Dokument ta' sessjoni
12.7.2012
***I
RAPPORT
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 fir-rigward tal-farmakoviġilanza
( COM(2012)0051 – C7‑0034/2012 – 2012/0023(COD) )
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Linda McAvan
PR_AVC_COD_1am
Tifsira tas-simboli użati |
* Proċedura ta’ konsultazzjoni *** Proċedura ta’ approvazzjoni ***I Proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-ewwel qari) ***II Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tieni qari) (III) Proċedura leġiżlattiva ordinarja (it-tielet qari)
(It-tip ta’ proċedura jiddependi mill-bażi legali proposta mill-abbozz ta’ att.)
|
Emendi għal abbozz ta’ att |
Fl-emendi li jsiru mill-Parlament, it-test emendat huwa indikat b’tipa grassa u korsiva. Test korsiv normali huwa indikazzjoni għas-servizzi tekniċi li turi partijiet tal-abbozz ta’ att li għalihom qed tkun proposta korrezzjoni bl-iskop li tgħin fil-preparazzjoni tat-test finali (pereżempju, żbalji ovvji jew nuqqasijiet f’verżjoni lingwistika partikolari). Il-korrezzjonijiet proposti huma soġġetti għall-qbil tas-servizzi tekniċi involuti.
L-intestatura ta’ kwalunkwe emenda għal att eżistenti, li l-abbozz ta’ att ikollu l-ħsieb li jemenda, ikun fiha t-tielet u r-raba’ linji li jidentifikaw rispettivament l-att eżistenti u d-dispożizzjoni kkonċernata f’dak l-att. Il-partijiet li jittieħdu kif inhuma minn dispożizzjoni eżistenti li l-Parlament jixtieq jemenda, imma li l-abbozz ta’ att ma jkunx emenda, huma indikati b’tipa grassa. It-tħassir eventwali li jikkonċerna dawn il-partijiet jiġi indikat kif ġej: [...].
|
WERREJ
Paġna
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW 5
NOTA SPJEGATTIVA 11
PROĊEDURA 16
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 fir-rigward tal-farmakoviġilanza
( COM(2012)0051 – C7‑0034/2012 – 2012/0023(COD) )
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill ( COM(2012)0051 ),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikoli 114 u 168(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7–0034/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur ( A7-0164/2012 ),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1
Proposta għal regolament
Premessa 1
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(1) Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza rigward is-sorveljanza ta' prodotti mediċinali awtorizzati, il-lista ta' prodotti mediċinali suġġetti għal monitoraġġ addizzjonali, stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004, li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 1235/2010 għandha tinkludi b'mod sistematiku l-prodotti mediċinali li huma suġġetti għal kundizzjonijiet ta' sikurezza ta' wara l-awtorizzazzjoni. | (1) Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza rigward is-sorveljanza ta' prodotti mediċinali awtorizzati, il-lista ta' prodotti mediċinali suġġetti għal monitoraġġ addizzjonali, stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004, li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 1235/2010 għandha tinkludi b'mod sistematiku l-prodotti mediċinali li huma suġġetti għal ċerta kundizzjonijiet ta' sikurezza ta' wara l-awtorizzazzjoni. |
Emenda 2
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – punt 4
Regolament (KE) Nru 726/2004
Artikolu 23 – paragrafu 1 – punt c u d
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
(c) prodotti mediċinali li huma awtorizzati skont dan ir-Regolament suġġetti għall-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (c), (ca) u (cb) u (cc) tal-Artikolu 9(4) jew fl-Artikolu 10a, l-Artikolu 14(7) u (8) u l-Artikolu 21(2); | (c) prodotti mediċinali li huma awtorizzati skont dan ir-Regolament suġġetti għall-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (cb) u (cc) tal-Artikolu 9(4) jew fl-Artikolu 10a u l-Artikolu 14(7) u (8); |
(d) prodotti mediċinali awtorizzati skont id-Direttiva 2001/83/KE, suġġetti għall-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 21a, 22, 22a u 104a ta' dik id-Direttiva. | (d) prodotti mediċinali awtorizzati skont id-Direttiva 2001/83/KE, suġġetti għall-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (b), (c) u (f) tal-Artikolu 21a, jew l-Artikoli 22 u 22a ta' dik id-Direttiva. |
Ġustifikazzjoni
Il-lista ta' prodotti suġġetti għal sorveljanza addizzjonali għandha tinkludi biss prodotti suġġetti għall-kundizzjonijiet u t-tħassib l-aktar serji dwar is-sikurezza, għaliex inkella l-lista tkun twila wisq u titlef is-sens tagħha.
Għandha b'mod awtomatiku tinkludi l-prodotti ġodda kollha li fihom sustanzi attivi, kif ukoll il-bijoanalogi ġodda kollha, għall-ewwel ħames snin. Għandha awtomatikament tinkludi wkoll kwalunkwe prodott suġġett għal:
·PASS (kif kien il-każ għal Mediator)[1];
·PAES[2];
·regoli aktar stretti min-normal għar-rappurtar tal-ADR[3];
·"awtorizzazzjoni kundizzjonali tas-suq" (i.e. għal ħtieġa medika mhux issodisfata)[4];
·"awtorizzazzjoni eċċezzjonali tas-suq" (i.e. għal mard orfni)[5];
L-Istati Membri u l-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-PRAC, għandhom skont id-diskrezzjoni tagħhom jinkludu prodotti suġġetti għal kwalunkwe kundizzjoni.
Emenda 3
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – punt 4
Regolament (KE) Nru 726/2004
Artikolu 23 – paragrafu 1a (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| 1a. Meta ssir talba mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Farmakoviġilanza, prodotti mediċinali li huma awtorizzati skont dan ir-Regolament suġġett għall-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (c) u (ca) tal-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 21(2), jistgħu jiġu inklużi wkoll fil-lista. |
| Meta ssir talba minn awtorità kompetenti nazzjonali, wara konsultazzjoni mal-Kumitat dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Farmakoviġilanza, prodotti mediċinali awtorizzati skont id-Direttiva 2001/83/KE jistgħu, suġġett għall-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 21a, u l-Artikolu 104a ta' dik id-Direttiva, jistgħu jiġu inklużi wkoll fil-lista. |
Ġustifikazzjoni
Il-lista ta' prodotti suġġetti għal sorveljanza addizzjonali għandha tinkludi biss prodotti suġġetti għall-kundizzjonijiet u t-tħassib l-aktar serji dwar is-sikurezza, għaliex inkella l-lista tkun twila wisq u titlef is-sens tagħha.
Għandha b'mod awtomatiku tinkludi l-prodotti ġodda kollha li fihom sustanzi attivi, kif ukoll il-bijoanalogi ġodda kollha, għall-ewwel ħames snin. Għandha awtomatikament tinkludi wkoll kwalunkwe prodott suġġett għal:
·PASS (kif kien il-każ għal Mediator)[6];
·PAES[7];
·regoli aktar stretti min-normal għar-rappurtar tal-ADR[8];
·"awtorizzazzjoni kundizzjonali tas-suq" (i.e. għal ħtieġa medika mhux issodisfata)[9];
·"awtorizzazzjoni eċċezzjonali tas-suq" (i.e. għal mard orfni)[10];
L-Istati Membri u l-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-PRAC, għandhom skont id-diskrezzjoni tagħhom jinkludu prodotti suġġetti għal kwalunkwe kundizzjoni.
Emenda 4
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – punt 4
Regolament (KE) Nru 726/2004
Artikolu 23 – paragrafu 4
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
4. Għal prodotti mediċinali inklużi f'dik il-lista, is-sinteżi tal-karatteristiċi tal-prodott u l-fuljett tal-pakkett għandhom jinkludu d-dikjarazzjoni "Dan il-prodott mediċinali huwa suġġett għal monitoraġġ addizzjonali". Dik id-dikjarazzjoni għandha tkun preċeduta b’simbolu iswed li għandu jingħażel mill-Kummissjoni wara rakkomandazzjoni tal-Kumitat dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Farmakoviġilanza sat-2 ta’ Jannar 2012, u għandha tkun segwita b’sentenza spjegattiva standardizzata xierqa". | 4. Għal prodotti mediċinali inklużi f'dik il-lista, is-sinteżi tal-karatteristiċi tal-prodott u l-fuljett tal-pakkett għandhom jinkludu d-dikjarazzjoni "Dan il-prodott mediċinali huwa suġġett għal monitoraġġ addizzjonali". Dik id-dikjarazzjoni għandha tkun preċeduta b’simbolu iswed li għandu jingħażel mill-Kummissjoni wara rakkomandazzjoni tal-Kumitat dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Farmakoviġilanza sat-2 ta’ Lulju 2013, u għandu jkun segwit b’sentenza spjegattiva standardizzata xierqa". |
Ġustifikazzjoni
Din l-emenda tikkoreġi żball fl-abbozz tal-leġiżlazzjoni attwali. Il-PRAC mhux se titwaqqaf qabel Lulju 2012, u għalhekk 12-il xahar ta' skadenza għandhom jibdew minn din id-data.
Emenda 5
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – punt 4a (ġdid)
Regolament (KE) Nru 726/2004
Artikolu 67 – paragrafu 3 – subparagrafu 2a (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (4a) Fl-Artikolu 67(3), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin: |
| "B'deroga mill-Artikolu 70(1), ħlasijiet mitluba għal servizzi provduti mill-Aġenzija fir-rigward ta' attivitajiet relatati mal-farmakoviġilanza u mill-grupp ta' koordinazzjoni fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti tiegħu kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu speċifikati mill-Kummissjoni. |
| Għal dan l-għan il-Kummissjoni għandha, wara konsultazzjoni mal-Aġenzija, tadotta permezz ta' atti delegati, bi qbil mal-Artikolu 87ba, u suġġett għall-kondizzjonijiet tal-Artikoli 87c u 87d, miżuri li jissuplimentaw it-tielet subparagrafu fir-rigward tal-istruttura u l-livell ta' dawk il-ħlasijiet". |
Ġustifikazzjoni
Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijet il-ġodda relatati mal-farmakoviġilanza, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini jeħtieġ tingħata, b'mod urġenti, is-setgħa li timponi ħlasijiet fuq id-detenturi tal-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq għat-twettiq tal-kompiti tal-farmakoviġilanza.
Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat bi qbil mal-Artikolu 290 tat-TFUE sabiex tissupplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 67(3) fir-rigward ta' servizzi provduti mill-Aġenzija jew mill-grupp ta' koordinazzjoni fir-rigward tal-farmakoviġilanza.
Emenda 6
Proposta għal regolament
Artikolu 1, punt 4b (ġdid)
Regolament (KE) Nru 726/2004
Artikolu 87b – paragrafu 1a (ġdid)
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (4b) Fl-Artikolu 87b, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej: |
| "1a. Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 67(3) għandhom jingħataw lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Lulju 2012. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport, fir-rigward tas-setgħat delegati, mhux aktar tard minn 6 xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ 5 snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokahiex skont l-Artikolu 87c." |
Emenda 7
Proposta għal regolament
Artikolu 1 - punt 4c (ġdid)
Regolament (KE) Nru 726/2004
Article 87c - paragrafu 1
| |
Test propost mill-Kummissjoni | Emenda |
| (4c) L-Artikolu 87c(1) huwa sostitwit b'dan li ġej: |
| "1. Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 10b u l-Artikolu 67(3) tista’ tkun revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill." |
NOTA SPJEGATTIVA
Kuntest tar-Reviżjoni
F'Diċembru 2010, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar reviżjoni tar-regoli li jmexxu l-farmakoviġilanza fuq livell ta' UE billi adottaw id-Direttiva 2010/84/UE u r-Regolament 1235/2010. Din il-leġiżlazzjoni ġdida se tibda tapplika f'Lulju 2012. Ir-Rapporteur temmen li l-firxa ta' miżuri adottati f'din il-leġiżlazzjoni ġdida se twassal biex ikun hemm sikurezza mtejba tal-mediċini fil-livell ta' UE bit-tisħiħ tar-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) fil-ġbir u intervent fuq il-bażi ta' osservazzjoni ta' sinjal u fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.
Madankollu, l-iżvilupp ta' inkjesta ewlenija dwar is-sikurezza tal-mediċina fi Franza, il-każ 'Mediator' fl-2011 (ara hawn taħt), wassal għal sejħiet biex ikun hemm reviżjoni urġenti tas-sistemi tal-farmakoviġilanza fl-UE. Il-Kummissjoni Ewropea sussegwentement wettqet 'test tal-istress' dwar il-leġiżlazzjoni ta' Diċembru 2010 biex tidentifika kwalunkwe lezzjoni li wieħed seta' jieħu mill-każ Mediator. Ir-riżultat tat-test tal-istress wera li filwaqt li l-leġiżlazzjoni l-ġdida effettivament saħħet il-farmakoviġilanza fil-livell tal-UE, hemm xi nuqqasijiet potenzjali fis-sistema tal-UE li jeħtieġ jiġu indirizzati. Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi xi bidliet oħra għad-Direttiva 2010/84/UE u r-Regolament 1235/2010 biex tindirizza dan it-tħassib.
Ir-Rapporteur tittama li, fl-interes tas-saħħa pubblika, il-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim dwar dawn il-bidliet fl-ewwel qari sabiex kull bidla tkun tista' tiġi inkorporata fil-liġi qabel id-data ta' implimentazzjoni ta' Lulju 2012. Sabiex jintlaħaq ftehim malajr, ir-Rapporteur tixtieq tikkonċentra fuq emendi li qamu mil-lezzjonijiet li ttieħdu mill-każ Mediator u mhux li jinfetħu kwistjonijiet oħra. Ir-Rapporteur tixtieq tirringrazzja lix-shadow rapporteurs għall-kooperazzjoni tagħhom fuq il-materja.
Il-każ Mediator fi Franza
Mediator kienet mediċina ppreparata mill-kumpanija Franċiża Servier u kienet liċenzjata f'numru ta' pajjiżi tal-UE permezz tal-proċeduri nazzjonali (Franza, il-Portugall, il-Lussemburgu, il-Greċja, l-Italja u Spanja) biex tittratta d-dijabete tat-tip 2. L-ingredjent attiv ewlieni kien il-benfluorex u sa mill-1999, feġġew l-ewwel rapporti ta' reazzjoni avversa li indikaw tħassib dwar problemi fil-valvijiet tal-qalb. Kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fl-UE, sustanzi li jnaqqsu l-aptit -id-dexfenfluramine u l-fenfluramine - tneħħew mis-suq lejn l-aħħar tas-snin disgħin.
Minkejja dan, Mediator baqgħet tiġi użata b'mod frekwenti fl-Ewropa u partikolarment fi Franza. Sal-2009 meta d-droga kienet finalment imneħħija mis-suq, madwar 5miljun persuna kienu ingħataw din il-mediċina u kienet waħda mill-ewwel 50 mediċina l-aktar preskritta fi Franza. L-evidenza tissuġġerixxi li din kienet mogħtija bħala mediċina ġenerali biex tikkontrolla l-aptit aktar milli għad-dijabete. Il-kalkoli tan-numru ta' mwiet relatati ma' Mediator ivarjaw minn 500 għal 2000.
Nota ppreparata mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini f'Jannar 2011 turi li t-tħassib dwar il-Mediator u l-ingredjent attiv tagħha Benfluorex kienu diskussi mir-regolaturi f'diversi laqgħat f'livell Ewropew fuq perjodu ta' snin li jmur lura sal-1998. Fis-sena 2000, valutazzjoni tal-awtoritajiet Taljani rrakkomandat lid-Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq (MAH) iwettaq studju biex jeżamina dan it-tħassib, imma skont rapport tas-Senat Franċiż, minkejja li l-protokoll għall-istudju intlaħaq ftehim dwaru fi Frar 2011, l-istudju ma nbediex qabel l-2006 u ma tlestiex qabel l-2009. Fil-fatt, minkejja dan it-tħassib dokumentat kollu, l-ebda deċiżjoni ma ttieħdet biex Mediator jiġi riferut lil dak li kien il-Kumitat dwar il-Prodotti Mediċinali għall-Bniedem (CHMP) biex issir valutazzjoni xjentifika formali f'livell tal-UE, u dan ifisser li l-ebda azzjoni oħra ma ttieħdet mir-regolaturi. Fl-2003 il-kumpanija Servier, ħalliet il-liċenzja tal-kummerċjalizzazzjoni għall-benflurorex tiskadi kemm fi Spanja u kemm fl-Italja, imma skont ir-regoli attwali, deċiżjoni biex ma terġax tapplika għal liċenzja ma twassalx għal azzjoni investigattiva. Servier affermat li ma ġedditx għal raġunijiet kummerċjali u l-Istati Membri kienu biss infurmati dwar id-deċiżjoni permezz tal-pubblikazzjoni regolari tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) "Drug Monitor". Kien biss f'Novembru 2009 meta ħarġet evidenza ġdida fi Franza u wara li Franza ssospendiet l-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni li Mediator finalment ġiet riferuta lis-CHMP u l-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tagħha rtirata fl-UE.
Hemm diversi investigazzjonijiet kriminali għaddejjin fi Franza rigward Mediator, inkluż waħda minn prosekutur pubbliku li qed jinvestiga Servier dwar qerq u qtil involontarju.
Il-Kummissjoni ipproponiet bidliet għal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-farmakoviġilanza bħala risposta għal Mediator
It-testijiet tal-istress tal-Kummissjoni jissuġġerixxu li għalkemm sar progress kbir bis-sistema l-ġdida, jenħtieġu aktar bidliet biex tingħalaq kwalunkwe lacuna potenzjali.
·Proċedura urġenti awtomatika (Artikolu 107i, Direttiva) Il-leġiżlazzjoni tal-2010 diġà tispeċifika lista ta' fatturi li jistgħu jattivaw il-proċedura ta' urġenza (pereżempju jekk Stat Membru jirtira droga). imma l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni limitata dwar dan. Il-Kummissjoni issa qed tipproponi li tagħmel il-proċedura ta' urġenza waħda purament awtomatika.
·Fattur ġdid għall-proċedura ta' urġenza (Artikolu 107i, Direttiva) Jekk kumpaniji jiddeċiedu li ma japplikawx biex iġeddu liċenzja tal-kummerċjalizzazzjoni (kif kien il-każ għal Mediator), u jekk dan huwa minħabba raġunijiet ta' sikurezza dan iwassal biex tinbeda l-proċedura ta' urġenza.
·Kjarifika ta' obbligi ta' trasparenza fuq il-kumpaniji (Artikolu 123(2), Direttiva) Meta kumpaniji volontarjament jirtiraw droga jew ma jerġgħux japplikaw għal-liċenzja tal-kummerċjalizzazzjoni huma għandhom jiddikjaraw jekk dan ikunx seħħ minħabba tħassib dwar sikurezza. (Meta Servier ma reġgħetx applikat għal awtorizzazzjoni għal Mediator fl-Italja u fi Spanja, hi affermat li dan kien minħabba raġunijiet ta' kummerċ.)
·Lista aktar twila għal mediċini suġġetti għal sorveljanza addizzjonali (Artikolu 23, Regolament) Il-lista ta' drogi bis-"simbolu iswed" suġġetti għal sorveljanza addizzjonali għandha sistematikament tinkludi d-drogi kollha suġġetti għal xi tip ta' studju tas-sikurezza ta' wara l-awtorizzazzjoni (PASS), jew ċerta kundizzjonijiet jew rekwiżiti oħra. Fil-leġiżlazzjoni tal-2010, il-Kummissjoni oriġinarjament ipproponiet li kull droga suġġetta għal kundizzjonijiet partikolari għandha tkun ikklassifikata b'dan il-mod. Il-kunċett ta' "sorveljanza addizzjonali" hi għodda importanti biex tinkoraġġixxi l-pażjent "infurmat" u kuxjenza akbar fost il-professjonisti tal-kura tas-saħħa dwar il-ħtieġa għal aktar attenzjoni u sabiex jirrapurtaw l-ADRs. Din tista' sservi wkoll biex il-kumpaniji ma joqogħdux lura milli jwettqu studji ta' wara l-awtorizzazzjoni. Madankollu, matul in-negozjati dan ir-rekwiżit awtomatiku tneħħa u ddaħħal element ta' diskrezzjoni sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jżidu dawn id-drogi fuq il-bażi ta' każ b'każ. Kif imsemmi hawn fuq, Mediator kienet suġġetta għal PASS li ma twettaqx qabel l-2009, 8 snin wara li kien maqbul il-protokol dwar l-istudju.
Emendi addizzjonali mir-Rapporteur
Ir-Rapporteur taqbel mal-ispirtu ġenerali tal-proposti tal-Kummissjoni li jkomplu jsaħħu s-sistema tal-farmakoviġilanza fil-livell tal-UE. L-erba' emendi addizzjonali li qed ikunu proposti u li hemm spjega dettaljata wara kull artikolu jservu biex jiċċarraw il-kliem, jiżguraw li l-piż tax-xogħol tal-PRAC (Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju tal-Farmakoviġilanza) jibqa' maniġġabbli u jiżguraw li l-pazjenti u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa jkunu involuti b'mod sħiħ fil-farmakoviġilanza.
L-impatt leġiżlattiv: Proposti għal Regolament u Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-farmakoviġilanza ta' prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem.
Bħala Rapporteur tar-Rapporti tal-Parlament Ewropew dwar il-Farmakoviġilanza, Linda McAvan iltaqgħet ma' rappreżentanti, irċeviet mingħandhom, jew semgħet mingħand l-istess rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet u l-korpi li ġejjin:
Industrija |
|
Assoċjazzjoni Ewropea tal-Mediċini Ġeneriċi (EGA) |
Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi (EFPIA) |
EuropaBio |
Reckitt Benckiser |
Il-Kamra tal-Kummerċ Brittannika |
Novartis |
Sanofi-Aventis |
Sandoz International |
Servier |
Astro Zeneka |
Sidley Austin |
Teva |
|
Gruppi ta' Pazjenti, Professjonisti jew Konsumaturi |
|
Forum Ewropew tal-Pazjenti |
L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Konsumaturi (BEUC) |
Grupp Farmaċewtiku tal-Unjoni Ewropea (PGEU) |
Prescrire and International Society of Drug Bulletins (ISDB) |
Forum dwar il-Mediċini fl-Ewropa |
L-Alleanza tas-Saħħa Pubblika tal-UE (EPHA) |
|
Aġenziji Regolatorji tal-UE u Nazzjonali |
|
Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) |
Ir-Rappreżentanza Permanenti tar-Renju Unit għall-UE, u l-Aġenzija Regolatorja tal-Mediċini u l-Kura tas-Saħħa (MHRA) |
Rappreżentanza Permanenti Belġjana għall-UE, u l-Aġenzija Federali għall-Mediċini u l-Prodotti tas-Saħħa |
L-impatt leġiżlattiv: Proposti tal-2012 għal Regolament u Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-farmakoviġilanza ta' prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem.
Bħala Rapporteur tar-Rapporti tal-Parlament Ewropew dwar il-Farmakoviġilanza, Linda McAvan iltaqgħet ma' rappreżentanti, irċeviet mingħandhom, jew semgħet mingħand l-istess rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet u l-korpi li ġejjin:
Aġenziji Regolatorji tal-UE u Nazzjonali |
|
Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) |
Kummissjoni Ewropea |
Rappreżentanza Permanenti Daniża għall-UE, u l-Aġenzija Daniża għall-Mediċini u l-Prodotti tas-Saħħa |
PROĊEDURA
Titolu | Emenda tar-Regolament (KE) Nru 726/2004 rigward il-farmakoviġilanza | |||
Referenzi | COM(2012)0051 – C7-0034/2012 – 2012/0023(COD) | |||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE | 10.2.2012 |
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | ENVI 16.2.2012 |
|
|
|
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja | ITRE 16.2.2012 | IMCO 16.2.2012 |
|
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni | ITRE 27.2.2012 | IMCO 29.2.2012 |
|
|
Rapporteur Data tal-ħatra | Linda McAvan 20.12.2011 |
|
|
|
Eżami fil-kumitat | 22.3.2012 | 26.4.2012 |
|
|
Data tal-adozzjoni | 8.5.2012 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali | +: –: 0: | 50 0 0 | ||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali | Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Lajos Bokros, Martin Callanan, Nessa Childers, Chris Davies, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Cristina Gutiérrez-Cortines, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Jo Leinen, Peter Liese, Kartika Tamara Liotard, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Vladko Todorov Panayotov, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Dagmar Roth-Behrendt, Richard Seeber, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Marina Yannakoudakis | |||
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali | Margrete Auken, Nikos Chrysogelos, João Ferreira, Filip Kaczmarek, Toine Manders, Alojz Peterle, Christel Schaldemose, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Andrea Zanoni | |||
Data tat-tressiq | 12.7.2012 | |||