Dokument ta' sessjoni
20.4.2012
RAPPORT
dwar l-UE u ċ-Ċina: kummerċ żbilanċjat?
( 2010/2301(INI) )
Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Marielle De Sarnez
PR_INI
WERREJ
Paġna
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...................................3
NOTA SPJEGATTIVA.............................................................................................................14
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.......................19
OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija............23
OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur.28
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp....................................................................33
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................40
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-UE u ċ-Ċina: kummerċ żbilanċjat?
( 2010/2301(INI) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6 u 21 tat-Trattat dwar Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 153, 191, 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 12, 21, 28, 29, 31 u 32 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Adeżjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fit-23 ta' Novembru 2001,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 u r-rapport tad-Direttorat għall-Politika Esterna tiegħu ta' Lulju 2011 dwar ir-Relazzjonijiet Kummerċjali u Ekonomiċi maċ-Ċina[1],
– wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tat-13-il samit UE-Ċina li sar fi Brussell fis-6 ta' Ottubru 2010,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020" ( COM(2010)0612 ) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar Politika Kummerċjali Ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2008 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea li tiżgura aċċess għas-suq għall-kumpaniji Ewropej[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea u l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2006 bit-titolu 'Ewropa Globali: Strumenti għad-Difiża tal-Kummerċ tal-UE f'ekonomija dinjija li qed tinbidel',
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu 'Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali' tal-24 ta' Mejju 2011, il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ( COM(2011)0285 ), ir-rapport tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2011 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-iffalsifikar fuq il-Kummerċ Internazzjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tad-WTO tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-miżuri ta' esportazzjoni taċ-Ċina ta' diversi materji primi u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar strateġija effettiva tal-materja prima għall-Ewropa[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-13 ta' Diċembru 2011 dwar ostakli għall-Kummerċ u l-Investiment[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali[7], dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Internazzjonali[8] u dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 bit-titolu 'Lejn Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ riformata'[10] u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp[11],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu 'UE – Ċina: Msieħba aktar mill-qrib, tkabbir tar-responsabbiltajiet' (COM(20060631) u d-dokument ta' politika li jakkumpanjaha 'Kompetizzjoni u Partnerjat – politika dwar il-kummerċ u l-investiment bejn l-UE' (COM(2006(0632),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar it-tisħiħ tal-irwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali[12],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2011 u d-dikjarazzjoni finali tas-samit tal-G20: 'Building our common future: renewed collective action for the benefit of all' (Biex nibdu l-ġejjieni komuni tagħna, insaħħu l-azzjoni kollettiva tagħna għall-ġid ta' kulħadd), magħmula f'Cannes fl-4 ta' Novembru 2011,
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Gvern Ċiniż tat-23 ta' Diċembru 2010 dwar il-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali bejn iċ-Ċina u l-Afrika,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur ( A7-0141/2012 ),
A. billi ċ-Ċina ssieħbet mad-WTO fl-2001 u sussegwentement saret l-ewwel esportatur dinji ta' merkanzija, b'10.36 % ta' esportazzjonijiet fl-2010, u t-tieni qawwa ekonomika dinjija;
B. billi l-UE hija l-ewwel destinazzjoni tal-esportazzjonijiet Ċiniżi, li żdiedu minn 39.5 % bejn l-2009 u l-2010, u li ċ-Ċina hija t-tieni sieħba kummerċjali tal-UE;
C. billi l-UE ħadet post il-Ġappun bħala l-akbar oriġini tal-importazzjonijiet taċ-Ċina; billi ż-żieda fl-importazzjonijiet Ċiniżi kienu fundamentali għall-andament reċenti tal-ekonomija tal-Istati Membri tal-UE li huma orjentati lejn l-esportazzjonijiet, bħall-Ġermanja;
D. billi l-iżvilupp ikbar tal-ekonomija tagħha u l-adeżjoni tagħha mad-WTO jimplikaw mhux biss vantaġġi notevoli, iżda wkoll responsabbiltà akbar għaċ-Ċina fl-iżvolġiment ta' rwol attiv u pożittiv fl-ordni ekonomiku dinji, partikolarment fil-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u fil-grupp tal-Bank Dinji;
E. billi mill-iffirmar tal-ftehim ta' kooperazzjoni UE-Ċina fl-1985, ir-relazzjonijiet kummerċjali żviluppaw konsiderevolment, u għalhekk huwa essenzjali li dan il-ftehim isir konformi mal-konġuntura ekonomika attwali; billi l-Kummissjoni Ewropea adottat, fl-2006, l-istrateġija politika saljenti tagħha dwar iċ-Ċina u, fl-ambitu ta' tali strateġija, bdew in-negozjati f'Jannar 2007 dwar Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni Komprensiv bil-għan li jitjiebu ulterjorment ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina fl-oqsma tal-kummerċ u l-investiment;
F. billi l-kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina rreġistra f'dawn l-aħħar tletin sena żieda rapida u bla waqfien sa ma laħqu l-ogħla ammont ta' kummerċ totali ta' EUR 395 biljun fl-2010, billi l-iżbilanċ fil-kummerċ bitalaterali ilu favur iċ-Ċina mill-1997, u li dan id-defiċit kummerċjali kien jammonta għal EUR 168.8 biljun fl-2010 meta mqabbel ma' EUR 49 biljun fl-2000; filwaqt li l-valur miżjud tal-esportazzjonijiet Ċiniżi huwa ferm skars ladarba jitnaqqas il-valur tal-komponenti importati mill-UE jew minn reġjuni oħra; billi l-kumpaniji barranin stabbiliti fiċ-Ċina jirrappreżentaw madwar 85 % tal-esportazzjoni kollha li ġejja minn operazzjonijiet ta' assemblaġġ;
G. billi fl-2010, l-investimenti barranin tal-UE fiċ-Ċina kienu jammontaw għal EUR 4.9 biljun filwaqt l-investimenti barranin Ċiniżi fl-UE kienu jammontaw fl-istess sena għal EUR 0.9 bilun;
H. billi d-diverġenza bejn il-mudelli soċjali, ekonomiċi u demokratiċi tal-UE u taċ-Ċina, kif anki r-riżorsi naturali u demografiċi rispettivi tagħhom, għandhom rwol rilevanti fl-iżbilanċi kummerċjali bejn iż-żewġ reġjuni;
I. billi l-isfida maħluqa miċ-Ċina hija ta' natura aktar industrijali milli kummerċjali u timponi lill-Ewropa l-implimentazzjoni ta' politika industrijali ambizzjuża, maħsuba f'livell Ewropew, billi l-approċċi purament nazzjonali jimpedixxu approċċ Komunitarju koerenti fil-konfront taċ-Ċina;
J. billi d-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni ta' bosta beni ta' konsum fiċ-Ċina eliminaw ħafna impjiegi fl-Unjoni Ewropea; billi tali delokalizzazzjoni kienet ukoll akkumpanjata minn tnaqqis drastiku tal-prezzijiet, li bis-saħħa tiegħu ħafna minn dawn il-beni ta' konsum saru aċċessibbli għan-nuklei familjari tal-Unjoni Ewropea b'introjtu baxx, u li kkontribwixxa għal kuntest ta' inflazzjoni relattivament baxx;
K. billi fost il-parteċipanti fl-aħħar Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, organizzata f'Durban, ma ntlaħaqx ftehim vinkolanti, u billi l-impenji assunti minn ċerti pajjiżi dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet b'effett ta' serra mhumiex biżżejjed, fid-dawl tal-urġenza li tiġi limitata ż-żieda tat-temperaturi għal żewġ gradi matul is-seklu 21 jekk l-aġenda dwar it-tibdil fil-klima għandha tiġi rispettata;
L. billi huwa stmat li t-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa huwa ħafna aktar dgħajjef meta mqabbel mat-tkabbir fiċ-Ċina, li mistenni jiżdied għal madwar 9 % fl-2012;
M. billi t-tip ta' żbilanċi ekonomiċi interni li qegħdin jolqtu lill-ekonomiji Ewropej qegħdin jikbru wkoll fl-ekonomija Ċiniża, mhux anqas fis-settur immobiljari, kif turi bħala eżempju l-bużżieqa immobiljari reċenti;
N. billi l-impatt tal-politika kummerċjali komuni tal-UE jirriżulta kultant kompromess minn interessi nazzjonali diverġenti li l-Istati Membri jsegwu fil-konfront taċ-Ċina;
O. billi l-kostijiet soċjali tal-kriżi ekonomika attwali huma għoljin; billi r-rata tal-impjiegi fl-UE tbaxxiet b'1.8 %, u li, b'konsegwenza, 9.6 % tal-popolazzjoni ekonomikament attiva huma qiegħda (23 miljun ruħ), ir-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ hija 21 %, għadhom inċerti l-prospettivi ta' rkupru tal-livelli tal-impjiegi, u 17 % taċ-ċittadini tal-UE jirriskja li jisfa fqir;
P. billi ċ-Ċina, peress li aderiet mad-WTO fl-2011, għandha tirrispetta r-regoli tad-WTO billi tilliberalizza l-kummerċ tagħha u tiftaħ is-suq tagħha; billi sal-lum għadha lura ferm milli tilħaq livell sodisfaċenti fl-isforzi tagħha;
Q. billi l-adeżjoni taċ-Ċina mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) għandha tkun faċilitata mill-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tal-GPA permezz ta' reviżjoni kif miftiehem fil-15 ta' Diċembru 2011 waqt l-aħħar Konferenza Ministerjali tad-WTO;
R. billi l-isforzi tal-impriżi Ewropej intiżi li jaċċessaw is-suq Ċiniż huma mxekkla mill-politiki industrijali intervenzjonistiċi tal-Gvern Ċiniż, mill-protezzjoni inadegwata tal-proprjetà intellettwali, minn sistema ta' regoli li hija ambigwa fis-sustanza kif ukoll fl-applikazzjoni, u minn ostakli mhux tariffarji u tekniċi oħrajn għall-kummerċ;
S. billi s-sottovalutazzjoni tal-yuan għadha toħloq vantaġġi kummerċjali artifiċjali għaċ-Ċina u billi l-pajjiżi membri tal-G20 impenjaw ruħhom li jiffaċilitaw flessibilità aħjar tar-rati tal-kambju;
T. billi l-UE ssekwestrat fl-2010 aktar minn 103 miljun prodott issuspettat ta' ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fil-fruntieri esterni tagħha ta' valur totali ta' EUR 1.11 biljun; billi ċ-Ċina hija l-pajjiż fl-oriġini ta' 85 % ta' tali prodotti; billi karatteristika importanti tal-ħarsien tal-proprjetà intellettwali tikkonsisti fl-eżekuzzjoni korretta tal-liġijiet u tal-impenji internazzjonali eżistenti, fosthom is-sanzjonijiet; billi tali prodotti sikwit jiġu prodotti f'faċilitajiet li jipproduċu wkoll prodotti leġittimament tikkettati, u spiss huma prodotti mhux fir-rispett kemm tad-dritt tax-xogħol kif ukoll tar-rekwiżiti dwar is-saħħa u s-sikurezza, u b'hekk huma ta' periklu għall-konsumaturi u, fil-każ tas-sustanzi kimiċi, għall-ambjent kollu kemm hu;
U. billi ċ-Ċina, skont it-12-il pjan fuq ħames snin tagħha u li xi objettivi fih huma simili għall-objettivi ppreżentati fl-Istrateġija UE 2020, għandha tiżviluppa s-setturi strateġiċi tal-enerġija, tal-kostruzzjoni, tat-trasport u se jkollha tħabbat wiċċha ma' eżiġenzi kbar fis-settur tas-servizzi; billi dan jaf joffri opportunitajiet ta' investiment ġodda għall-impriżi Ewropej u għal kooperazzjoni msaħħa;
Titjib tal-aċċess għas-suq
1. Jitlob lill-Kummissjoni tapplika l-prinċipju tar-reċiproċità fil-politika kummerċjali komuni tal-UE mal-pajjiżi żviluppati u emerġenti bħaċ-Ċina biex terġa' ġġib kompetizzjoni ġusta u tiggarantixxi kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd;
2. Jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina; jistieden lill-UE u liċ-Ċina jsegwu relazzjoni ta' sħubija u vantaġġi reċiproċi aktar milli jidħlu f'kompetizzjoni u rivalità akkanita;
3. Jinnota li l-ekonomija Ċiniża ma tissodisfax il-kriterji tal-ekonomija tas-suq hekk kif definiti mid-WTO; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Gvern Ċiniż biex sal-2016 jiġu eliminati l-ostakli kollha li fadal, meta suppost l-istatus ta' ekonomija tas-suq jiġi konċess liċ-Ċina min-naħa tad-WTO; jenfasizza li tali status għandu jiġi konċess qabel din id-data biss jekk iċ-Ċina tissodisfa l-kriterji kollha; jitlob li l-UE tipproċedi bil-valutazzjoni regolari, f'forma ta' rapporti annwali dwar ir-rispett min-naħa taċ-Ċina tal-obbligi inklużi fil-Protokoll ta' Adeżjoni tagħha mad-WTO;
4. Filwaqt li jirrikonoxxi li huwa improbabbli li l-kundizzjonijiet oġġettivi biex iċ-Ċina tikkwalifika għal status ta' ekonomija tas-suq jiġu sodisfatti fil-futur qrib, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, sa tmiem l-2012, proposta lill-Parlament Ewropew dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni qabel tali status jiġi rikonoxxut mill-UE;
5. Jiddispjaċih bl-eżistenza ta' bosta ostakli tariffarji u mhux tariffarji fis-suq Ċiniż, bħal ċerti diskriminazzjonijiet fir-rigward tal-operaturi barranin partikolarment fis-settur bankarju, tal-assigurazzjoni u tat-telekomunikazzjonijiet, u l-kumplessità tal-istruttura tariffarja u l-ostakli tekniċi għall-kummerċ bħan-nuqqas ta' trasparenza tar-regoli tekniċi u tal-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità kif ukoll tas-sistema Ċiniża taċ-ċertifikazzjoni obbligatorja (CCC); jiddispjaċih li ċ-Ċina, bil-maqlub ta' li hemm previst fil-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji (ASCM), ma tinnotifikax sistematikament is-sussidji speċifiċi tagħha;
6. Ifakkar li ċ-Ċina stabbiliet vantaġġi kummerċjali kunsiderevoli ħafna għaliha fil-konfront tal-UE permezz ta' sussidji statali mmirati, bis-saħħa ta' strutturi ġuridiċi differenti; iħeġġeġ liċ-Ċina tadegwa l-programmi statali tas-sussidji għad-dritt rilevanti tad-WTO; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni tipproċedi bir-riforma tar-regolament kontra s-sussidji bil-għan li l-UE tkun tista' tirreaġixxi b'mod effikaċi għall-isfidi sinifikattivi maħluqa miċ-Ċina;
7. Josserva li ċ-Ċina tiddeplora l-eżistenza ta' ostakli kummerċjali għas-suq Ewropew, bħas-sussidji konsiderevoli tal-UE lill-bdiewa Ewropej, is-sistema kkumplikata ta' tariffi agrikoli, l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, kif ukoll l-ostakli mtellgħa biex jimblokkaw l-investimenti ta' pajjiżi terzi f'ċerti Stati Membri;
8. Jinsab imħasseb bl-inaffidabbiltà tas-sistema ġudizzjarja, li mhijiex kapaċi tinforza l-obbligi kuntrattwali, bin-nuqqas ta' trasparenza u uniformità fl-applikazzjoni tar-reġim regolatorju li jirregola l-investimenti;
9. Jesprimi t-tħassib tiegħu għan-nuqqas ta' prevedibbiltà u pubbliċità tar-regoli u tal-istandards tekniċi applikabbli għall-prodotti, partikolarment fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni, li għall-impriżi li jesportaw fiċ-Ċina joħolqu ostakli sinifikattivi għall-kummerċ;
10. Jistieden liċ-Ċina tadotta standards internazzjonali għall-prodotti u s-servizzi bil-għan li tippromwovi aktar kummerċ bejn iċ-Ċina u pajjiżi oħra; jilqa' favorevolment iż-żieda fl-involviment taċ-Ċina fl-entitajiet internazzjonali inkarigati mid-definizzjoni ta' standards u jqis bħala opportun li tali involviment jitħeġġeġ kif ukoll dak tal-Unjoni Ewropea fl-entitajiet Ċiniżi inkarigati mill-istess kompitu; jenfasizza l-importanza li l-prodotti importati miċ-Ċina jirrispettaw l-istandards Ewropej fil-qasam tal-prodotti tal-ikel u dawk li mhumiex tal-ikel;
11. Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-impriżi barranin iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet meta jaċċessaw l-akkwist pubbliku Ċiniż, li jinsab f'kuntrast mal-fatt li l-aċċess għall-akkwist pubbliku Ewropew huwa garantit; huwa mħasseb bil-kundizzjonijiet possibbilment inġusti tal-kompetizzjoni li japplikaw li bis-saħħa tagħhom, b'mod partikolari, l-għajnuna mill-Istat moħbija tħalli lill-impriżi Ċiniżi jressqu offerti notevolment aħjar meta mqabbla mal-kompetituri Ewropej tagħhom; jilqa' pożittivament ir-reviżjoni, u l-kamp ta' applikazzjoni aktar estiż, tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) li ntlaħaq qbil dwaru matul l-aħħar Konferenza Ministerjali tad-WTO fil-15 ta' Diċembru 2011, u l-impenji assunti miċ-Ċina f'dik l-okkażjoni, minkejja li għadhom mhux biżżejjed; jinkoraġġixxi, għaldaqstant, liċ-Ċina toffri li tingħaqad mal-ftehim bil-kundizzjonijiet paragunabbli ma' dawk ta' partijiet oħrajn tal-Ftehim, konformement mal-impenn tagħha fil-protokoll tiegħu dwar l-adeżjoni mad-WTO; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa malajr, fl-2012 jekk hu possibbli, strument Ewropew biex tiġi garantita r-reċiproċità fil-konfront tal-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku; iqis li huwa wkoll kruċjali li jissaħħu l-istrumenti mmirati għall-inkoraġġiment, il-koordinament u s-sostenn tal-aċċess għas-suq għall-SMEs Ewropej fi swieq prijoritarji bħaċ-Ċina;
12. Josserva li l-krediti għall-esportazzjoni permessi mill-awtoritajiet u mill-banek Ċiniżi jiffavorixxu d-distorsjonijiet kummerċjali; jistieden, għaldaqstant, liċ-Ċina tikkonforma mal-linji gwida tal-arranġament tal-OECD dwar il-krediti għall-esportazzjoni li jibbenefikaw minn sostenn pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni sostni l-isforzi tal-OECD biex tinkiseb il-parteċipazzjoni taċ-Ċina f'dan l-arranġament; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, liċ-Ċina ssir firmatarja tal-konvenzjoni tal-OECD dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
13. Ifakkar li l-forma awtorizzata prinċipali ta' stabbiliment għall-impriżi barranin fiċ-Ċina hija l-mekkaniżmu tal-joint venture, sistema vinkolanti ħafna u wisq ta' spiss assoċjata ma' trasferimenti ta' teknoloġiji strateġiċi li jistgħu jiffavorixxu l-iżvilupp kompetittiv taċ-Ċina askapitu tal-industrija Ewropej fl-oqsma li fihom l-UE hija fuq quddiem nett; huwa konvint li ftuħ akbar taċ-Ċina dwar il-mekkaniżmu ta' joint venture, flimkien ma' ħarsien aħjar tad-drittijiet ta' proprjetà immaterjali, se jġib vantaġġi għaż-żewġ naħat, u jaġevola aċċess akbar għall-impriżi Ewropej fis-suq Ċiniż;
14. Jistieden lill-UE, fil-każ li ċ-Ċina tipprattika skambji kummerċjali illegali, tirrikorri, meta meħtieġ, għal tali strumenti ta' difiża tal-kummerċ li jkunu konsistenti mar-regoli tad-WTO, bħall-miżuri ta' anti-dumping, kontra s-sussidji u ta' salvagwardja, u tagħmel użu usa' tal-mekkaniżmu ta' konċiljazzjoni tad-WTO bil-għan li tiggarantixxi kundizzjonijiet ta' parità għall-kummerċ UE-Ċina; huwa inkwetat biż-żieda, min-naħa taċ-Ċina, fl-użu ta' miżuri ta' anti-dumping li jimmiraw għall-esportazzjonijiet tal-UE kif ukoll miżuri ta' dumping tal-prezzijiet u ta' sussidji statali; jistieden, għaldaqstant, liċ-Ċina tiggarantixxi li l-miżuri ta' anti-dumping tagħha jkunu konsistenti mar-regoli tad-WTO;
Difiża tal-interessi industrijali Ewropej
15. Jiddeplora l-protezzjoni insuffiċjenti tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fiċ-Ċina u jiddispjaċih bin-nuqqas ta' mezzi konkreti għad-dispożizzjoni tal-impriżi Ewropej, partikolarment l-SMEs, għall-ġlieda effikaċi kontra l-ksur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali; jilqa' favorevolment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproponi reviżjoni tad-direttiva dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddefendu aħjar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fl-organizzazzjonijiet multilaterali kollha li fihom iċ-Ċina hija membru (Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO)); irid li ċ-Ċina tkompli tittrasponi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha d-dritt internazzjonali fis-seħħ dwar il-ħarsien tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u, aktar fl-ispeċifiku, tiġġieled kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jiggarantixxu l-infurzar, speċjalment fuq livell reġjonali; jiddispjaċih li ċ-Ċina ma pparteċipatx fin-negozjati dwar il-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffurmaw aktar kooperazzjoni doganali fl-UE u mal-pajjiżi terzi, partikolarment maċ-Ċina, fis-sekwestru ta' merkanzija ffalsifikata, u jissemplifikaw il-proċeduri doganali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw aktar mill-qrib ma' pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur u mal-liċenzji;
16. Huwa konvint li ħarsien aħjar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u implimentazzjoni effikaċi tar-regoli relatati ma' dawn fiċ-Ċina jafu jixprunaw bil-kbir lill-investituri tal-UE u ta' reġjuni oħrajn għall-investimenti, għall-kondiviżjoni tal-kompetenzi teknoloġiċi ġodda u għall-modernizzazzjoni tat-teknoloġiji eżistenti f'dak il-pajjiż;
17. Josserva li ċ-Ċina tipproduċi 97 % tal-elementi rari tal-art użati fid-dinja u jistidinha tiggarantixxi lis-sħab kummerċjali tagħha metodi produttivi sostenibbli u aċċess ġust għas-suq; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għal kull restrizzjoni eventwali taċ-Ċina f'dawk li huma tal-esportazzjoni tal-materja prima tagħha; ifakkar f'dan ir-rigward il-kundanna taċ-Ċina min-naħa tad-WTO fil-5 ta' Lulju 2011, ikkonfermata fl-appell, billi stabbiliet restrizzjonijiet għall-esportazzjoni ta' ċerti materji primi; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija Ewropea ta' ġestjoni tajba tal-materji primi permezz taż-żieda tal-effiċjenza enerġetika, ir-riċiklaġġ, użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni industrijali fis-setturi promettenti u innovattivi tal-ekonomija ħadra; jitlob negozjati mmirati għall-adozzjoni ta' regoli u prinċipji komuni fil-qasam tal-kummerċ tal-materji primi, b'hekk jinħoloq qafas għall-użu tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet fi ħdan id-WTO u l-G20, billi din il-kwistjoni tikkonċerna primarjament lill-pajjiżi industrijalizzati u ċ-Ċina;
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim ta' investiment UE-Ċina ambizzjuż u bbilanċjat intiż li joħloq ambjent aħjar għall-investituri tal-UE fiċ-Ċina, u li jiggarantixxi t-trasparenza fil-konfront tal-governanza tal-kumpaniji Ċiniżi li jinvesti fl-UE filwaqt li jiżdied il-livell ta' flussi ta' kapital reċiproċi; jistieden lill-Kunsill jelabora l-mandat tiegħu għal ftehim ta' investiment futur maċ-Ċina waqt li jqis l-fehmiet u l-pożizzjonijiet tal-Parlament kif definiti fir-riżoluzzjoni tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali;
19. Jilqa' pożittivament l-inawgurazzjoni, f'Novembru 2010, taċ-Ċentru tal-Unjoni Ewropea għall-Impriżi Żgħar u ta' daqs Medju (Ċentru tal-UE għall-SMEs) f'Pekin, li fetaħ il-bibien tiegħu għall-SMEs f'Marzu 2011, u li joffri kompetenzi biex jgħin lill-SMEs Ewropej jegħlbu l-isfidi li jiltaqgħu magħhom huma u joperaw fuq is-suq Ċiniż, partikolarment fl-ewwel fażijiet ta' żvilupp tal-attività; jilqa' favorevolment il-fatt ukoll li ċ-Ċentru jfittex setturi ta' opportunitajiet għall-SMEs tal-UE fiċ-Ċina u jgħinhom fil-kuntest regolatorju Ċiniż;
20. Jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-impriżi, u l-istabbiliment ta' sħubiji bejn universitajiet Ċiniżi u kumpaniji tal-UE bil-għan li jżidu l-innovazzjoni fiċ-Ċina; ifakkar fil-benefiċċji offruti mill-bażi tad-data tal-UE dwar l-Aċċess għas-Swieq li minnha l-impriżi tal-UE jistgħu jsibu informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta' aċċess għas-swieq bħad-dazji fuq l-importazzjoni, ir-rekwiżiti tal-prodotti, l-ostakli kummerċjali, id-dokumentazzjoni u l-istatistika; jesprimi sodisfazzjon għall-attività tal-Kamra tal-Kummerċ Ewropea fiċ-Ċina;
21. Iqis li l-ħolqien, mill-Kummissjoni, ta' mekkaniżmu għal skambju ta' informazzjoni dwar ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fil-qasam tal-kummerċ maċ-Ċina se jiffaċilita approċċ koerenti fir-rigward taċ-Ċina;
Taffija tal-kompetizzjoni monetarja
22. Ifakkar li ċ-Ċina tiddetjeni d-dejn sovran ta' xi pajjiżi membri taż-żona euro; jenfasizza li din id-detenzjoni ħadet dimensjoni politika ġdida wara l-problemi gravi ta' dejn fi ħdan iż-żona euro; jitlob lill-Kummissjoni tagħti bidu għal riflessjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Istati Membri dwar il-ħolqien ta' sistema kkoordinata biex tidentifika d-detenturi tad-dejn sovran; jinsab imħasseb li l-kapaċità ta' negozjar tal-UE fin-negozjati kummerċjali maċ-Ċina tirriżulta mminata minħabba l-kontribut li din qiegħda tagħti għall-istabbilizzazzjoni finanzjarja taż-żona euro;
23. Jenfasizza li l-allegata sottovalutazzjoni u n-nonkonveritibilità tal-yuan jafu jġibu vantaġġ kompetittiv inġust għall-esportaturi Ċiniżi billi ċ-Ċina tiddetjeni terz tar-riservi dinjin tal-kambju; jappella li r-regolamenti finanzjarji internazzjonali applikabbli għall-pajjiżi tal-G20, u l-koordinament makroekonomiku bejniethom, jissaħħu billi l-istabbiltà ekonomika u l-kummerċ dinji jistgħu nkella jkunu f'riskju; jitlob liċ-Ċina tħalli r-rivalutazzjoni tal-yuan biex jilħaq rata ta' kambju xierqa; ifakkar li, kif jipprevedu t-Trattati Ewropej, l-UE tista', f'każ ta' żbilanċi monetarji dinjija insostenibbli, tadotta politika tal-kambju;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi liċ-Ċina tilliberalizza l-kontijiet kurrenti tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta provi tal-modi kif ir-reġim tar-rati ta' kambju fissi jagħmel ħsara lill-kompetittività tal-UE u, wara dan, tqis il-prijoritajiet adegwati għal azzjoni.
Lejn qafas istituzzjonali ġdid għar-relazzjonijiet UE-Ċina
25. Jistieden lill-Istati Membri, bl-użu ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ xierqa, jiggarantixxu li l-impriżi barranin li joperaw fl-UE jirrispettaw il-leġiżlazzjoni kollha fis-seħħ fis-Suq Uniku, inklużi l-istandards soċjali u ambjentali, jiggarantixxu l-ħarsien tal-privattivi u jikkontribwixxu għall-isforzi li jippromwovu s-sostenibbiltà tal-impjiegi meta jixtru impriżi Ewropej jew joħolqu sussidjarji fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni toħloq korp inkarigat li jivvaluta l-investimenti strateġiċi barranin ex ante fuq il-mudell tal-Committee on Foreign Investment (CFIUS) fl-Istati Uniti biex ikollha stampa ċara tal-impriżi li joperaw u jinvestu fit-territorju tagħha kif ukoll tirrapporta lill-Parlament fuq bażi regolari;
26. Jistieden lill-UE taġixxi fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali adegwati, bħad-WTO, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u n-Nazzjonijiet Uniti (NU) ħalli tagħti bidu għal proċess ta' riforma orjentat għall-inklużjoni ta' standards soċjali, ambjentali u tas-saħħa vinkolanti fir-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-kummerċ irregolata mid-WTO;
27. Jiddeplora l-qafas istituzzjonali għar-relazzjonijiet kummerċjali UE-Ċina, li hu frammentat u mingħajr koordinament; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi b'mod urġenti l-organigramma tar-relazzjonijiet bilaterali biex jiġi segwit koordinament aħjar u biex jitneħħa s-superfluwu fil-livell tal-pletora ta' gruppi ta' xogħol, tal-korpi ta' djalogu u ta' korpi formali u informali oħrajn; jistieden lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-muniċipalitajiet individwali jikkoordinaw aħjar il-politiki tagħhom relatati maċ-Ċina, u jieħdu passi urġenti biex jintlaħaq kunsens operattiv intiż li jkompli l-għanijiet komuni tal-UE;
28. Jistieden lill-UE tiżviluppa strateġija biex tevita t-trasferimenti furzati tat-teknoloġija; jawspika, f'dan ir-rigward, il-konklużjoni rapida tal-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-privattiva Komunitarja;
29. Jeżiġi li l-prodotti kollha fiċ-ċirkolazzjoni fis-suq intern jirrispettaw rigorożament ir-regoli u l-istandards Ewropej u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi malajr xenarju, konformi mar-regoli tad-WTO, ta' introduzzjoni progressiva ta' kundizzjonalità għall-iskambji kummerċjali u/jew ġabra ta' miżuri ta' adegwament mal-fruntieri bħall-beni li jkunu ġejjin minn pajjiż terz li ma jirrispettax dawn l-istandards;
Valutazzjoni tar-rwol dinji taċ-Ċina
30. Jenfasizza l-influwenza dejjem ikbar taċ-Ċina fuq ix-xena tal-kummerċ internazzjonali; jistieden, għalhekk, lill-UE tibqa' tgħasses l-impatt politiku, ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-investimenti dejjem ikbar taċ-Ċina fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u partikolarment fl-Afrika u fl-Amerika Latina;
31. Itenni l-bżonn li l-investimenti Ċiniżi fl-Amerika Latina u fl-Afrika, speċjalment fiż-Żoni Ekonomiċi Speċjali (ŻES), jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi kkonċernati u għall-iżvilupp ta' katini ta' produzzjoni lokali bl-użu tal-ħaddiema tal-post;
32. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li xi kumpaniji Ewropej jinvestu fiċ-Ċina l-aktar minħabba l-kostijiet baxxi tal-produzzjoni li ġejjin minn standards soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem ta' kwalità baxxa; jirrakkomanda enerġikament li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-applikazzjoni ta' prassi effettivi tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji (CSR) min-naħa tal-kumpaniji Ewropej fiċ-Ċina u jinkoraġġixxi t-tixird u l-pubbliċità tal-aħjar prassi tal-inizjattivi fil-qasam tas-CSR; jitlob barra minn hekk li l-Kummissjoni tivvaluta b'liema mod jistgħu jiddaħħlu dispożizzjonijiet fil-qasam tas-CSR fil-ftehim ta' investiment futur UE-Ċina;
33. Iqis li jekk l-impenn taċ-Ċina fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitqies bħala kompetizzjoni inġusta u jekk isir tentattiv biex jinstab rispons konfliġġenti, dan ma jikkostitwixxix soluzzjoni produttiva, fuq kollox għall-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp; jenfasizza li fl-aħjar interess tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll tal-kompetizzjoni u t-tkabbir globali usa', l-impriżi u l-atturi tal-UE li jixtiequ jikkompetu maċ-Ċina fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jistinkaw biex jagħmlu offerti li huma l-aktar attraenti f'termini ta' sostenibbiltà u benefiċċju fit-tul, li jinkludu aspetti ambjentali, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem u ta' governanza;
34. Ifakkar li ċ-Ċina hija l-ewwel pajjiż fid-dinja f'termini ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jistieden lill-UE tipproponi fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali li l-aspetti ekoloġiċi u l-objettivi fil-qasam tat-tibdil fil-klima għandhom jiġu inklużi fit-taħdidiet relatati mal-kummerċ internazzjonali; iqis li l-qawwa ekonomika taċ-Ċina u l-kapaċità tagħha li trawwem l-innovazzjoni teknoloġika għandhom jintużaw bħala sostenn għall-ġlieda dinjija kontra t-tibdil fil-klima;
35. Iqis li l-isforzi tal-awtoritajiet Ċiniżi għal dak li għandu x'jaqsam ma' ċerti drittijiet bażiċi fiċ-Ċina, speċjalment id-drittijiet soċjali u ta' ħarsien tal-ħaddiema, mhumiex suffiċjenti; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-UE u liċ-Ċina jagħtu bidu għal djalogu strateġiku aktar mill-qrib u responsabbli msejjes fuq il-fehim reċiproku;
Tisħiħ tal-UE biex taffronta l-kompetizzjoni dinjija
36. Jitlob li l-UE tiżviluppa politika industrijali komuni ambizzjuża bbażata fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, li tibbenefika minn finanzjamenti innovattivi bħall-project bonds u li tappoġġa l-iżvilupp tal-SMEs, partikolarment permezz tal-aċċess għall-akkwist pubbliku, bil-għan li żżomm il-kompetittività tagħha quddiem atturi ewlenin ġodda tal-industrija u tar-riċerka; jistieden lill-UE tivvalorizza l-produzzjoni Ewropea billi tforni informazzjoni ta' kwalità aħjar lill-konsumaturi, partikolarment permezz tal-adozzjoni tar-regolament dwar il-marki tal-oriġini ('made-in') ta' prodotti impurtati fl-UE.
37. Jawspika li l-UE ssaħħaħ il-governanza ekonomika, baġitarja, fiskali u politika tagħha bil-għan li ssir interlokutur kredibbli u ta' piż fix-xena internazzjonali; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jitkellmu b'vuċi waħda bil-għan li jiġi evitat li s-sħubiji u l-ftehimiet bilaterali jdgħajfu l-pożizzjoni tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-Istati Membri huma u jiddefinixxu l-politiki kummerċjali tagħhom u l-politiki tagħhom relatati maċ-Ċina; jeżiġi li l-UE timplimenta strateġija fit-tul fir-rigward taċ-Ċina, tiggarantixxi l-koordinament operattiv kemm bejn l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll bejn l-UE u l-Istati Membri;
38. Jenfasizza l-bżonn ta' adozzjoni ta' approċċ bilanċjat fil-konfront taċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu kooperazzjoni estensiva maċ-Ċina fl-oqsma tar-riċerka konġunta, bħas-sikurezza tal-prodotti u s-saħħa tal-bniedem, u jistabbilixxu aktar skambji fil-qasam xjentifiku, teknoloġiku u kulturali;
39. Ħafna problemi dwar il-kummerċ maċ-Ċina jirrigwardaw il-kwalità tar-regolamentazzjoni u l-implimentazzjoni relatata fid-diversi oqsma politiċi, fosthom il-politika industrijali, il-politika ambjentali, il-miżuri f'każ ta' kriżi, l-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-konsumaturi; jappella biex tali kwistjonjiet jissolvew permezz ta' żieda fil-kooperazzjoni bilaterali jew riżoluzzjoni tat-tilwim fi ħdan id-WTO;
40. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Lejlet il-ftuħ tas-Samit tal-G20, l-1 ta' Novembru 2011, Hu Jintao, il-President tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, iddikjara li ċ-"Ċina biħsiebha, flimkien mal-Ewropa [...] tibni sħubija minn pari għal pari bbażata fuq ir-rispett reċiproku, il-ħbiberija u l-fiduċja reċiproka, sħubija ta' kooperazzjoni kkaratterizzata mill-vantaġġi reċiproċi, is-sitwazzjoni vantaġġjuża għal kulħadd u l-iżvilupp komuni [...]." Din id-dikjarazzjoni, fl-eqqel tal-kriżi tad-dejn pubbliku Ewropew, enfasizzat li l-ekonomija taċ-Ċina mhijiex se ddum ħafna sodisfatta bi tnaqqis tat-tkabbir tal-Ewropa.
Sostanzjalment, iċ-Ċina tafferma li għandha bżonn it-tkabbir tas-sħab kummerċjali tagħha biex tgħajjex l-iżvilupp ekonomiku tagħha stess u l-bidliet interni li jimplika, partikolarment f'termini ta' konsum intern u ta' żieda tal-livell tal-ħajja tal-popolazzjoni tagħha. Evoluzzjoni strutturali stabbilita mit-12-il pjan Ċiniż fuq ħames snin (2011-2015) li tagħmel enfasi fuq l-ibbilanċjar mill-ġdid tat-tkabbir Ċiniż permezz ta' żieda tal-konsum intern u l-iżvilupp sostenibbli.
Din hija bidla tal-mudell, għajn ta' opportunitajiet ġodda għall-ekonomija Ewropea, iżda bil-kundizzjoni li dawn l-objettivi jkunu akkumpanjati minn deċiżjonijiet b'saħħithom min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi fil-qasam tal-aċċess għas-suq, ta' kontroll tal-investimenti barranin, ta' protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u ta' tneħħija tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ. Daqstant ostakli li, jekk jiġu eliminati, jafu jiżguraw ibbilanċjar mill-ġdid tal-iskambji kummerċjali u, b'konsegwenza, irkupru ta' tkabbir għall-ekonomija Ewropea. L-Ewropa infatti għandha bżonn iċ-Ċina u ċ-Ċina għandha bżonn l-Ewropa.
Huwa għalhekk f'dan l-ispirtu li għandha tinfetaħ fażi ġdida fir-relazzjonijiet kummerċjali UE-Ċina bbażati fuq sħubija minn pari għal pari, ikkaratterizzata mill-vantaġġi reċiproċi u l-iżvilupp komuni. Reċiproċità li l-Ewropej ilhom żmien jippretendu.
Sostnuta minn tkabbir ta' kważi 10 % fis-sena f'dawn l-aħħar 30 sena, l-ekonomija Ċiniża, essenzjalment orjentata lejn l-esportazzjoni, ibbenefikat mill-ftuħ tal-iskambji kummerċjali. Lejn nofs is-seklu, iċ-Ċina se ssir l-ekonomija l-aktar b'saħħitha tad-dinja.
Min-naħa tagħha, l-UE (l-ewwel qawwa kummerċjali u l-ewwel destinazzjoni tal-esportazzjonijiet Ċiniżi) irreġistrat defiċit kummerċjali ta' EUR 49 biljun fl-2000 li għadda għal EUR 168.8 biljun fl-2010 u fl-istess ħin tkabbir dgħajjef propizju għal żieda tad-defiċit baġitarju mill-maġġoranza tal-Istati Membri tagħha.
Jeżisti għaldaqstant żbilanċ ċar li jkun opportun li jiġu analizzati l-kawżi tiegħu u jiġu suġġeriti l-modi u l-mezzi biex tinvellah fil-qafas ta' sħubija mġedda, li jkun ibbażat fuq il-prinċipji ta' reċiproċità u ta' kompetizzjoni ġusta.
I. Fatturi ta' żbilanċ
L-impriżi Ewropej illum ma jistgħux jinvestu fiċ-Ċina f'kundizzjonijiet analogi għal dawk li fihom isiru l-investimenti Ċiniżi fl-Ewropa.
Ostakli kummerċjali għall-aċċess għas-swieq Ċiniżi
Minkejja l-progress li sar minn Pekin biex jonqsu l-ostakli kummerċjali li jxekklu l-aċċess għas-swieq tagħha, għadhom jeżistu bosta ostakli, kif juri l-aħħar rapport tal-Kamra tal-Kummerċ tal-UE fiċ-Ċina: 43 % tad-diretturi tal-impriżi Ewropej stabbiliti fiċ-Ċina jistimaw li fl-2011 il-miżuri meħuda minn Pekin huma diskriminatorji fil-konfront tagħhom, meta mqabbla ma' 33 % fl-2010. Dan ir-rapport jispeċifika wkoll li "miżuri reċenti li għadhom jillimitaw aktar il-ftuħ tas-suq iqajmu kwistjonijiet dwar ir-rieda li jinħolqu għall-atturi kollha tas-suq opportunitajiet dejjiema".
Għadhom jeżistu ostakli kummerċjali oħrajn, bħall-konċessjoni ta' sussidji u ta' krediti għall-esportazzjoni f'ċerti setturi, ir-rekwiżit ta' ċertifikazzjonijiet nazzjonali jew in-nuqqas ta' trasparenza tal-istandards.
Aċċess limitat għall-akkwist pubbliku Ċiniż
Il-parteċipazzjoni tal-impriżi Ewropej fl-akkwist pubbliku Ċiniż ma tistax tintlaħaq. Barra mill-problemi marbuta mal-eżistenza ta' regolamentazzjonijiet kumplessi, il-volumi u s-setturi tal-akkwist pubbliku għadhom ristretti u n-nuqqas ta' trasparenza u ta' kompetizzjoni kif ukoll standards mhux konformi mar-regoli internazzjonali jikkostitwixxu fatturi ta' esklużjoni għall-impriżi Ewropej.
Trasferimenti tat-teknoloġija u protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali
Il-biċċa l-kbira tal-impriżi li jixtiequ jagħmlu investimenti fiċ-Ċina huma impriżi tat-teknoloġija avvanzata. Għalhekk, il-mekkaniżmu Ċiniż tal-joint venture jimpedixxi lill-investituri barranin milli jsiru azzjonisti ta' maġġoranza fis-setturi tal-karozzi u tat-telekomunikazzjonijiet.
Barra minn hekk, il-protezzjoni skarsa tal-proprjetà intellettwali fiċ-Ċina (li ma tiħux sehem fin-negozjati tal-ACTA) tiddisswadi dejjem iktar lill-investituri Ewropej. Jeħtieġ għalhekk li jitfakkar li ż-żieda tal-esportazzjonijiet Ċiniżi tmur id f'id maż-żieda tal-kwantità ta' merkanzija ffalsifikata sekwestrata mal-fruntieri esterni tal-UE: fl-2010, 85 % tal-merkanzija li kienet tikser id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali sekwestrata mid-dwani Ewropej kienet ġejja miċ-Ċina.
Materji primi
Il-politika Ċiniża fil-qasam tal-materji primi, u partikolarment tal-elementi rari tal-art, importanti għas-setturi Ewropej l-aktar avvanzati, tqajjem dejjem iktar tensjonijiet. Iċ-Ċina, li tikkonċentra 97 % tal-produzzjoni dinjija, stabbiliet restrizzjonijiet għall-esportazzjoni tagħhom biex, uffiċjalment, tipprivileġġa d-domanda interna tagħha. Ċerti prattiki Ċiniżi rigward materji primi oħrajn ġew, barra minn hekk, ikkontestati quddiem l-Korp ta' konċiljazzjoni tad-WTO, li ta t-tort liċ-Ċina f'Lulju 2011.
Kwistjoni tal-valuta
Filwaqt li l-Istati Uniti u l-Ewropa, iż-żewġ sħab il-kbar taċ-Ċina, għandhom valuti b'kambju "fluttwanti", is-sottovalutazzjoni u n-nonkonvertibilità tal-yuan, li tixbah dumping monetarju ta' kobor liema bħalu, tqajjem kwistjoni importanti. Din is-sottovalutazzjoni ppermettiet liċ-Ċina takkumula madwar USD 3 200 biljun f'riservi ta' kambju u tiżviluppa l-investimenti tagħha fl-Ewropa bil-għan li tikseb teknoloġiji avvanzati, iżda wkoll tixtri parti mid-dejn sovran ta' ċerti pajjiżi Ewropej, mingħajr ma aħna nkunu nafu kemm tiddetjeni (u dan hu wkoll minnu fil-każ tal-investimenti), minħabba n-nuqqas ta' strument kapaċi li jkejlu.
Imma ċ-Ċina wkoll għandha xi rekriminazzjonijiet x'tagħmlilna: sistema kumplessa tad-dazji doganali agrikoli u tas-sussidji tal-PAK, ostakli tekniċi għall-kummerċ u anki restrizzjonijiet għall-investimenti barranin mill-Istati Membri tal-UE. Dan ir-rapport jagħti indikazzjonijiet dwar l-azzjoni li l-UE għandha timplimenta f'dawk li huma investimenti Ċiniżi fit-territorju tagħha, fir-rispett tal-qafas tad-WTO. Jafferma speċjalment il-bżonn li tiġi żviluppata politika ekonomika u industrijali Ewropea biex l-UE tkun tista' tagħmel kummerċ b'mod ekwu maċ-Ċina, filwaqt li jiġi eskluż kull protezzjoniżmu.
II. Reċiproċità: il-qofol ta' sħubija ġdida
Wara dan l-ewwel pass meħtieġ ta' ftuħ tal-fruntieri rispettivi tagħna, li sar wara snin sħaħ ta' gwerra bierda, għandu jkun hemm sħubija li tkun vantaġġjuża għal kulħadd, iktar u iktar iġġustifikata billi ċ-Ċina bbenefikat bil-kbir mil-libertà tal-iskambji. Il-bilanċ li għandu jinstab huwa eżiġenza billi, fil-kriżi li għaddejja minnha l-Ewropa llum, l-opinjonijiet pubbliċi mhumiex insensittivi għal akkużi li jqajmu dubju fuq iċ-Ċina, meqjusa bħala fattur tal-għawġ kollu.
Il-filosofija tal-Ewropa hija li ma tingħalaqx fiha nnifisha u ma tinfetaħx beraħ. Dawn iż-żewġ atteġġjamenti jmorru kontra l-ispirtu Komunitarju, kontra l-interess tal-Ewropa u tal-Ewropej li jiddefendu viżjoni regolamentata, bilanċjata u multilaterali tar-relazzjonijiet internazzjonali. L-approċċ tal-Ewropa huwa li tibni sħubiji msejsa fuq is-sinċerità u r-reċiproċità, fatturi ta' taffija tat-tensjonijiet u tat-tkabbir kondiviż.
Aċċess għas-swieq u kompetizzjoni internazzjonali ġusti
L-aċċess tal-impriżi Ewropej fis-suq Ċiniż għandu jsir fl-istess kundizzjonijiet bħall-aċċess tal-impriżi Ċiniżi fis-suq Ewropew. L-adeżjoni taċ-Ċina mal-Ftehim multilaterali dwar l-Akkwisti Pubbliċi hija urġenti, kif anki l-konverżjoni tar-regoli u tal-standards Ċiniżi għar-regoli internazzjonali, l-iżvilupp ta' standards komuni fis-setturi promettenti u t-tneħħija tal-protezzjonijiet għall-aċċess fis-suq Ċiniż bħar-reġim ta' liċenzji, l-għajnuniet diretti u l-ostakli għall-appalt pubbliku. Għandna bżonn ukoll li l-UE tiżviluppa strateġija biex tevita t-trasferimenti furzati tat-teknoloġija. Barra minn dan il-kwistjoni tal-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-privattiva Komunitarja għandha tkun regolamentata malajr;
Huwa wkoll indispensabbli li ssir riflessjoni dwar riforma tad-WTO biex fiha jkun inkluż ir-rispett tar-regoli soċjali, tas-saħħa u ambjentali komuni żviluppati konġuntament mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u n-Nazzjonijiet Uniti; F'dan il-qafas eżiġenti futur, għandha tkun inkluża l-introduzzjoni progressiva ta' kundizzjonalità tal-iskambji. Fl-aħħar nett, f'każ li hija kwistjoni sensittiva, l-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina: il-Kummissjoni għandha jkollha l-għan li takkumpanja l-Gvern Ċiniż fl-isforzi tiegħu biex jitneħħew l-ostakli attwali.
Strumenti ġodda għal aktar trasparenza
Bil-maqlub tal-Istati Uniti, l-UE ma tafx bi preċiżjoni r-rata ta' penetrazzjoni taċ-Ċina fl-ekonomija tal-Istati Membri, sew jekk huma investimenti sew jekk huma xiri ta' titoli ta' dejn pubbliku. Din l-injoranza naturalment hija ta' ħsara għall-interess Ewropew u b'hekk tqanqal kull tip ta' biża'. L-UE għandha tagħti lilha nnifisha strumenti ta' kejl fuq il-mudell tal-Committee on Foreign Investment in the United States (CFIUS) biex issir taf id-detenturi barranin tad-dejn pubbliku. L-UE għandha wkoll tippubblika rapport annwali dwar ir-rispett min-naħa taċ-Ċina tal-obbligi previsti fil-Protokoll ta' Adeżjoni tagħha mad-WTO u tuża aħjar l-istrumenti ta' difiża kummerċjali għad-dispożizzjoni tagħha.
Is-sottovalutazzjoni tal-yuan u n-nonkredibilità tiegħu jagħmlu ħsara lit-trasparenza u lis-sinċerità tal-iskambji. Għalhekk l-UE għandha tinsisti mal-awtoritajiet Ċiniżi u tħeġġiġhom ikomplu l-isforzi diġà mibdija. Ma ninsewx li skont it-Trattati Ewropej, l-UE tista', f'każ ta' żbilanċi monetarji dinjija insostenibbli, tadotta politika tal-kambju.
Qafas ġdid għar-relazzjonijiet UE-Ċina
Ir-relazzjonijiet kummerċjali UE-Ċina evolvew konsiderevolment fi 30 sena kif anki l-influwenza dejjem ikbar taċ-Ċina fix-xena internazzjonali. Jeħtieġ għaldaqstant li l-UE u ċ-Ċina jaġġornaw il-kundizzjonijiet tal-ftehim ta' kooperazzjoni tagħhom tal-1985. Jekk iċ-Ċina ma tistax tibqa' titqies bħala ekonomija tas-suq, jeħtieġ madankollu li f'dan il-ftehim jiġu integrati regoli akar vinkolanti fil-qasam tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet tal-prodotti.
Il-ftehim dwar l-investimenti l-ġdid għandu jqis il-bżonn ta' aċċess mingħajr restrizzjoni għall-akkwist pubbliku Ċiniż fl-istess kundizzjonijiet bħal fl-Ewropa. L-UE, min-naħa l-oħra, se jkollha tibqa' tgħasses l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-investimenti dejjem ikbar taċ-Ċina fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u partikolarment fl-Afrika.
----
Huwa urġenti li l-UE timplimenta politika miftiehma ta' reindustrijalizzazzjoni kif ukoll politika ta' riċerka u innovazzjoni adegwati għall-isfidi dinjin il-ġodda Minn dan il-lat, ikun utli, pereżempju, li l-UE tinkoraġġixxi x-xiri ta' prodotti Ewropej.
Għandha tinsisti, ma għandniex xi ngħidu, fuq l-eżiġenza assoluta ta' koordinament aħjar tal-Istati Membri biex ir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom maċ-Ċina ma jdgħajfux il-pożizzjoni tal-UE fil-konfront ta' din.
Eżiġenza ta' koordinament aħjar li jiswa aktar mis-sempliċi kwistjonijiet kummerċjali. Għalina, mhux biss ifisser id-difiża ta' mudell ta' ekonomija soċjali tas-suq, miftuħa iżda eżiġenti f'termini ta' reċiproċità u ta' protezzjoni tal-interess tal-Ewropej, iżda wkoll il-promozzjoni u d-difiża tal-kunċett tagħna ta' żvilupp, ta' demokrazija u ta' drittijiet tal-bniedem. Għax aħna nemmnu li l-progress soċjali u ekonomiku huma marbuta intimament mal-istabbiliment tal-istituzzjonijiet demokratiċi.
17.6.2011
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
L-UE u ċ-Ċina: Kummerċ Żbilanċjat?
( 2010/2301(INI) )
Rapporteur għal opinjoni: Dirk Sterckx
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi l-UE u ċ-Ċina huma fost l-akbar sħab kummerċjali ta' xulxin,
B. billi, minkejja r-rati ta' tkabbir għoljin li ġew reġistrati fiċ-Ċina matul dawn l-aħħar għoxrin sena, kien hemm żieda konsiderevoli fir-rata tal-qgħad fil-pajjiż,
1. Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika d-djalogu eżistenti dwar l-impjiegi u l-politika soċjali u tibda djalogu strutturat maċ-Ċina fil-qafas tad-Djalogu ta' Livell Għoli dwar il-Kummerċ u l-Ekonomija (HLD);
2. Jinnota l-kompetizzjoni bejn sistemi soċjali differenti kkaġunata mill-ftuħ tas-suq dinji; jinnota żieda fil-livell tax-xogħol informali fiż-żoni urbani, kif ukoll vjolazzjonijiet tal-prinċipji ta' xogħol deċenti, minkejja l-eżistenza ta' qafas leġiżlattiv li jirregola l-kundizzjonijiet tal-impjiegi; jinnota li, minkejja li l-ftuħ tal-ekonomija Ċiniża ġab benefiċċji kbar bħal aċċess aħjar għas-suq tal-impjiegi u tnaqqis fil-qgħad rurali, mhux is-segmenti kollha tal-popolazzjoni Ċiniża bbenefikaw b'mod ugwali mit-tkabbir ekonomiku u distakki kbar qegħdin joħorġu fid-dieher bejn il-partijiet rurali u urbani tal-pajjiż; jenfasizza li l-inugwaljanzi fl-introjti u fl-aċċess għall-impjiegi, għall-benessri soċjali, għas-saħħa u l-edukazzjoni, bejn popolazzjonijiet urbani u rurali jikkostitwixxu sfida kbira għaċ-Ċina fir-rigward tal-politika ta' koeżjoni tagħha;
3. Jitlob li l-kompetizzjoni kummerċjali bejn iċ-Ċina u l-UE għandha tkun ibbażata fuq regoli stabbiliti b'mod ċar li jippermettu emulazzjoni reċiproka u l-istabbiltà u l-aħjar użu tan-negozju, favur l-interessi tal-impjegati;
4. Jenfasizza l-impatt li ċ-Ċina, bħala l-akbar esportatur, għandha fuq l-ekonomija dinjija u r-responsabbiltà li dan il-fatt iġib miegħu rigward ir-rispett ta' standards soċjali minimi; jilqa' l-isforzi li l-gvern Ċiniż, fil-livell ċentrali u f'dak lokali, għamel f'dan il-qasam; jenfasizza li liġi komprensiva li tkun konformi mal-istandards internazzjonali dwar is-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa u monitoraġġ strett u effikaċi tal-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-impjiegi, huma indipensabbli; jenfasizza li l-finanzjament sostenibbli ta' sistema stabbli tas-sigurtà soċjali u tal-kura tas-saħħa li tiġġenera l-istess benefiċċji fil-provinċji kollha tal-pajjiż huwa wieħed mill-akbar sfidi għall-gvern Ċiniż; jenfasizza f'dan ir-rigward, il-Proġett ta' Kooperazzjoni għar-Riforma tas-Sigurtà Soċjali bejn l-UE u ċ-Ċina, li huwa mmirat biex iċ-ċittadini Ċiniżi jkollhom aċċess għal assigurazzjoni soċjali adegwata u bi prezzijiet raġonevoli;
5. Jenfasizza l-impatt li ċ-Ċina għandha fuq l-ekonomija dinjija, ir-responsabbiltà li tkun konformi ma' standards soċjali minimi u l-importanza tar-relazzjonijiet tal-kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina; jenfasizza li r-rispett għad-drittijiet soċjali u tal-bniedem huwa essenzjali fil-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina; jenfasizza li l-importanza tal-konformità mal-implimentazzjoni rapida tar-regoli kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, inkluż id-dritt li jitwaqqfu liberament trade unions indipendenti; isostni t-tfittxija għal paga u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti; jitlob ir-rispett reċiproku għal-leġiżlazzjoni tax-xogħol, speċjalment il-prevenzjoni ta' forom illegali tax-xogħol bħal it-tħaddim ta' tfal u x-xogħol furzat ġewwa l-ħabsijiet; jinnota titjib li sar min-naħa tal-gvern Ċiniż fir-rigward ta' kundizzjonijiet aħjar għall-impjegati, iżda josserva li d-drittijiet tal-ħaddiema mhumiex dejjem rispettati minħabba infurzar skars tal-liġijiet tax-xogħol u l-fatt li dawk li jħaddmu, ħafna drabi, jonqsu milli jkunu konformi mal-istandards ambjentali, tas-saħħa u tas-sikurezza, u dan iwassal għal ambjenti tax-xogħol perikolużi; jitlob titjib bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni kkonċernata; jenfasizza l-importanza ta' kontroll aħjar tal-katina tal-provvista fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol; jistenna lill-gvern Ċiniż u d-ditti Ċiniżi jieħdu l-SPĠ+ bħala l-istandard tax-xogħol ta' kuljum tagħhom;
6. Iqis li l-intensifikazzjoni tad-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina li tnieda fl-2009 biex itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u jitnaqqsu n-numru tal-inċidenti u l-każijiet ta' mard fuq il-post tax-xogħol, hija miżura essenzjali; jenfasizza l-ħtieġa ta' skambji ta' prattiki soċjali u kummerċjali tajbin; jitlob skambju tal-aħjar prattiki bejn l-UE u t-trade unions Ċiniżi sabiex jikkontribwixxu għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-forza tax-xogħol u l-ilħiq tal-konvenzjonijiet ILO;
7. Iqis li l-ILO għandha tingħata r-responsabbiltà li tissorvelja dawn id-drittijiet;
8. Jitlob aktar titjib fl-għajnuna mill-UE għall-iżvilupp, speċjalment f'oqsma bħalma huma l-impjieg, il-protezzjoni tas-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, il-qerda tal-faqar, is-saħħa pubblika u l-iġjene, l-edukazzjoni u t-titjib tal-kundizzjonijiet ta' ħajja tat-tfal;
9. Jenfasizza l-importanza li tittejjeb aktar il-forza tax-xogħol Ċiniża, għall-kummerċ globali;
10. Jenfasizza l-importanza tal-iskambju tal-esperjenza u tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-opportunitajiet ta' impjieg fir-rigward tal-iżvilupp tal-impjieg ekoloġiku, meta jkun qiegħed jiġi indirizzat l-impatt soċjali u ambjentali fuq it-tibdil fil-klima;
11. Jitlob l-iżvilupp ulterjuri ta' kooperazzjoni mtejba dwar l-impjiegi ta' immigranti legali u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi ta' dawn il-ħaddiema migranti u kooperazzjoni mtejba f'affarijiet tax-xogħol internazzjonali;
12. Jinnota li l-popolazzjoni Ċiniża qed tixjieħ u li l-għadd ta' ħaddiema ġodda disponibbli, b'mod partikolari dawk bi ftit kwalifiki, qed jonqos, minkejja li sa ftit ilu kien jidher bla tmiem; jinnota li l-kummerċ qed jaqleb miċ-Ċina lejn pajjiżi oħra tax-Xlokk tal-Asja, minħabba vantaġġi potenzjali f'termini ta' kostijiet; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tintroduċi politika Ewropea integrata għar-reġjun tax-Xlokk tal-Asja li se tostakla l-kumpaniji multinazzjonali Ewropej milli jwettqu prattiki irresponsabbli f'dawk il-pajjiżi; josserva li sensibilizzazzjoni akbar tal-istandards ta' impjieg għandha titqajjem fost il-klassi tan-nofs taċ-Ċina, li dejjem qiegħda tikber - sensibilizzazzjoni li relativament ftit li xejn hija żviluppata attwalment fost il-poplu kollu;
13. Jinnnota li l-analiżi xjentifika tvarja fir-rigward tal-impatt tal-investiment barrani dirett Ewropew fiċ-Ċina rigward l-impjiegi fl-Ewropa; jinnota li xi studji juru l-possibbiltà li mhu se jkun hemm ebda effett negattiv li jista' jitkejjel fuq l-impjiegi fl-Ewropa, u li l-investiment barrani dirett jista', sa ċertu punt, ikollu effett pożittiv fuq l-impjiegi fil-fergħat Ewropej tal-kumpaniji kkonċernati; jieħu nota wkoll tal-istudji li juru ċerti impatti negattivi fuq l-impjiegi fl-Ewropa;
14. Iqis li l-importazzjonijiet ta' prodotti falsifikati miċ-Ċina mhux talli huma ta' theddida għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi tal-UE iżda għandhom ukoll effett negattiv fuq l-impjiegi fi ħdan l-UE;
15. Jistieden lill-impriżi Ewropej li qed joperaw fiċ-Ċina japplikaw l-ogħla standards internazzjonali u l-aħjar prattiki fir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, fir-rigward tal-ħaddiema;
16. Jinnota żieda fir-restrizzjoni tad-drittijiet demokratiċi mir-reġim Ċiniż f'dawn l-aħħar xhur.li tinkludi l-kundanna u l-persekuzzjoni ta' trade unionists.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 16.6.2011 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 35 6 2 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Regina Bastos, Edit Bauer, Heinz K. Becker, Mara Bizzotto, Philippe Boulland, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Tadeusz Cymański, Frédéric Daerden, Karima Delli, Proinsias De Rossa, Frank Engel, Sari Essayah, Ilda Figueiredo, Marian Harkin, Nadja Hirsch, Liisa Jaakonsaari, Danuta Jazłowiecka, Martin Kastler, Jean Lambert, Patrick Le Hyaric, Veronica Lope Fontagné, Elizabeth Lynne, Elisabeth Morin-Chartier, Csaba Őry, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Licia Ronzulli, Elisabeth Schroedter, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Jutta Steinruck, Traian Ungureanu | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Vilija Blinkevičiūtė, Julie Girling, Kinga Göncz, Sergio Gutiérrez Prieto, Richard Howitt, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Jan Kozłowski, Evelyn Regner, Dirk Sterckx | |||
24.11.2011
OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
dwar l-UE u ċ-Ċina: kummerċ żbilanċjat?
( 2010/2301(INI) )
Rapporteur għal opinjoni: Yannick Jadot
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġgerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Huwa tal-fehma li l-iżbilanċi kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina jirriflettu bil-bosta d-differenzi fil-mudelli soċjali, ekonomiċi, u demokratiċi, l-ispeċifiċitajiet demografiċi u r-riżorsi naturali tagħhom, kif ukoll li l-livell limitat jew ineżistenti ta' rispett ta' ċerti drittijiet, b'mod partikolari d-drittijiet demokratiċi u d-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema, fiċ-Ċina, jikkontribwixxi għal dan; jirrikonoxxi l-fatt li qed isiru xi sforzi biex jitranġaw l-iżbilanċi, iżda jqis li għad mhumiex biżżejjed; għalhekk, jinkoraġġixxi impenn kostruttiv u strateġija għal djalogu eqreb u aktar responsabbli bejn iż-żewġ sħab abbażi ta' ftehim reċiproku;
2. Jinnota li fl-2016, iċ-Ċina se jkollha l-istatus ta' ekonomija tas-suq, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi modi biex jinżammu mekkaniżmi ta' difiża kummerċjali wara l-2016, jekk ikun xieraq, fosthom għall-SMEs Ewropej innovattivi; jistieden liċ-Ċina tissodisfa l-impenji li ħadet fid-WTO billi tippermetti aċċess sħiħ għas-suq għall-prodotti u s-servizzi u l-libertà tal-investiment; jitlob li tiġi stabbilita politika kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina li tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iżvilupp soċjoekonomiku taż-żewġ partijiet; jemmen li ż-żewġ naħat jaffaċċjaw sfidi kif ukoll opportunitajiet kbar; jenfasizza li t-tkabbir sinifikanti fid-domanda fl-ekonomiji emerġenti jipprovdi opportunità għall-UE li taħsad il-frott tal-globalizzazzjoni billi żżid l-esportazzjonijiet tal-prodotti u s-servizzi tagħha fis-swieq il-ġodda; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' reċiproċità pożittiva, partikolarment fir-rigward tal-akkwist pubbliku; jiddispjaċih li ċ-Ċina għadha tuża ostakli mhux tariffarji li jillimitaw severament il-preżenza ta' kumpaniji Ewropej fis-suq Ċiniż u li jiġġeneraw kostijiet għall-impriżi Ewropej u jċaħħduhom minn ħwienet kummerċjali; jenfasizza li l-aċċess għal għadd ta' setturi ewlenin għadu limitat minħabba restrizzjonijiet fuq l-investiment fil-forma ta' limiti massimi fuq il-parteċipazzjoni azzjonarja f'oqsma strateġiċi;
3. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kumpaniji Ewropej għandhom it-tentazzjoni li jirrilokaw l-attività tagħhom fiċ-Ċina sabiex inaqqsu l-kostijiet u jkattru l-qligħ tagħhom, għad-detriment tal-forza tax-xogħol tal-UE u mingħajr ma jirrispettaw l-objettivi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-istandards soċjali u tal-impjieg tal-UE;
4. Huwa tal-fehma li l-isfidi li tirrappreżenta ċ-Ċina għall-UE huma l-implimentazzjoni ta' politika industrijali tal-UE ambizzjuża u proattiva, li għandha tkun imsejsa fuq:
– it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' standards stretti,
– it-tisħiħ tal-miżuri anti-dumping leġittimi,
– l-adozzjoni ta' approċċ aktar ambizzjuż, koerenti u bbilanċjat fil-politiki Ewropej dwar l-akkwist pubbliku, b'mod partikolari bl-għan li jittejjeb l-aċċess tal-kumpaniji għas-suq Ċiniż;
– ir-riċerka u l-innovazzjoni,
– il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,
– u l-promozzjoni ta' ekonomija ekoloġika u sostenibbli;
5. Jirrimarka li tali politika industrijali tkun effikaċi biss jekk tkun ikkoordinata, żviluppata u implimentata fil-livell tal-UE, u li jkun imposibbli li jinħoloq approċċ koerenti u effikaċi tal-UE fil-konfront taċ-Ċina abbażi ta' approċċi purament nazzjonali separati;
6. Jenfasizza li l-protezzjoni dgħajfa kontra l-falsifikazzjoni u n-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi biex jaffrontaw il-falsifikazzjoni tal-prodotti, huma ostakli għal espansjoni u investiment addizzjonali minn kumpaniji Ewropej fiċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina u matul iċ-ċiklu l-ġdid ta' negozjati makroekonomiċi, tfassal miżuri xierqa kontra l-falsifikazzjoni;
7. Jinnota li r-restrizzjonijiet Ċiniżi fuq l-aċċess għas-suq u n-nuqqas ta' ħarsien xieraq tal-proprjetà intellettwali huma ostakli kbar għall-espansjoni addizzjonali tal-kumpaniji Ewropej fiċ-Ċina; għaldaqstant, jitlob liċ-Ċina tagħmel sforzi urġenti ħalli ttejjeb il-ftuħ ekonomiku tagħha;
8. Jinnota, barra minn hekk, li baqa' xkiel tekniku għall-impriżi barranin, u li hemm tendenza kulma jmur qed tikber għal xi aġenziji regolatorji Ċiniżi li jagħti trattament inugwali, u li hemm nuqqas ta' trasparenza fil-qasam regolatorju;
9. Jinnota bi tħassib il-fatt li ċ-Ċina qed tkompli timponi ostakli għall-kummerċ globali liberu fl-elementi terrestri rari u l-prodotti derivati tagħhom, li kienu ssaħħew bit-tnaqqis tal-kwoti tal-esportazzjoni li issa jinkludu l-ligi tal-elementi terrestri rari; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera b'determinazzjoni maċ-Ċina għall-konklużjoni ta' ftehimiet li jkunu ta' benefiċċju reċiproku u jikkonformaw mad-dritt ambjentali u mad-dritt kummerċjali internazzjonali;
10. Iqis li t-twaqqif mill-Kummissjoni ta' mekkaniżmu għal skambju ta' informazzjoni dwar ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fil-qasam tal-kummerċ maċ-Ċina se jiffaċilita approċċ koerenti fir-rigward taċ-Ċina;
11. Jisħaq fuq l-importanza li jitwaqqaf qafas għall-investiment bejn iż-żewġ partijiet, u jinnota l-importanza li jkun hemm konċiljazzjoni bejn l-istrateġija UE 2020 u l-pjan kwinkwennali taċ-Ċina;
12. Huwa mħasseb dwar ir-riluttanza tal-awtoritajiet Ċiniżi li jinfurzaw iċ-ċibersigurtà u li jipprosegwixxu ċ-ċiberkriminalità, li qed iddgħajjef in-netwerk dinji u s-sigurtà tal-informazzjoni u qed tħalli impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija u s-soċjetà tal-UE;
13. Ifakkar fil-progress li għamlet iċ-Ċina fl-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-istandards proprji, u jinkuraġġixxi l-forom kollha ta' kooperazzjoni bejn iċ-Ċina u l-UE fin-negozjati internazzjonali dwar l-istandards; huwa tal-fehma li, bħala l-akbar suq dinji, l-UE trid tibqa' wkoll minn tal-ewwel fid-dinja fir-rigward tal-iżvilupp ta' standards, b'mod partikolari fl-oqsma strateġiċi; għalhekk, jitlob li l-prodotti kollha fiċ-ċirkolazzjoni fis-suq intern jikkonformaw b'mod strett mal-istandards soċjali, ambjentali u tal-protezzjoni tas-saħħa; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-mekkaniżmi ta' sorveljanza tas-suq sabiex jiżguraw li l-prodotti li jissodisfaw l-istandards tal-UE biss jitħallew jidħlu fis-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk approċċ komuni tal-Unjoni għas-sorveljanza tas-suq ikunx mezz xieraq biex jiġu msaħħa d-dispożizzjonijiet attwali ta' monitoraġġ;
14. Jinnota li l-kobor tal-investiment Ċiniż fl-effiċjenza enerġetika u l-enerġiji rinnovabbli u tal-appoġġ finanzjarju tal-gvern għalihom qed jisfida s-setturi tal-manifatturi tal-enerġija rinnovabbli tal-UE stess; jirrimarka li, skont ir-Rapport 2010 dwar l-Istatus Globali tal-Enerġiji Rinnovabbli ppubblikat min-Netwerk tal-Politiki dwar l-Enerġiji Rinnovabbli għas-Seklu 201 (REN21), li għandu l-appoġġ tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija u tan-Nazzjonijiet Uniti, iċ-Ċina laħqet l-akbar kapaċità ta' enerġija rinnovabbli fl-2009 (37 GW taż-żieda dinjija ta' 80 GW); għalhekk, jitlob azzjoni urġenti u impenn akbar sabiex ikun żgurat li l-UE tibqa' minn ta' quddiem f'dawn l-oqsma u ma ssirx importatur nett ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, billi tiffoka l-isforzi ta' riċerka tal-UE fuq il-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi u l-ekonomija ekoloġika u billi tinvesti f'ekonomija sostenibbli, bilanċjata u koeżiva; iwissi kontra l-użu inadegwat ta' ostakli kummerċjali u għall-investiment fis-settur tal-prodotti ekoloġiċi;
15. Jenfasizza li ċ-Ċina hija tal-ewwel fid-dinja f'termini ta' installazzjoni ta' parks eoliċi, li l-produtturi Ċiniżi u Indjani tat-turbini tar-riħ huma fost l-ewwel għaxra, u li ċ-Ċina attwalment tipproduċi proporzjon kbir tal-pannelli fotovoltajċi tad-dinja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jippromwovu l-iżvilupp u l-produzzjoni ekoeffiċjenti, fl-UE, tag dawn it-teknoloġiji u tat-teknoloġiji ġodda u innovattivi meħtieġa biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;
16. Huwa tal-fehma li ż-żieda fid-domanda domestika u t-tkomplija tar-riformi ekonomiċi fiċ-Ċina se jkollhom rwol deċiżiv fit-tħeġġiġ ta' ambjent tas-suq aktar ekwilibrat u fit-tnaqqis tad-defiċit kummerċjali; jappoġġja l-implimentazzjoni tas-servizzi bankarji meħtieġa u l-iżvilupp ta' suq reali ta' kreditu għall-konsumatur;
17. Jistieden lill-UE u liċ-Ċina jiżviluppaw sħubijiet strateġiċi fir-rigward tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-kooperazzjoni industrijali, teknoloġika u fil-qasam tal-innovazzjoni fil-varji setturi ta' tkabbir fl-ekonomija ekoloġika, bħat-tnaqqis tal-konsum, ir-riċiklaġġ, il-minjieri urbani, il-ġestjoni effiċjenti u sostenibbli tal-materja prima, l-elementi terrestri rari u riżorsi strateġiċi oħra fl-intier taċ-ċiklu ekonomiku, l-enerġiji rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, permezz ta':
– il-kondiviżjoni u l-koproduzzjoni ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u programmi konġunti ta' riċerka u żvilupp,
– it-titjib tat-trasparenza u tal-affidabbiltà ta' dejta marbuta mal-enerġija u l-iskambju tal-informazzjoni u l-aħjar prassi,
– l-istabbiliment tas-sħubija dwar il-proġett ITER;
18. Jistieden lill-UE żżid l-isforzi tagħha biex ittejjeb is-sigurtà tar-riżorsi tagħha billi twettaq riċerka dwar alternattivi sostenibbli;
19. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ċ-Ċina għadha tapplika restrizzjonijiet għall-esportazzjonijiet ta' materja prima fil-forma ta' dazji u kwoti li huma pprojbiti mid-WTO u li artifiċjalment jgħollu l-prezzijiet dinjin tal-materja prima, u għalhekk inaqqsu l-prezzijiet interni filwaqt li jagħtu lill-produtturi Ċiniżi vantaġġ kompetittiv sinifikanti;
20. Jirrimarka li ċ-Ċina għandha madwar 97 % tal-provvisti dinjin ta' elementi rari, li fuqhom il-Gvern Ċiniż impona kwoti restrittivi fuq l-esportazzjoni, li jwasslu għal żieda fil-prezzijiet tax-xiri għall-impriżi Ewropej, li jsibu ruħhom fi żvantaġġ meta mqabblin ma' dawk Ċiniżi;
21. Jistieden lill-UE u liċ-Ċina jiżviluppaw sħubijiet strateġiċi b'rabta mar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni permezz ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka Ċiniżi u tal-UE, programmi konġunti akkademiċi u ta' taħriġ u aktar mobbiltà għar-riċerkaturi; jilqa' favorevolment il-fatt li l-programmi Ewropej huma miftuħa għal timijiet ta' riċerka Ċiniżi, u jitlob li l-programmi Ċiniżi jinfetħu għar-riċerkaturi Ewropej; jitlob li jiġu stabbiliti sħubijiet fil-qasam tat-teknoloġija sabiex tiġi indirizzata l-isfida komuni tal-iżvilupp ta' metodi ta' produzzjoni li jħarsu r-riżorsi u programmi kollaborattivi ta' riċerka, għall-benefiċċju komuni tal-popolazzjonijiet Ewropej u Ċiniżi;
22. Jitlob li ssir valutazzjoni tal-impatt taż-Żoni Ekonomiċi Speċjali Ċiniżi fil-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u tal-Afrika sub-Saħarjana, b'mod partikolari dawk li magħhom l-UE kkonkludiet ftehimiet ta' kummerċ; jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar il-fatt li l-politika Ċiniża fl-Afrika jista' jkollha impatt drammatiku fuq ir-riżorsi naturali u tikkostitwixxi sfida għall-politiki ta' żvilupp imwettqa mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni taċċerta ruħha jekk il-politika kummerċjali tal-UE fil-konfront taċ-Ċina hijiex konformi mal-politiki Ewropej ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-Afrika.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 23.11.2011 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 43 0 3 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Vicky Ford, Adam Gierek, Norbert Glante, Robert Goebbels, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Kent Johansson, Romana Jordan Cizelj, Lena Kolarska-Bobińska, Béla Kovács, Philippe Lamberts, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Aldo Patriciello, Anni Podimata, Herbert Reul, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Vladimir Urutchev, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Yannick Jadot, Ivailo Kalfin, Seán Kelly, Holger Krahmer, Werner Langen, Alajos Mészáros, Mario Pirillo, Vladimír Remek | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) prezenti għall-votazzjoni finali | Cristian Silviu Buşoi, Anna Hedh | |||
23.11.2011
OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
dwar l-UE u ċ-Ċina: kummerċ żbilanċjat?
( 2010/2301(INI) )
Rapporteur għal opinjoni: Morten Løkkegaard
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza l-interdipendenza tas-suq Ċiniż u dak tal-UE, u l-ħtieġa ta' kundizzjonijiet indaqs fejn jiġi evitat il-protezzjoniżmu; jinnota l-progress taċ-Ċina f'dak li jirrigwarda l-ftuħ tas-swieq tagħha; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li jiġu indirizzati "miżuri ta' wara l-fruntiera" fiċ-Ċina, li jfixklu l-klima tan-negozju għall-impriżi Ewropej; huwa tal-fehma li Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTA) maċ-Ċina jista' jtejjeb ir-relazzjonijiet kummerċjali u jkollu impatt pożittiv fuq iż-żewġ naħat, filwaqt li tibqa' tiġi segwita l-linja tad-WTO; jinsisti fuq il-fatt li ftehim f'livell tad-WTO għandu jkun prijorità għall-UE;
2. Jenfasizza l-importanza tad-Djalogu Ekonomiku u Kummerċjali ta' Livell Għoli bejn l-UE u ċ-Ċina; jistieden lill-UE u ċ-Ċina biex jiltaqgħu darbtejn fis-sena sabiex isaħħu r-relazzjoni bilaterali tagħhom permezz tad-djalogu u jiksbu riżultati konkreti fl-oqsma ta', inter alia, l-investimenti, il-provvediment tas-servizzi, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-akkwist pubbliku, is-sikurezza tal-prodotti, il-konformità mar-regoli dwar it-trademarks, l-aċċess għall-materja prima, l-istandards u l-ostakli tariffarji kif ukoll dawk mhux tariffarji; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tenfasizza l-problemi li l-impriżi Ewropej jaffaċċjaw fiċ-Ċina fir-rigward tal-burokrazija, tal-kwistjonijiet marbuta mar-riżorsi umani u tal-aċċess għas-suq;
3. Jenfasizza l-bżonn ta' adozzjoni ta' approċċ bilanċjat fil-konfront taċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu kooperazzjoni estensiva maċ-Ċina fl-oqsma tar-riċerka konġunta, bħas-sikurezza tal-prodotti u s-saħħa tal-bniedem, u jistabbilixxu aktar skambji fil-qasam xjentifiku, teknoloġiku u kulturali;
4. Jiddispjaċih li l-klima tal-investimenti fiċ-Ċina hija nieqsa mit-trasparenza u li għad hemm rekwiżiti diskriminatorji; jappella għal ftehim dwar investiment bilaterali maċ-Ċina, sabiex jiżdied l-aċċess għas-suq għall-investimenti, filwaqt li tingħata prijorità lis-setturi fejn l-aktar hemm restrizzjonijiet; jenfasizza l-bżonn li jiġu faċilitati l-kummerċ u l-investiment, speċjalment għall-SMEs; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u ċentrali fiċ-Ċina; jenfasizza l-fatt li ċ-Ċina hija l-akbar sors ta' importazzjonijiet għall-UE u hija t-tieni l-akbar suq ta' esportazzjoni tal-UE, filwaqt li kemm l-importazzjonijiet kif ukoll l-esportazzjonijiet żdiedu b'aktar minn 30 fil-mija bejn l-2009 u l-2010;
5. Huwa mħasseb li, minħabba n-nuqqas ta' reġistru kummerċjali aċċessibbli liberament, hemm skarsezza ta' informazzjoni affidabbli dwar is-sħab kummerċjali fiċ-Ċina; jenfasizza l-importanza ta' informazzjoni affidabbli bħala kundizzjoni essenzjali għal klima ta' negozju tajba;
6. Huwa mħasseb dwar il-livell għoli ta' falsifikazzjoni u piraterija u l-livell baxx ta' infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fiċ-Ċina, li t-tnejn li huma jxekklu l-innovazzjoni fl-UE u jolqtu b'mod konsiderevoli s-sikurezza tal-konsumaturi; jistieden kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jintensifikaw id-taħditiet maċ-Ċina dwar l-infurzar effikaċi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, anke fil-livelli reġjonali u lokali; jenfasizza r-rekwiżiti diskriminatorji formali imposti fuq l-impriżi barranin, li jimpedixxu li dawn jiddefendu b'mod effikaċi d-drittijiet u l-privattivi tagħhom fiċ-Ċina; huwa tal-fehma li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta' impriżi internazzjonali min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi hija essenzjali biex jiżdied il-kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina u jilqa' l-isforzi li saru; iqis li l-esportazzjoni ta' prodotti ta' teknoloġija avvanzata mill-UE tista' tikkostitwixxi qasam ta' tkabbir esponenzjali, aġevolat mill-bżonn taċ-Ċina ta' dawn il-prodotti u l-kapaċità tal-UE li timmanifatturahom;
7. Jenfasizza l-ħtieġa ta' aċċess aħjar għas-swieq tal-akkwist pubbliku; huwa mħasseb dwar il-leġiżlazzjoni u l-politiki Ċiniżi dwar l-akkwist pubbliku li komparattivament huma aktar protezzjonisti; jenfasizza li l-UE trid tibqa' tagħmel pressjoni fuq iċ-Ċina, bis-swieq emerġenti tagħha, partikolarment fir-rigward tal-adeżjoni bla dewmien tagħha mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) tad-WTO, sabiex tiżgura li l-proċeduri ta' akkwist pubbliku jikkonformaw mal-istandards internazzjonali u biex tistabbilixxi kundizzjonijiet prevedibbli għas-sottokuntratturi; jappoġġja r-rieżami tal-Kummissjoni tal-miżuri meħtieġa biex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs fir-rigward tal-aċċess ġust għal proċeduri tal-akkwist f'pajjiżi terzi għall-impriżi tal-UE u viċeversa; jenfasizza, madankollu, li dawn il-miżuri jridu jkunu tali li ma jirriżultawx fi tqassim inadegwat ġdid tas-suq, li jista' jkollu riperkussjonijiet negattivi għall-industrija Ewropea u għar-relazzjonijiet kummerċjali globali tal-UE;
8. Huwa mħasseb dwar il-fatt li qed jiġu introdotti standards nazzjonali u proċeduri taċ-ċertifikazzjoni dejjem aktar speċifiċi, li qed joħolqu ostakli tekniċi ġodda għall-kummerċ; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tibda taħditiet maċ-Ċina u li tinvolvi liċ-Ċina fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet waqt l-iżvilupp tal-istandards internazzjonali futuri, sabiex ikun evitat l-użu ta' standards differenti bħala ostakli de facto għall-kummerċ; jenfasizza li l-proċedura tal-applikazzjoni għal-liċenzja kummerċjali fiċ-Ċina timxi bil-mod, u dan fil-fehma tiegħu huwa għodda użata miċ-Ċina biex trażżan ir-ritmu tal-istabbiliment u tal-espansjoni ta' kumpaniji barranin f'għadd ta' setturi; jenfasizza l-ħtieġa tas-simplifikazzjoni ta' din il-proċedura; jilqa' l-isforzi li saru min-naħa taċ-Ċina sabiex l-istandards nazzjonali jiġu konformi mal-istandards internazzjonali;
9. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-politiki restrittivi taċ-Ċina u l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq ta' diversi tipi ta' materja prima li hija kruċjali għall-funzjonament tal-ekonomija Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja kostantement u tittratta, fuq livell reġjonali, multilaterali u bilaterali, id-distakk bejn l-provvista u d-domanda ta' materja prima kritika u ta' elementi terrestri rari, u tkompli timpenja ruħha fi djalogu maċ-Ċina dwar l-użu tagħha tar-regoli tad-WTO biex tinforza kwota fuq l-elementi terrestri rari, li fil-fatt mhumiex riżorsi naturali fil-periklu; jinsisti, b'mod partikolari, fuq il-ħtieġa li ċ-Ċina tirrispetta r-regoli tad-WTO fir-rigward tal-aċċess għall-materja prima, kif ikkonfermat mid-deċiżjoni tad-WTO tal-5 ta' Lulju 2011, kif ukoll ir-regoli rigward l-aċċess għall-elementi terrestri rari; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ Ewropew komuni fil-qasam tal-materja prima sabiex tissaħħaħ il-pressjoni politika u biex ikun żgurat li l-kumpaniji fl-UE jkollhom aċċess ugwali għal riżorsi essenzjali għall-attivitajiet ta' produzzjoni tagħhom;
10. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi approfondita tal-impatt tar-rati tal-kambju fuq il-bilanċ kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina; jappoġġja l-adozzjoni ta' miżuri ulterjuri min-naħa taċ-Ċina lejn il-konvertibilità totali tal-Yuan Ċiniż;
11. Jenfasizza għadd ta' rapporti kkummissjonati mill-istituzzjonijiet tal-UE li fihom spiss jintuża lingwaġġ partiġġjan u dispreġjattiv biex tiġi deskritta l-attività ekonomika interna u globali taċ-Ċina[13]; jenfasizza l-ħtieġa ta' adozzjoni ta' djalogu kritiku u kostruttiv filwaqt li jiġu rispettati l-idjosinkrasiji u d-differenzi kulturali fl-organizzazzjoni politika.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 22.11.2011 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 28 1 3 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Pablo Arias Echeverría, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Cornelis de Jong, Evelyne Gebhardt, Małgorzata Handzlik, Iliana Ivanova, Eija-Riitta Korhola, Edvard Kožušník, Hans-Peter Mayer, Phil Prendergast, Mitro Repo, Robert Rochefort, Heide Rühle, Matteo Salvini, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Regina Bastos, María Irigoyen Pérez, George Lyon, Ramona Nicole Mănescu, Emma McClarkin, Konstantinos Poupakis, Sylvana Rapti, Marc Tarabella, Kyriacos Triantaphyllides, Wim van de Camp | |||
8.12.2011
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
dwar l-UE u ċ-Ċina: Kummerċ Żbilanċjat?
( 2010/2301(INI) )
Rapporteur għal opinjoni: Jan Zahradil
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi ċ-Ċina saret ekonomija emerġenti li ilha tirreġistra rati ta' tkabbir b'żewġ ċifri mill-1999 u llum, minn Frar 2011, hija t-tieni l-ikbar ekonomija tad-dinja; billi fl-istess ħin, u b'mod partikolari fil-provinċji interni tagħha, għadha qed tiffaċċja l-isfidi li normalment jiltaqgħu magħhom kull pajjiż li għadu qed jiżviluppa;
B. billi kien hemm allokazzjoni indikattiva ta' EUR 224 miljun f'għajnuna għall-iżvilupp tal-UE liċ-Ċina għall-perjodu 2007-2013; billi f'Marzu 2011, il-Kummissjoni ħabbret it-tieni Proġett tal-Kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina fuq perjodu ta' ħames snin, li jalloka EUR 20 miljun f'għajnuna tal-UE relatata mal-kummerċ mogħtija liċ-Ċina;
C. billi t-tkabbir ekonomiku fiċ-Ċina neħħa nofs biljun ruħ mill-faqar mill-1990; billi, madankollu, proporzjon kbir tal-ħaddiema migranti fil-bliet kif ukoll tal-popolazzjoni rurali għadhom qed jgħixu fil-faqar, u billi, skont il-Bank Dinji, 207 miljun persuna Ċiniża xorta għadhom jgħixu taħt il-linja tal-faqar;
D. billi l-qawmien taċ-Ċina bħala attur tal-iżvilupp fl-Afrika huwa wieħed mill-fatturi l-aktar impressjonanti fl-aħħar għaxar snin;
E. billi r-relazzjonijiet taċ-Ċina mal-pajjiżi Afrikani ssawru, pereżempju, mill-ħtieġa li jinkisbu riżorsi tal-enerġija li jappoġġjaw l-iżvilupp ekonomiku tagħha;
F. billi hemm differenzi importanti bejn l-OECD-DAC u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp taċ-Ċina; billi l-programm tas-self konċessjonali taċ-Ċina, mogħti permezz tal-Bank ta' Esprotazzjoni u Importazzjoni taċ-Ċina, huwa komponent kruċjali tar-relazzjonijiet barranin taċ-Ċina, u billi s-self konċessjonali jitqies bħala għajnuna marbuta;
G. billi ż-Żoni Ekonomiċi Speċjali taċ-Ċina (Special Economic Zones - SEZs) fl-Afrika għandhom l-għan li joħolqu ambjent ta' appoġġ għall-kumpaniji Ċiniżi żgħar u ta' daqs medju biex dawn joperaw barra minn pajjiżhom; billi skont il-Grupp tal-Bank Afrikan għall-Iżvilupp, is-SEZ imħaddma miċ-Ċina fl-Afrika Sub-Saħarjana s'issa kellhom riżultati limitati f'termini ta' investiment, filwaqt li l-impatt tagħhom fuq il-ħolqien tax-xogħol u l-integrazzjoni tagħhom mal-ekonomija lokali kienu limitati;
H. billi l-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina huwa uniku billi jinkludi għadd ta' impenji speċjali applikabbli għaċ-Ċina biss, li jieħdu l-forma ta' "impenji tad-WTO plus" (bħal fil-każ tat-taxxi fuq l-esportazzjoni) u anke ta' "drittijiet tad-WTO minus", li jippermettu lill-membri tad-WTO jieħdu miżuri ta' protezzjoni kontra l-esportazzjonijiet taċ-Ċina li ma jikkonformawx mar-regoli ġenerali tad-WTO;
I. billi ċ-Ċina għandha bżonn aċċess għal teknoloġija avvanzata u netwerks ta' distribuzzjoni għall-fażi li jmiss tal-iżvilupp ekonomiku tagħha, li se tissejjes fuq l-innovazzjoni, il-kummerċ nazzjonali u l-konsum intern;
J. billi t-tkabbir ekonomiku rapidu taċ-Ċina seħħ parzjalment għad-dannu tad-drittijiet tal-bniedem, u nbena parzjalment permezz tax-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal;
K. billi ċ-Ċina mhijiex membru tal-OECD, mhijiex obbligata tikkonforma mar-regoli tal-OECD li: jillimitaw l-għajnuna marbuta; jirregolaw il-prattiki tal-kreditu u jimponu termini massimi ta' ħlas lura, klassifika tar-riskju tal-pajjiż u rati minimi tal-imgħax; jirrikjedu li jsir skambju ta' informazzjoni; u jimponu standards soċjali, ambjentali u ta' governanaza fuq l-attivitajiet ta' finanzjament;
L. billi ċ-Ċina hija t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tal-Unjoni Ewropea;
M. billi f'dawn l-aħħar deċenji ċ-Ċina għamlet progress soċjali importanti; billi titjib bħal dan fil-kwalità tal-ħajja għal popolazzjoni tant kbira f'perjodu ta' żmien qasir bħal dan huwa uniku fl-istorja, u naqqas il-faqar għal aktar minn 350 miljun persuna;
N. billi l-attivitajiet ta' finanzjament tal-esportazzjoni taċ-Ċina ppermettew liċ-Ċina żżid il-preżenza tagħha f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment fl-Afrika;
O. billi l-UE ilha mill-1997 b'defiċit strutturali maċ-Ċina fil-kummerċ ta' prodotti, u dan jirrikjedi li l-UE tistabbilixxi qafas strateġiku ġdid għall-kooperazzjoni maċ-Ċina,
P. billi r-relazzjonijiet ekonomiċi aktar mill-qrib maċ-Ċina jistgħu jkunu ta' benefiċċju kbir għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment f'termini ta' żvilupp tal-infrastruttura;
Q. billi, madankollu, l-attivitajiet taċ-Ċina fil-finanzjament tal-kreditu għall-esportazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jkunu ta' theddida għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, f'termini ta' ġestjoni tar-riżorsi naturali, is-sostenibilità tad-dejn, it-titjib tal-governanza u l-impjiegi u l-produttività lokali;
R. billi l-parteċipazzjoni taċ-Ċina f'sistema kummerċjali internazzjonali bbażata fuq it-trasparenza hija vitali sabiex jiġu żgurati l-prosperità u s-sostenibilità internazzjonali;
1. Huwa konvint, iżda, li t-tkabbir qawwi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri kollha tal-UE u ċ-Ċina jirrappreżenta strument ta' żvilupp kruċjali kemm għall-UE kif ukoll għaċ-Ċina, billi l-kummerċ miftuħ huwa wieħed mill-aktar muturi effikaċi tat-tkabbir ekonomiku, tal-ġlieda kontra l-faqar u tal-ħolqien tal-ġid; huwa tal-fehma li n-natura unika tal-impenn taċ-Ċina għad-WTO, li tipprevjeni liċ-Ċina milli titlob "Trattament Speċjali u Differenzali" bħal pajjiżi membri oħra li qed jiżviluppaw, tqajjem dubji dwar il-koerenza u l-konsistenza; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-koerenza u l-konsistenza tal-politika tal-kummerċ tagħha fir-rigward taċ-Ċina fl-isfond tal-politika tal-iżvilupp tagħha fir-rigward tal-Afrika;
2. Jisħaq fuq il-fatt li hemm potenzjal enormi fl-aċċess reċiproku għas-swieq, fil-liberalizzazzjoni u fl-approfondiment tal-kooperazzjoni fil-kummerċ u fl-investimenti bejn l-Ewropa u ċ-Ċina; jenfasizza madankollu bħala prekundizzjoni li l-kompetizzjoni ġusta, l-aċċess reċiproku u regolamenti ċari tas-suq, speċjalment għall-Investiment Barrani Dirett (IBD) u għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Proprjetà fil-livell Internazzjonali (IPR), għandhom jiġu garantiti;
3. Jinnota li l-Fond għall-Iżvilupp Ċina-Afrika (CADF) jappoġġja l-istabbiliment ta' Żoni Ċiniżi speċjali ta' Pproċessar Ekonomiku fl-Afrika; jaqbel mal-fehma tal-Grupp tal-Bank Afrikan għall-Iżvilupp, li skontu jeħtieġ li l-investimenti Ċiniżi jiġu integrati fil-katina tal-produzzjoni nazzjonali biex jiġi żgurat li dawn iż-żoni jippromwovu l-industrijalizzazzjoni b'mod effikaċi, u dan jimplika pereżempju: it-tisħiħ tal-arranġamenti legali u regolatorji, inkluż salvagwardji soċjali u ambjentali, kif ukoll it-titjib tal-aċċess tal-kumpaniji lokali u tal-ħaddiema għaż-żoni biex jiġu żgurati r-rabtiet mal-ekonomija lokali;
4. Huwa tal-fehma li l-kummerċ għandu jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem fil-livell globali u li s-sħab kummerċjali kollha tal-UE għandhom jikkonformaw mal-konvenzjonijiet tal-ILO, partikolarment il-konvenzjoni kontra x-xogħol furzat, u dan ifisser li l-prodotti mmanifatturati fil-ħabsijiet u fil-kampijiet tal-priġunieri (il-Lao Gai) m'għandhomx jiġu permessi fis-suq tal-UE;
5. Jitlob lill-UE ttejjeb l-effikaċja tagħha fir-rigward tal-kummerċ maċ-Ċina permezz ta' organizzazzjoni istituzzjonali mtejba kif ukoll billi ssib pożizzjoni koerenti dwar iċ-Ċina fost l-Istati Membri;
6. Jinnota li t-tkabbir taċ-Ċina u l-kapaċità tagħha, li fi tletin sena minn pajjiż sottożvilupat issir pajjiż li jikkostitwixxi poter globali emerġenti, ikkontribwixxew biex jagħmlu liċ-Ċina sors alternattiv ta' kummerċ u finanzjament għas-sħab tradizzjonali tal-Afrika;
7. Huwa konxju li l-impatt taċ-Ċina fuq l-Afrika jvarja skont id-daqs, l-istrutturi ekonomiċi u l-kwalità ta' governanza u tal-istituzzjonijiet fl-ekonomiji Afrikani; huwa tal-fehma li l-impatt tal-kummerċ taċ-Ċina fuq il-pajjiżi Afrikani - jiġifieri safejn il-kummerċ maċ-Ċina jinkoraġġixxi aktar speċjalizzazzjoni fil-komoditajiet primarji, jew jista' jgħin lill-ekonomiji Afrikani jiddiversifikaw il-produzzjoni tagħhom u jiffinanzjaw proġetti sostenibbli - jeħtieġ li jiġi evalwat aktar;
8. Jenfasizza li r-rwol il-ġdid taċ-Ċina bħala sors ewlieni ta' finanzjament fl-Afrika qajjem ħafna tħassib f'daqqa fl-UE; jenfasizza, b'mod partikolari, li filwaqt li l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji ta' għajnunat bilaterali tad-donaturi tradizzjonali għamlu l-għajnuna tagħhom tiddependi fuq governanza tajba, dan mhuwiex il-każ taċ-Ċina; għalhekk, jibża' li l-influwenza taċ-Ċina tista' twassal għal dewmien fl-isforzi biex tittejjeb il-governanza u titnaqqas il-korruzzjoni fl-Afrika, partikolarment fil-pajjiżi sieħba tagħha li huma kkaratterizzati minn istituzzjonijiet dgħajfa, bħall-Angola, il-Kongo, in-Niġerja u s-Sudan;
9. Jenfasizza li l-impatt tal-investimenti fuq l-iżvilupp fis-settur tal-estrazzjoni għandu jissaħħaħ permezz ta' aktar trasparenza fil-proċess tal-akkwist u l-proċess tal-ikkuntrattar u permezz ta' involviment aktar attiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Afrikana fis-sorveljanza; f'dan il-kuntest, jitlob lill-UE tinkoraġġixxi liċ-Ċina biex tappoġġja l-prinċipji tal-Inizjattiva ta' Trasparenza fl-Industriji tal-Estrazzjoni;
10. Huwa tal-fehma li, sabiex il-kollaborazzjoni bejn iċ-Ċina u l-Afrika tkun ta' benefiċċju, jeħtieġ, fost oħrajn, li l-gvernijiet tal-Afrika jsaħħu l-istituzzjonijiet ta' governanza tagħhom; bl-istess mod, jinsisti fuq il-ħtieġa li jittejjeb il-livell tad-djalogu politiku bejn iċ-Ċina u l-Istati Membri tal-UE biex iħeġġu liċ-Ċina tagħti attenzjoni lill-implikazzjonijiet tal-għajnuna tagħha għall-governanza u l-ambjent, u biex jiġi żgurat li l-għajnuna taċ-Ċina tikkumplimenta, u mhux tikkompeti, mal-għajnuna mid-donaturi tradizzjonali;
11. Jinnota li l-investimenti taċ-Ċina fl-Afrika, mogħtija prinċiparjament permezz tal-Bank ta' Esportazzjoni u Importazzjoni, iqajmu tħassib, pereżempju dwar is-sostenibilità tal-proġetti, bħal fil-każ tal-proġetti kontroversjali kbar ta' digi tal-idroenerġija; bħala l-ewwel pass, jaqbel mal-fehma tal-Grupp tal-Bank Afrikan għall-Iżvilupp, li jixtieq li jkun hemm twessigħ tal-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Ekwatur - sett volontarju ta' standards biex jiġi ddeterminat, evalwat u ġestit ir-riskju soċjali u ambjentali fil-finanzjament tal-proġetti - għall-investimenti taċ-Ċina;
12. Jinnota bi tħassib li fl-Afrika maġġoranza tal-proġetti taċ-Ċina fuq skala kbira twettqu minn forza tax-xogħol li l-parti l-kbira minnha hija Ċiniża; iqis li din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn il-forza tax-xogħol lokali tibqa' mhux imħarrġa u r-riperkussjonijiet għall-popolazzjoni f'termini ta' impjieg huma minimi;
13. Huwa tal-fehma li l-pajjiżi Afrikani jeħtieġ iżidu l-valur miżjud tal-produzzjoni tagħhom, irrispettivament mill-pajjiżi sħab tagħhom; dan ifisser li jiġu żviluppati għodod biex pereżempju tiżdied id-domanda għal ħaddiema mingħajr kwalifiki fl-Afrika għall-proġetti ta' investiment;
14. Huwa konxju mill-fatt li minkejja li t-tkabbir ekonomiku rapidu fiċ-Ċina ħoloq ħafna ġid, speċjalment għall-popolazzjoni urbana, amplifika d-diskrepanzi bejn iż-żoni urbani u dawk rurali, li fihom tgħix 50.3 % tal-popolazzjoni taċ-Ċina kontinentali, u b'hekk ikkontribwixxa għal proċess ta' urbanizzazzjoni u ta' eżodu miż-żoni rurali, li ħoloq sitwazzjoni fejn fl-2011, għall-ewwel darba fl-istorja taċ-Ċina, aktar minn nofs il-popolazzjoni tal-pajjiż qed tgħix fil-bliet;
15. Jirrimarka li l-għajnuna taċ-Ċina hija differenti f'numru ta' modi minn dik applikata mill-pajjiżi tal-OECD; b'mod partikolari, ifakkar li filwaqt li l-membri tal-OECD huma impenjati li, permezz tal-Arranġament dwar il-Krediti tal-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġjati tal-OECD, jikkonformaw ma' sett maqbul ta' standards ambjentali, soċjali u ta' governanza fl-attivitajiet tagħhom ta' finanzjament tal-esportazzjoni, iċ-Ċina mhijiex impenjata li tikkonforma ma' dawn ir-regoli;
16. Ifakkar ukoll li, filwaqt li l-membri tal-OECD qablu mar-Rakkomandazzjonijiet tal-OECD dwar il-Korruzzjoni u l-Krediti tal-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġjati, li għandhom l-għan li jipprevjenu u jissanzjonaw il-korruzzjoni tal-uffiċjali pubbliċi barranin fit-transazzjonijiet tan-negozju internazzjonali appoġġjati bi krediti uffiċjali tal-esportazzjoni, dawn il-miżuri ma ġewx adottati miċ-Ċina; fir-rigward ta' dan, jemmen li huwa importanti ħafna li l-UE tinvolvi ruħha f'aktar diskussjonijiet maċ-Ċina biex jiġu żviluppati u implimentati standards komuni mal-OECD dwar l-għajnuna għall-iżvilupp, inkluż il-ħelsien mid-dejn;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tibqa' tappoġġja liċ-Ċina fl-implimentazzjoni b'suċċess tal-għanijiet strateġiċi tagħha ta' żvilupp, iżda fl-istess ħin gradwalment titbiegħed mill-kooperazzjoni u mill-għajnuna għall-iżvilupp tradizzjonali permezz ta' tnaqqis gradwali tal-ODA (għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp) mill-2013, favur relazzjoni aktar ibbilanċjata u orjentata lejn il-kummerċ maċ-Ċina fl-interessi taż-żewġ naħat; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-approċċ il-ġdid għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ċ-Ċina nnifisha saret donatur importanti partikolarment fl-Afrika, u li għalhekk, l-aġenda tal-iżvilupp tagħha mal-UE minflok għandha tiffoka fuq oqsma konkreti ta' interess komuni; jenfasizza li r-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE maċ-Ċina għandhom ikunu kkumplimentati kontinwament bl-isforzi u t-talbiet għall-iżvilupp demokratiku;
18. Jistieden lill-Kummissjoni b'mod partikolari tappoġġja liċ-Ċina biex din iżżid il-produttività tal-produzzjoni agrikola tagħha;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dan fi djalogu mal-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jiġi żgurat li n-nies żvantaġġati u foqra, li attwalment qed jibbenefikaw mill-proġetti għall-iżvilupp tal-UE, ma jitħallewx jaqgħu lura;
20. Jitlob lill-Kummissjoni biex gradwalment twaqqaf l-għajnuna għall-iżvilupp liċ-Ċina, li tammonta għal EUR 128 miljun għall-perjodu 2007-2010, billi ċ-Ċina hija ekonomija tas-suq emerġenti u attur ekonomiku u politiku ewlieni fil-livell dinji;
21. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fid-djalogu maċ-Ċina, issemmi wkoll il-problema tax-xiri miċ-Ċina ta' artijiet f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;
22. Jirrimarka li ċ-Ċina qed titfaċċa bħala donatur ewlieni tal-għajnuna fiha nnifisha, minkejja li madwar 16 % tal-1.3 biljun persuna tagħha għadhom qed jgħixu taħt il-linja tal-faqar;
23. Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tittratta liċ-Ċina bħala sieħba, filwaqt li tirrispetta t-tradizzjonijiet kulturali tagħha, u jkollha l-istess aspettattivi leġittimi fir-rigward taċ-Ċina bħal dawk li jeżistu fir-rigward tas-sħab kummerċjali l-oħrajn tal-UE b'rabta mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li tappoġġja t-tranżizzjoni taċ-Ċina lejn soċjetà miftuħa bbażata fuq l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u filwaqt li tinsisti fuq ir-rispett tal-istandards bażiċi tax-xogħol tal-ILO; iqis li t-tali approċċ se jgħin biex jingħelbu t-tensjonijiet attwali, jiġu intensifikati skambji ulterjuri u jiżdied l-investiment reċiproku li jwassal liż-żewġt isħab għal sitwazzjoni fejn jirbaħ kulħadd;
24. Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex taħdem maċ-Ċina bħala sieħba fl-iżvilupp internazzjonali, biex tiskambja l-aħjar prattika u tisfrutta l-vantaġġi komparattivi u l-punti tajbin differenzjati tas-sħab kollha fl-iżvilupp internazzjonali u b'hekk tipprovdi l-aqwa firxa ta' appoġġ u l-aktar waħda wiesgħa għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
25. Jenfasizza li, billi ċ-Ċina issa hija t-tieni l-akbar ekonomija fid-dinja, il-kwistjoni tal-aċċess għas-suq bejn l-Ewropa u ċ-Ċina għandha tkun ibbażata, fi kwalunkwe każ, fuq il-prinċipju tar-reċiproċità; jitlob biex in-negozjati tad-DOHA jiġu konklużi malajr kemm jista' jkun; jenfasizza li ċ-Ċina għandha tissodisfa, b'mod urġenti, l-istandards internazzjonali tal-ambjent u l-obbligi tagħha tad-WTO, partikolarment il-konformità mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; iwissi kontra l-użu ta' miżuri protezzjonisti, b'mod partikolari meta titqies il-klima ekonomika attwali, billi din, fit-tul, tkun ta' dannu mhux biss għar-relazzjonijiet politiċi bilaterali, iżda wkoll għall-ekonomiji tal-UE u taċ-Ċina u tmur kontra l-objettivi ta' żvilupp tal-UE kif definiti fl-istrateġija UE 2020;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi taħditiet mas-sħab Ċiniżi dwar is-sura li jistgħu jieħdu kuntratti u konċessjonijiet għall-importazzjoni ta' materja prima li toriġina minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, liema kuntratti u konċessjonijiet ikunu ġusti u trasparenti u jmexxu 'l quddiem l-iżvilupp; jinsab imħasseb dwar il-kompetizzjoni dejjem tikber b'rabta mal-materja prima bejn l-UE u ċ-Ċina, li hija ta' detriment għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw il-mezzi diplomatiċi disponibbli kollha u għodod oħra biex jinkoraġġixxu liċ-Ċina timpenja ruħha fir-rigward tal-istandards internazzjonali ta' trasparenza rigward l-attivitajiet ta' finanzjament tal-kreditu għall-esportazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u miżuri oħra relatati mal-kummerċ kemm fiċ-Ċina kif ukoll barra minnha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jaħdmu biex jinvolvu liċ-Ċina fin-normi internazzjonali u f'organizzazzjonijiet li jistabbilixxu l-istandards b'rabta mas-sistema kummerċjali internazzjonali;
28. Jitlob lill-UE u lill-Istati Uniti biex jinvolvu ruħhom fil-livelli kollha ma' dan il-ġgant ekonomiku emerġenti għall-benefiċċju reċiproku tal-partijiet kollha;
29. Iqis li jeħtieġ li l-politika u l-atturi tal-UE għall-iżvilupp jaħdmu biex jibnu l-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jinnegozjaw ftehimiet sodi maċ-Ċina - partikolarment meta dawn il-ftehimiet jirrigwardaw ir-riżorsi naturali - biex jiġġestixxu d-dejn u jiffaċċjaw theddid li jista' jkun hemm għall-produttività lokali u għas-swieq tax-xogħol ikkawżat mill-influssi ta' ħaddiema u prodotti Ċiniżi;
30. Jitlob liċ-Ċina biex tinvolvi ruħha aktar fl-istituzzjonijiet globali, filwaqt li jirrikonoxxi li ċ-Ċina diġà għandha rwol sħiħ u attiv fin-NU u fil-missjonijiet taż-żamma tal-paċi;
31. Iqis li jekk l-impenn taċ-Ċina fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitqies bħala kompetizzjoni inġusta u jekk isir tentattiv biex jinstab rispons konfliġġenti, dan ma jikkostitwixxix soluzzjoni produttiva, fuq kollox għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li fl-aħjar interess tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll tal-kompetizzjoni u t-tkabbir globali aktar wiesgħa, l-impriżi u l-atturi tal-UE li jixtiequ jikkompetu maċ-Ċina fir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jistinkaw biex jagħmlu offerti li huma l-aktar attraenti f'termini ta' sostenibilità u benefiċċju fit-tul, li jinkludu aspetti ambjentali, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem u ta' governanza;
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 5.12.2011 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 16 3 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Véronique De Keyser, Leonidas Donskis, Charles Goerens, Catherine Grèze, Eva Joly, Filip Kaczmarek, Miguel Angel Martínez Martínez, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Michèle Striffler, Alf Svensson, Anna Záborská, Iva Zanicchi, Gabriele Zimmer | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Fiona Hall, Eduard Kukan, Krzysztof Lisek, Judith Sargentini | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Vittorio Prodi | |||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 27.3.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 24 2 4 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | William (The Earl of) Dartmouth, Damien Abad, Laima Liucija Andrikienė, Maria Badia i Cutchet, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Marielle de Sarnez, Yannick Jadot, Metin Kazak, Bernd Lange, David Martin, Vital Moreira, Paul Murphy, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Niccolò Rinaldi, Helmut Scholz, Peter Šťastný, Robert Sturdy, Gianluca Susta, Keith Taylor, Iuliu Winkler, Jan Zahradil, Paweł Zalewski | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Josefa Andrés Barea, George Sabin Cutaş, Mário David, Elisabeth Köstinger, Jörg Leichtfried, Jarosław Leszek Wałęsa | |||
Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali | Gabriel Mato Adrover | |||