Dokument ta' sessjoni

 

A7-0060/2012

9.3.2012

***

RAKKOMANDAZZJONI

dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Unjoni Ewropea tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta' Proċedura emendati tal-Grupp Internazzjonali ta' Studju fuq il-Gomma

 

(13123/2011 – C7‑0332/2011 – 2011/0116(NLE) )

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Vital Moreira

 

PR_NLE-AP_art90

 

 

Tifsira tas-simboli użati

       *     Proċedura ta’ konsultazzjoni

   ***     Proċedura ta’ approvazzjoni

  ***I     Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari)

 ***II     Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari)

  ***III     Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)

 

(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)

 

 

 

 

WERREJ

Paġna

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW................5

NOTA SPJEGATTIVA...............................................................................................................6

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT........................................................9

 

 

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Unjoni Ewropea tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta' Proċedura emendati tal-Grupp Internazzjonali ta' Studju fuq il-Gomma

 

(13123/2011 – C7‑0332/2011 – 2011/0116(NLE) )

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (13123/2011),

–   wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni u r-Regoli ta' Proċedura emendati tal-Grupp Internazzjonali ta' Studju fuq il-Gomma (13350/2011),

–   wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207(3) and (4) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) (v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0332/2011),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali ( A7-0060/2012 ),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu lill-Kostituzzjoni u r-Regoli ta' Proċedura emendati tal-Grupp Internazzjonali ta' Studju fuq il-Gomma;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq l-espansjoni tal-bażi ta’ sħubija tal-Grupp Internazzjonali ta' Studju fuq il-Gomma, b’mod partikolari billi tidħol fi djalogu ma’ pajjiżi ewlenin li jipproduċu u jikkunsmaw il-gomma, biex tissorvelja mill-qrib l-attivitajiet tal-Grupp, u biex tirraporta lura lill-Parlament fuq kull żviluppi rilevanti fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta' Proċedura emendati tal-Grupp;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Grupp Internazzjonali ta' Studju fuq il-Gomma.

 

 

 

 

 

 

NOTA SPJEGATTIVA

Daħla

 

F’Ottubru 2011, il-Parlament Ewropew ġie mitlub jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Kunsill f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta' Proċedura emendati tal-Grupp Internazzjonali ta' Studju fuq il-Gomma (IRSG). Bħala Rapporteur għal dan il-fajl, laqqajt għadd ta’ partijiet interessati rilevanti għal skambju ta' opinjonijiet li seħħ matul il-laqgħa tal-Kumitat INTA fl-20 ta’ Diċembru 2011.

 

Bħala segwitu għal dan id-dibattitu infurmat, qed ngħaddi l-analiżi u l-konklużjonijiet tiegħi dwar dan il-fajl.

 

L-IRSG[1]

 

L-IRSG huwa organizzazzjoni intergovernattiva stabbilita fl-1944 fir-Renju Unit u trasferita f’Singapor fl-2008. Huwa joffri pjattaforma għal diskussjoni bejn il-pajjiżi li jipproduċu u jikkunsmaw il-gomma fl-aspetti kollha tal-katina ta’ provvista tal-gomma.

 

Is-sħubija tal-IRSG miftuħa għall-gvernijiet. Fil-preżent 9 pajjiżi, flimkien mal-Unjoni Ewropea, huma membri kontribwenti: ir-Repubblika tal-Kamerun, il-Cote d'Ivoire, l-Indja, il-Ġappun, il-Malasja, in-Niġerja, il-Federazzjoni Russa, Singapor u s-Sri Lanka. Madwar 120 rappreżentant tal-industrija huma membri permezz ta’ Bord ta’ Assoċjati.

 

L-IRSG għandu l-għan li jiġbor u jqassam tagħrif statistiku komprensiv dwar l-industrija dinjija tal-gomma. Din l-attività rikonoxxuta sew bħala fundamentali għat-titjib tat-trasparenza fis-swieq tal-gomma u fl-andament tas-suq, kundizzjoni biex tinftiehem aħjar u eventwalment tiġi kkontrollata l-volatilità tal-prezzijiet ta’ din il-materja prima.

 

Bidliet reċenti fil-bażi ta’ sħubija

 

Il-kompożizzjoni tal-IRSG għaddiet minn għadd ta’ bidliet. Qabel xejn, l-Unjoni Ewropea, it-tieni l-akbar konsumatur dinji ta’ gomma naturali, saret membru tal-IRSG fl-2002. Konsegwentement, Stati Membri individwali tal-UE li kienu membri tal-IRSG irtiraw mill-Grupp.

 

L-Istati Uniti, it-tielet l-akbar konsumatur, u t-Tajlandja, il-produttur prinċipali tal-gomma, ħarġu mill-IRSG f’nofs l-2011, u l-Malasja indikat li biħsiebha tagħmel l-istess f’nofs l-2012.

 

Il-Kostituzzjoni u r-Regoli ta' Proċedura emendati, approvati mill-Grupp fl-14 ta’ Lulju 2011, jieħdu nota ta' dawn il-bidliet u jikkjarifikaw l-istatus ġuridiku partikolari tal-Unjoni Ewropea fil-Grupp; jikkonfermaw is-sede l-ġdida tiegħu; u jallinjaw mill-ġdid l-istruttura tal-organizzazzjoni, il-kontribuzzjonijiet tal-baġit[2] u l-proċeduri marbuta mat-teħid ta' deċiżjonijiet.

 

Ta' min jinnota li t-Tajlandja, il-Malasja u l-Indoneżja (ukoll mhux membri tal-IRSG) jammontaw għal kważi żewġ terzi tal-produzzjoni tal-gomma dinjija totali. Iċ-Ċina, il-konsumatur numru wieħed (madwar terz) tal-gomma dinjija wkoll ma tipparteċipax fl-IRSG.

 

Waqt li l-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-IRSG hija żvilupp estremament pożittiv, il-fatt li wħud mill-akbar pajjiżi fid-dinja li jipproduċu u jikkunsmaw il-gomma mhumiex membri tal-IRSG ddgħajjef l-awtorità ta' din l-organizzazzjoni u titfa' dubji fuq l-għan, il-kredibilità u r-rappreżentattività tagħha.

 

Żviluppi tas-suq reċenti

 

Fl-aħħar ftit snin, żidiet kbar fil-prezzijiet u volatilità għolja kellhom impatt fuq għadd ta’ materji primi, inkluża l-gomma naturali. L-analiżi wriet li, fl-oriġini ta’ dawn l-iżviluppi hemm: żieda fid-domanda, b’mod partikolari miċ-Ċina; limiti fil-provvista fuq perjodu qasir ta’ żmien; ftit siġar tal-gomma mħawla; xita qawwija fl-akbar pajjiżi produtturi tal-gomma. Dawn il-fatturi flimkien poġġew taħt pressjoni l-provvista dinjija tal-gomma.

Speċifiċità oħra tas-suq tal-gomma naturali hija l-kultura kummerċjali. Waqt li aktar minn 90 % tax-xiri magħmul minn kuntratti fiżiċi fit-tul, is-suq finanzjarju - speċjalment is-suq tad-derivattivi - iservi bħala prezz ta' referenza. Filwaqt li mhemm ebda evidenza li il-finanzjament influwenza b’mod mhux xieraq l-iżvilupp tal-prezzijiet, is-settur tal-gomma naturali għandu interess ċar li tiżdied it-trasparenza tas-suq. Ta' min jinnota l-ħidma regolatorja reċenti mwettqa mill-UE u l-konklużjonijiet tal-G20[3] li jistabbilixxu mudelli meħtieġa għat-trasparenza tas-suq u għall-ġlieda kontra l-abbuż tas-suq.

 

Għall-Unjoni Ewropea, li hi dipendenti fuq l-importazzjonijiet u, fl-istess ħin, it-tieni l-akbar konsumatur fid-dinja tal-gomma naturali, huwa fundamentali li jiġi żgurat aċċess ġust, prevedibbli u aċċessibbli għal din il-materja prima.

 

Konklużjonijiet

 

Filwaqt li jinnota li s-sħubija tal-IRSG ddgħajfet mill-iżviluppi reċenti, ir-rapporteur jinnota wkoll li l-IRSG hu l-unika pjattaforma inklussiva li tgħaqqad flimkien il-pajjiżi li jipproduċu u li jikkunsmaw il-gomma. Barra minn hekk, l-IRSG għadu, minkejja n-nuqqasijiet tiegħu, l-aktar korp adatt biex jaħdem fuq iż-żieda tat-trasparenza li hija nieqsa fis-suq fiżiku u meħtieġa b'urġenza biex ikun żgurat aċċess ġust, prevedibbli u aċċessibbli għall-gomma madwar id-dinja.

 

Barra minn hekk, ir-rapporteur jemmen li r-rieżami tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta' Proċedura tal-IRSG jista' wkoll jipprovdi impetu għal tnedija mill-ġdid tal-Grupp bħala forum essenzjali għall-partijiet kollha interessati.

 

Bħala tali, ir-rapporteur jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu lill-Abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni mill-Unjoni Ewropea tal-Kostituzzjoni u r-Regoli ta' Proċedura emendati tal-Grupp Internazzjonali ta' Studju fuq il-Gomma.

 

Madankollu, ir-rapporteur jinsisti li l-Kummissjoni tagħmel kull sforz possibbli biex iżżid is-sħubija tal-membri f’dan il-Grupp, b'mod partikolari billi tinvolvi ruħha mal-pajjiżi li jipproduċu u li jikkunsmaw il-gomma. Bażi ta' sħubija b'saħħitha tibqa' prerekwiżit għall-vijabbiltà u l-effikaċja fit-tul tal-IRSG bħala korp awtorevoli.

 

Barra minn hekk, ir-rapporteur jinnota li l-Grupp għandu potenzjal li jservi bħala mudell għal materji primi strateġiċi oħra, sakemm il-mandat tiegħu jkun jista' jitwessa' biex jindirizza aħjar b'mod partikolari l-isfida tal-provvista ta' data tas-suq f’waqtha u affidabbli u tat-trasparenza. Elementi pożittivi oħra tal-IRSG "reivvintat" ikunu, permezz tal-mandat estiż u l-programm ta' ħidma tiegħu, attenzjoni ġdida fuq is-sostenibbiltà tal-industrija u l-iżvilupp ta' standards ta' kwalità kif ukoll tipi ta’ gomma alternattivi.

 

 

.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.3.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Kader Arif, Maria Badia i Cutchet, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Christofer Fjellner, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Paweł Zalewski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Josefa Andrés Barea, Silvana Koch-Mehrin, Elisabeth Köstinger, Marietje Schaake, Pablo Zalba Bidegain

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jürgen Klute

 

 

[1] http://www.rubberstudy.com/default.aspx
[2] Il-baġit annwali tal-IRSG huwa madwar 1.6 miljun sollaru Singaporjan. Għas-sena baġitarja 2012/2013 il-kontribuzzjonijiet tal-gvernijiet huma ta’ SGP 740 000, filwaqt li d-drittijiet ta’ sħubija tal-industrija u l-bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet tal-IRSG jammontaw għal SGD 525 000. L-ammont ta’ kontribuzzjonijiet tal-UE huma ta’ SGD 153 000 (madwar EUR 90 000 bir-rata tal-kambju fil-mument tal-kitba) li huwa anqas mill-kontribuzzjonijiet kombinati previsti mill-Kummissjoni u Stati Membri individwali.
[3] G20 Samit ta’ Cannes - Dikjarazjoni finali: http://www.g20-g8.com/g8-g20/g20/english/for-the-press/news-releases/cannes-summit-final-declaration.1557.html