Dokument ta' sessjoni

 

A7-0068/2012

23.3.2012

***I

RAPPORT

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (‘ir-Regolament tal-IMI’)

( COM(2011)0522 – C7‑0225/2011 – 2011/0226(COD) )

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Rapporteur: Adam Bielan

 

PR_COD_1amCom

 

 

Tifsira tas-simboli użati

  *  Proċedura ta’ konsultazzjoni

  ***  Proċedura ta’ approvazzjoni

  ***I  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari)

  ***II  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari)

  ***III  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)

 

(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)

 

 

 

 

 

Emendi għal abbozz ta’ att

Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.

 

L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].

 

 

 

 

 

 

WERREJ

Paġna

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW  5

NOTA SPJEGATTIVA  22

PROĊEDURA  26

 

 

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (‘ir-Regolament tal-IMI’)

( COM(2011)0522 – C7‑0225/2011 – 2011/0226(COD) )

(Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2011)0522 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0225/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-7 ta' Diċembru 2011[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7 0068/2012),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

 

Emenda  1

Proposta għal regolament

Premessa 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1) L-applikazzjoni ta’ ċerti atti tal-Unjoni li jirregolaw il-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital fis-suq intern teħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni ma’ xulxin u mal-Kummissjoni. Minħabba li ħafna drabi l-mezzi prattiċi għall-implimentazzjoni tal-iskambju ta’ tali informazzjoni mhumiex speċifikati f’dawk l-atti, għandhom isiru arranġamenti prattiċi xierqa.

(1) L-applikazzjoni ta’ ċerti atti tal-Unjoni li jirregolaw il-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital fis-suq intern teħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw b'mod aktar effettiv u jiskambjaw informazzjoni ma’ xulxin u mal-Kummissjoni. Minħabba li ħafna drabi l-mezzi prattiċi għall-implimentazzjoni tal-iskambju ta’ tali informazzjoni mhumiex speċifikati f’dawk l-atti, għandhom isiru arranġamenti prattiċi xierqa.

 

Emenda    2

Proposta għal regolament

Premessa 8

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8) Sabiex tkun żgurata t-trasparenza, b’mod partikolari għas-suġġetti tad-dejta, l-atti tal-Unjoni li għalihom għandha tintuża l-IMI, għandhom jiġu elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament. L-oqsma ta’ espansjoni futuri possibbli għandhom jiġu stabbiliti fl-Anness II. Huwa xieraq li fl-Anness II, jiġi identifikat sett ta’ atti tal-Unjoni fejn hemm il-ħtieġa li tiġi evalwata l-fattibilità teknika; il-kosteffiċjenza, il-faċilità għall-utent u l-impatt ġenerali fuq is-sistema, qabel ma jiġi deċiż li l-IMI tintuża għal tali atti.

(8) Sabiex tkun żgurata t-trasparenza, b’mod partikolari għas-suġġetti tad-dejta, l-atti legali tal-Unjoni li għalihom għandha tintuża l-IMI, għandhom jiġu elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

 

(Din l-emenda tapplika għat-test leġiżlattiv kollu li qed jiġi eżaminat. l-adozzjoni tagħha timponi adattamenti tekniċi fit-test kollu.)

 

Emenda    3

Proposta għal regolament

Premessa 11a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(11a) L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-atturi IMI jkollhom riżorsi adegwati sabiex jilħqu kooperazzjoni amministrattiva effiċjenti u li tiffunzjona sew permezz tal-IMI

 

Emenda    4

Proposta għal regolament

Premessa 12

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(12) Filwaqt li l-IMI hija essenzjalment strument ta’ komunikazzjoni għall-awtoritajiet pubbliċi, mhux miftuħa għall-pubbliku ġenerali, jista’ jkun hemm il-bżonn li jiġu żviluppati mezzi tekniċi li jippermettu lil atturi esterni bħaċ-ċittadini, intrapriżi u organizzazzjonijiet sabiex jinteraġixxu mal-awtoritajiet kompetenti sabiex jipprovdu informazzjoni u jiksbu tagħrif, jew biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-dejta. Mezzi tekniċi bħal dawn għandhom jinkludu salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-dejta.

(12) Filwaqt li l-IMI hija essenzjalment strument ta’ komunikazzjoni għall-awtoritajiet pubbliċi, mhux miftuħa għall-pubbliku ġenerali, jista’ jkun hemm il-bżonn li jiġu żviluppati mezzi tekniċi li jippermettu lil atturi esterni bħaċ-ċittadini, intrapriżi u organizzazzjonijiet sabiex jinteraġixxu mal-awtoritajiet kompetenti sabiex jipprovdu informazzjoni u jiksbu tagħrif, jew biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-dejta. Mezzi tekniċi bħal dawn għandhom jinkludu salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-dejta. Sabiex tiżgura livell għoli ta' sigurtà, kwalunkwe interfaċċja pubblika għandha tkun żviluppata bħala sistema teknika separata mill-applikazzjoni IMI li għaliha l-utenti IMI biss għandu jkollhom aċċess.

 

Emenda    5

Proposta għal regolament

Premessa 16

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(16) Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jissorvelja u jiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, inkluż id-dispożizzjonijiet relevanti dwar is-sigurtà tad-dejta.

(16) Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jissorvelja u jiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jżomm kuntatti mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta, inkluż id-dispożizzjonijiet relevanti dwar is-sigurtà tad-dejta.

 

Emenda    6

Proposta għal regolament

Premessa 16a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(16a) Il-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament kif ukoll ir-rappurtar dwarha, jitlob li l-Istati Membri jgħaddu lill-Kummissjoni informazzjoni relevanti b'mod regolari.

 

Emenda    7

Proposta għal regolament

Premessa 18a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(18a) Sabiex tikber il-fiduċja fl-operabilità tal-IMI, il-Kummissjoni għandha twettaq kontrolli tekniċi u testijiet tal-istress kif xieraq, bħala mezz li bih iżżid l-użu tal-IMI fl-Unjoni kollha.

 

Emenda    8

Proposta għal regolament

Premessa 19a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(19a) Għandha tkun possibbli l-inklużjoni fl-IMI ta' kontropartijiet tal-atturi IMI minn pajjiżi terzi, dment li jkun konkluż ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi kkonċernati u dment li jkun stabbilit li l-pajjiżi terzi kkonċernati joffru livell ta' protezzjoni tad-dejta personali suffiċjenti, inkluż li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46/KE.

 

Emenda    9

Proposta għal regolament

Premessa 21

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(21) Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat fir-rigward tal-atti tal-Unjoni, fost dawk elenkati fl-Anness II, li fihom jistgħu jiġu implimentati dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni permezz tal-IMI.

imħassar

 

Emenda    10

Proposta għal regolament

Artikolu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-użu ta’ Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, minn hawn ’il quddiem ‘IMI’, għal kooperazzjoni amministrattiva, inkluż l-ipproċessar ta’ dejta personali, fost l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u l-Kummissjoni .

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-użu ta’ Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, minn hawn ’il quddiem ‘IMI’, għal kooperazzjoni amministrattiva, inkluż l-ipproċessar ta’ dejta personali, fost l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u l-Kummissjoni . Għandu jkun żgurat li d-dejta personali u l-informazzjoni kollha ċċirkolata fost l-awtoritajiet kompetenti differenti, tkun miġbura, proċessata u użata għal skopijiet strettament leġittimi li jkunu konformi mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta. Barra minn hekk, is-salvagwardji kollha relevanti kontra l-abbuż tas-sistema għandhom ikunu kompletament fis-seħħ.

 

Emenda    11

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – titolu

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-Iżvilupp tal-IMI

L-espansjoni tal-IMI

 

Emenda    12

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Għall-atti elenkati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-IMI għandha tintuża, filwaqt li tikkunsidra l-fattibbiltà teknika, il-kosteffiċjenza, kemm hi faċli biex tintuża mill-utent u l-impatt ġenerali fuq is-sistema. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tinkludi dawk l-atti fl-Anness I skont il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 23.

1. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi emenda għall-Anness ta' dan ir-Regolament jekk hi tiddeċiedi li l-IMI trid tintuża għal atti leġiżlattivi ġodda tal-Unjoni.

 

Emenda    13

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. L-adozzjoni tal-att iddelegat tista’ tiġi preċeduta minn fażi ta’ prova (proġett pilota) ta’ tul ta’ żmien limitat li tinvolvi diversi Stati Membri jew l-Istati Membri kollha.

2. Qabel tressaq proposta li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' twettaq proġetti pilota ta’ tul ta’ żmien limitat jew valutazzjoni tal-impatt, inkluż protezzjoni tad-dejta, sabiex tivvaluta jekk l-IMI tkunx għodda effettiva fl-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fir-rigward tal-atti tas-suq intern li għadhom mhumiex elenkati fl-Anness. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi liema atti tas-suq intern għandhom ikunu suġġetti għall-proġett pilota, u liema modalitajiet għandhom jintużaw għal dak il-proġett.

 

2a. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-riżultati tal-proġett pilota jew tal-valutazzjoni tal-impatt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u fejn xieraq takkumpanjahom bi proposta leġiżlattiva li temenda l-Anness għall-espansjoni tal-IMI.

 

Emenda    14

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 2 – punt a

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(a) ‘Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern’ (‘IMI’) tfisser l-istrument elettroniku pprovdut mill-Kummissjoni Ewropea biex jiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-Kummissjoni;

(a) ‘Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern’ (‘IMI’) tfisser l-istrument elettroniku pprovdut mill-Kummissjoni Ewropea biex jiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva fost l-awtoritajiet kompetenti jew bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni;

 

Emenda    15

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 2 – punt i

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(i) ‘atturi esterni’ tfisser persuni fiżiċi jew legali minbarra l-utenti tal-IMI li jistgħu jużaw l-IMI permezz ta’ mezzi tekniċi u skont fluss tax-xogħol speċifiku predefinit previst għal dan il-għan;

(i) ‘atturi esterni’ tfisser persuni fiżiċi jew legali minbarra l-utenti tal-IMI li jistgħu jinteraġixxu mal-IMI biss permezz ta’ sistema teknika separata u skont fluss tax-xogħol speċifiku predefinit previst strettament għal dan il-għan;

 

 

Emenda    16

Proposta għal regolament

Artikolu 6 – paragrafu -1 (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

-1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti.

 

Emenda    17

Proposta għal regolament

Artikolu 7 – paragrafu 1 – parti introduttorja

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Kull Stat Membru għandu jaħtar koordinatur nazzjonali wieħed tal-IMI li l-kompiti tiegħu għandhom jinkludu:

1. Kull Stat Membru għandu jaħtar koordinatur nazzjonali wieħed tal-IMI li r-responsabilitajiet tiegħu għandhom jinkludu:

 

Emenda    18

Proposta għal regolament

Artikolu 8 – paragrafu -1 (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

-1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament bl-istess mod daqslikieku qed jaġixxu fuq talba ta' awtorità kompetenti oħra fl-Istat Membru tagħhom stess.

 

Emenda    19

Proposta għal regolament

Artikolu 8 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Meta jikkooperaw permezz tal-IMI, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li tingħata tweġiba adegwata fl-inqas żmien possibbli jew fid-data ta’ skadenza stabbilita mill-att applikabbli tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu permezz tal-utenti tal-IMI skont il-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

1. Meta jikkooperaw permezz tal-IMI, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li tingħata tweġiba mingħajr dewmien, suġġetta għad-dispożizzjonijiet u d-data ta’ skadenza stabbilita mill-att applikabbli tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu permezz tal-utenti tal-IMI skont il-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

 

Emenda    20

Proposta għal regolament

Artikolu 9

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura s-sigurtà, id-disponibbiltà, il-manteniment u l-iżvilupp tas-softwer u l-infrastruttura tal-IT għall-IMI. Hija għandha tipprovdi sistema multilingwi, taħriġ fil-kooperazzjoni mal-Istati Membri, u uffiċċju ta’ informazzjoni (helpdesk) biex tassisti lill-Istati Membri fl-użu tal-IMI.

1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-twettiq tal-kompiti li ġejjin:

 

(a) li tiżgura s-sigurtà, id-disponibbiltà, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-softwer u l-infrastruttura tal-IT għall-IMI. Hija għandha tipprovdi sistema multilingwi, taħriġ fil-kooperazzjoni mal-Istati Membri, u uffiċċju ta’ informazzjoni (helpdesk) biex tassisti lill-Istati Membri fl-użu tal-IMI;

2. Il-Kummissjoni tista’ tipparteċipa fil-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva li jinvolvu l-ipproċessar ta’ dejta personali fejn meħtieġ minn att tal-Unjoni elenkat fl-Anness I.

(b) li tipparteċipa fil-proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva li jinvolvu l-ipproċessar ta’ dejta personali fejn meħtieġ minn att legali tal-Unjoni elenkat fl-Anness;

3. Il-Kummissjoni għandha tirreġistra l-koordinaturi nazzjonali tal-IMI u tagħtihom aċċess għall-IMI.

(c) li tirreġistra l-koordinaturi nazzjonali tal-IMI u tagħtihom aċċess għall-IMI;

4. Il-Kummissjoni għandha twettaq operazzjonijiet ta’ pproċessar fuq dejta personali fl-IMI fejn previst f’dan ir-Regolament.

(d) li twettaq operazzjonijiet ta' pproċessar fuq dejta personali fl-IMI fejn previst f'dan ir-Regolament bi qbil mal-għanijiet determinati mill-atti legali applikabbli tal-Unjoni elenkati fl-Anness I;

 

(e) li timmonitorja l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u tirraporta lura lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta bi qbil mal-Artikolu 26.

5. Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tagħha skont dan l-Artikolu u biex tipproduċi rapporti u statistika, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni neċessarja relatata mal-operazzjonijiet tal-ipproċessar imwettqa fl-IMI.

5. Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tagħha skont dan l-Artikolu u biex tipproduċi rapporti u statistika, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni neċessarja relatata mal-operazzjonijiet tal-ipproċessar imwettqa fl-IMI.

 

Emenda    21

Proposta għal regolament

Artikolu 10 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. L-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandhom jinnominaw il-koordinaturi tal-IMI u l-awtoritajiet kompetenti u l-oqsma tas-suq intern li fihom huma għandhom kompetenza.

2. L-Istati Membri għandhom jinnominaw il-koordinaturi tal-IMI u l-awtoritajiet kompetenti u l-oqsma tas-suq intern li fihom huma għandhom kompetenza. Il-Kummissjoni jista' jkollha rwol konsultattiv f'dan il-proċess.

 

Emenda    22

Proposta għal regolament

Artikolu 10 – paragrafu 7

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

7. Atturi esterni jistgħu jużaw l-IMI permezz tal-mezzi tekniċi pprovduti għal dan il-għan, fejn huwa neċessarju biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, jew sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-dejta, jew fejn previst b’mod ieħor permezz ta’ att tal-Unjoni.

7. Atturi esterni jistgħu jinteraġixxu mal-IMI permezz ta' sistema teknika separata pprovduta strettament għal dan il-għan, fejn huwa neċessarju biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, jew sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-dejta, jew fejn previst b’mod ieħor permezz ta’ att tal-Unjoni. L-atturi esterni għandu jkollhom biss aċċess għal interfaċċja pubblika, li hi teknikament separata mill-applikazzjoni IMI u ma tagħtix aċċess għal skambju ta' dejta personali bejn l-awtoritajiet kompetenti.

 

Emenda    23

Proposta għal regolament

Artikolu 11 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. L-atturi tal-IMI għandhom jiżguraw li t-talbiet minn atturi oħrajn tal-IMI għal trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni skambjata permezz tal-IMI jiġu mħarsa mill-utenti kollha tal-IMI li jaħdmu taħt l-awtorità tagħhom.

2. L-atturi tal-IMI għandhom jiżguraw li t-talbiet minn atturi oħrajn tal-IMI għal trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni skambjata permezz tal-IMI jkunu rispettati mill-utenti kollha tal-IMI li jaħdmu taħt l-awtorità tagħhom.

 

Emenda    24

Proposta għal regolament

Artikolu 12

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-IMI għandha tkun ibbażata fuq proċeduri ta’ kooperazzjoni amministrattiva żviluppati u aġġornati għal dak il-għan mill-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

L-IMI għandha tkun ibbażata fuq proċeduri definiti ta’ kooperazzjoni amministrattiva żviluppati u aġġornati għal dak il-għan mill-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

 

 

Emenda    25

Proposta għal regolament

Artikolu 13 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. Id-dejta personali pproċessata fl-IMI għandha tiġi mblukkata mhux aktar tard minn tmintax-il xahar wara l-għeluq formali ta’ proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva, sakemm awtorità kompetenti ma titlobx b’mod espliċitu l-imblukkar qabel dak il-perjodu, fuq il-bażi ta’ każ b’każ.

1. Id-dejta personali pproċessata fl-IMI għandha tiġi mblukkata fis-sistema wara perjodu ta' mhux aktar minn tmintax-il xahar wara l-għeluq formali ta’ proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva, sakemm awtorità kompetenti ma titlobx b’mod espliċitu l-imblukkar qabel dak il-perjodu, fuq il-bażi ta’ każ b’każ, jew fuq il-bażi tal-att legali applikabbli tal-Unjoni.

 

Emenda    26

Proposta għal regolament

Artikolu 13 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2. Fejn proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva fl-IMI tistabbilixxi repożitorju ta’ informazzjoni għal referenza fil-futur mill-atturi tal-IMI, id-dejta personali nkluża f’tali repożitorju tista’ tiġi pproċessata sakemm dan ikun meħtieġ għal dan il-għan jew bil-kunsens tas-suġġett tad-dejta jew fejn dan huwa neċessarju għall-konformità ma’ att tal-Unjoni.

2. Fejn proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva fl-IMI tistabbilixxi repożitorju ta’ informazzjoni għal referenza fil-futur mill-atturi tal-IMI, id-dejta personali nkluża f’tali repożitorju tista’ tiġi pproċessata sakemm dan ikun meħtieġ għal dan il-għan jew bil-kunsens tas-suġġett tad-dejta jew fejn dan huwa neċessarju għall-konformità ma’ att legali tal-Unjoni. Il-ħażna ta' dejta personali inkluża fir-repożitorju għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b'mod partikolari fil-punt (e) tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 95/46/KE u l-punt (e) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 45/2001.

 

Emenda    27

Proposta għal regolament

Artikolu 13 – paragrafu 5a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

5a. Meta każ jibqa' inattiv għal sitt xhur, jew mhux magħluq formalment wara sitt xhur, l-utenti u l-atturi IMI għandhom jirċievu notifika awtomatika li l-każ ikun sar inattiv.

 

Emenda    28

Proposta għal regolament

Artikolu 16 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-ipproċessar ta’ dejta personali skont dan ir-Regolament għandu jkun konformi mar-regoli dwar is-sigurtà tad-dejta adottati mill-Kummissjoni wara l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dejta personali pproċessata fl-IMI tikkonforma mar-regoli dwar is-sigurtà tad-dejta adottati mill-Kummissjoni wara l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

 

Emenda    29

Proposta għal regolament

Artikolu 17 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-atturi tal-IMI għandhom jiżguraw li s-suġġetti tad-dejta jkunu infurmati bl-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom fl-IMI u li huma jkollhom aċċess għal stqarrija tal-privatezza li tispjegalhom id-drittijiet tagħhom u kif jeżerċitawhom, skont l-Artikoli 10 jew 11 tad-Direttiva 1995/46/KE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija konformi ma’ dik id-Direttiva.

1. L-atturi tal-IMI għandhom jiżguraw li s-suġġetti tad-dejta jkunu infurmati bl-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom fl-IMI fi żmien 30 jum minn dan l-ipproċessar u li huma jkollhom aċċess għal stqarrija tal-privatezza li tispjegalhom id-drittijiet tagħhom u kif jeżerċitawhom, inkluża informazzjoni dwar lil min għandhom jikkuntattjaw sakemm tkun disponibbli d-dejta tagħhom fl-IMI u d-dettalji relevanti ta' kuntatt, skont l-Artikoli 10 jew 11 tad-Direttiva 1995/46/KE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija konformi ma’ dik id-Direttiva.

 

Emenda    30

Proposta għal regolament

Artikolu 17 – paragrafu 1a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

1a. Dejta sottomessa mis-suġġetti tad-dejta lill-IMI għandha tkun użata biss għall-għanijiet li għaliha ġiet sottomessa dik id-dejta. Il-kunsens tas-suġġett tad-dejta hu meħtieġ biex ikun hemm estensjoni tal-użu ta' dik id-dejta għal oqsma jew flussi ġodda tax-xogħol

 

Emenda    31

Proposta għal regolament

Artikolu 17 – paragrafu 2 – punt ca (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ca) it-tipi ta' proċeduri ta' kooperazzjoni amministrattiva, il-funzjonalitajiet u l-kategoriji kollha tad-dejta tal-IMI li jistgħu jiġu pproċessati fl-IMI.

 

Emenda    32

Proposta għal regolament

Artikolu 18 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1. L-atturi tal-IMI għandhom jiżguraw li s-suġġett tad-dejta jista’ jeżerċita b’mod effettiv id-dritt ta’ aċċess għal dejta relatata miegħu jew magħha, u d-dritt li jkollu dejta mhux eżatta jew mhux sħiħa kkoreġuta, u dejta pproċessata b’mod illegali mħassra, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-korrezzjoni u t-tħassir għandhom isiru fi żmien 60 jum mill-attur IMI responsabbli.

1. L-atturi tal-IMI għandhom jiżguraw li s-suġġett tad-dejta jista’ jeżerċita b’mod effettiv id-dritt ta’ aċċess għal dejta relatata miegħu jew magħha fl-IMI, u d-dritt li jkollu dejta mhux eżatta jew mhux sħiħa kkoreġuta, u dejta pproċessata b’mod illegali mħassra, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-korrezzjoni u t-tħassir għandhom isiru malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard minn 30 jum wara li t-talba tas-suġġett tad-dejta tasal, mill-attur IMI responsabbli.

 

Emenda    33

Proposta għal regolament

Artikolu 23

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Eżerċizzju tad-delega

imħassar

1. Is-setgħat għall-adozzjoni tal-atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 4 għandhom jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indefinit.

 

2. Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

 

3. Is-setgħat għall-adozzjoni tal-atti ddelegati huma kkonferiti lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 24 u 25.

 

 

Emenda    34

Proposta għal regolament

Artikolu 24

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Ir-Revoka tad-delega

imħassar

1. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 3 tista’ tiġi revokata mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

 

2. L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna biex tittieħed deċiżjoni jekk id-delega tas-setgħa għandhiex tiġi revokata għandha tinforma lil-leġiżlatur l-ieħor u lill-Kummissjoni mill-inqas xahar qabel ma tittieħed id-Deċiżjoni finali, li fiha tiddikjara s-setgħat iddelegati li jistgħu jkunu soġġetti għal revoka u r-raġunijiet għar-revoka.

 

3. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ immedjatament jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti ddelegati diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

 

 

Emenda    35

Proposta għal regolament

Artikolu 25

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Oġġezzjonijiet għall-atti ddelegati

imħassar

1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għall-att iddelegat fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahar.

 

2. Jekk, meta dak il-perjodu jiskadi, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att iddelegat, jew jekk, qabel dik id-data, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn kienu infurmaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom li ma jagħmlux oġġezzjoni, l-att iddelegat għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita fid-dispożizzjonijiet tiegħu.

 

3. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għall-att iddelegat adottat, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjoni kontra l-att iddelegat.

 

 

Emenda    36

Proposta għal regolament

Artikolu 26 – paragrafu 3a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3a. Il-mekkaniżmi ta' kontroll intern tal-Kummissjoni għandhom jinkludu valutazzjoni tad-privatezza tad-dejta, inkluża analiżi tar-riskju tas-sigurtà, u fuq il-bażi tagħha tiġi adottata politika ta' protezzjoni tad-dejta (inkluż pjan ta' sigurtà), kif ukoll reviżjonijiet u verifiki perjodiċi.

 

Emenda    37

Proposta għal regolament

Anness I – punt 3a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

3a. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2001 dwar il-prinċipji għall-użu ta’ ‘SOLVIT’ – Netwerk għas-Soluzzjoni ta’ Problemi fis-Suq Intern: Kapitoli I u II1

 

_____________

 

1 ĠU L 331, 15.12.2001, p. 79.

 

Emenda    38

Proposta għal regolament

Anness II

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

Anness imħassar

 

 

NOTA SPJEGATTIVA

 

 

I. Il-proposta tal-Kummissjoni

 

 

Is-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) ilha tintuża mill-2008 bħala servizz bla ħlas lill-Istati Membri bl-għan li jitjieb l-iskambju ta' informazzjoni fi ħdan is-suq intern. Is-sistema uriet li hi mezz rapidu u sikur għall-iskambju ta' informazzjoni transkonfinali kif ukoll għall-kooperazzjoni amministrativa li attwalment fiha aktar minn 6 000 awtorità reġistrati fl-Istati Membri kollha tal-UE u l-pajjiżi taż-ŻEE.

 

Attwalment applikata għall-iskambju ta’ informazzjoni skont id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (‘id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali’) u d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (‘id-Direttiva dwar is-Servizzi’), is-sistema IMI għadha tiffunzjona fuq il-bażi ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni u ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, u għalhekk hija nieqsa minn strument legali uniku. Dan qed jitqies bħala ostaklu kbir biex tinfirex aktar is-sistema IMI, li żviluppat bħala għodda effetiva għall-istrutturi amministrattivi ta' diversi Stati Membri fil-kooperazzjoni tagħhom ta' kuljum mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra filwaqt li tiżgura mezz ta' skambju ta' informazzjoni xieraq f'lingwi differenti u tiggarantixxi fl-istess ħin mezzi ta' komunikazzjoni ta' livell ogħla minn dawk tradizzjonali fil-protezzjoni tad-dejta.

 

Diversi komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ħejjew it-triq għal espansjoni futura tal-IMI għal oqsma oħra tal-liġi tal-UE[2] u ppromovew it-twaqqif ta' 'netwerk elettroniku dirett u ġenwin għall-amministrazzjonijiet Ewropej'. Bħala riżultat, f'Awwissu 2011, il-Kummissjoni pproponiet ir-regolament li ġej bl-iskop speċifiku li tistabbilixxi qafas legali uniku għas-sistema IMI flimkien ma' ġabra ta' regoli li jassiguraw il-funzjonament xieraq tagħha. Dan għandu jippermetti l-espanzjoni futura tal-IMI għal setturi oħra tal-liġi tal-UE u jistabbilixxi ġabra ta' regoli ċari fir-rigward tal-funzjonament tagħha u l-ipproċessar tal-protezzjoni tad-dejta.

 

 

II. Il-pożizzjoni ġenerali tar-Rapporteur

 

Ir-Rapporteur jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li twaqqaf ġabra ta' regoli komuni li jmexxu l-funzjonament tal-IMI. Fl-isforzi tagħna biex jitwettaq is-Suq Uniku, jeħtieġ li jkun hemm skambju ta' informazzjoni transkonfinali bla xkiel bejn l-awtoritajiet differenti fl-Istati Membri. L-IMI uriet li hi għodda affidabbli u effiċjenti fiż-żewġ oqsma li fihom kienet qed tiffunzjona, id-Direttiva dwar il-Kwalifi Professjonali u d-Direttiva dwar is-Servizzi, u l-proposta attwali se tippermetti li jkun utilizzat aktar il-potenzjal sħiħ tal-IMI b'benefiċċji ċari għaċ-ċittadini u s-suq intern.

 

L-IMI hi għodda flessibbli li tista' tiġi aġġustata għar-rekwiżiti speċifiċi ta' oqsma leġiżlattivi differenti u l-użu tagħha f'forma konsolidata ġdida mhux biss tippermetti l-protezzjoni aħjar tad-dejta, imma wkoll tagħmilha possibbli għall-awtoritajiet kompetenti li jikkomunikaw aktar malajr jew f'għadd akbar ta' oqsma ta' politika. Fl-aħħar imma mhux l-inqas, din se tippermetti kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet fuq livell lokali u li jinvolvu rwieħhom aktar fis-Suq Uniku.

 

Fit-tfassil ta' dan ir-rapport, ir-Rapporteur ikkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data kif ukoll l-impenn politiku spjegat f'diversi okkażjonijiet mill-Presidenza u mill-Kummissjoni Ewropea għal tmexxija aħjar tas-Suq Uniku u għal strateġija li tkompli tespandi s-Sistema IMI. L-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (Rapporteur: Hernández Bataller) kienet meqjusa, kif ukoll kienet ikkunsidrata ugwalment l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29[3].

 

Fl-abbozz ta' rapport ir-Rapporteur inkluda numru relattivament żgħir ta' emendi bil-għan li jtejjeb it-trasparenza u ċ-ċertezza legali fl-operat tas-Sistema IMI.

 

 

(a) Żvilupp tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern u l-estensjoni tagħha f'oqsma oħra tal-liġi tal-UE

 

Għalkemm il-proposta preżenti tikkonsolida r-regoli li attwalment imexxu l-IMI fi ħdan strument uniku legalment vinkolanti u mifrux b'mod orizzontali, ir-Rapporteur jemmen li kwalunkwe deċiżjonijiet futuri dwar estensjoni possibbli tal-IMI f'oqsma ġodda tal-liġi tal-UE għandhom ikunu kkunsidrati kif meħtieġ f'dan l-istadju. Il-Parlament Ewropew spiss enfasizza l-importanza li jkun hemm qafas legali komprensiv biex fih tiffunzjona l-IMI u r-Rapporteur jappoġġja bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni. Madankollu, ir-Rapporteur jixtieq jesprimi r-riservi tiegħu li ssir modifika tal-ambitu permezz ta' atti delegati.

 

Il-lista ta’ oqsma tal-atti tal-Unjoni li bħalissa huma sostnuti mill-IMI hija stabbilita fl-Anness I. Oqsma li jistgħu jiġu miżjuda fil-futur huma mniżżla fl-Anness II. Ir-Rapporteur jemmen li l-modifika tal-ambitu hi element essenzjali tal-proposta u għalhekk jirrakkomanda li kwalunkwe espansjoni tal-ambitu tal-IMI fil-futur għandha tkun suġġetta għal proposta ġdida ta' regolament. Bħala riżultat, ir-Rapporteur jipproponi li titħassar ir-referenza għal atti delegati u, bħala konsegwenza, anke l-Anness II.

 

Barra minn hekk, ir-Rapporteur jixtieq jenfasizza li, kif osservat bir-raġun fl-opinjoni tal-EDPS dwar il-proposta tal-Kummissjoni, ma nistgħux neskludu li, aktar tard fil-proċess leġiżlattiv, 'tista' tinbet l-idea li l-IMI tkun użata f'qasam speċifiku ta' politika , u dan jista' jkun propost mill-Parlament jew mill-Kunsill"[4]. Diġà rajna każi bħal dawn fil-passat, pereżempju fil-każ tal-proposta tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali. F'każi bħal dawn jeħtieġ tiġi ċċarata l-proċedura li trid tittieħed minħabba li l-proposta tal-Kummissjoni tipprevedi l-espansjoni tal-ambitu permezz ta' atti delegati biss.

 

Fl-aħħar imma mhux l-inqas, l-estensjoni tal-IMI f'oqsma ġodda ta' politika fil-futur tista' tirrikjedi bidliet addizzjonali fil-funzjonalitajiet eżistenti tas-sistema; dawk imbagħad ikunu meqjusa kif xieraq waqt l-applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

 

 

(b) Sigurtà u pproċessar tad-dejta - Żamma ta' dejta personali

 

Ir-Rapporteur jixtieq jenfasizza li l-Artikolu 13 tar-proposta għal regolament tintroduċi l-proċedura ta' mblukkar wara l-perjodu ta' tmintax-il xahar mill-għeluq tal-proċedura ta' kooperazzjoni amministrattiva għal dejta personali pproċessata fl-IMI u sostanzjalment testendi ż-żamma tad-dejta minn sitt xhur sa ħames snin, kif previst fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49 dwar l-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali. Ir-Rapporteur jiddispjaċih li l-modifika qed tiddaħħal fil-proposta mingħajr valutazzjoni tal-impatt jew ġustifikazzjoni suffiċjenti għall-ħtieġa ta' dispożizzjoni bħal din. Il-Kummissjoni ma tat l-ebda dejta suffiċjenti biex tiġġustifika l-estensjoni ta' perjodu ta' sitt xhur li diġà jeżisti, u konsegwentement mhi disponibbli l-ebda dejta li tifli jekk l-estensjoni l-ġdida hijiex kompatibbli mal-liġijiet nazzjonali eżistenti dwar il-protezzjoni tad-dejta.

 

Ir-Rapporteur jiddispjaċih ukoll li ma ngħatat l-ebda ġustifikazzjoni dettaljata f'termini ta' ħażna ta' dejta mblukkata dwar min u fuq liema bażi jkun awtorizzat ikollu aċċess għad-dejta matul il-perjodu ta' ħażna ta' ħames snin. Barra minn hekk, kif hemm fl-Artikolu 3 tal-Proposta "l-IMI għandha tintuża għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u l-Kummissjoni li huwa neċessarju għall-implimentazzjoni tal-atti tas-suq intern li jipprovdu għal kooperazzjoni amministrattiva, inkluż l-iskambju ta’ dejta personali", għalhekk, l-IMI qed tiġi determinata bħala għodda tal-IT għall-iskambju ta' informazzjoni. Madankollu, l-introduzzjoni ta' funzjonalitajiet ġodda f'termini ta' żamma ta' dejta u l-estensjoni tagħha għal ħames snin imorru sew lil hinn mill-ambitu inizjali preskritt. Jidher li dispożizzjoni bħal din tista' twassal biex timmodifika l-għamla tal-IMI minn għodda biex tintuża għall-iskambju ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri għal bażi tad-dejta[5].

 

Ir-Rapporteur jikkondividi l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u jixtieq li jenfasizza li d-Direttiva 95/46/KE dwar il-Protezzjoni tad-Data tgħid li d-dejta personali għandha tinżamm "mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun iktar ipproċessata"[6].

 

Meta jitqies it-tħassib imsemmi hawn fuq, ir-Rapporteur jipproponi li jżomm il-perjodu attwali ta' sitt xhur għaż-żamma tad-dejta kif imniżżel fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-IMI[7] u biex isegwi l-istqarrija tal-Kummissjoni fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta li l-proposta attwali tal-IMI "tikkonsolida r-regoli attwali li jirregolaw l-IMI fi ħdan strument wieħed orizzontali li jorbot legalment"[8].

 

 

(c) Id-drittijiet ta’ aċċess tal-atturi u l-utenti tal-IMI - atturi esterni

 

Ir-Rapporteur jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-modalitajiet tal-funzjonament tal-IMI fl-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri imma jibqa' mħasseb dwar il-fatt li l-aċċess għall-IMI, li inizjalment kien maħsub għall-awtoritajiet amministrattivi fl-Istati Membri, ikun miftuħ għal atturi esterni. Ir-Rapporteur jiddispjaċih li ma ġew ipprovduti l-ebda elementi biex jivvalutaw l-impatt ta' modifika bħal din u għalhekk jibqa' mħasseb dwar kif din l-intenzjoni tista' tbiddel l-aspett prattiku tal-funzjonament tal-IMI u speċjalment x'se jkun l-impatt ta' modifika bħal din fuq is-sigurtà u l-protezzjoni tad-dejta, meta wieħed iqis li l-għan inizjali tal-IMI kien li tippermetti skambju tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri, u mhux bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u diversi individwi u organizzazzjonijiet.

 

Konsegwentement, ir-Rapporteur jemmen li qabel l-IMI tkun miftħuha għal atturi esterni, din il-kwestjoni għandha tiġi speċifikata u spjegata aktar.

 

 

III. Konklużjoni

 

L-għan ta' dan ir-rapport hu li jipproponi emendi li r-rapporteur iqis meħtieġa biex tiżdied iċ-ċertezza legali tal-proposta. Filwaqt li r-Rapporteur jirriserva d-dritt li jressaq aktar emendi wara li jkun eżamina aktar il-proposta tal-Kummissjoni u wettaq aktar konsultazzjonijiet, l-intenzjoni tiegħu f'dan l-istadju hi li jiġġenera diskussjoni siewja fil-Kumitat.

PROĊEDURA

Titolu

Il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (‘ir-Regolament tal-IMI’)

Referenzi

COM(2011)0522 – C7-0225/2011 – 2011/0226(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

29.8.2011

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

IMCO

13.9.2011

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

13.9.2011

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

LIBE

29.9.2011

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Adam Bielan

19.9.2011

 

 

 

Eżami fil-kumitat

5.12.2011

6.2.2012

19.3.2012

 

Data tal-adozzjoni

20.3.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Adam Bielan, Cristian Silviu Buşoi, Jorgo Chatzimarkakis, Sergio Gaetano Cofferati, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia de Campos, Cornelis de Jong, Christian Engström, Vicente Miguel Garcés Ramón, Evelyne Gebhardt, Małgorzata Handzlik, Iliana Ivanova, Philippe Juvin, Edvard Kožušník, Toine Manders, Hans-Peter Mayer, Mitro Repo, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Catherine Stihler, Gino Trematerra, Emilie Turunen, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Raffaele Baldassarre, Nessa Childers, Frank Engel, Marielle Gallo, Evgeni Kirilov, Morten Løkkegaard, Konstantinos Poupakis, Ivo Strejček, Sabine Verheyen

Data tat-tressiq

23.3.2012

 

 

[1] ĠU C 43, 15.2.2012, p. 14.
[2] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat għar-Reġjuni 'Lejn Att dwar is-Suq Uniku. Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna. 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin', COM(2010) 608 finali, proposta Nru 45 f'paġna 31.
[3] Opinjoni 01911/07/EN, WP 140.
[4] Opinjoni tal-EDPS, Artikolu 2.2.1, punt 22-24
[5] Dan it-tħassib kien espress ukoll fl-opinjoni tad-EDPS (p.6) u l-ittra lill-Kummissarju Barnier imressqa mill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data.
[6] Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data; Artikolu 6 (e)
[7] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE tat-12 ta’ Diċembru 2007 dwar l- implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) fir-rigward tal-protezzjoni ta’ dejta personali; l-Artikolu 4 .
[8] Proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern COM (2011) 522 finali; p.4, punt 2 tal-memorandum ta' spjegazzjoni.