Dokument ta' sessjoni
11.4.2012
RAPPORT
dwar kwittanza b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010
(C7‑0285/2011 – 2011/2224(DEC) )
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Monica Luisa Macovei
PR_DEC_Agencies
WERREJ
Paġna
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW.....................................3
2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW.....................................5
3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...............................7
ANNESS...................................................................................................................................14
OPINJONI Tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu..........................................16
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................18
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar kwittanza b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010
(C7‑0285/2011 – 2011/2224(DEC) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-kontijiet finali annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija[1],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2012 (06083/2012 – C7–0051/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[3] li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[4], u partikolarment għall-Artikolu 94 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu ( A7-0124/2012 ),
1. Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010;
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010
(C7‑0285/2011 – 2011/2224(DEC) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-kontijiet finali annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija[5],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2012 (06083/2012 – C7–0051/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[6], u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[7] li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[8], u partikolarment għall-Artikolu 94 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu ( A7-0124/2012 ),
1. Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deciżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010
(C7‑0285/2011 – 2011/2224(DEC) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-kontijiet finali annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija[9],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2012 (06083/2012 – C7–0051/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[10], u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[11] li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[12], u partikolarment għall-Artikolu 94 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu ( A7-0124/2012 ),
A. billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2010 huma affidabbli, u li t-tranżazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari,
B. billi fl-10 ta’ Mejju 2011 il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħha għas-sena finanzjarja 2009[13], u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni dwar il-kwittanza, fost affarijiet oħra:
- ħeġġeġ lill-Aġenzija timplimenta struttura bbażata fuq l-attività għall-baġit operattiv sabiex tistabbilixxi rabta ċara bejn il-programm ta' ħidma u l-previżjonijiet finanzjarji u ttejjeb il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-prestazzjoni;
- ġibed l-attenzjoni għall-fatt li għal darb'oħra l-Aġenzija riportat għal 2010 livell għoli ta' approprjazzjonijiet għan-nefqa operattiva;
- talab li mal-baġit ta' kull sena jiġi mehmuż rapport dwar il-bilanċ pożittiv trasferit minn snin preċedenti, li jispjega għalfejn l-approprjazzjonijiet imsemmija ma ntużawx, u kif u meta se jintużaw;
- innota nuqqasijiet fil-proċeduri ta' għażla tal-persunal li jipperikolaw it-trasparenza ta' dawn il-proċeduri,
C. billi l-Aġenzija hija ffinanzjata minn drittijiet u ħlasijiet u kontribuzzjoni mill-Unjoni,
D. billi l-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010 kien ta' EUR 137 200 000 meta mqabbel ma' EUR 122 200 000 fl-2009, li jfisser żieda ta' 12,27 %; billi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għall-2010 kienet ta' EUR 34 197 000[14], li tfisser żieda ta' 0,87 % meta mqabbla mal-2009,
Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja
1. Ifakkar li żewġ terzi mill-baġit tal-Aġenzija jiġu minn miżati u imposti mħallsa mill-industrija, terz minn sussidji tal-Unjoni u l-kontribuzzjoni inizjali tal-Unjoni lill-Aġenzija għall-2010 ammontat għal EUR 32 879 000; jinnota madankollu li ma’ din is-somma żdiedu EUR 1 318 000, li ġejjin mill-irkupru tal-bilanċ pożittiv, u konsegwentement, il-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni laħqet it-total ta' EUR 34 197 000;
2. Jinnota li l-baġit tal-Aġenzija żdied b'61 % minn EUR 85 200 000 għal EUR 137 200 000 mill-2007 sal-2010 u li l-għadd tal-persunal żdied minn 333 għal 524;
3. Jinnota li skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 593/2007 tal-31 ta' Mejju 2007 dwar drittijiet u ħlasijiet imposti mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni[15], d-dħul mid-drittijiet jikkostitwixxi dħul assenjat li jista' jiġi riportat mill-Aġenzija sakemm ma jkunx intuża; jinnota li l-irċevuti tal-industrija jistgħu jkunu relatati ma' iktar minn sena finanzjarja waħda; jinnota li r-riżerva li tista' tintuża matul is-snin sussegwenti hija aġġustata fuq ir-riżultat tal-baġit għas-sena; jinnota li l-ammont tar-riżerva naqas f'dawn l-aħħar sentejn minn EUR 29 000 000 fl-aħħar tal-2008 għal EUR 21 000 000 fl-aħħar tal-2010;
4. Jinnota mill-kontijiet finali għas-sena finanzjarja 2010, li l-Aġenzija użat biss approprjazzjonijiet mhux differenzjati u li għalhekk l-approprjazzjonijiet għall-impenji kienu daqs l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet; barra minn hekk jinnota li r-rata globali tal-implimentazzjoni tal-baġit kienet ta' 99,51 % għall-approprjazzjonijiet tal-2010;
Drittijiet u ħlasijiet imposti mill-Aġenzija
5. Jistieden lill-Aġenzija biex tieħu miżuri adegwati ulterjuri sabiex tevita n-nuqqasijiet li jipperikolaw it-trasparenza tal-proċess ta' akkwist kif ukoll il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja fis-sod;
Kontabilità
6. Jaċċerta mill-kontijiet finali, li fl-2010 l-Aġenzija biddlet il-metodu tagħha tar-rikonoxximent tad-dħul minn metodu bbażat fuq il-kost għal metodu bbażat fuq il-metodu tal-linja dritta propost fir-Regola numru 4 tal-Kontabilità tal-KE;
7. Jifhem mill-Aġenzija li l-bidla saret biex ittejjeb l-eżatezza u t-trasparenza dwar kif inhu bbażat id-dħul akkwistat u biex titqies ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri tal-2009 sabiex jiġi applikat metodu li jirrifletti b'mod aktar eżatt l-ammont ta' dħul allokat għal sena finanzjarja;
8. Jirrikonoxxi mir-Rapport Annwali ta’ Attività tal-Aġenzija, li s-sistema tal-Ippjanar tar-Riżorsi għall-Intrapriżi ssaħħet iktar u ġiet użata sistematikament għat-tipi kollha ta' transazzjonijiet finanzjarji u l-għeluq ta' tmiem is-sena;
Il-proċedura tal-akkwist
9. Jinnota mir-Rapport Annwali ta’ Attività li 23 proċedura ta' offerti ta' valur għoli li jkopru kemm il-ħtiġijiet operattivi kif ukoll dawk amministrattivi kienu amministrati matul l-2010, li 20 minnhom ġew finalizzati u 29 kuntratt ta' valur għoli kienu ffirmati b'valur ta' bejn wieħed u ieħor EUR 14 000 000; barra minn hekk jinnota li 428 kuntratt ġew iffirmati wara l-proċeduri ta' akkwist ta' valur baxx li jammontaw għal bejn wieħed u ieħor EUR 1 650 000;
10. Jirrikonoxxi, b'mod partikolari, mill-Qorti tal-Awdituri li, għal żewġ proċeduri kbar tal-akkwist, il-metodu ta’ evalwazzjoni ma ppermettiex lill-offerti li tefgħu l-aqwa offerta finanzjarja jiksbu l-ogħla punteġġ ta’ prezz; jinnota mill-Aġenzija li dawn iż-żewġ proċeduri tal-akkwist jirreferu għal:
- it-tiġdid ta' kuntratt ta' servizzi ta' tindif għal erba' snin li jammonta għal EUR 1 000 000;
- Kuntratt Qafas ta' massimu ta' erba' snin għal studji dwar rekwiżiti u standards għal ċertifikazzjoni rigward il-magni tal-inġenji tal-ajru b'valur massimu ta' EUR 2 500 000 li għalih il-kuntrattur magħżul ma kkompletax l-elementi kollha tal-kostijiet fl-applikazzjoni tiegħu;
jinnota li l-Aġenzija wieġbet li l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżultat m'għandu jiġi rrappurtat u li madankollu se tqis il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti u fil-ġejjieni se tindirizza r-riskju identifikat billi tagħti saħansitra iktar attenzjoni lill-formuli tal-evalwazzjoni finanzjarja;
11. Jistieden lill-Aġenzija biex tieħu miżuri adegwati ulterjuri sabiex tevita n-nuqqasijiet li jipperikolaw it-trasparenza tal-proċess ta' akkwist kif ukoll il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja fis-sod;
Ir-riżorsi umani
12. Jinnota li, għal darba oħra, l-awtorità ta' kwittanza sabet nuqqasijiet fil-proċeduri għall-għażla tal-persunal li jipperikolaw it-trasparenza ta' dawk il-proċeduri; jirrikonoxxi mill-Qorti tal-Awdituri li ma kien hemm l-ebda evidenza li l-limiti biex wieħed jiġi mistieden għall-intervista jew biex jitpoġġa fuq il-lista ta' riżerva ġew definiti qabel ma bdiet l-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet; jinnota li dan jista' jaħbi sitwazzjoni ta' nepotiżmu jew kunflitt ta' interessi; jitlob li jsir dak kollu possibbli sabiex ikunu evitati l-kunflitti ta' interessi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Aġenzija tapplika korrettement ir-regoli tal-Unjoni; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi u tal-proċeduri ta' reklutaġġ;
13. Jinnota li l-Aġenzija ma infurmatx lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-azzjonijiet li ttieħdu biex il-proċeduri tal-għażla tal-esperti/istaff tagħha jsiru aktar trasparenti kif mitlub fl-2009, għalkemm jifhem li l-kwistjoni ġiet indirizzata fl-2010 wara li l-Qorti tal-Awdituri reġgħet enfasizzat il-kwistjoni fir-rapport tagħha; jenfasizza, għal darb'oħra, li l-impatt ta' dawn in-nuqqasijiet huwa saħansitra aktar kruċjali meta jitqies li l-Aġenzija għandha l-objettivi li ġejjin: li toħroġ speċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni, tieħu deċiżjonijiet rigward l-ajrunavigabbiltà u ċ-ċertifikazzjoni ambjentali, u twettaq spezzjonijiet ta' standardizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri;
14. Jinnota t-tweġiba tal-Aġenzija lill-Qorti li fil-linji gwida tagħha għall-membri tal-bord indikat b’mod ċar il-limitu minimu li l-kandidati għandhom jilħqu sabiex jiġu mistiedna għall-intervista (50 %) jew sabiex jitpoġġew fil-lista tar-riżerva (65 %) iżda li hi żomm id-dritt li tiddeċiedi x'jikkostitwixxi n-numru massimu raġonevoli ta' kandidati li għandhom jiġu mistiedna skont il-pożizzjoni li jkunu kisbu fil-lista;
15. Ifakkar lill-Aġenzija dwar l-importanza li tiżgura taħriġ adegwat u kriterji ta' kwalifikazzjoni għat-timijiet ta' spezzjoni u mexxejja tat-tims; jistieden lill-Aġenzija tieħu passi konkreti u tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwarhom;
16. Jinnota li n-numru tal-persunal fl-Aġenzija żdied minn 509 għal 578;
Kunflitt ta' interess
17. Jinnota li l-membri tal-persunal tekniku tal-Aġenzija jeħtieġu jiġu normalment reklutati minn awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni u l-industrija tal-avjazzjoni; jifhem li l-membri tal-persunal irid ikollhom biżżejjed esperjenza teknika aġġornata ta' ħidma fil-qasam tal-avjazzjoni sabiex iwettqu verifika teknika tal-konformità mad-dokumenti ta' ċertifikazzjoni ta' konformità sabiex ikunu jistgħu jiżguraw il-livell adegwat ta' sikurezza fl-avjazzjoni kif mitlub mil-leġiżlazzjoni Ewropea applikabbli; madankollu jinsab imħasseb li din is-sitwazzjoni tista' tikkawża kunflitti ta' interess jekk membru tal-persunal reklutat minn manifattur tal-inġenji tal-ajru jaħdem u jieħu deċiżjonijiet fi ħdan l-Aġenzija dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru li hu seta' kien qed jaħdem fuqu waqt li kien impjegat mal-manifattur u, sitwazzjoni li jekk wieħed ma jindunax biha u jimmaniġjaha adegwatament, tista' tirriżulta f'kunflitt tal-interessi; jirrikonoxxi madankollu li l-Aġenzija stabbiliet proċedura ta' ċertifikazzjoni fejn l-imparzjalità tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet hija ggarantita permezz tal-kolleġjalità tal-evalwazzjonijiet tekniċi u tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet innifsu; jifhem ukoll li l-Aġenzija tinsab fil-proċess li tistabbilixxi politika li tapplika għall-Aġenzija kollha fil-qasam tal-kodiċijiet tal-kondotta li tinkludi l-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, il-monitoraġġ u t-trattament tal-konsegwenzi ta' każijiet ta' kunflitt ta' interessi potenzjali li se tgħin lill-Aġenzija tkompli ttejjeb l-identifikazzjoni u t-trattament ta' sitwazzjonijiet ta' kunflitti ta' interessi b'tali mod li s-sikurezza tal-avjazzjoni ma titqiegħedx f'periklu fl-ebda mument;
18. Jistieden lill-Aġenzija tikkunsidra b'mod xieraq l-isfond professjonali tal-membri tal-persunal tagħha sabiex tevita kull kunflitt ta' interess; huwa tal-opinjoni li l-politika tal-kunflitti tal-interessi tal-Aġenzija għandha tispjega sa liema punt u taħt liema kundizzjonijiet impjegat tal-Aġenzija jista' jkun involut fiċ-ċertifikazzjoni ta' inġenju tal-ajru li kien ħadem fuqu qabel ma ssieħeb mal-Aġenzija;
19. Jistieden lill-Aġenzija tadotta proċessi effettivi li jindirizzaw kif dovut każijiet potenzjali ta' allegazzjonijiet ta’ kunflitti ta' interessi fl-Aġenzija; jistieden ukoll lill-Aġenzija tippubblika fuq il-websajt tagħha d-dikjarazzjoni tal-interessi u l-isfond professjonali tal-esperti, il-persunal maniġerjali u l-Membri tal-Bord tagħha u ta' kwalunkwe persuna oħra li l-attività tagħha hi relatata mal-proċess ta' ċertifikazzjoni; jindika li l-Aġenzija għandha ssegwi l-linji gwida tal-OKŻE fil-qasam tal-kunflitti ta' interessi;
20. Jinnota li l-Aġenzija hija involuta f'deċiżjonijiet ta' importanza vitali għaċ-ċittadini kollha u b'kunsiderazzjoni għall-viżibilità tagħha minħabba l-importanza tagħha għall-industrija, l-awtorità ta' kwittanza qed tistenna bil-ħerqa li tirċievi u tiddiskuti s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet mir-Rapport Speċjali dwar sitwazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess li għandu jkun rilaxxat mill-Qorti tal-Awdituri qabel tmiem Ġunju 2012;
Il-Prestazzjoni
21. Jistieden lill-Aġenzija tkompli timplimenta l-istruttura eżistenti bbażata fuq l-attività għall-baġit operattiv sabiex tistabbilixxi rabta ċara bejn il-programm ta' ħidma u l-previżjonijiet finanzjarji u tkompli ttejjeb il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-prestazzjoni,
22. Jistieden lill-Aġenzija tagħmel dijagramma ta' Gantt parti mill-programmazzjoni tal-attività operattiva tagħha fejn ikun relevanti; jisħaq ukoll fuq l-importanza li l-Aġenzija tfassal objettivi SMART u indikaturi RACER fil-programmazzjoni tagħha kif għamlet fil-Programm Annwali ta' Ħidma u r-Rapport Annwali ta' Attività tagħha sa mill-2008;
Kontroll Intern
23. Jinnota mir-Rapport Annwali ta’ Attività li l-Aġenzija kkonsolidat is-Sistema Integrata ta' Ġestjoni tagħha fl-2010 u fiha nkludiet il-kunċett ta' "kontroll intern", li għandu l-għan li jiżgura li r-riskji jitnaqqsu b'mod korrett, sabiex tissaħħaħ l-abilità tal-Aġenzija biex tikseb objettivi operattivi, ta' kwalità, ta' konformità jew finanzjarji;
24. Jinnota li, f'Diċembru 2010, is-Sistema Integrata ta' Ġestjoni tal-Aġenzija kisbet ċertifikazzjoni kontra l-Istandard tal-Ġestjoni tal-Kwalità ISO 9001:2008 rikonoxxut internazzjonalment;
Proċess ta' spezzjonijiet tal-istandardizzazzjoni
25. Jistieden lill-Aġenzija tkompli ttejjeb id-dokumentazzjoni tal-ippjanar ta' spezzjoni u l-programmazzjoni tal-ispezzjoni; ifakkar lill-Aġenzija dwar l-importanza tad-dokumentazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju u l-kriterji użati meta tistabbilixxi l-ippjanar ta' spezzjoni tagħha sabiex tiġġustifika l-proċess intern tagħha tat-teħid ta' deċiżjonijiet għall-każijiet li jippreżentaw nuqqasijiet sinifikanti li jaffettwaw is-sikurezza taċ-ċittadini tal-Unjoni;
26. Jistieden lill-Aġenzija tkompli ttejjeb l-effikaċja tagħha fil-ġestjoni ta' tħassib ewlieni tas-sikurezza billi:
- timmonitorja l-informazzjoni;
- tnaqqas it-tul ta' żmien tar-rappurtar u ta' implimentazzjoni;
- tiddokumenta l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet bejn l-Aġenzija u l-Kummissjoni;
- timmitiga b'mod adegwat ir-riskji ta' kwalunkwe sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interess potenzjali;
27. Barra minn hekk jistieden lill-Aġenzija tikklassifika, timmonitorja u ssegwi s-sejbiet tagħha ta' spezzjoni kklassifikati bħala "Osservazzjonijiet"; jinnota li l-Aġenzija żviluppat proċedura operattiva biex tiddefinixxi dawk is-sejbiet u tikkomunikahom lill-Kummissjoni; jitlob għalhekk lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità tal-kwittanza bl-azzjoni meħuda;
L-awditjar intern
28. Jirrikonoxxi li diversi rakkomandazzjonijiet "importanti ħafna" mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) maħsuba biex inaqqsu r-riskji pendenti lill-Aġenzija għadhom miftuħa u attwalment taħt eżami mill-IAS;
29. Jinnota b'mod partikolari li fl-2010 l-IAS wettaq awditjar dwar il-Proċess ta' Spezzjoni tal-Istandardizzazzjoni sabiex jivvaluta u jipprovdi assigurazzjoni indipendenti dwar is-sistema ta' kontroll intern relatata mal-proċess ta' spezzjoni tal-istandardizzazzjoni fl-Aġenzija, sabiex jissorvelja l-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Unjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni u jirrapporta lill-Kummissjoni; jinnota wkoll li l-Aġenzija diġà żviluppat pjan ta' azzjoni korrettiva li l-IAS qabel miegħu u li diġà pprovdiet lill-IAS għall-eżami minn naħa tiegħu l-evidenza tal-implimentazzjoni rigward dawk ir-rakkomandazzjonijiet imniżżla fil-paragrafi 25 sa 27 ta’ dan ir-rapport;
30. F'dan ir-rigward jistieden lill-Aġenzija biex tkompli:
- tiddokumenta l-valutazzjoni tar-riskju tagħha wara l-programmi ta' spezzjoni annwali u ż-żjara ta' spezzjoni;
- ittejjeb is-sorveljanza u r-rappurtar dwar in-nuqqasijiet sinifikanti li jqajmu tħassib dwar is-sikurezza;
- issegwi u timmonitorja l-osservazzjonijiet tagħha wara ż-żjarat ta' spezzjoni;
31. Jagħti attenzjoni lir-rakkomandazzjonijiet tiegħu mir-rapporti dwar il-kwittanza preċedenti, kif stabbilit fl-Anness ta' din ir-riżoluzzjoni;
32. Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' ... 2012 dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.
ANNESS
Rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta' dawn l-aħħar snin
Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 |
Il-Prestazzjoni | - L-Aġenzija għandha tiċċekkja bir-reqqa l-konsistenza tal-previżjonijiet tan-nefqa: is-sistema ta' analiżi tal-kostijiet tal-Aġenzija wriet kostijiet ta' madwar EUR 48 miljun u dħul ta' madwar EUR 35 miljun; ipprogrammar insuffiċjenti | - L-Aġenzija għandha tiċċekkja bir-reqqa l-konsistenza tal-previżjonijiet tan-nefqa li ser ikunu ppreżentati għal adozzjoni mill-awtorità tal-baġit | - Jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi analiżi dijakronika tal-operazzjonijiet imwettqa f'din is-sena u f'dik preċedenti - Jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi objettivi SMART u indikaturi RACER - Jistieden lill-Aġenzija tagħmel dijagramma ta' Gantt | - Jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi objettivi SMART u indikaturi RACER - Jistieden lill-Aġenzija tikkunsidra l-fatt li tagħmel dijagramma ta' Gantt parti mill-programmazzjoni ta' kull attività operattiva, bil-għan li tindika sintetikament l-ammont ta' ħin li kull membru tal-persunal iqatta' fuq proġett - Iħeġġeġ lill-Aġenzija timplimenta struttura bbażata fuq l-attività għall-baġit operattiv sabiex tistabbilixxi rabta ċara bejn il-programm ta' ħidma u l-previżjonijiet finanzjarji u ttejjeb il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-prestazzjoni, - Jistieden lill-Aġenzija tippreżenta tqabbil tal-operazzjonijiet li saru matul is-sena li għaliha għandha tingħata l-kwittanza u dawk li saru matul is-sena finanzjarja ta’ qabel |
Ir-Regolament dwar id-drittijiet u l-ħlasijiet
|
mhux applikabbli | - L-Aġenzija m'għandhiex tfixkel l-użu tar-regolament preċedenti dwar it-tariffa imposta mar-regolament il-ġdid. | - Jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ fil-livell tal-proġetti ta’ ċertifikazzjoni - Jistieden lill-Aġenzija tressaq pjan dettaljat biex tiggarantixxi li s-sistema ta' drittijiet fissi annwali tista' ma tiġġenerax introjtu li jkun b'mod sinifikanti ogħla mill-kostjiet annwali tas-servizzi mogħtija | - Jistieden lill-Aġenzija ttejjeb is-sistema ta' monitoraġġ tagħha għal proġetti ta' ċertifikazzjoni biex tiżgura li, matul il-perjodu kollu tal-proġett, id-drittijiet imposti ma jvarjawx mill-kost reali b'mod sinifikanti; - Jistieden lill-Aġenzija tistima b'mod korrett, għall-istabbiliment tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-2010, l-ispiża relatata mal-ġesjoni ta' xogħlijiet ta' ċertifikazzjoni li jiġu esternalizzati lill-awtoritajiet tal-avjazzjoni nazzjonali. |
Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 |
Riporti tal-approprjazzjonijiet/kwistjonijiet ta' akkwist | - Il-prinċipju baġitarju tal-annwalità ma kienx osservat: għall-kuntrarju tar-regolament finanzjarju tagħha, l-Aġenzija użat l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet differenzjati riportati mill-2005 minkejja li kellha biżżejjed approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-2006 | - Kwistjonijiet ta' trasparenza dwar il-kriterji tal-għoti u l-metodu tal-evalwazzjoni finanzjarju | - Jistieden lill-Aġenzija tirrimedja s-sistema tal-ippjanar tar-riżorsi tal-impriża li tirriżulta minn dewmien fl-iffirmar tal-kuntratt ta' servizz. (Jistieden lill-Aġenzija tippreżenta previżjoni ħafna iktar realistika lill-Kummissjoni u lill-Parlament matul is-snin li ġejjin) - Jitlob lill-Kummissjoni teżamina modi kif tiżgura li l-prinċipju ta' ġestjoni tal-flus kontanti bbażata fuq il-ħtiġijiet ikun implimentat bis-sħiħ, sabiex tiżgura li r-riżervi tal-flus kontanti tal-Aġenzija jinżammu kemm jista' jkun baxxi | - L-Aġenzija riportat għall-2010 livell għoli ta’ approprjazzjonijiet għall-infiq operattiv (65 % mit-Titolu III, Attivitajiet Operattivi. Il-persentaġġ tal-impenji riportati huwa ta' 13 %) - Jitlob li l-kuntratti jiġu ġestiti b'mod aktar eżatt u f'waqtu u li tiġi ppreżentata previżjoni ħafna aktar realistika lill-Parlament u lill-Kummissjoni għas-sena finanzjarja li jmiss. - Talab li mal-baġit ta' kull sena jiġi mehmuż rapport dwar l-approprjazzjonijiet li ma ntefqux riportati minn snin preċedenti, li jispjega għalfejn dawn il-flus ma ntużawx, u kif u meta se jintużaw. |
Riżorsi Umani |
mhux applikabbli | - Jistieden lill-Aġenzija ttejjeb s-sistemi ta' reklutaġġ u ppjanar tar-riżorsi | - Jistieden lill-Aġenzija ttejjeb s-sistemi ta' reklutaġġ u ppjanar tar-riżorsi | - Jinnota nuqqasijiet fil-proċeduri ta' għażla tal-persunal li jipperikolaw it-trasparenza ta' dawn il-proċeduri. Il-Qorti tal-Awdituri rrappurtat li d-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-għażla ma kinux iġġustifikati u dokumentati b’mod suffiċjenti minħabba li l-limiti biex wieħed jiġi mistieden għal intervista jew imqiegħed fuq il-lista tar-riżerva ma ġewx stabbiliti bil-quddiem u l-minuti kienu nieqsa. - Iħeġġeġ lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-azzjonijiet meħuda biex tirrimedja din is-sitwazzjoni u tagħmel il-proċeduri ta' għażla tal-esperti/persunal tagħha iktar trasparenti. |
Il-Verifika Interna | - L-Aġenzija għadha ma implimentatx sistema effikaċi tal-ġestjoni tal-klejms, possibbilment inkluż interess fuq ħlas tard. |
mhux applikabbli | - Jistieden lill-Aġenzija tieħu passi biex tissodisfa 13 (2 huma kkunsidrati kritiċi) minn 28 rakkomandazzjoni magħmula mis-Servizz tal-Awditjar Intern → jiġifieri r-rakkomandazzjonijiet jikkonċernaw l-inċertezza baġitarja, in-nuqqas ta' analiżi tar-riskju, in-nuqqas ta' politika ta’ evalwazzjoni u ta' promozzjoni, il-proċedura ta' qtugħ u n-nuqqas ta’ proċedura biex jiġu rreġistrati eċċezzjonijiet li ġew magħluqa | - Jirrikonoxxi li l-Aġenzija implimentat 20 mis-26 rakkomandazzjoni magħmula mill-IAS mill-2006 |
7.2.2012
OPINJONI Tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
dwar kwittanza b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010
(C7-0285/2011 – 2011/2224(DEC) )
Rapporteur: Knut Fleckenstein
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa' l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri tikkunsidra li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2010 huma affidabbli u li t-tranżazzjonjiet sottostanti, fl-aspetti materjali kollha, kienu legali u regolari;
2. Jinnota li l-Aġenzija rċeviet EUR 34 200 000 mill-baġit tal-Unjoni għall-2010;
3. Jinnota, barra minn hekk, li l-baġit globali tal-Aġenzija żdied bi kważi 11% minn EUR 122 000 000 għal EUR 137 000 000 mill-2009 sal-2010 u li l-għadd tal-persunal żdied minn 509 għal 578;
4. Jiddeplora l-irregolaritajiet misjubin mill-Qorti tal-Awdituri fis-selezzjoni tal-persunal u fil-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Aġenzija tapplika korrettement ir-regoli tal-Unjoni; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi u tal-proċeduri ta' reklutaġġ;
5. Jipproponi li l-Parlament jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tal-Avjazzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2010.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 6.2.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 25 4 1 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Inés Ayala Sender, Georges Bach, Philip Bradbourn, Antonio Cancian, Michael Cramer, Christine De Veyrac, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Eva Lichtenberger, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Olga Sehnalová, Brian Simpson, Laurence J.A.J. Stassen, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Giommaria Uggias, Artur Zasada, Roberts Zīle | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Burkhard Balz, Spyros Danellis, Dominique Riquet, Anna Rosbach | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Ioan Enciu | |||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 27.3.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 27 0 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Jean-Pierre Audy, Ryszard Czarnecki, Tamás Deutsch, Martin Ehrenhauser, Jens Geier, Gerben-Jan Gerbrandy, Cătălin Sorin Ivan, Iliana Ivanova, Bogusław Liberadzki, Monica Luisa Macovei, Jan Mulder, Eva Ortiz Vilella, Aldo Patriciello, Crescenzio Rivellini, Petri Sarvamaa, Theodoros Skylakakis, Bogusław Sonik, Bart Staes, Georgios Stavrakakis, Søren Bo Søndergaard, Michael Theurer | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Amelia Andersdotter, Zuzana Brzobohatá, Edit Herczog, Véronique Mathieu, Derek Vaughan | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Salvador Garriga Polledo, Louis Grech | |||