ħarsien tas-saħħa tat-tfal mit-tniġġis ambjentali abbażi tad-Dikjarazzjoni Ewropa Parma tad-WHO dwar l-Ambjent u s-Saħħa ta’ Marzu 2010;

- jaqbel mat-tieni Pjan ta' Azzjoni tas-Saħħa Ambjentali;

45. Jissottolinja li s-seba’ EAP għandu jistabbilixxi għanijiet speċifiċi sabiex jiżgura li sal-2020 is-saħħa taċ-ċittadini Ewropej ma tkunx iżjed imminata mit-tniġġis u s-sustanzi perikolużi;

46. Iqis li għandhom jitqiesu b’mod sħiħ il-metodi użati fil-valutazzjoni tar-riskju tal-kimiċi, billi jiġu prijoritizzati l-alternattivi għat-testijiet fuq l-annimali; iqis li s-seba’ EAP għandu jipprovdi għall-adozzjoni ta’ strateġija mifruxa fl-UE kollha sabiex jitnaqqas l-għadd ta’ annimali użati fl-ittestjar tas-sigurtà, filwaqt li tiġi ggarantita kwalità għolja tal-ħajja għall-bnedmin u l-annimali fl-UE.

47. Jemmen li hemm bżonn ta’ approċċ olistiku għas-saħħa u l-ambjent, li jiffoka fuq il-prekawzjoni u l-prevenzjoni tar-riskji, u li jikkunsidra partikolarment gruppi vulnerabbli bħal feti, tfal u żgħażagħ.

48. Iqis li għandhom isiru sforzi sabiex l-attenzjoni tkun fuq il-ħarsien, il-prekawzjoni u l-promozzjoni tal-attivitajiet favur l-ambjent fil-livell tal-UE, fil-qasam tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp, bil-għan li jitnaqqas il-piż ambjentali tal-mard;

49. Iqis li s-seba' EAP għandu jindirizza l-kwistjoni tat-trasport billi jippromwovi aktar investiment f'sistemi ta' trasport favur l-ambjent u jipproponi soluzzjonijiet għall-indirizzar tal-konġestjoni, emissjonijiet tas-CO2 u mikropartiċelli;

50. Iqis li huma importanti li s-seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali jagħti attenzjoni speċjali lit-tneħħija kontinwa tal-merkurju, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha;

51. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u xierqa tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE kif ukoll tal-politiki u l-istrateġiji adottati, u jiżguraw il-kapaċità u l-finanzi adegwati għall-implimentazzjoni sħiħa anke fiż-żminijiet ta’ awsterità, għaliex in-nuqqas tal-implimentazzjoni jew l-implimentazzjoni mhux kompluta tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE mhux biss huma illegali, imma wkoll ferm iżjed ta’ spiża għas-soċjetà fuq perjodu ta’ żmien twil;

Infurzar

52. Iqis li huwa essenzjali li jissaħħaħ in-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirraporta dwar modi possibbli ta' kif jista' jsir dan;

53. Jistieden lill-Kummissjoni tapplika b’mod sistematiku l-kontrolli ex-ante tal-konformità mal-liġijiet rilevanti kollha tal-Komunità, partikolarment fil-qasam tal-Politika ta' Koeżjoni, qabel jingħata kwalunkwe finanzjament;

54. Iqis li huwa importanti li s-seba' EAP jiġi kkunsidrat bħala mezz ta' komunikazzjoni maċ-ċittadini Ewropej, biex b'hekk ikun jista' jimmobbilizza dawn iċ-ċittadini, mhux tal-anqas għall-fini ta' infurzar fuq il-post tal-politiki miftiehma;

55. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala "gwardjan tat-Trattati" biex tiżgura traspożizzjoni korretta, implimentazzjoni u infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali mill-Istati Membri kollha; jirrakkomanda parteċipazzjoni akbar tal-awtoritajiet lokali matul il-proċess ta’ żvilupp ta’ politika ambjentali biex itejbu l-implimentazzjoni ġenerali tal-leġiżlazzjoni, inkluż permezz ta’ twaqqif ta' timijiet għat-traspożizzjoni tal-liġi ambjentali fuq livell reġjonali u lokali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tesplora r-rwol li jista’ jkollha l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent rigward it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni.

Integrazzjoni

56. Għandu l-fehma li kunsiderazzjonijiet ambjentali qed jiżdiedu fl-importanza f'politiki settorjali oħra u, għaldaqstant integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali f'politiki settorjali oħra tkun mixtieqa;

57. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indikaturi sabiex tkun tista' tkejjel it-titjib tal-integrazzjoni;

58. Huwa tal-fehma li l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali 2050 jistgħu jinkisbu biss jekk jiġu implimentati strateġiji komplementari, fosthom il-valutazzjoni tal-agrikoltura, ir-riforestazzjoni u l-introduzzjoni ta’ inċentivi ta’ politika għall-innovazzjoni u l-implimentazzjoni rapida tal-enerġija solari, ġeotermali u dik tal-baħar;

59. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha tas-seba' EAP lista aggregata tal-għanijiet kollha eżistenti relatati mal-ambjent għall-oqsma differenti ta' politika, speċjalment it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, it-trasport, l-enerġija, l-agrikoltura, is-sajd u l-politika ta' koeżjoni, u teżaminahom flimkien, sabiex tippermetti paragun xieraq u tiżgura li l-objettivi jkunu koerenti.

60. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, meta' terġa' teżamina d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u d-Direttiva 2001/42/KE, tiżgura li huma jikkontribwixxu għal użu sostenibbli tal-art bħala riżorsa kritika fl-UE u wkoll biex testendi l-ambitu tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali biex ikopru mhux biss proġetti kbar, filwaqt li tirrestrinġi u tespandi l-kriterji ta' tali valutazzjonijiet, iżda wkoll tinkludi l-kunċett ta' użu kaskata tar-riżorsi u l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ;

61. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi proċedura li tiżgura l-imparzjalità u l-indipendenza tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, l-ewwel nett billi telimina r-relazzjoni diretta bejn l-iżviluppaturi tal-proġett u l-assessuri.

62. Jirrakkomanda li jinstab bilanċ ekwu bejn il-ħtieġa għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-waqfien jew in-nuqqas tat-telf tal-bijodiversità u s-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tilħaq l-għanijiet tal-UE 2020 u tevita l-impatt finanzjarju li jirriżulta mill-bidla fil-klima u t-telf tal-bijodiversità; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza tal-politika ta' koeżjoni wara l-2013; jenfasizza wkoll, b'kunsiderazzjoni tal-politika ta' prevenzjoni, il-ħtieġa li l-ispejjeż jitqiesu bħala investimenti għall-futur u għal impjiegi ġodda u sabiex jiġu mnedija kampanji ta’ informazzjoni, ta’ sensibilizzazzjoni u kampanji oħra sabiex ikun hemm skambju tal-aħjar prattiki fil-livelli kollha; jenfasizza l-ħtieġa għal użu aħjar tal-assistenza teknika fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex tiżdied il-kapaċità amministrattiva fejn meħtieġ; iqis neċessarju li l-għanijiet ta’ riċerka u innovazzjoni ikunu jikkorrispondu b'mod effiċjenti mal-ħtiġijiet ta’ żvilupp kemm lokali kif ukoll reġjonali;

63. Huwa tal-fehma li l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali 2050 jistgħu jinkisbu biss jekk jiġu implimentati strateġiji komplementari, fosthom il-valutazzjoni tal-agrikoltura, ir-riforestazzjoni u l-introduzzjoni ta’ inċentivi ta’ politika għall-innovazzjoni u l-implimentazzjoni rapida tal-enerġija solari, ġeotermali u dik tal-baħar;

64. Għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu jinkludi pjan strett u dettaljat kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali għat-tneħħija b'mod gradwali sal-2020 tas-sussidji kollha li huma ta' ħsara għall-ambjent, pereżempju dawk li jaffettwaw il-bijodiversità, sabiex jiġu rispettati l-impenji ta' Nagoya;

65. Għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu jindirizza miżuri ta' riforma fiskali biex isaħħu l-attivitajiet tal-Istati Membri dwar iċ-ċaqliq tat-taxxi minn fuq ix-xogħol għal fuq ir-riżorsi naturali u għal fuq is-sustanzi niġġiesa;

66. Iqis li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-inklużjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali lil hinn mill-bidla fil-klima attwali u indikaturi ewlenin tal-enerġija fis-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, tintegra politiki tal-effiċjenza tar-riżorsi kif stabbilit fil-Pjan Direzzjonali tal-Effiċjenza tar-Riżorsi, u timmonitorja permezz tas-Semestru Ewropew, is-segwitu tal-Istati Membri tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi b'mod xieraq;

67. Jissottolinja r-rwol importanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-akkademiċi, kif ukoll tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, fil-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali effettiva fl-UE kollha;

68. Iqis li, sabiex jinkisbu riżultati sinifikanti, għandha tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-programm fuq livell reġjonali u lokali u l-proċess għandu jinkludi b’mod aktar wiesa’ l-partijiet kollha interessati; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta’ reġjuni u territorji b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi, bħalma hu l-każ tal-gżejjer, ir-reġjuni fil-muntanji jew ir-reġjuni b’popolazzjoni baxxa; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-użu tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali u l-Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali Strateġiċi fit-teħid ta' deċiżjonijiet lokali u reġjonali;

69. Jissottolinja li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, b'mod partikolari dwar l-aċċess għall-ġustizzja; jenfasizza f'dak il-kuntest il-ħtieġa urġenti għall-adozzjoni tad-direttiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja; jistieden lill-Kunsill jirrispetta l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus u jadotta pożizzjoni komuni dwar il-proposta korrispondenti tal-Kummissjoni qabel l-aħħar tal-2012

70. Għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu jimmira lejn l-appoġġ għall-iżvilupp ta' mudelli alternattivi għat-tkejjil tat-tkabbir u l-benessri li jmorru lil hin minn evalwazzjoni fuq il-bażi tal-PDG;

71. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l- 'ekonomija ħadra' madwar id-dinja , filwaqt li jintegraw l-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi bħat-tnaqqis tal-faqar;

72. Jenfasizza l-importanza li jintwera liċ-ċittadini tal-UE, speċjalment fil-kuntest tas-sitwazzjoni ekonomika attwali, li l-protezzjoni tal-ambjent mhix kontradittorja fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli; huwa favur, għal dan il-għan, li jiġu promossi proġetti ta' suċċess u t-tixrid ta’ informazzjoni lill-pubbliku dwar il-fattibbiltà ta’ żvilupp ekonomiku li jirrispetta l-ambjent f’żoni ta’ wirt naturali u kulturali importanti bħan-netwerk Natura 2000;

73. Ifakkar li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-qafas xieraq biex jiżgura finanzjament adegwat, inkluż qafas għall-innovazzjoni, riċerka u żvilupp;

74. Huwa tal-fehma li l-programm LIFE+ għandu jkun immaniġġjat mill-Kummissjoni, b'enfasi fuq proġetti internazzjonali ta' innovazzjoni u eċċellenza, il-promozzjoni ta’ SMEs u istituzzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp u l-prijoritizzazzjoni taż-żamma tl-bijodiversità b' approċċ sistematiku u integrali, u teknoloġiji agrikoli kompatibbli mal-preservazzjoni tal-ħamrija u tal-katina tal-ikel tal-ekosistemi tal-annimali; jemmen li l-Programm LIFE+ tal-UE għandu jkun promoss b’mod aktar wiesa’ fir-reġjuni kollha tal-Ewropa sabiex jiġu mħeġġa prattiki innovattivi fil-livell lokali, u sabiex l-impatt u s-sensibilizzazzjoni tat-taqsima li tirrigwarda l-politika u l-ġestjoni ambjentali ta' dan il-programm jissaħħu;

75. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw, fil-Programm ta’ Qafas ta’ Riċerka li jmiss, programmi ta’ riċerka u innovazzjoni fil-qasam ta' materjali u riżorsi ġodda li fil-futur jistgħu jieħdu post il-materja prima eżistenti li l-provvista tagħhom hija insuffiċjenti;

Dimensjoni internazzjonali

76. Iqis li s-seba' EAP għandu jkollu bħala għan l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fir-relazzjonijiet esterni kollha tal-UE, b'mod partikolari fl-għajnuna għall-iżvilupp u l-ftehimiet kummerċjali, sabiex jippromwovi l-ħarsien ambjentali fil-pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-UE biex tippromwovi programmazzjoni konġunta tar-riċerka fil-qasam ambjentali mal-ġirien tagħha;

77. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha għan għall-UE biex tappoġġa bis-sħiħ il-ħidma tan-NU, tal-Bank Dinji u tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar il-kontabilità ambjentali, sabiex tgħammar id-dinja b'sistema armonizzata ta' kontabilità ambjentali; u jilqa’ l-impenji taħt l-Istrateġija Ewropea għall-Bijodiversità biex jittejjeb l-għarfien dwar dawn l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom fl-UE (bħal dawk li jipprovdu l-foresti); iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqsmu l-informazzjoni dwar l-esperjenzi tagħhom u jikkumparaw riflessjonijiet metodoloġiċi relatati mal-kontabilità tal-Ekosistemi;

78. Iqis li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-implimentazzjoni f'waqtha tal-impenji internazzjonali tal-UE, b'mod partikolari fil-qafas tal-UNFCCC u s-CBD;

°

° °

79. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra fis-seba’ EAP ir-riżultat tal-konferenza Rio+20 dwar l-Ekonomija Ekoloġika u dwar it-tisħiħ tal-Governanza Ambjentali Internazzjonali;

80. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

NOTA SPJEGATTIVA

Ambjent aħjar għall-ħajja aħjar

 

Ambjent b'saħħtu u livell għoli ta' protezzjoni ambjentali huma prerekwiżiti għall-garanzija tal-kwalità tal-ħajja kif ukoll għall-preservazzjoni tal-istabilità tal-ekosistemi.

 

Il-Programmi ta' Azzjoni Ambjentali ggwidaw l-iżvilupp tal-politika ambjentali tal-UE sa mill-bidu tas-snin sebgħin. Huma taw impetu kbir għall-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ambjentali b'saħħitha tal-UE, speċjalment f'oqsma bħall-arja, l-ilma, l-iskart u l-klima.

 

Il-protezzjoni tal-ambjent tagħna żżid il-kwalità tal-ħajja speċjalment billi tissalvagwardja l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom, twaqqaf it-telf ta' bijodiversità, tiżgura kwalità aħjar tal-arja u anqas storbju, kif ukoll toħloq impjiegi u tkabbir, u billi tiżgura benessri għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri.

 

Is-sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali attwali (6EAP), li kien l-ewwel wieħed adottat b'kodeċiżjoni, se jiskadi f'Lulju 2012. Il-valutazzjoni finali tiegħu, ippubblikata fil-31 ta' Awwissu 2011, ikkonkludiet li b'mod ġenerali, is-sitt EAP pprovda qafas globali għall-politika tal-ambjent, li matul daż-żmien il-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent ġiet ikkonsolidata u kkompletata b'mod sostanzjali, u li l-adozzjoni tagħha permezz tal-kodeċiżjoni żiedet il-leġitimità tagħha u għenet toħloq sens ta' sjieda għall-proposti ta' politika sussegwenti;

 

Madankollu, għadna qegħdin lura minn sitwazzjoni sodisfaċenti dwar l-istat tal-ambjent. L-evidenza xjentifika turi biċ-ċar li bħas-soltu n-negozju mhuwiex għażla, peress li jpoġġi wisq pressjoni fuq il-kapaċità tal-pjaneta biex isostni d-domandi għar-riżorsi jew is-servizzi tal-ekosistema jew biex jassorbi t-tniġġis. Tinħtieġ azzjoni urġenti mill-partijiet interessati kollha għal bidla lejn futur sostenibbli.

 

Huwa għalhekk essenzjali li jiġi adottat mill-aktar fis possibbli s-seba EAP sabiex jippermetti din il-bidla lejn futur sostenibbli, jiżgura kontinwità u jevita kwalunkwe nuqqas.

 

Fir-rigward tal-format, minkejja li diversi dokumenti individwali u pjanijiet direzzjonali ġew ippubblikati riċentement mill-Kummissjoni, aħna nemmnu bil-qawwa li s-seba' EAP għandu jagħti qafas globali b'saħħtu li jiżgura koerenza. Hu għandu jiżgura li l-għanijiet kollha eżistenti relatati mal-ambjent għall-2020 għall-oqsma differenti ta' politika jkunu inklużi u eżaminati flimkien.

 

Barra minn hekk, is-seba' EAP futur għandu jipprovdi viżjoni ambizzjuża ċara għall-2050, sabiex jagħti perspettiva fit-tul għall-partijiet interessati kollha.

 

Aħna nipproponu li s-seba' EAP futur jiffoka fuq it-tliet prijoritajiet li ġejjin:

- Implimentazzjoni u Tisħiħ tal-leġiżlazzjoni ambjentali

- Integrazzjoni tal-objettivi ambjentali fil-politiki settorjali kollha

- Dimensjoni internazzjonali tal-protezzjoni ambjentali

 

Għalhekk aħna nistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta mill-aktar fis possibbli l-proposta tagħha għas-seba' EAP, u tikkunsidra s-suġġerimenti tagħna kif deskritti f'dan ir-rapport fuq inizjattiva proprja.

9.2.2012

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-INDUSTRIJA, IR-RIĊERKA U L-ENERĠIJA

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezz tal-Ikel

dwar ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali

2011/2194(INI)

Rapporteur: Cristina Gutiérrez-Cortines

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jisħaq fuq l-importanza li l-objettivi ambjentali jiġu integrati fil-politiki kollha tal-Unjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li strateġiji tematiċi wesgħin jirriżilutaw f’leġiżlazzjoni robusta b’għanijiet u kalendarji ċari biex jiġi żgurat li s-7 Programm għall-Azzjoni Ambjentali jwitti t-triq biex l-UE tnaqqas bin-nofs l-impatt ekoloġiku tagħha sal-2030;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-VIA u d-Direttiva 2001/42/KE, tapplika b’mod strett il-kriterji għall-protezzjoni tal-pajsaġġi u tal-ambjent naturali fl-għażla tas-siti għall-enerġija u siti industrijali u faċilitajiet oħra; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha toħloq indikaturi biex tivvaluta l-impatt potenzjalment negattiv tagħhom u tagħti attenzjoni sħiħa lill-artikoli fit-TFUE li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tal-wirt kulturali u naturali;

3.  Jisħaq li s-7 EAP għandu jipprevedi miri konkreti u li jistgħu jitkejlu, kif ukoll kalendarji dettaljati u mekkaniżmi għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni fil-forma ta’ indikaturi u tabelli ta’ valutazzjoni, li jiggarantixxu t-twettiq tal-objettivi tiegħu fil-livell kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri;

4.  Iqis li l-UE se jkollha bżonn toffri aktar sostenn għall-attivitajiet ta’ riċerka, innovazzjoni u ta’ żvilupp sabiex tiżgura li fuq medda ta' żmien medja jkun hemm żieda fid-disponibbiltà u l-prestazzjoni tat-teknoloġija li hija meħtieġa għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, żieda fl-effiċjenza tal-enerġija, u biex tinżamm il-kompetittività fl-UE;

5.  Jemmen li l-Pjan Direzzjonali lejn Ewropa li tkun Effiċjenti fir-Riżorsi għandu jirriżulta f’azzjonijiet konkreti fis-7 programm ta’ azzjoni;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw, fil-Programm ta’ Qafas ta’ Riċerka li jmiss, programmi ta’ riċerka u innovazzjoni fil-qasam ta' materjali u riżorsi ġodda li fil-futur jistgħu jieħdu post il-materja prima eżistenti li l-provvista tagħhom hija insuffiċjenti;

7.  Jenfasizza l-bżonn ta’ investiment fir-riċiklaġġ tal-materja prima u ta' elementi terrestri rari, peress li l-attvità tal-minjieri, ir-raffineriji u r-riċiklaġġ ta’ elementi rari jista’ jkollhom konsegwenzi koroh fuq l-ambjent jekk ma jkunux immaniġjati sewwa;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l- 'ekonomija ħadra' madwar id-dinja , filwaqt li jintegraw l-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi bħat-tnaqqis tal-faqar;

9.  Jitlob li l-finanzjament ta' Natura 2000 ikun hemm provvediment għalih fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) 2014-2020, u li jiġu stabbiliti metodi ġodda ta' ġestjoni li jippermettu l-ilħuq ta’ ftehimiet mas-sidien u s-settur privat u li jinstab użu kompatibbli u li jagħti l-frott fir-rigward taż-żamma tal-ħabitat u l-bijodiversità, u jappella biex jiżdiedu l-isforzi biex il-politika tal-bijodiversità tkun integrata f'oqsma politiċi oħrajn;

10. Iqis li għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa, fid-Direttiva dwar il-Ħabitats u fin-Netwerk tan-Natura 2000, tal-kwalitajiet estetiċi u viżwali fil-pajsaġġ għall-fini tal-interpretazzjoni ta’ dawn il-programmi;

11. Jenfasizza l-importanza li jintwera liċ-ċittadini tal-UE, speċjalment fil-kuntest tas-sitwazzjoni ekonomika attwali, li l-protezzjoni tal-ambjent mhix kontradittorja fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli; huwa favur, għal dan il-għan, li jiġu promossi proġetti ta' suċċess u t-tixrid ta’ informazzjoni lill-pubbliku dwar il-fattibbiltà ta’ żvilupp ekonomiku li jirrispetta l-ambjent f’żoni ta’ wirt naturali u kulturali importanti bħan-netwerk Natura 2000;

12. Jemmen li jeħtieġ li jinstabu formoli ġodda għar-regolamentazzjoni tal-ħamrija b’konformità mal-kriterji tal-Istati Membri, li jitfasslu miżuri biex jiġu evitati d-diżastri u għall-prevenzjoni tal-għargħar u jinħoloq suq intern trasparenti u ċar fir-rigward tat-tniġġis tal-ħamrija;

13. Huwa tal-fehma li l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali 2050 jistgħu jinkisbu biss jekk jiġu implimentati strateġiji komplementari, fosthom il-valutazzjoni tal-agrikoltura, ir-riforestazzjoni u l-introduzzjoni ta’ inċentivi ta’ politika għall-innovazzjoni u l-implimentazzjoni rapida tal-enerġija solari, ġeotermali u dik tal-baħar;

14. Huwa tal-fehma li l-programm LIFE+ għandu jkun immaniġġjat mill-Kummissjoni, b'enfasi fuq proġetti internazzjonali ta' innovazzjoni u eċċellenza, il-promozzjoni ta’ SMEs u istituzzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp u l-prijoritizzazzjoni taż-żamma tl-bijodiversità b' approċċ sistematiku u integrali, u teknoloġiji agrikoli kompatibbli mal-preservazzjoni tal-ħamrija u tal-katina tal-ikel tal-ekosistemi tal-annimali; jemmen li l-Programm LIFE+ tal-UE għandu jkun promoss b’mod aktar wiesa’ fir-reġjuni kollha tal-Ewropa sabiex jiġu mħeġġa prattiki innovattivi fil-livell lokali, u sabiex l-impatt u s-sensibilizzazzjoni tat-taqsima li tirrigwarda l-politika u l-ġestjoni ambjentali ta' dan il-programm jissaħħu;

15. Jenfasizza li oqsma b'saħħithom ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni Ewropej huma prerekwiżit għall-protezzjoni tal-ambjent, waqt li fl-istess ħin, jintlaħaq żvilupp soċjali u ekonomiku fl-Unjoni Ewropea;

16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fir-rieżami tagħha tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art u l-programm “Blue Print”, iżżomm approċċ xjentifiku u sistemiku, filwaqt li tqis iċ-ċikli tal-ilma, ir-relazzjoni bejn l-ilma u l-art, il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni u l-ħtieġa ta' trasparenza u effiċjenza fil-ġestjoni tal-ilma;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni iżjed dettaljata tar-riżultati tal-pjan ta' azzjoni u tal-ostakoli reali fir-rigward tal-implimentazzjoni korretta u sħiħa tal-objettivi tiegħu;

18. Huwa tal-fehma li, fl-evalwazzjoni ta' miżuri biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom iqisu kif xieraq ir-rwol tal-ħaxix tal-lawns fil-qbid tas-CO2;

19. Jemmen li s-7 programm ta’ azzjoni għandu wkoll jiffoka fuq l-emmissjonijiet marittimi u l-emissjonijiet li mhumiex CO2;

20. Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali għall-objettivi u għall-azzjonijiet li jikkonċernaw l-ambjent uman fiż-żoni urbani, b'fokus speċifiku fuq l-istorbju u l-kwalità tal-arja;

21. Bil-għan li jiġu implimentati strateġiji li jnaqqsu t-tniġġis fil-bliet, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-possibilità li jinħoloq qafas ta’ appoġġ Ewropew għall-implimentazzjoni progressiva ta’ pjanijiet ta’ mobilità urbana fil-bliet Ewropej, li jistabbilixxi proċeduri u mekkaniżmi ta’ appoġġ finanzjarju fuq livell Ewropew għall-preparazzjoni ta’ rapporti ta’ awditu għall-mobilità urbana kif ukoll pjanijiet għall-mobilità urbana, u li jistabbilixxu Tabella ta’ Mobilità Urbana Ewropea;

22. Iqis li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex joħolqu strateġiji integrati ħalli f’kull żona ġeografika jsiru magħrufa l-valuri naturali u l-karatteristiċi tal-wirt naturali tagħha, kif ukoll x'jeħtieġ li jsir biex dawn jiġu ppreservati, waqt li titqies l-ekosistema speċifika meħtieġa għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u tal-ispeċijiet individwali, inklużi l-agrikultura, l-ilma u kundizzjonijiet minimi oħra meħtieġa;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji għall-valutazzjoni tal-impatt tal-impjanti għad-desalinizzazzjoni tal-ilma li jinkludu l-ispejjez tal-enerġija tagħhom u l-effett distruttiv tagħhom fuq qiegħ il-baħar u l-bijodiversità;

24. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tinkludi kriterji ta' kwalità u rekwiżiti ta' traċċabilità li jorbtu fil-ftehimiet dwar ikel u agrikoltura ma' pajjiżi terzi;

25. Jebfasizza li s-7 EAP għandu jkun iżjed ambizzjuż, biex b’hekk iwitti t-triq għal leġiżlazzjoni vinkolanti ħalli jiġu stabbiliti objettivi ċari b'kalendarji u indikaturi preċiżi biex jitkejjel il-progress, inkluża data speċifika għar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm;

26. Jikkonkludi li l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali f’oqsma ta’ politika rilevanti oħrajn, bħal per eżempju l-enerġija, l-agrikoltura, is-sajd, it-trasport, ir-riċerka, il-politika ta' koeżjoni u l-iżvilupp reġjonali, għandha tkun il-priorità prinċipali tas-7 programm ta’ azzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.2.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Amelia Andersdotter, Josefa Andrés Barea, Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Dimitrios Droutsas, Christian Ehler, Vicky Ford, Norbert Glante, Robert Goebbels, András Gyürk, Jacky Hénin, Kent Johansson, Romana Jordan, Krišjānis Kariņš, Béla Kovács, Philippe Lamberts, Marisa Matias, Judith A. Merkies, Rolandas Paksas, Vittorio Prodi, Herbert Reul, Michèle Rivasi, Jens Rohde, Paul Rübig, Amalia Sartori, Salvador Sedó i Alabart, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Marita Ulvskog, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Antonio Cancian, António Fernando Correia De Campos, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Jolanta Emilia Hibner, Yannick Jadot, Seán Kelly, Bernd Lange, Werner Langen, Marian-Jean Marinescu, Zofija Mazej Kukovič, Morten Messerschmidt, Vladko Todorov Panayotov, Mario Pirillo, Silvia-Adriana Ţicău

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Michael Theurer

 

 

28.2.2012

OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezz tal-Ikel

dwar ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet tas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali

2011/2194(INI)

Rapporteur: Vasilica Viorica Dăncilă

 

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi li l-bidla fil-klima, it-telf ta’ bijodiversità u l-konsum eċċessiv ta’ riżorsi naturali huma sfidi li jaffetwaw lil kull ċittadin tal-UE f'żoni urbani u rurali u li hija meħtieġa azzjoni f'kull livell ta' gvern biex jitnaqqsu dawn l-effetti; iqis neċessarju li jiġu żgurati sinerġiji bejn il-politika ta’ koeżjoni, u l-politiki ambjentali, tas-saħħa u tal-ġestjoni tat-territorju u li titjieb il-kooperazzjoni bejn il-gvernijiet lokali, ir-reġjuni u f’livell transkonfinali għal żvilupp ibbilanċjat bejn iż-żoni urbani u ż-żoni periferiċi, iż-żoni forestali u rurali; jenfasizza l-potenzjal tal-immaniġġjar sostenibbli tal-art, u jqis li miżuri li jirregolaw kull bidla fl-iskop maħsub ta’ art, partikolarment art intiża għall-monokulturi u l-produzzjoni ta’ ekofjuwils, jeħtieġ tiġi analizzata sew;

2.  Iqis li huwa partikolarment importanti li titjieb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, lokali, reġjonali u gruppi lokali fil-komunità u li jiġu inkoraġġiti s-sħubijiet pubbliċi-privati għal implimentazzjoni aħjar tal-liġi tal-UE dwar l-immaniġġjar tal-iskart; jirrakkomanda l-adozzjoni tal-metodoloġija tal-iżvilupp lokali bbażata fuq sħubijiet lokali, b’mod partikolari għal proġetti relatati ma’ kwistjonijiet urbani, rurali u transkonfinali; iħeġġeġ l-użu ta’ finanzjament Ewropew biex jinħolqu sistemi integrati tal-immaniġġjar tal-iskart; jenfasizza l-bżonn li tkun żgurata kollaborazzjoni mill-qrib mal-universitajiet, ir-riċerkaturi, il-kumpaniji u atturi interessati oħra għat-tfassil rapidu ta’ teknoloġiji innovattivi li żżid ir-riċiklaġġ tal-iskart u l-effiċjenza tar-riżorsi kif ukoll ittejjeb l-ippjanar sabiex jitnaqqsu l-effetti tal-estrazzjoni ta’ minerali u aggregati, kif ukoll biex jinħolqu sistemi alternattivi tar-rimi tal-iskart li jirrispettaw l-ambjent u jikkonformaw bis-sħiħ mad-Direttiva ta’ Qafas għall-Iskart.

3.  Jirrakkomanda li jinstab bilanċ ekwu bejn il-ħtieġa għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u s-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tilħaq l-għanijiet tal-UE 2020 u tevita l-impatt finanzjarju li jirriżulta mill-bidla fil-klima u t-telf ta’ bijodiversità; jenfasizza f’dan il-kuntest l-importanza tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2013; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-ispejjeż jitqiesu bħala investimenti għall-futur u għal impjiegi ġodda u sabiex jiġu mnedija kampanji ta’ informazzjoni, ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ skambju ta’ prattiki tajba fil-livelli kollha; jenfasizza l-bżonn għal użu aħjar tal-assistenza teknika fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex fejn meħtieġ tiżdied il-kapaċità amministrattiva; iqis neċessarju li l-għanijiet ta’ riċerka u innovazzjoni ikunu jikkorrispondu b'mod effiċjenti mal-ħtiġjiet ta’ żvilupp kemm lokali kif ukoll reġjonali;

4.  Iqis meħtieġ li titjieb il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet lokali u r-reġjuni kif ukoll fil-livell transkonfinali (partikolarment b’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi) billi jinħolqu gruppi ta' azzjoni konġunti, sabiex ikunu evitati aċċidenti tat-tniġġiż kbar u diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem oħra u b’hekk jiġu evitati effetti negattivi fit-tul; jitlob lill-Kummissjoni li tipprevedi leġiżlazzjoni għal industrija kimika ambjentalment sostenibbli;

5.  Jenfasizza li l-integrazzjoni ta’ politiki ambjentali għandhom ikunu garantiti b’mod viżibbli u konsistenti fil-politiki settorjali kollha, li hija responsabilità importanti li taqa’ fuq l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali; jenfasizza l-importanza li jkun żgurat l-involviment ta’ awtoritajiet territorjali u rappreżentattivi nazzjonali fil-proċessi ta’ ħolqien u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki, sabiex jinkisbu l-objettivi tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-korrelazzjoni bejn fatturi speċifiċi fil-livell lokali u reġjonali u l-istrateġiji meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki;

6.  Jenfasizza l-bżonn ta' appoġġ finanzjarju tal-UE f’livell lokali u reġjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi u r-riskji ambjentali kumplessi; Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi inkoraġġit l-iżvilupp ta’ proġetti/programmi reġjonali, lokali u transkonfinali li għandhom rabta mill-qrib mal-preservazzjoni tal-bijodiversità fl-oqsma ikkonċernati, u jenfasizza l-importanza li jiġu involuti organizzazzjonijiet mhux governattivi, id-dinja akkademika u s-settur privat fil-proċess tal-preservazzjoni u tar-restawr tal-bijodiversità;

7.  Iqis li, sabiex jinkisbu riżultati sinifikanti, għandha tiġi appoġġata aħjar l-implimentazzjoni tal-programm fuq livell reġjonali u lokali u l-proċess għandu jinkludi b’mod aktar wiesa’ l-partijiet kollha interessati; Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta’ reġjuni u territorji b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi, bħalma hu l-każ tal-gżejjer, ir-reġjuni fil-muntanji jew ir-reġjuni b’popolazzjoni baxxa; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ l-użu ta' Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali u ta’ Valutazzjonijiet Strateġiċi tal-Impatt Ambjentali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet lokali u reġjonali;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.2.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Luís Paulo Alves, Catherine Bearder, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, John Bufton, Salvatore Caronna, Nikos Chrysogelos, Ryszard Czarnecki, Francesco De Angelis, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Ana Miranda, Wojciech Michał Olejniczak, Younous Omarjee, Monika Smolková, Ewald Stadler, Csanád Szegedi, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Hermann Winkler, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Vasilica Viorica Dăncilă, Ivars Godmanis, James Nicholson, Elisabeth Schroedter, László Surján, Michael Theurer, Patrice Tirolien, Giommaria Uggias

 

 

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

29.2.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

8

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

János Áder, Elena Oana Antonescu, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sandrine Bélier, Sergio Berlato, Lajos Bokros, Martin Callanan, Nessa Childers, Yves Cochet, Chris Davies, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Nick Griffin, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Christa Klaß, Jo Leinen, Peter Liese, Kartika Tamara Liotard, Zofija Mazej Kukovič, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Vladko Todorov Panayotov, Gilles Pargneaux, Andres Perello Rodriguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Frédérique Ries, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Kārlis Šadurskis, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Gaston Franco, Riikka Manner, Judith A. Merkies, Vittorio Prodi, Kathleen Van Brempt, Andrea Zanoni

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Hynek Fajmon