Dokument ta' sessjoni
2.5.2012
RAPPORT
dwar it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern
( 2011/2155(INI) )
Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
Rapporteur: Simon Busuttil
PR_INI
WERREJ
Paġna
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW...................................3
NOTA SPJEGATTIVA.............................................................................................................12
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT......................................................15
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern
( 2011/2155(INI) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-23 Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern, ippubblikata mill-Kummissjoni ( SEC(2011)1128 ),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2012 bl-isem "Nagħmlu Suċċess mis-Suq Uniku – Kontroll Annwali fuq il-Governanza 2011",
– wara li kkunsidra t-22 Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern, ippubblikata mill-Kummissjoni ( SEC(2011)0372 ),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2012 bl-isem "It-tisħiħ tas-soluzzjoni effettiva tal-problemi fis-Suq Uniku – Nisfruttaw il-potenzjal tas-SOLVIT fl-okkażjoni tal-10 anniversarju tiegħu",
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Membri tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta’ Jannar 2012 bl-isem "Lejn konsolidazzjoni favur it-tkabbir u tkabbir favur l-impjiegi" rigward il-governanza tas-suq uniku u l-impenn għal "implimentazzjoni malajr u sħiħa fil-livell nazzjonali" ta’ dak li l-Istati Membri diġà qablu dwaru, biex jitwassal il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2010 dwar l-iżvilupp u l-prestazzjoni tan-netwerk SOLVIT ( SEC(2011)0229 ),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ April 2011 bl-isem "L-Att dwar is-Suq Uniku. Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja. Naħdmu flimkien biex noħolqu tkabbir ġdid" ( SEC(2011)0467 ),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Novembru 2011 bl-isem "Lejn Att dwar is-Suq Uniku. Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna. 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin" ( COM(2010)0608 ),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Krakow, approvata waqt il-Forum għas-Suq Uniku,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Is-suq uniku f'għajnejn in-nies: Ħarsa lejn l-20 tħassib ewlieni taċ-ċittadini u n-negozji’ (SEC(2011) 1003),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem ‘L-Att dwar is-Suq Uniku. Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja. Flimkien għal tkabbir ġdid’ ( COM(2011)0206 ),
– wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar il-funzjonament tal-Proġett “UE Pilot” ( COM(2010)0070 ),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-Trattat ( SEC(2010)1371 ),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tagħha tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar is-SOLVIT[4],
– wara li kkunsidra r-rapport mill-Professur Mario Monti bl-isem ‘Strateġija ġdida għas-Suq Uniku li taqdi l-ħtiġijiet tal-ekonomija u tas-soċjetà tal-Ewropa’,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill (Kompetittività – is-Suq Intern, l-Industrija, ir-Riċerka u l-Ispazju) tal-10 ta’ Diċembru 2010 dwar ‘l-Att dwar is-Suq Uniku’,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur ( A7-0153/2012 ),
A. billi l-importanza ta’ suq intern li jiffunzjona ġiet enfasizzata waqt l-ewwel Forum tas-Suq Uniku (2-4 ta’ Ottubru 2011, Krakow, Polonja) u b’mod partikolari fid-Dikjarazzjoni ta’ Krakow, u fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar ir-riżultati tal-Forum tas-Suq Uniku[5] li fiha s-suq uniku hu deskritt bħala l-iżjed għodda b’saħħitha sabiex tqiegħed l-Ewropa lura fi triqitha lejn it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi;
B. billi s-suq intern ma jistax jaħdem b’mod xieraq mingħajr it-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar korretti tad-direttivi li jikkontribwixxu għall-funzjonament tiegħu;
C. billi huwa essenzjali li l-Istati Membri jittrasponu l-leġiżlazzjoni tas-suq intern fil-liġi nazzjonali mhux biss fil-ħin, iżda wkoll korrettament, u billi n-nuqqas ta’ konformità minn Stat Membru wieħed ifixkel l-interessi ekonomiċi mhux biss ta’ dak l-Istat iżda tal-Unjoni fit-totalità tagħha;
D. billi mhuwiex biżżejjed li jiġu trasposti d-direttivi Ewropej fil-pront u korrettament, peress li l-implimentazzjoni xierqa tal-liġi tal-UE hija wkoll ta' importanza kbira;
E. billi l-pubblikazzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern għenet b'mod konsistenti biex issaħħaħ it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq uniku billi pprovdiet data oġġettiva u sostantiva dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli mill-Istati Membri; iqis madankollu li xi Stati Membri għadhom qed jonqsu milli jissodisfaw l-objettivi tagħhom ta' traspożizzjoni korretta u fil-waqt tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-liġi nazzjonali u, għalhekk, id-data oġġettiva għandha tibqa' fil-qalba tal-eżerċizzju tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern permezz ta' monitoraġġ sistematiku u indipendenti; billi għandu jiġi adottat approċċ iżjed kwalitattiv li jħares lil hinn mill-figuri u jidentifika r-raġunijiet għal dan id-defiċit;
F. billi għalkemm it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq tal-Konsumatur huma użati f’kuntesti differenti u għandhom metodoloġiji differenti b’ambiti differenti u settijiet differenti ta' indikaturi, jaqsmu l-għan globali li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern;
G. billi Malta għandha l-aħjar rekord fit-traspożizzjoni puntwali tad-Direttivi tal-UE u l-Belġju jinsab fil-qiegħ tal-klassifika, wara li żied l-ammont tiegħu ta' direttivi li kellhom jiġu trasposti, liema ammont diġà kien sostanzjali ħafna;
H. billi l-Estonja biss tat riżultat tajjeb fl-oqsma kollha tal-hekk imsejjaħ "kontroll tas-saħħa tas-suq intern";
I. billi għalkemm pajjiżi b’amministrazzjonijiet żgħar għandhom riżorsi limitati biex ilaħħqu mat-traspożizzjoni ta’ dossiers leġiżlattivi kumplessi, Stati Membri żgħar bħal Malta madankollu rnexxielhom jilħqu d-dati ta' skadenza għat-traspożizzjonijiet;
J. billi l-medja attwali tad-defiċit ta' 1.2 % għal darba oħra hija iżjed mill-mira ta' 1 % maqbula mill-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet fl-2007, jiddispjaċih dwar ix-xejra li kulma jmur qed tikber ta' defiċits akbar ta' traspożizzjoni, iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddedikaw aktar riżorsi biex ireġġgħu lura din ix-xejra, filwaqt li jinnota li ħafna Stati Membri naqqsu n-numru ta' direttivi li għad iridu jiġu trasposti;
K. billi 85 direttiva għadhom mhux trasposti f’mill-inqas Stat Membru wieħed (il-fattur ta’ frammentazzjoni huwa ta’ 6%) u għaldaqstant ma jistgħux jipproduċu l-effett sħiħ tagħhom fis-suq uniku;
L. billi żewġ direttivi jinsabu iżjed minn sentejn tard mid-data tal-iskadenza tat-traspożizzjoni tagħhom, bi ksur dirett tal-mira ta’ “tolleranza żero” stabbilita mill-Kapijiet ta’ Stat u tal-Gvernijiet fl-2007;
M. billi n-numru ta’ direttivi trasposti b’mod inkorrett għadu f’medja ta’ 0.8%, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni indikat fl-Att dwar is-Suq Uniku l-ħtieġa għal politika ta’ defiċit ta’ konformità ċara u determinata;
N. billi fl-aħħar ftit xhur kienu sa sebgħa l-Istati Membri li waqgħu aktar lura fit-traspożizzjoni tad-direttivi tal-UE;
O. billi hemm bżonn ta’ informazzjoni iżjed preċiża dwar il-kwalità tat-traspożizzjoni;
P. billi kwalità aħjar fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni adottata tista’ tgħin biex jitnaqqas id-dewmien fit-traspożizzjoni tal-liġijiet tal-UE;
Q. billi t-Trattat ta’ Lisbona introduċa għall-ewwel darba l-possibbiltà ta’ multi immedjati imposti mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f’każ ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri tat-traspożizzjoni;
R. billi l-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jeħtieġu li jaħdmu iżjed biex jiddefinixxu, jikkomunikaw u jgħinu liċ-ċittadini biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom, għax dan jippermetti wkoll li s-suq intern jaħdem aħjar;
S. billi, meta r-regoli tas-suq intern jiġu applikati ħażin, in-nuqqas ta’ sistemi ta’ rimedju effettiv jista’ jfixkel l-effettività tad-drittijiet taċ-ċittadini billi jobbligahom li jibdew proċeduri ġudizzjarji twal u li jieħdu ż-żmien sabiex jiddefendu ruħhom;
T. billi għandu jkun hemm skambju ħieles tal-aħjar prattiċi u informazzjoni fost l-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni korretta tar-regoli tas-suq intern u fost dawk inkarigati mir-rimedju f’każ ta’ applikazzjoni ħażina;
U. billi n-netwerk SOLVIT inħoloq mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-2002 bl-għan li jiġu riżolti problemi li jqumu għaċ-ċittadini u n-negozji minħabba l-applikazzjoni ħażina tal-liġi tas-suq intern;
V. billi s-SOLVIT huwa netwerk onlajn li jsolvi l-problemi li fihom l-Istati Membri tal-UE (kif ukoll in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein) jaħdmu flimkien biex isolvu, mingħajr proċeduri legali, problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini u n-negozji u li huma kkawżati mill-applikazzjoni ħażina tal-liġi tas-suq intern mill-awtoritajiet pubbliċi;
W. billi s-SOLVIT hija sistema li kellha suċċess li tipprovdi rimedju informali fi żmien medju ta' 10 ġimgħat, u billi s-suċċess tas-SOLVIT fir-riżoluzzjoni tal-problemi tas-suq intern jista' jservi bħala mudell tal-aħjar prattika għal Servizzi ta' Assistenza tas-Suq Intern oħra;
X. billi huwa importanti li jiġu kkonsolidati u żviluppati iżjed il-preżenza u l-kapaċitajiet tas-SOLVIT fil-livelli kollha tal-amministrazzjonijiet nazzjonali sabiex jiġu garantiti l-effiċjenza massima u l-aħjar riżultati;
Y. billi s-SOLVIT għandu jkun kumplementari għall-ħidma legali tal-Kummissjoni dwar il-proċedimenti rigward ksur billi jwissi lill-Kummissjoni Ewropea dwar kwistjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-UE fl-Istati Membri;
Z. billi l-Kummissjoni qed tipprepara strateġija ġdida biex issaħħaħ is-SOLVIT;
Bini tal-qafas regolatorju tas-suq intern
1. Jilqa’ t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern u s-SOLVIT bħala għodod importanti, minkejja li huma ta’ natura differenti, li bihom jiġu mmonitorjati u identifikati l-problemi fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE, iżda wkoll biex jiġu identifikati l-lakuni u l-konġestjonijiet fis-suq uniku, bil-ħsieb li tiġi mħeġġa azzjoni għal funzjonament aħjar tas-suq intern;
2. Jafferma li t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni puntwali u korretti tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern huma prerekwiżit kruċjali għas-suċċess tas-suq intern, li min-naħa tiegħu huwa elementi ewlieni li jixpruna livell ogħla ta’ kompetittività u tkabbir, b’mod speċjali fi żmien ta’ kriżi ekonomika;
3. Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni għaqqdet it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern, l-Ewropa tiegħek, Pariri tal-Ewropa tiegħek, SOLVIT, IMI u r-rapporti tal-punti ta’ kuntatt uniku f’rapport wieħed komprensiv, il-Kontroll Annwali fuq il-Governanza, li jippermetti valutazzjoni olistika u faċli biex taqraha tal-funzjonament tas-suq uniku;
4. Iqis li monitoraġġ kostanti u frekwenti tal-progress magħmul mill-Istati Membri huwa wieħed mill-fatturi ewlenin biex jiġu mħeġġa sabiex iżidu l-isforzi tagħhom; jilqa’, f’dan ir-rigward, it-tħabbira tal-Kummissjoni li se tibqa’ tiġi ppubblikata Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern distinta kull sena fis-Sajf jew fiż-żmien qaribu; jinnota bi tħassib, madankollu, li r-rapporti separati għal kull element differenti tal-Kontroll Annwali fuq il-Governanza jistgħu jbiegħdu l-attenzjoni mill-approċċ olistiku, u jiddevjaw l-isforzi tas-servizzi tal-Kummissjoni lejn ir-rappurtar iktar milli lejn is-soluzzjoni tal-problemi enfasizzati fil-Kontroll Annwali fuq il-Governanza;
5. Jitlob li l-Kunsill jimpenja ruħu biex ikompli jnaqqas id-defiċit tat-traspożizzjoni u jistabbilixxi miri ta’ traspożizzjoni u implimentazzjoni li fl-istess waqt ikunu iżjed stretti iżda wkoll iżjed realistiċi sabiex jilħquhom l-Istati Membri;
6. Jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu bis-serjetà d-direttivi li jkunu għendu biex jiġu mfassla u jissodisfaw b’mod effettiv l-obbligi tagħhom stabbiliti bit-Trattati tal-Unjoni Ewropea;
7. Jilqa’ l-fatt li ġie rreġistrat progress konsiderevoli fit-tnaqqis tal-għadd ta’ direttivi li ilhom pendenti u jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu l-isforzi pożittivi tagħhom f’dan ir-rigward;
8. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fil-Kumitat Konsultattiv dwar is-Suq Intern biex jikkunsidraw kif se jtejbu l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif l-aħjar li jiskambjaw l-aħjar prattiki u kif jenfasizzaw mekkaniżmi ta’ suċċess li jkunu ddaħħlu fis-seħħ mill-Istati Membri;
9. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikklassifika ksur pendenti fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern skont dak li jista’ jiġi faċilment riżolt u ksur li jwassal għal nuqqas ta’ qbil ċar bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu biex jidentifikaw ir-raġunijiet sottostanti għal dan in-nuqqas ta’ qbil, u biex ikomplu jeliminawhom; jitlob lill-Kummissjoni, f'każijiet partikolarment kontroversjali, tipproponi modifiki għal-leġiżlazzjoni tal-UE fejn ikun xieraq, biex issolvi kwistjonijiet kontroversjali ta' interpretazzjoni;
10. Jieħu nota tas-suċċess tal-Kummissjoni bl-EU Pilot; iwissi, madankollu, li filwaqt li dan seta’ wassal għal numru inqas ta’ każijiet ta’ ksur, jista’ jħalli lill-Kummissjoni titratta l-iktar każijiet diffiċli fil-proċedimenti formali ta’ ksur, li jista’ jkun ukoll il-kawża ta’ iżjed dewmien tal-każijiet ta' ksur; jibża' li dan se jwassal f'iżjed dewmien fir-risolviment tal-lakuni fis-suq intern;
11. Jinnota li kważi 50% tal-proċedimenti ta’ ksur pendenti li jirrigwardaw is-Suq Intern jirrelataw mal-oqsma tat-tassazzjoni u l-ambjent; jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni partikolari lit-traspożizzjoni u lill-implimentazzjoni aħjar u aktar fil-ħin tar-regoli tal-UE f’dawn iż-żewġ oqsma;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-ksur tal-liġi tal-UE jiġi segwit malajr bi proċeduri ta’ ksur;
13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel iżjed użu mis-SOLVIT bħala l-ewwel punt ta’ referenza għall-ilmenti li jikkonċernaw l-applikazzjoni ħażina tal-liġi tal-UE f’kuntest transkonfinali; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tiżgura li jingħata segwitu xieraq lill-każijiet li ma jkunux jistgħu jiġu solvuti mis-SOLVIT;
14 Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tal-liġi tal-UE billi tiżviluppa għodda ġdida bħal linji gwida dwar it-traspożizzjoni u uffiċċju ta’ informazzjoni dwar it-traspożizzjoni;
15. Jinnota li d-dewmien medju tal-proċeduri ta’ ksur hu twil wisq u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni effettiva sabiex tnaqqas dan id-dewmien; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament dwar din l-azzjoni;
16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora metodi ġodda kif tiżgura l-applikazzjoni puntwali u sħiħa tas-sentenzi u l-proċeduri tal-Qorti mill-Istati Membri;
17. Jistieden lill-Kummissjoni biex tissupplimenta t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern bi kriterji addizzjonali ġodda, mingħajr ma jkun hemm dannu għall-faċilità ta' qari tagħha, sabiex timmonitorja l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni attwali;
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta, fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern, l-iżvilupp tat-tqassim tal-proċeduri ta' ksur miftuħa għal kull settur mit-Tabella ta’ Valutazzjoni preċedenti 'l hawn, kif ukoll biex tipproponi valutazzjoni tar-raġunijiet għall-bidliet l-aktar sinifikanti f’termini ta’ numru ta' proċeduri miftuħa;
19. Jistieden lill-Istati Membri biex iġeddu l-isforzi tagħhom sabiex itejbu l-ilħuq tal-miri; jafferma li t-tlestija tas-suq intern bi traspożizzjoni aħjar u iżjed puntwali ta’ leġiżlazzjoni eżistenti u ġdida hija mod effettiv ta’ kif tikkombatti l-kriżi ekonomika;
20. Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom ikomplu jnaqqsu d-dewmien fit-traspożizzjonijiet sabiex jilħqu l-mira ta’ 1%; jinnota li għandha tingħata attenzjoni u prijorità speċjali lil direttivi li l-iskadenza għat-traspożizzjoni tagħhom fil-liġi nazzjonali skadiet b’aktar minn sena, biex id-dewmien fit-traspożizzjoni jiġi mtejjeb b’mod sinifikanti;
21. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament dwar l-applikazzjoni tagħha tal-Artikolu 260(3) tat-Trattat ta’ Lisbona dwar il-possibbiltà għall-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sabiex timponi multi immedjati fil-prim’istanza f’każijiet fejn l-Istati Membri jinstabu li jkunu naqsu mill-obbligu tagħhom li jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE;
22. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi evalwazzjonijiet ta’ sejbiet bħala segwitu għal petizzjonijiet lill-Parlament dwar problemi fis-suq uniku u biex tgħaqqadhom fil-Kontroll Annwali fuq il-Governanza; jenfasizza li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-proċess ta’ petizzjonijiet sabiex jittejjeb il-proċess leġiżlattiv tal-UE b’tali mod li joqrob aktar lejn iċ-ċittadini;
23. Jinnota li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ta lill-Parlament Ewropew iżjed setgħat sabiex jistruttura u jeżamina mill-ġdid il-leġiżlazzjoni tal-UE; jitlob li s-sejbiet tat-Tabella jidhru fid-djalogu strutturat bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-tabelli ta’ korrelazzjoni jsiru pubbliċi, tinsisti biex l-Istati Membri jaċċettaw b’mod formali t-tnaqqis fil-miri numeriċi li jillimitaw id-defiċit ta’ traspożizzjoni u konformità għal-leġiżlazzjoni nazzjonali għal 0.5% għad-defiċit ta’ traspożizzjoni u 0.5% għad-defiċit ta’ konformità rispettivament, u tiżgura applikazzjoni iżjed effettiva tal-proċeduri ta’ ksur permezz ta' miri numeriċi marbuta mal-istadji tal-proċedura, peress li, kif identifikat il-Kummissjoni fl-Att dwar is-Suq Uniku, dawn huma meħtieġa għal implimentazzjoni bir-reqqa u komprensiva tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku;
25. Jitlob lill-Istati Membri biex jipprovdu b’mod sistematiku tabelli ta’ korrelazzjoni xierqa li jistabbilixxu kif id-direttivi tas-suq intern jiġu applikati fir-regolamenti nazzjonali;
26. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri biex ittejjeb il-kwalità tal-abbozzar fil-leġiżlazzjoni Ewropea; jilqa’ l-isforzi ddedikati għat-tfassil aħjar u b’mod iżjed intelliġenti tal-liġijiet u jħeġġeġ lit-tliet istituzzjonijiet involuti fil-proċess leġiżlattiv sabiex b’mod kostanti jagħmlu ħilithom biex itejbu l-kwalità tal-leġiżlazzjoni li jipproduċu flimkien;
Twassil tas-suq intern għan-negozji u ċ-ċittadini
27. Jistieden lill-Kummissjoni biex issib modi kif iżżid il-koordinazzjoni u ttejjeb il-kooperazzjoni prattika bejn l-għodda eżistenti bħas-SOLVIT, is-Servizz tal-Informazzjoni għaċ-Ċittadin, in-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi, iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur u s-Servizz Ewropew tax-Xogħol, l-IMI, in-netwerk ta' informazzjoni Europe Direct u l-punti ta’ kuntatt uniku biex tevita d-duplikazzjoni ta’ sforzi u riżorsi u b'hekk tikseb ġestjoni aktar effikaċi;
28. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi modi kif għodda bħas-SOLVIT tiġi integrata aħjar mal-proċess tal-petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew;
29. Jenfasizza li, matul is-snin, in-netwerk tas-SOLVIT wera li kien sempliċi, rapidu u kosteffikaċi biex isolvi l-problemi li jolqtu liċ-ċittadini u lin-negozji marbuta mal-applikazzjoni ħażina tar-regoli tas-suq uniku; jinnota madankollu li n-netwerk tas-SOLVIT jibqa’ frammentat ħafna u mhux użat biżżejjed; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffoka iżjed sforzi fuq it-taħriġ, l-edukazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost il-persunal impjegat fin-netwerks tas-SOLVIT;
30. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li ċ-ċentri SOLVIT ikollhom biżżejjed persunal u li jkun hemm il-livell meħtieġ ta’ koordinazzjoni u komunikazzjoni mal-livelli kollha tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, kif ukoll mas-servizzi differenti tal-Kummissjoni, biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jiġu implimentati; jistieden lill-Kummissjoni biex timmodernizza r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2001 dwar il-prinċipji għall-użu tas-"SOLVIT" – in-netwerk għas-soluzzjoni tal-problemi relatati mas-suq intern, b’konformità ma’ dak li ġie propost fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Ir-rinfurzar tas-soluzzjoni effettiva tal-problemi fis-suq uniku";
31. Jinnota li l-proċeduri kkumplikati tas-sigurtà soċjali huma parti mit-tħassib ewlieni taċ-ċittadini li jiskoraġġixxi l-mobilità tal-ħaddiema fl-Ewropa; jitlob li jiġu allokati aktar riżorsi tas-SOLVIT sabiex dawn jintużaw biex jiġu trattati każijiet relatati mas-sigurtà soċjali;
32. Jenfasizza l-importanza tal-involviment tas-sħab assoċjati fil-qafas tas-SOLVIT, b'mod partikolari bil-ħsieb li jittaffa l-piż taċ-ċentri tas-SOLVIT; jenfasizza li l-kooperazzjoni mas-sħab assoċjati tat prova li kienet effikaċi fil-passat, inter alia minħabba l-kuntatt dirett tagħhom maċ-ċittadini u mal-impriżi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiżgura li l-aċċess tas-sħab assoċjati għas-SOLVIT jinżamm għalkollox;
33. Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha biex toffri liċ-ċittadini u lin-negozji pakkett virtwali integrat ta’ tagħrif u servizzi ta’ għajnuna, b’mod partikolari billi tiżviluppa iżjed il-portal L-Ewropa Tiegħek bħala l-uniku portal onlajn għat-tagħrif u l-għajnuna kollha; jinnota, madankollu, l-importanza tal-kuntatt uman dirett u f’dan ir-rigward jissuġġerixxi li jikkumplimenta dawn l-isforzi b’punt ta' kuntatt f'ħin reali uniku għaċ-ċittadini u l-konsumaturi permezz tal-uffiċċji rappreżentattivi tal-Kummissjoni f'kull Stat Membru; huwa tal-fehma li jekk jinġiebu flimkien uffiċjali ta' kuntatt mis-SOLVIT, is-Servizz tal-Informazzjoni għaċ-Ċittadin, in-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi, iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur u s-Servizz Ewropew tax-Xogħol fi ħdan l-uffiċċji rappreżentattivi jintlaħaq dan l-għan, kif ukoll li dan iwassal għal koordinazzjoni u koeżjoni aħjar;
34. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni sabiex jippromwovu l-portal L-Ewropa Tiegħek fl-amministrazzjonijiet nazzjonali u sabiex jiżviluppaw kooperazzjoni bejn L-Ewropa Tiegħek u l-websajts tal-amministrazzjonijiet nazzjonali;
35. Jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu aktar il-punti ta’ kuntatt uniku (PSC) u jipprovdu liċ-ċittadini b’informazzjoni b’mod ċar u prattiku, billi jiżguraw u jieħdu vantaġġ sħiħ ta’ sinerġiji fil-qasam tal-informazzjoni fil-livell Ewropew, bħal "Pariri tal-Ewropa Tiegħek";
36. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta dwar il-fattibbiltà li jiġi provdut persunal tal-Kummissjoni għall-punti ta’ kuntatt uniċi f’ħin reali f’kull Stat Membru; iqis li dan jista’ jkun soluzzjoni għall-problemi tal-livelli ta’ persunal identifikati mis-SOLVIT f’diversi amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-fattibbiltà li s-SOLVIT jingħata bażi legali speċifika;
37. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li jitwaqqfu Punti ta’ Kuntatt Uniku onlajn permezz tal-portali elettroniċi tal-gvernijiet fl-Istati Membri kollha fil-lingwa uffiċjali tal-pajjiż ospitanti u bl-Ingliż; jinnota li l-Punti ta’ Kuntatt Uniku għandhom importanza kbira fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi; jinsab iddispjaċut mill-fatt li terz biss tal-portali elettroniċi tal-gvern disponibbli onlajn jipprovdu aċċess għal proċeduri elettroniċi onlajn; jitlob lill-Istati Membri biex jipprovdu tagħrif faċli biex tifhmu f’diversi lingwi tal-UE rigward ir-regoli u l-proċeduri amministrattivi onlajn fir-rigward tal-forniment tas-servizzi, sabiex jiġi ffaċilitat in-negozju transkonfinali fl-Ewropa;
38. Jistieden lis-SOLVIT, is-Servizz tal-Informazzjoni għaċ-Ċittadin, in-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi, iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur u s-Servizz Ewropew tax-Xogħol biex jieħdu nota tat-tħassib ewlieni taċ-ċittadini u n-negozji kif artikulat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ‘Is-Suq Uniku f’għajnejn in-nies: Ħarsa lejn l-20 tħassib ewlieni taċ-ċittadini u n-negozji’, u biex jagħtu prijorità lill-ħidma tagħhom b’dan il-mod;
39. Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis li tinkludi s-sejbiet tal-istħarriġ tal-Ewrobarometru fil-Kontroll Annwali fuq il-Governanza bħala parti mill-evalwazzjoni tagħha biex tinforma t-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aħjar;
40. Jinnota l-pubblikazzjonijiet riċenti tal-Kummissjoni dwar "L-20 tħassib ewlieni", li nibtu mir-riżoluzzjoni tal-20 ta’ Mejju 2010[6]; jenfasizza l-lakuni tal-informazzjoni, leġiżlattivi u fl-implimentazzjoni li jippersistu fis-Suq Uniku, kif ukoll in-nuqqas ta’ għarfien fost il-konsumaturi u n-negozji fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom, li ma jħallihomx igawdu l-benefiċċji tas-Suq Uniku; jimpenja ruħu, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex itejbu l-komunikazzjoni maċ-ċittadini rigward id-drittijiet li jistgħu jisiltu mis-Suq Uniku;
41. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta dwar l-ostakli ewlenin tas-suq intern li huma partikolari għaċ-ċittadini u l-konsumaturi b’diżabilità u biex tagħmel arranġamenti biex isiru l-isforzi speċjali għat-tneħħija ta’ dawn l-ostakli;
42. Jirrakkomanda iżjed koordinazzjoni bejn is-SOLVIT u l-UE Pilot sabiex tinkiseb koordinazzjoni u skambju aħjar ta' prattiki tajba;
43. Jinnota s-suċċess tal-ewwel Forum tas-Suq Uniku bħala opportunità biex jiġi vverifikat il-progress tas-Suq Uniku u bħala għajnuna għaċ-ċittadini u n-negozji biex jiffamiljarizzaw ruħhom mad-drittijiet, l-intitolamenti u l-obbligi tagħhom fis-suq uniku; jilqa’ dan l-avveniment bħala opportunità biex ikomplu jiġu enfasizzati l-ostakli eżistenti għall-funzjonament xieraq tas-suq uniku; itenni l-importanza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu passi biex jeliminaw dawk l-ostakli u biex iġibu fuq quddiem it-tħassib taċ-ċittadini u tan-negozji; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iżommu dan il-momentum u biex ikomplu jinvolvu u jagħtu s-setgħa lill-partijiet interessati billi jwettqu Forums tas-Suq Uniku regolari, u biex dawn jiġu ssupplimentati bi żjarat ta’ spiss biex is-suq uniku jiġi vvalutat u promoss fl-Istati Membri individwali;
44. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
L-Unjoni Ewropea bħalissa għaddejja mill-agħar kriżi ekonomika mill-bidu tagħha. Din il-kriżi thedded il-bażi nnifisha tal-ekonomija tal-Ewropa. Is-suq intern huwa l-aħjar għodda li għandna sabiex nerġgħu nġibu t-tkabbir għall-livell li kien fl-ekonomija tal-Istati Membri.
Bħalissa ninsabu fi żmien ta’ passi storiċi importanti għas-suq uniku. L-2011 rat l-adozzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku u l-organizzazzjoni tal-Forum tas-Suq Uniku fi Krakow fejn l-Istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-partijiet interessati ewlenin urew l-impenn tagħhom għal suq intern li jiffunzjona aħjar. L-2012 se timmarka l-20 anniversarju tas-suq uniku. Ejja nieħdu dan bħala opportunità biex inħaddmu moħħna flimkien u ngħelbu l-ostakli li qed iżommuna lura milli nilħqu l-potenzjal sħiħ tas-suq intern tal-Ewropa. Iċ-ċittadini u n-negozji huma l-benefiċjarji aħħarija ta’ suq uniku li jaħdem sew u operattiv bis-sħiħ. U huwa d-dover tagħna bħala leġiżlaturi li nagħmlu dan f'isimhom.
Ġew żviluppati diversi għodod sabiex tkompli titħeġġeġ it-tlestija tas-suq uniku u għall-kejl tal-kontribuzzjonijiet ta’ Stati Membri individwali għal dan l-għan. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern hija waħda minn dawn l-għodod li jinkoraġġixxu l-Istati Membri jtejbu l-kwalità u l-puntwalità tat-traspożizzjoni tagħhom tad-direttivi tas-suq intern. Fl-aħħar Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern, il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li Malta għandha l-aħjar rekord fit-traspożizzjoni puntwali tad-Direttivi tas-Suq Uniku filwaqt li r-Repubblika Ċeka tinsab fl-aħħar tal-lista, għalkemm qed tirreġistra progress konsistenti.
It-twassil ta’ suq uniku għaċ-ċittadini u n-negozji ma jieqafx mal-ħolqien ta’ leġiżlazzjoni tajba. Jirrikjedi wkoll implimentazzjoni xierqa u sinerġija transkonfinali bejn diversi amministrazzjonijiet nazzjonali. Mingħajr din l-implimentazzjoni, in-negozji u ċ-ċittadini mhumiex kapaċi li jgawdu l-benefiċċji tas-suq uniku. F’dan ir-rigward, in-netwek SOLVIT tal-Kummissjoni jipprovdi liċ-ċittadini u n-negozji b’mod puntwali u effettiv ta’ kif jiġu riżolti l-problemi kkawżati permezz ta’ applikazzjoni ħażina tar-regoli tas-suq uniku.
Mill-2012, il-Kummissjoni Ewropea se tgħaqqad t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern mar-Rapport Annwali tas-SOLVIT sabiex jipprovdi ħarsa ġenerali iżjed kompleta tal-progress tal-Unjoni Ewropea fit-tlestija tas-suq intern. B’konsegwenza, dan ir-rapport fih il-fehmiet tar-rapporteur fuq dawn iż-żewġ strumenti.
Ir-rapporteur jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea f’dan il-qasam, iżda jitlob ukoll iżjed determinazzjoni fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea u rappurtar iżjed ċar dwar il-proċeduri ta’ ksur meħuda. Qed jintalab ukoll impenn iżjed b’saħħtu mill-istituzzjonijiet u l-amministrazzjonijiet nazzjonali sabiex jiġu żgurati traspożizzjoni u implimentazzjoni korretti u puntwali tad-direttivi tas-suq intern.
Bini tal-qafas regolatorju tas-suq intern
Ir-rapporteur jirrakkomanda miri ta’ traspożizzjoni u implimentazzjoni iżjed stretti, għalkemm realistiċi. L-aħħar riżultati tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern urew kif l-Istati Membri iżjed ma jmur qed jonqsu milli jkollhom suċċess.
Fil-passat, rajna tendenzi pożittivi li sfortunatament ma ġewx riflessi fl-aħħar Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern. Għaldaqstant huwa meħtieġ li wieħed jibqa’ jirsisti biex jikseb u jmur lil hinn minn miri ambizzjużi: l-iktar defiċit baxx tat-traspożizzjoni, l-iqsar dewmien possibbli fit-traspożizzjoni, u l-ogħla kwalità tat-traspożizzjoni. Dan inkiseb fil-passat u huwa possibbli li jinkiseb fil-futur. Iżda biex jinkiseb dan, l-Istati Membri ma jistgħux ipoġġu s-suq intern iżjed 'l isfel fil-listi ta’ prijorità tagħhom. Iż-żminijiet iebsa għandhom ikunu sinjal għall-Istati Membri biex jagħtu iżjed importanza lis-suq intern, u ma jużawx iż-żminijiet iebsa bħala skuża biex imorru lura mill-impenji tagħhom lejn suq intern li jiffunzjona b’mod sħiħ.
Ir-rapporteur huwa tal-opinjoni li l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni għall-promozzjoni ta’ traspożizzjoni puntwali u ta’ kwalità għolja għandhom jintużaw flimkien mal-proċeduri ta’ ksur. Ir-rapporteur jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni lejn approċċ iżjed olistiku f’dan ir-rigward.
Twassil tas-suq intern għan-negozji u ċ-ċittadini
Il-Kummissjoni ddedikat ukoll sforz konsiderevoli lejn il-provvista ta’ portali ta’ informazzjoni veloċi u effiċjenti u mekkaniżmi tar-risolviment tal-problemi sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini u n-negozji jkunu mgħammra sew biex jibbenefikaw mis-suq uniku u jegħlbu l-ostali bħall-applikazzjoni ħażina tal-liġi tal-Unjoni Ewropea.
is-SOLVIT, is-Servizz tal-Informazzjoni għaċ-Ċittadin, in-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi, iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur u s-Servizz Ewropew tax-Xogħol huma wħud mill-istrumenti f’dan ir-rigward.
Filwaqt li l-importanza ta’ dawn il-mekkaniżmi għandha tiġi enfasizzata, ħafna spiss jeżistu f’parallel, ħaġa li twassal għal duplikazzjoni tal-isforzi u koordinazzjoni insuffiċjenti. Barra minn hekk, mill-aspett taċ-ċittadini u n-negozji, il-pletora ta’ għodod differenti u li jidħlu f’xulxin tagħmilha sfida li tiġi identifikata għodda xierqa għal tħassib speċifiku. Il-fatt li ħafna mit-talbiet li jaslu għand is-SOLVIT huma meqjusa li huma barra l-mandat tiegħu jissottolinea dan il-punt. Ir-rapporteur jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tikkoordina dawn l-inizjattivi kollha filwaqt li tieħu approċċ ibbażat fuq il-konsumatur: permezz ta’ punt ta' kuntatt uniku f’ħin reali għaċ-ċittadini.
L-Istati Membri huma mitluba wkoll li jiżguraw li ċ-ċentri SOLVIT ikollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jaħdmu b’mod xieraq. In-nuqqas ta’ persunal kien problema għal ħafna snin; minkejja li l-isforzi tal-Istati Membri riċentament għenu biex itejbu s-sitwazzjoni, huwa essenzjali li s-SOLVIT jingħata struttura xierqa u biżżejjed persunal sabiex id-data tal-iskadenza għar-riżoluzzjoni tal-każijiet tkun tista' tiġi rispettata. Dan se jiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji jkun jista' jkollhom il-problemi tagħhom riżolti b'mod effiċjenti u xieraq.
Il-possibbiltà ta' bażi legali għas-SOLVIT se tiġi diskussa dalwaqt mill-Kummissjoni. Ir-jappoġġja l-idea li bażi legali speċifika għas-SOLVIT għandha tagħti lil dan il-programm l-allokazzjoni xierqa tar-riżorsi u tagħmel il-kompiti tiegħu iżjed faċli li jitwettqu. Dan bla dubju jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u n-negozji.
Madankollu, ir-rapporteur iwissi kontra formalizzazzjoni eċċessiva li bażi legali għas-SOLVIT tista’ twassal għaliha f’ċerti Stati Membri. Ir-rapporteur huwa mħasseb ukoll dwar il-problemi potenzjali ta’ sussidjarjetà ta’ din il-miżura u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni speċjali għall-konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni | 26.4.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 31 0 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Adam Bielan, Sergio Gaetano Cofferati, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia de Campos, Cornelis de Jong, Vicente Miguel Garcés Ramón, Evelyne Gebhardt, Małgorzata Handzlik, Sandra Kalniete, Toine Manders, Mitro Repo, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Barbara Weiler | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Raffaele Baldassarre, Simon Busuttil, Frank Engel, Ildikó Gáll-Pelcz, María Irigoyen Pérez, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Sylvana Rapti, Olle Schmidt, Laurence J.A.J. Stassen, Ivo Strejček, Kyriacos Triantaphyllides, Anja Weisgerber | |||