Dokument ta' sessjoni
30.3.2012
***
RAKKOMANDAZZJONI
dwar l-abbozz ta’ regolament tal-Kunsill dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
(10222/5/2011 – C7‑0076/2012 – 2011/0070(APP) )
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Zbigniew Ziobro
PR_APP
Tifsira tas-simboli użati |
* Proċedura ta’ konsultazzjoni *** Proċedura ta’ approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) ***III Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)
(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW................5
NOTA SPJEGATTIVA...............................................................................................................6
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................10
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta’ regolament tal-Kunsill dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
(10222/5/2011 – C7‑0076/2012 – 2011/0070(APP) )
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill (10222/5/2011),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0076/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali ( A7-0087/2012 ),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' regolament tal-Kunsill;
2. Ifakkar lill-Kunsill li, jekk ir-rekwiżit ta’ unanimità skont l-Artikolu 352 TFUE u l-proċeduri parlamentari domestiċi pendenti fir-Renju Unit iwasslu għal xi tibdil fl-abbozz tat-test, ikun meħtieġ li l-approvazzjoni tal-Parlament tintalab mill-ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
NOTA SPJEGATTIVA
Il-kuntest
Il-Kummissjoni ppreżentat din il-proposta fl-4 ta’ April 2011 bl-għan li ssaħħaħ iċ-ċertezza legali billi twessa’ l-aċċess għal-liġi tal-UE u tagħmilha possibbli li kulħadd ikun jista’ joqgħod fuq l-edizzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU) bħala l-verżjoni uffiċjali, awtentika, aġġornata u kompluta. Il-proposta, għalhekk, tipprovdi li l-pubblikazzjoni elettronika tkun ugwali għal pubblikazzjoni valida tal-ĠU. Madankollu, f’każijiet eċċezzjonali u temporanji ta’ interruzzjoni mhux prevista tal-pubblikazzjoni elettronika biss, l-edizzjoni stanpata jkollha valur legali.
L-isfond għal din il-bidla proposta huwa sentenza li tat il-Qorti tal-Ġustizzja fl-2007 fejn iddikjarat li ma jistgħux jintalbu drittijiet legali u ma jistgħux jiġu infurzati obbligi fuq il-bażi tal-verżjoni elettronika tal-ĠU[1].
Il-proposta tittratta wkoll il-kundizzjonijiet tekniċi li taħthom il-pubblikazzjoni elettronika tkun ugwali għal pubblikazzjoni valida u tistabbilixxi l-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (OPOCE) f’dan il-qasam.
Skont l-Artikolu 5 tal-abbozz ta’ Regolament, hija għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tar-raba’ xahar wara l-adozzjoni tagħha.
Għażla tal-bażi legali
Il-bażi legali proposta mill-Kummissjoni hija l-Artikolu 352 TFUE, l-hekk imsejħa "klawsola tal-flessibbiltà”, li titlob l-użu tal-proċedura ta' approvazzjoni, fejn il-Parlament għandu żewġ għażliet: jista’ jew approva jew jiċħad il-proposta. Fejn, bħal ma hu dan il-każ, l-approvazzjoni hija meħtieġa għal att leġiżlattiv propost, il-kumitat responsabbli jista’, madankollu, jagħżel li jippreżenta rapport intermedjarju dwar il-proposta lill-Parlament, fl-interess li jikseb eżitu pożittiv tal-proċedura, billi jfassal rakkomandazzjoniet għall-modifikazzjoni jew l-implimetazzjoni tal-att propost (Artikolu 81(3)).
Il-predeċessur tal-klawsola tal-flessibbiltà attwali, l-Artikolu 308 TKE, ma kienx jinkludi rekwiżit biex tinkiseb l-approvazzjoni tal-Parlament. Il-proposta, għalhekk, tirrappreżenta l-ewwel darba li l-klawsola tal-flessibbiltà għandha tintuża bl-involviment tal-Parlament.
Il-Kummissjoni ma tipprovdi l-ebda ġustifikazzjoni għall-użu tal-klawsola tal-flessibbiltà fil-proposta, u lanqas ma tiddiskuti l-użu tal-ebda waħda mill-bażijiet leġali l-ġodda introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona.
Hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li "l-għażla tal-bażi ġuridika ta’ att Komunitarju għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att"[2]. Għalhekk, l-għażla ta’ bażi ġuridika żbaljata tista’ tiġġustifika l-annullament tal-att inkwestjoni.
Id-diskussjonijiet dwar dan id-dossier fil-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, għaldaqstant, iffukaw fuq il-kwistjoni tal-għażla tal-bażi legali korretta.
Il-klawsola tal-flessibbiltà fl-Artikolu TFUE hija bażi legali f’każ estrem, li jfisser li tista’ tintuża biss fejn it-Trattati ma jkunux ipprovdew is-setgħat neċessarji biex l-Unjoni tieħu azzjoni, fi ħdan il-qafas tal-politiki definiti fit-Trattati, biex jinkiseb wieħed mill-objettivi stabbilit fit-Trattati.
Il-ĠU ġie stabbilit fuq il-bażi tal-Artikolu 191 TKE b’Deċiżjoni tal-Kunsill fl-1958[3], billi ġiet applikata t-teorija tal-“kompetenza impliċita”, li permezz tagħha l-Unjoni tista’ tadotta atti li huma meħtieġa biex tiffunzjona u fejn ma jkunx hemm bażi legali li tipprovdi għal proċedura leġiżlattiva. L-Artikolu 191 TKE ddikjara sempliċement li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kellha tiġi pubblikata f’ġurnal uffiċjali iżda ma pprovda ebda bażi legali. Id-deċiżjoni tal-Kunsill fl-1958, għalhekk, ġiet adottata bl-applikazzjoni tal-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjoni prevalenti dak iż-żmien, li permezz tagħha l-Kunsill ħa d-deċiżjoni finali. L-Artikolu 191 TKE jikkorrispondi mal-Artikoli 287 u 297 TFUE, li jżomm l-obbligu tal-pubblikazzjoni mingħajr ma tiġi pprovduta bażi legali. Għalhekk, raġunament wieħed possibbli huwa li, fuq il-bażi tal-preċedent tal-1958, il-proposta attwali tal-Kummissjoni għandha tiġi adottata abbażi tat-teorija tal-“kompetenza impliċita”, iżda bl-applikazzjoni ta’ dik li llum hija l-proċedura prevalenti tat-teħid ta’ deċiżjoni, jiġifieri l-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
Peress li l-eżistenza ta’ kompetenza impliċita tidderoga mill-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, dan għandu jiġi vvalutat b’mod strett, u l-Unjoni, għalhekk, hija intitolata toqgħod fuq kompetenza impliċita biss fejn ikun neċessarju li jiġi żgurat l-effett prattiku tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Barra minn hekk, ir-relazzjoni mill-qrib bejn il-kompetenza impliċita u l-kompetenza espressa li hija tissupplementa għandha tiġi dimostrata permezz ta’ evidenza oġġettiva li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrevedi. Id-dispożizzjoni tat-Trattat għall-kompetenza espressa li magħha hija assoċjata l-kompetenza impliċita tiddetermina l-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjoni li l-Unjoni għandha ssegwi fl-eżerċizzju ta’ dik il-kompetenza[4].
L-OPOCE hija entità interistituzzjonali bir-responsabilità prinċipali li tippubblika l-ĠU. L-attivitajiet tagħha huma regolati bid-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom tas-26 ta’ Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea[5]. Din id-Deċiżjoni, madankollu, mhijiex att leġiżlattiv iżda ftehim interistituzzjonali li jistipula d-dettalji prattiċi u l-modalitajiet ta’ pubblikazzjoni fil-ĠU skont l-obbligu għal dan l-effett fl-Artikoli 287 u 297 TFUE.
Ir-rapporteur iqis li, għalkemm hemm kompetenza espressa biex l-Unjoni tippubblika atti skont l-Artikoli 287 u 297, m’hemmx bażi legali espliċita applikabbli f’dan il-każ li tipprovdi għall-applikazzjoni ta’ proċedura speċifika għat-teħid ta’ deċizjonijiet. Il-preċedent imsemmi hawn fuq dwar kompetenza impliċita mill-1958, barra minn hekk, issa huwa skadut minħabba d-diversi reviżjonijiet tat-Trattati u l-bidliet fil-proċeduri għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li saru f’aktar minn 50 sena li għaddew minn dak iż-żmien sa llum. Peress li l-pubblikazzjoni fil-ĠU u l-attivitajiet korrispondenti tal-OPOCE jikkostitwixxu objettivi li għandhom jinkisbu skont it-Trattati, l-użu tal-klawsola tal-flessibbiltà fl-Artikolu 352 TFUE huwa għahekk xieraq.
Skrutinju parlamentari nazzjonali
Il-pubblikazzjoni elettronika tal-ĠU kienet waħda mill-prijopritajiet tal-Presidenza Ungeriża f’Jannar-Lulju 2011 b’referenza għall-importanza tal-aċċess pubbliku għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Minħabba riservi dwar l-iskrutinju parlamentari nazzjonali fil-Kunsill, madankollu, it-talba formali mill-Kunsill għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew ma ntbagħtitx qabel
it-13 ta’ Marzu 2012.
Skont sentenza tal-2009 tal-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża[6] dwar it-Trattat ta’ Lisbona, il-leġiżlatur Ġermaniż (il-Bundestag u l-Bundesrat) irid jippronunzja ruħu dwar l-applikazzjoni tal-klawsola tal-flessibbiltà fejn il-proposta inkwestjoni tista’ potenzjalment tespandi s-setgħat tal-UE lil hinn mit-Trattati, u r-rappreżentanti Ġermaniżi fil-Kunsill ma jistgħux jesprimu approvazzjoni formali f’isem il-Ġermanja lejn proposta tal-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikolu 352 TFUE sakemm dawn il-prekundizzjonijiet meħtieġa kostituzzjonalment ma jiġux sodisfatti.
Id-delegazzjoni Ġermaniża fil-Kunsill, għalhekk, daħħlet riserva dwar l-iskrutinju parlamentari, u l-proċedura, għaldaqstant, ġiet sospiża sakemm titneħħa din ir-riserva, wara li jkunu tlestew proċeduri interni fil-Ġermanja. Riservi simili saru wkoll mid-delegazzjonijiet tar-Repubblika Ċeka u r-Renju Unit fil-Kunsill. Filwaqt li r-riservi tal-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka tneħħew sa tmiem l-2011, ir-Renju Unit, sal-mument ta’ din ir-rakkomandazzjoni, għadu ma neħħiex ir-riserva tiegħu. Ir-Renju Unit, madankollu, iddikjara li jista’ jaċċetta l-kontenut tal-proposta, suġġett għall-eżitu tal-proċeduri parlamentari domestiċi, u sadattant ta l-kunsens tiegħu għat-talba għal approvazzjoni mill-Parlament Ewropew.
Ġustifikazzjoni għall-għoti tal-kunsens
Ir-rapporteur jikkunsidra li t-test tal-Kunsill jipprovdi riforma milqugħa tajjeb tal-mod li bih jiġi ppubblikat il-ĠU, peress li jipprovdi ċertezza legali akbar u aċċess aħjar għaċ-ċittadini għall-atti legali tal-Unjoni Ewropea. Bħalissa, kważi kulħadd jikkonsulta biss il-forma elettronika tal-atti legali tal-UE. Il-fatt li l-verżjonijiet elettroniċi tal-att legali mhumiex legalment vinkolanti huwa inaċċettabbli fih innifsu, u joħloq inċertezza dwar il-kontenut preċiż tal-atti legali tal-UE attwalment disponibbli fil-bażi ta’ data EUR-LEX. Barra minn hekk, il-konsultazzjoni ta’ verżjonijiet tal-karta tal-ĠU teħli ħafna ħin, hija proċess li jiswa l-flus, u ssir minn numru żgħir ħafna ta’ utenti. Ir-riforma, għalhekk, se żżid iċ-ċertezza legali u tnaqqas l-ispejjeż ta’ aċċess għaċ-ċittadini u n-negozji. Kull riforma bħal din għandha tintlaqa’ tajjeb ħafna fl-UE.
Il-bidliet suġġeriti li għandhom isiru huma purament tekniċi fin-natura tagħhom u ma jinkludu ebda għażla politika potenzjali li dwarha l-Parlament Ewropew, fir-rwol tiegħu ta’ koleġiżlatur, jeħtieġ li jippronunzja ruħu. Għaldaqstant, għandha tingħata approvazzjoni għal din il-proposta għal Regolament tal-Kunsill sabiex tidħol fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 27.3.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 21 0 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Luigi Berlinguer, Sebastian Valentin Bodu, Françoise Castex, Christian Engström, Marielle Gallo, Giuseppe Gargani, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sajjad Karim, Klaus-Heiner Lehne, Antonio Masip Hidalgo, Jiří Maštálka, Alajos Mészáros, Bernhard Rapkay, Evelyn Regner, Francesco Enrico Speroni, Alexandra Thein, Cecilia Wikström, Tadeusz Zwiefka | |||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali | Piotr Borys, Eva Lichtenberger, Dagmar Roth-Behrendt | |||