Dokument ta' sessjoni

 

A7-0163/2012

11.5.2012

***I

RAPPORT

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 dwar l-applikazzjoni ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa fir-rigward tas-sena 2013

( COM(2011)0630 – C7‑0337/2011 – 2011/0286(COD) )

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Rapporteur: Luis Manuel Capoulas Santos

 

PR_COD_1app

 

 

Tifsira tas-simboli użati

  *  Proċedura ta’ konsultazzjoni

  ***  Proċedura ta’ approvazzjoni

  ***I  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari)

  ***II  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari)

  ***III  Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)

 

(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)

 

 

 

 

 

Emendi għal abbozz ta’ att

Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.

 

L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].

 

 

 

 

 

 

WERREJ

Paġna

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW  5

NOTA SPJEGATTIVA  16

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits  19

PROĊEDURA  22

 

 

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 dwar l-applikazzjoni ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa fir-rigward tas-sena 2013

( COM(2011)0630 – C7‑0337/2011 – 2011/0286(COD) )

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ( COM(2011)0630 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0337/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-25 ta' April 2012[1],

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-3 ta' Mejju 2012[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits ( A7-0163/2012 ),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

Proposta għal regolament

Premessa 2a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(2a) Ir-Regolament (KE) 378/2007 stabbilixxa mekkaniżmu għall-modulazzjoni volontarja tal-pagamenti diretti, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-politika tal-iżvilupp rurali f’ċerti Stati Membri. Hija ħaġa importanti, għalhekk, li tiġi pprovduta kontinwità tal-finanzjament għall-impenji fin-nefqa tal-iżvilupp rurali għas-sena finanzjarja 2014 u li jiġi żgurat li l-ammont ta’ pagamenti diretti fis-sena kalendarja 2013 jinżamm f’livell simili għal dak tal-2012, mingħajr ħsara għall-istabbiliment tal-limiti nazzjonali fuq il-pagamenti diretti matul il-Qafas Finanzjarju li jmiss.

Ġustifikazzjoni

Id-dispożizzjoni attwali għall-modulazzjoni volontarja tal-pagamenti diretti tintemm fl-2012. Ir-Renju Unit huwa l-uniku Stat Membru li applika dan il-mekkaniżmu u għalhekk jiffaċċja distakk sinifikanti fil-finanzjament għall-programm ta’ żvilupp rurali tiegħu fl-2013. Din il-ħaġa thedded li ddgħajjef it-twettiq tal-impenji għall-iżvilupp rurali eżistenti fis-sena finanzjarja inkwestjoni.

 

Emenda    2

Proposta għal regolament

Premessa 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(3) Sabiex ikun hemm funzjonament mingħajr problemi tal-pagamenti diretti fis-sena kalendarja 2013, jeħtieġ li l-limiti massimi netti stabbiliti għas-sena kalendarja 2012 sa 2013 jiġu estiżi u jiġu aġġustati, fejn dan ikun meħtieġ, b’mod partikolari fir-rigward taż-żidiet li jirriżultaw mill-introduzzjoni gradwali tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda u l-waqfien tal-modulazzjoni volontarja pprovduta fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 tas-27 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi regoli għal modulazzjoni volontarja ta’ pagamenti diretti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa.

(3) Sabiex ikun hemm funzjonament mingħajr problemi tal-pagamenti diretti fis-sena kalendarja 2013, jeħtieġ li l-limiti massimi netti stabbiliti għas-sena kalendarja 2012 sa 2013 jiġu estiżi u jiġu aġġustati, fejn dan ikun meħtieġ, b’mod partikolari fir-rigward taż-żidiet li jirriżultaw mill-introduzzjoni gradwali tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda.

Ġustifikazzjoni

Id-dispożizzjoni attwali għall-modulazzjoni volontarja tal-pagamenti diretti tintemm fl-2012. Ir-Renju Unit huwa l-uniku Stat Membru li applika dan il-mekkaniżmu u għalhekk jiffaċċja distakk sinifikanti fil-finanzjament għall-programm ta’ żvilupp rurali tiegħu fl-2013. Din il-ħaġa thedded li ddgħajjef it-twettiq tal-impenji għall-iżvilupp rurali eżistenti fis-sena finanzjarja inkwestjoni.

 

Emenda    3

Proposta għal regolament

Premessa 4a (ġdida)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4a) Bil-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-pagamenti diretti li jridu jsiru mill-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjonijiet li jsiru fl-2013, is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tar-regoli relevanti li jikkonċernaw il-bażi tal-kalkoli għar-rati ta’ tnaqqis li jridu jiġu applikati għall-bdiewa mill-Istati Membri fl-2013 minħabba l-aġġustament tal-pagamenti u d-dixxiplina finanzjarja. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Ġustifikazzjoni

Adattament tat-test legali skont il-Qbil Komuni dwar arranġamenti prattiċi għall-użu tal-atti ddelegati (Artikolu 290 TFUE).

 

Emenda    4

Proposta għal regolament

Premessa 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5) It-trasferimenti finanzjarji lill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali ipprovduti fl-Artikoli 134, 135 u 136 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 huma marbuta mal-perspettivi finanzjarji multiannwali għall-2007-2013. Madankollu, is-sena kalendarja 2013 tikkorrispondi għas-sena finanzjarja 2014 li taqa’ taħt il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss li jistabbilixxi b’mod permanenti l-ammonti disponibbli għall-ipprogrammar għall-iżvilupp rurali. Konsegwentement trasferimenti finanzjarji bħal dawn għandhom jiġu aboliti.

(5) It-trasferimenti finanzjarji lill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali ipprovduti fl-Artikoli 134 u 135 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 huma marbuta mal-perspettivi finanzjarji multiannwali għall-2007-2013. Madankollu, is-sena kalendarja 2013 tikkorrispondi għas-sena finanzjarja 2014 li taqa’ taħt il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss li jistabbilixxi b’mod permanenti l-ammonti disponibbli għall-ipprogrammar għall-iżvilupp rurali. Konsegwentement trasferimenti finanzjarji bħal dawn għandhom jiġu aboliti.

Ġustifikazzjoni

L-Art. 69(6)(b) tar-Regolament 73/2009 jippermetti lill-Istati Membri jużaw il-pagamenti diretti mhux użati għal miżuri ta’ appoġġ speċifiku (Art. 68(1)) jew għall-FAEŻR (Art. 136). Il-proposta tal-Kummissjoni tirrevoka l-Art. 136, filwaqt li tħalli l-Art. 68/69 fis-seħħ. Dan huwa diskriminatorju fir-rigward tal-Istati Membri li għażlu t-trasferimenti skont l-Art. 136 peress li dawn il-fondi fis-sena kalendarja 2013 (=is-sena finanzjarja 2014) la jkunu jistgħu jużawhom fil-Pilastru I u lanqas fil-FAEŻR. Dan it-trattament inugwali jista’ jiġi evitat jekk l-Art. 136 ma jiġix irrevokat.

 

Emenda    5

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 2a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 73/2009

Artikolu 10b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(2a) Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

 

“Artikolu 10b

 

Modulazzjoni volontarja fis-sena kalendarja 2013

 

Minbarra l-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 10a, kull Stat Membru li jkun applika l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 jista’ japplika rati ta' tnaqqis (“modulazzjoni volontarja”), għall-pagamenti diretti mogħtija fit-territorju tagħhom fis-sena kalendarja 2013.

 

Ir-rati tal-modulazzjoni volontarja jistgħu jiġu ddifferenzjati reġjonalment fejn l-Istat Membru jkun applika l-iskema ta’ pagament uniku f’livell reġjonali. Ir-rata nazzjonali tat-tnaqqis użata fl-Istati Membri permezz tal-mekkaniżmu ta’ modulazzjoni volontarja fl-2012 għandha tiddetermina r-rata massima applikabbli fis-sena kalendarja 2013.

 

Sa ... *, l-Istati Membri jiddeċiedu dwar ir-rata ta' modulazzjoni volontarja li se japplikaw, u jikkomunikawha lill-Kummissjoni. L-ammonti netti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni volontarja għall-Istati Membri parteċipanti għandhom ikunu disponibbli għall-iffinanzjar tal-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom. "

 

_____________________

 

* ĠU Jekk jogħġbok daħħal id-data xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Ġustifikazzjoni

Id-dispożizzjoni attwali għall-modulazzjoni volontarja tal-pagamenti diretti tintemm fl-2012. Ir-Renju Unit huwa l-uniku Stat Membru li applika dan il-mekkaniżmu u għalhekk jiffaċċja distakk sinifikanti fil-finanzjament għall-programm ta’ żvilupp rurali tiegħu fl-2013. Din il-ħaġa thedded li ddgħajjef it-twettiq tal-impenji għall-iżvilupp rurali eżistenti fis-sena finanzjarja inkwestjoni.

 

Emenda    6

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 3a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 73/2009

Artikolu 11 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3a) Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

 

"2. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja fuq proposta mill-Kummissjoni ppreżentata mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu tas-sena kalendarja li fir-rigward tagħha jkunu japplikaw l-aġġustamenti msemmija fil-paragrafu 1, għandhom jiddeterminaw dawn l-aġġustamenti mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju tal-istess sena kalendarja.”

Ġustifikazzjoni

Iż-żamma tal-Artikolu 11 (dwar id-dixxiplina finanzjarja) kif inhu - fejn il-Kunsill jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni - tikkostitwixxi l-kontinwazzjoni tal-fatt li s-setgħat ta' implimentazzjoni jibqgħu riservati għall-Kunsill skont l-ex Artikolu 202 KE. Madankollu, fil-kuntest leġiżlattiv il-ġdid, ir-Rapporteur tagħkom iqis li l-fatt li s-setgħat ta' implimentazzjoni jibqgħu riservati għall-Kunsill m'għadux ġustifikat.

 

Emenda    7

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4

Regolament (KE) Nru 73/2009

Artikolu 11a

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Fl-Artikolu 11(a) jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

 

“Artikolu 11a

 

Id-Delega tas-setgħat lill-Kummissjoni

3. Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni ottima tal-aġġustament tal-pagamenti diretti fl-2013 u dixxiplina finanzjarja, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ddelegati, tadotta regoli li jikkonċernaw il-bażi tal-kalkolu għat-tnaqqis li għandu jiġi applikat lill-bdiewa mill-Istati Membri minħabba l-aġġustament tal-pagamenti fl-2013 u d-dixxiplina finanzjarja kif inhu pprovdut fl-Artikoli 10a u 11.”

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 142a li jistabbilixxi regoli li jikkonċernaw il-bażi tal-kalkolu għat-tnaqqis li għandu jiġi applikat lill-bdiewa mill-Istati Membri fl-2013 bħala riżultat tal-aġġustament tal-pagamenti u d-dixxiplina finanzjarja kif inhu pprovdut fl-Artikoli 10a u 11.”

Ġustifikazzjoni

Hawnhekk irid jiddaħħal Artikolu ġdid 11a peress li l-proposta ta' allinjament COM(2010) 539 għadha ma ġietx adottata. L-ambitu ta' applikazzjoni tal-atti delegati għandu jkollu limitu ta’ żmien. Id-delega tas-setgħat għandha tikkonċerna biss regoli applikabbli fir-rigward tas-sena 2013 li jkunu konsistenti mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proposta.

 

Emenda    8

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 73/2009

Artikolu 68 – paragrafu 8 – parti introduttorja

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4a) Fl-Artikolu 68(8), il-frażi introduttorja għandha tinbidel b’dan li ġej:

 

"8. Sa*, l-Istati Membri li ħadu d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 69(1) jistgħu jirriveduha u jiddeċiedu, b’effett mill-2012, li:

 

_______________

 

* ĠU Jekk jogħġbok daħħal id-data xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

 

Emenda    9

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4b (ġdid)

Regolament (KE) Nru 73/2009

Artikolu 69 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4b) L-Artikolu 69(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

 

"1. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, sal-1 ta' Awwissu tal-2009, l-1 ta' Awwissu 2010, l-1 ta' Awwissu 2011 jew sa ...*, li jużaw mis-sena ta' wara dik id-deċiżjoni sa 10 % tal-limiti massimi nazzjonali tagħhom imsemmija fl-Artikolu 40, jew fil-każ ta' Malta, l-ammont ta' EUR 2.000.000, għall-appoġġ speċifiku previst fl-Artikolu 68(1).

 

______________

 

* ĠU Jekk jogħġbok daħħal id-data xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

 

 

Emenda    10

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 4c (ġdid)

Regolament (KE) Nru 73/2009

Artikolu -133a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4c) Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

 

"Artikolu 133a

 

Appoġġ nazzjonali tranżizzjonali

 

L-Istati Membri l-ġodda minbarra l-Bulgarija, ir-Rumanija u Ċipru jistgħu jagħtu appoġġ nazzjonali tranżizzjonali fl-2013 f’sura ta’ pagamenti diżakkoppjati lill-bdiewa soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni. L-ammont ta’ appoġġ nazzjonali tranżizzjonali jista’ jiġi limit b’pakkett finanzjarju speċifiku għal kull settur għalih. Il-pakkett finanzjarju li jkun speċifikat għal settur m’għandux jaqbeż id-differenza bejn il-livell totali ta’ appoġġ dirett li l-bdiewa kieku kienu intitolati li jirċievu fis-settur fis-sena kalendarja 2003 skont l-iskema tal-PAK u l-appoġġ dirett ipprovdut lis-settur skont ir-Regolament Nru 73/2009.”

Ġustifikazzjoni

Ir-Regolament Nru 73/2009 stabbilixxa qafas ta’ pagamenti diretti tal-UE u pagamenti diretti nazzjonali kumplementari li kellhom ikunu applikabbli fl-Istati Membri l-ġodda. Bħala konsegwenza matul l-aħħar snin mill-2009 sal-2011 l-irċevuti totali tal-pagamenti diretti għall-bdiewa f'għadd ta' Stati Membri ġodda fis-setturi kollha tal-biedja laħqu l-livelli ta' pagamenti diretti milqugħa mill-bdiewa fl-Istati Membri li japplikaw l-iskema storika ta’ pagament uniku (SPU). Għalhekk huwa importanti li l-ammont tal-appoġġ dirett jinżamm kin inhu fis-sena 2013 u minnha 'l quddiem fuq livell simili għal dak tal-2012 u huwa xieraq li jiġi stabbilit mekkaniżmu tranżizzjonali għall-2013. Biex jiġu evitati d-distorsjonijiet tas-suq maħluqa minħabba modi differenti ta’ implimentazzjoni tar-riformi tal-PAK li saru dan l-aħħar fl-Istati Membri, jeħtieġ li tingħata l-possibilità lill-Istati Membri l-ġodda li jagħtu appoġġ nazzjonali tranżizzjonali fl-2013 filwaqt li l-pagamenti diretti se jiddaħħlu b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Bil-għan li tiġi pprovduta tranżizzjoni mingħajr intoppi mis-sistema tal-pagamenti diretti li qed jiġu applikati bħalissa għas-sistema ta’ pagamenti diretti riformata u implimentata b’mod uniformi huwa xieraq li jiġi stabbilit mekkaniżmu tranżizzjonali għall-2013.

 

Emenda    11

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 5

Regolament (KE) Nru 73/2009

L-Artikoli 134, 135, 136

 

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5) L-Artikoli 134, 135 u 136 jitħassru.

(5) L-Artikoli 134 u 135 huma mħassrin.

Ġustifikazzjoni

L-Art. 69(6)(b) tar-Regolament 73/2009 jippermetti lill-Istati Membri jużaw il-pagamenti diretti mhux użati għal miżuri ta’ appoġġ speċifiku (Art. 68(1)) jew għall-FAEŻR (Art. 136). Il-proposta tal-Kummissjoni tirrevoka l-Art. 136, filwaqt li tħalli l-Art. 68/69 fis-seħħ. Dan huwa diskriminatorju fir-rigward tal-Istati Membri li għażlu t-trasferimenti skont l-Art. 136 peress li dawn il-fondi fis-sena kalendarja 2013 (=is-sena finanzjarja 2014) la jkunu jistgħu jużawhom fil-Pilastru I u l-anqas fil-FAEŻR. Dan it-trattament inugwali jista’ jiġi evitat jekk l-Art. 136 ma jiġix irrevokat.

 

Emenda    12

Proposta għal regolament – att li jemenda

Artikolu 1 – punt 5a (ġdid)

Regolament (KE) Nru 73/2009

Artikolu 142a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(5a) Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

 

"Artikolu 142a

 

Eżerċizzju tad-delega

 

1. Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

 

2. Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 11a għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' sena mill-1 ta' Jannar 2013.

 

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 11a tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Europew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data oħra aktar ’il quddiem speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li huma diġà fis-seħħ.

 

4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha minnufih tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

 

5. Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 11a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma jkunux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġġedded b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Ġustifikazzjoni

Adattament tat-test legali skont il-Qbil Komuni dwar arranġamenti prattiċi għall-użu tal-atti ddelegati (Artikolu 290 TFUE).

 

 

 

 

NOTA SPJEGATTIVA

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fih ir-regoli għas-sistema attwali ta' pagamenti diretti lill-bdiewa. Dan ir-Regolament huwa mistenni li jiġi sostitwit mill-proposti għall-riforma tal-PAK għall-2014-2020 li se jibdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2014. Filwaqt li r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 se jkompli japplika fl-2013, hemm xi dispożizzjonijiet finanzjarji fi ħdanu li se jibqgħu jgħoddu biss sal-2012. Barra minn hekk, is-sena kalendarja 2013 tikkorrispondi għas-sena finanzjarja 2014, u għalhekk tidħol fil-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid tal-2014-2020. Din il-proposta ġiet prodotta biex titratta d-dispożizzjonijiet finanzjarji għall-perjodu tranżitorju 2013.

L-iskop ewlieni ta' din il-proposta hu li jiġu stabbiliti limiti massimi netti għall-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2013 billi tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament simili għal modulazzjoni, sabiex tiżgura kontinwità fil-livelli ta’ pagament filwaqt li jiġu meqjusa l-introduzzjoni gradwali ta’ pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda u l-waqfien tal-modulazzjoni volontarja.

1. Aġġustament ekwivalenti għall-modulazzjoni obbligatorja

L-abbozz tar-Regolament jistabbilixxi l-livell tat-tnaqqis li jrid jiġi applikat għall-pagamenti diretti lill-bdiewa fl-2013, ekwivalenti għall-effett tal-modulazzjoni obbligatarja eżistenti fl-2012. Dawn l-aġġustamenti huma proposti li jsiru f'livell iktar baxx, fl-Istati Membri tal-UE-10 milli fl-Istati Membri tal-UE-15. Għall-Istati Membri tal-UE-10, il-livell ta' aġġustament fl-2013 se jkun daqs 0% għal ammonti bejn € 5,000 u € 300,000 u 4% għal ammonti li jaqbżu € 300,000. Filwaqt li għall-Istati Membri tal-UE-15 (li jeskludu r-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-Gżejjer tal-Eġew), il-livell ta' aġġustament fl-2013 jibqa' daqs il-livell tal-modulazzjoni obbligatorja fl-2012, li attwalment huwa stabbilit għal 10% għal ammonti bejn € 5,000 u € 300,000 u 14% għal ammonti li jaqbżu € 300,000. Fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u fil-Gżejjer tal-Eġew, mhux se jsiru aġġustamenti. Għall-Bulgarija u għar-Rumanija, ukoll mhux se jsiru aġġustamenti għaliex il-pagamenti diretti għadhom ma ġewx introdotti gradwalment bis-sħiħ hemmhekk.

2. Il-modulazzjoni volontarja u trasferimenti oħrajn lill-iżvilupp rurali

Kif ingħad qabel, is-sena tal-applikazzjoni 2013 taqa' taħt il-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid tal-2014-2020 u l-ammonti għall-iżvilupp rurali kif kienu definiti. Konsegwentement, it-trasferimenti finanzjarji lill-programmi għall-iżvilupp rurali skont l-artikoli 134, 135 u 136 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, huma limitati għall-perjodu 2007-2013 u għandhom jitneħħew. L-artikoli 134 u 135, li jirreferu għat-trasferimenti addizzjonali mir-reġimi tal-qoton u tat-tabakk lill-programmi għall-iżvilupp rurali rispettivament, għalhekk tħassru u l-ammonti korrispondenti ġew inklużi fil-pakketti korrispondenti għall-iżvilupp rurali fil-proposti għal qafas finanzjarju multiannwali. L-Artikolu 136 ukoll tħassar u l-ammonti mhux minfuqa ġew inklużi fil-kalkolu tal-limiti massimi nazzjonali relevanti għall-2013.

Barra minn hekk, il-modulazzjoni volontarja li hemm fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 mhux se tkompli fis-sena kalendarja 2013.

 

3. Il-limiti massimi netti għall-ammont totali ta' pagamenti diretti

L-abbozz tar-Regolament jipproponi wkoll bidliet għall-ammont totali ta' pagamenti diretti li kull Stat Membru jista' jagħmel fl-2013. Il-maġġoranza ta' dawn il-limiti massimi huma mressqa ’l quddiem mil-limiti tal-2012, flimkien ma' aġġustamenti tal-introduzzjoni gradwali ta' pagamenti diretti lill-Istati Membri l-ġodda li kienet miftiehma qabel u l-waqfien tal-modulazzjoni volontarja.

Għall-Istati Membri tal-UE-15 (minbarra l-Ġermanja, l-Isvezja u r-Renju Unit), il-valur tal-limitu massimu fl-2013 se jkun daqs il-valur tal-limitu massimu fl-2012, li ġie adattat sabiex jitqiesu l-istimi għat-tindif mill-għeruq fl-għelieqi fl-2012 (total ta' madwar € 12 miljun għal Spanja, l-Italja, Franza, Greċja, l-Awstrija u l-Portugall) u t-trasferiment stmat tal-boroż tal-inbid (total ta' madwar € 160 miljun għal Greċja, Spanja, il-Lussemburgu, u Malta u r-Renju Unit) lejn l-iskema ta' pagament uniku. Għall-Ġermanja u għall-Isvezja, il-valur tal-limitu massimu fl-2013 se jkun il-valur tal-limitu massimu fl-2012, li miegħu jiżdiedu l-ammonti korrispondenti għat-trasferiment temporanju li sar għall-iżvilupp rurali għas-sena finanzjarja 2011 (l-Artikolu 136) (total ta' madwar € 52 miljun kemm għall-Ġermanja kif ukoll għall-Isvezja). Għar-Renju Unit, il-valur tal-limitu massimu fl-2013 se jkun il-valur tal-limitu massimu fl-2012, li miegħu jiżdied l-ammont korrispondenti għat-trasferiment totali li sar mill-modulazzjoni volontarja għall-iżvilupp rurali (madwar € 314 miljun).

Għall-Istati Membri tal-UE-10, il-valur tal-limitu massimu fl-2013 huwa aġġustat għall-ammonti allokati għall-iffinanzjar tal-appoġġ speċifiku skont it-termini tal-Artikolu 68, kif kien miftiehem fil-Verifika tas-Saħħa, flimkien mal-fondi mill-introduzzjoni gradwali (total ta' madwar € 550 miljun). Għall-Bulgarija u għar-Rumanija, is-sitwazzjoni fl-2013 se tkun l-istess bħal dik fl-2012 (jiġifieri mhux se jkun stabbilit limitu massimu).

4. Dixxiplina finanzjarja

Id-dispożizzjoni għad-dixxiplina finanzjarja attwali fiha rekwiżit li l-pagamenti diretti lill-bdiewa kollha jitnaqqsu jekk il-baġit ta' pilastru 1 nieqes marġni ta' € 300 miljun ikun previst li jinqabeż. Fil-perspettiva finanzjarja attwali, l-iskop tal-marġni hu li jservi bħala 'xibka ta' sigurtà' f'każ ta' xi bżonn mhux previst għal finanzjament addizzjonali. Fil-proposti tagħha għall-qafas finanzjarju multiannwali u għall-PAK għall-2014-2020, il-Kummissjoni qed tipproponi li jsir użu minn riżerva ta' kriżi ġdida biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet ta' finanzjament addizzjonali li jirriżultaw minn kriżi agrikola mhux mistennija. Biex ikun konformi ma' dawn il-proposti, l-abbozz tar-regolament ineħħi il-marġni ta' € 300 miljun għas-sena finanzjarja 2014.

Il-proposta żżid ukoll dispożizzjonijiet għall-Kummissjoni sabiex tadotta atti delegati li jiddisponu regoli dwar kif l-Istati Membri għandhom japplikaw l-aġġustament tad-dixxiplina finanzjarja fuq l-ammont ta' pagamenti li se jithallsu lill-bdiewa fl-2013.

Finalment, ir-rapporteur jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni ġiet ippreparata fuq il-premessa li l-ewwel tkun adottata l-proposta tal-allinjament COM(2010) 539 . Għalhekk din il-proċedura li għaddejja għandha titqies, possibilment permezz ta' emendi addizzjonali, fiż-żmien li kien adottat dan ir-rapport.

 

 

25.4.2012

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 dwar l-applikazzjoni ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa fir-rigward tas-sena 2013

( COM(2011)0630 – C7‑0337/2011 – 2011/0286(COD) )

Rapporteur: Giovanni La Via

 

 

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

 

Il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament dwar l-applikazzjoni ta' pagamenti diretti lill-bdiewa fir-rigward tas-sena 2013 intiża li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) 73/2009. Filwaqt li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 se jkompli japplika fl-2013, hemm xi dispożizzjonijiet finanzjarji fi ħdanu li se jibqgħu jgħoddu biss sal-2012. Barra minn hekk, is-sena kalendarja 2013 tikkorrispondi għas-sena finanzjarja 2014, u għalhekk taqa' fil-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid tal-2014-2020.

L-iskop tal-proposta tal-Kummissjoni hu li jiġu stabbiliti limiti massimi netti għall-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2013 sabiex tiġi żgurata kontinwità fil-livelli ta' pagamenti, filwaqt li jkun meqjus l-effett tal-introduzzjoni gradwali ta’ pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda u l-waqfien tal-modulazzjoni volontarja.

Il-proposti tal-Kummissjoni jistabbilixxu l-livell ta' pagamenti diretti mnaqqsa għall-bdiewa fl-2013, bl-istess rata applikabbli permezz tal-modulazzjoni obbligatorja fl-2012. Skont l-istruttura eżistenti, qed jintwera biċ-ċar li l-Istati Membri tal-UE-10 se jkollhom livell ta' aġġustament ta' 0 % għall-pagamenti bejn EUR 5,000 u EUR 300,000 u ta' 4 % għal ammonti ta' aktar minn EUR 300,000 fl-2013, filwaqt li l-aġġustament tal-Istati Membri UE-15 se jkun ta' 10 % għal ammonti ta' bejn EUR 5,000 u EUR 300,000 u ta' 14 % għal ammonti ta' aktar minn EUR 300,000. Ir-reġjuni l-aktar periferiċi, kif ukoll il-Bulgarija u r-Rumanija huma esklużi minn din ir-regola billi l-perjodu ta' introduzzjoni gradwali għadu ma tlestiex.

Minħabba l-fatt li s-sena finanzjarja 2013 taqa' fl-ambitu tal-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid tal-2014-2020 u b'hekk l-ammonti tal-iżvilupp rurali huma definiti, il-kunċett ta' modulazzjoni volontarja għandha titneħħa. Il-proposta tal-Kummissjoni tiddefinixxi wkoll l-ammont totali ta' pagamenti diretti li kull Stat Membru jista' jagħmel fl-2013. Fil-maġġorparti tagħhom, il-limiti massimi netti huma riportati mil-limiti massimi tal-2012, b'xi aġġustamenti fir-rigward tal-effetti tal-introduzzjoni gradwali u l-modulazzjoni volontarja.

Il-limitu massimu nett fl-2013 għall-Istati Membri tal-UE-15 għandu jkun daqs il-valur tal-limitu massimu nett fl-2012, b'aġġustamenti li jirriżultaw mit-tqaċċit fl-2012 u t-trasferiment ivvalutat tal-pakketti għas-settur tal-inbid għall-iskema ta' pagament uniku. Din id-dispożizzjoni tipprevedi eċċezzjoni għall-Ġermanja, l-Isvezja u r-Renju Unit. Fil-każ tal-Ġermanja u l-Isvezja, l-ammont li jikkorrispondi għat-trasferiment temporanju li sar għall-iżvilupp rurali fis-sena finanzjarja 2011 jiżdied mal-limitu massimu tal-2012. Fil-każ tar-Renju Unit, l-ammont li jikkorrispondi għat-trasferiment annwali li sar mill-modulazzjoni volontarja jiżdied mal-limitu massimu tal-2012. Għall-Istati Membri tal-UE-10, il-limitu massimu nett tal-2013 huwa aġġustat għall-ammonti impenjati permezz tal-appoġġ speċifiku, kif miftiehem fil-verifika tas-saħħa, flimkien mal-fondi għall-introduzzjoni gradwali.

Ir-rapporteur jixtieq li jkompli bl-istruttura finanzjarja eżistenti għas-sena 2013, biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-livelli ta' pagament. Barra minn hekk, id-dixxiplina finanzjarja attwali jeħtiġilha marġni minima ta' EUR 300 miljun bħala 'xibka tas-sigurtà' f'każijiet ta' avvenimenti mhux previsti li jeħtiġilhom finanzjament addizzjonali. Riżerva ġdida għall-kriżijiet tkun komplimetarja għal qafas multifinanzjarju ġdid, filwaqt li titneħħa r-regola ta' marġni ta' EUR 300 miljun għas-sena 2014.

Għalhekk, għar-raġunijiet msemmija hawn fuq, ir-rapporteur jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni kollha kemm hi.

 

*******

 

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, jipproponi li l-Parlament jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fejn jieħu f'idejh il-proposta tal-Kummissjoni.

 

PROĊEDURA

Titolu

Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 dwar l-applikazzjoni ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa fir-rigward tas-sena 2013

Referenzi

COM(2011)0630 – C7-0337/2011 – 2011/0286(COD)

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AGRI

25.10.2011

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

BUDG

25.10.2011

 

 

 

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Giovanni La Via

6.2.2012

 

 

 

Data tal-adozzjoni

25.4.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zuzana Brzobohatá, Jean-Luc Dehaene, Isabelle Durant, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Salvador Garriga Polledo, Jens Geier, Ivars Godmanis, Estelle Grelier, Carl Haglund, Lucas Hartong, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Ivailo Kalfin, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, George Lyon, Barbara Matera, Juan Andrés Naranjo Escobar, Vladimír Remek, Dominique Riquet, Potito Salatto, Helga Trüpel, Derek Vaughan

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Da Graça Carvalho, Derk Jan Eppink, Georgios Papastamkos, Paul Rübig

 

 

 

PROĊEDURA

Titolu

Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 dwar l-applikazzjoni ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa fir-rigward tas-sena 2013

Referenzi

COM(2011)0630 – C7-0337/2011 – 2011/0286(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

12.10.2011

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AGRI

25.10.2011

 

 

 

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE

25.10.2011

BUDG

25.10.2011

EMPL

25.10.2011

ENVI

25.10.2011

 

REGI

25.10.2011

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

DEVE

25.1.2012

EMPL

27.10.2011

ENVI

24.10.2011

REGI

27.2.2012

Rapporteur(s)

       Data tal-ħatra

Luis Manuel Capoulas Santos

26.9.2011

 

 

 

Eżami fil-kumitat

29.2.2012

 

 

 

Data tal-adozzjoni

8.5.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Liam Aylward, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Michel Dantin, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Robert Dušek, Hynek Fajmon, Iratxe García Pérez, Julie Girling, Béla Glattfelder, Sergio Gutiérrez Prieto, Martin Häusling, Esther Herranz García, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, George Lyon, Mairead McGuinness, Krisztina Morvai, Mariya Nedelcheva, James Nicholson, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Giancarlo Scottà, Czesław Adam Siekierski, Alyn Smith, Csaba Sándor Tabajdi, Janusz Wojciechowski

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, María Auxiliadora Correa Zamora, Spyros Danellis, Sandra Kalniete, Christa Klaß, Giovanni La Via, Petri Sarvamaa, Milan Zver

Data tat-tressiq

11.5.2012

 

 

[1] Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
[2] Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.